European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1704

18.6.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1704

tal-11 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/360 fir-rigward tal-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 (2) jispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-kalkolu, u l-modalitajiet tal-ħlas fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(2)

Fl-2018, kemm ir-rieżami tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni kif ukoll l-awditu tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (3) kkonkludew li s-sistema ta’ finanzjament tat-tariffi tal-ESMA hija kumplessa bla bżonn. Biex jiġi simplifikat il-ġbir tat-tariffi u jitnaqqsu r-riskji b’rabta mal-kalkolu skorrett jew l-allokazzjoni ineffiċjenti tat-tariffi, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza ta’ aspetti tekniċi fl-atti delegati differenti kollha dwar it-tariffi imposti mill-ESMA, meta xieraq u possibbli.

(3)

Biex tiġi koperta bis-sħiħ in-nefqa tal-ESMA relatata mas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li t-tariffi annwali għas-superviżjoni jiġu determinati fuq il-bażi tal-istima annwali tal-ispejjeż diretti kollha meħtieġa għall-kompiti superviżorji mwettqa mill-ESMA u ta’ tqassim raġonevoli tal-ispejjeż ġenerali fissi u varjabbli tal-ESMA.

(4)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-atti delegati dwar it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ESMA, u biex l-ESMA tkun tista’ tirċievi fi żmien debitu d-data tal-fatturat awditjat għall-istima tat-tariffi dovuti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA, jenħtieġ li s-sena ta’ referenza tal-kontijiet awditjati għad-determinazzjoni tal-fatturat applikabbli tkun ta’ sentejn qabel is-sena li għaliha l-ESMA timponi tariffi fuq ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(5)

Il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġi kkalkulat f’euro. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi speċifikat mekkaniżmu għall-konverżjoni f’euro tad-dħul iġġenerat f’muniti oħra.

(6)

It-tariffi annwali għas-superviżjoni jenħtieġ li jkunu ugwali għan-nefqa stmata relatata mas-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, kif inkluża fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena.

(7)

F’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (4), jenħtieġ li t-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu stabbiliti f’livell li jiżgura li tkun koperta l-ispiża sħiħa tas-servizzi pprovduti mill-ESMA u li jiġi evitat defiċit, iżda fl-istess ħin jevita l-akkumulazzjoni ta’ surplus sinifikanti. Meta riżultat baġitarju pożittiv jew negattiv sinifikanti jsir rikorrenti, jenħtieġ li jiġi rivedut il-livell tat-tariffi.

(8)

Biex jevita tariffa eċċessiva għas-superviżjoni fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, jenħtieġ li repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat iħallas tariffa inizjali għas-superviżjoni li l-ammont tagħha jenħtieġ li jkun proporzjonali għall-perjodu ta’ żmien f’dik l-ewwel sena li matulha jkun ġie rreġistrat ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(9)

L-ispiża amministrattiva b’rabta mat-tariffa għas-superviżjoni tal-ewwel sena għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat f’Diċembru mhijiex proporzjonata ma’ dik it-tariffa. Għalhekk, jenħtieġ li repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jkun irreġistrat f’Diċembru jiġi eżentat mir-rekwiżit li jħallas tariffa annwali għas-superviżjoni għas-sena li fiha jkun ġie rreġistrat dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(10)

Biex tiżgura l-konsistenza bejn l-atti delegati dwar it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ESMA, jenħtieġ li l-ESMA tikkalkula l-penali f’każ ta’ ħlasijiet tard f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-imgħax ta’ inadempjenza stabbiliti fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Biex tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tat-termini u l-proċessi tal-ħlas ta’ tariffi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġi determinat f’liema perjodu ta’ żmien, jew f’liema data, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom iħallsu fattura tal-ESMA għat-tariffi. Għat-tariffi annwali għas-superviżjoni, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat l-ammont u l-aħħar data li fiha l-ESMA għandha tibgħat il-fattura rilevanti lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(12)

Biex jiġi żgurat il-ħlas fil-ħin tat-tariffi għar-reġistrazzjoni u tat-tariffi għar-rikonoxximent, jenħtieġ li f’kull każ dawk it-tariffi jitħallsu fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.

(13)

Biex jiġu simplifikati aktar il-flussi tal-ħlas ta’ tariffi, u jiġi żgurat li l-ESMA jkollha l-fondi meħtieġa biex twettaq l-attivitajiet superviżorji ppjanati tagħha, jenħtieġ li t-tariffi annwali għas-superviżjoni jitħallsu f’pagament akkont uniku matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja li għaliha jkunu dovuti tali tariffi.

(14)

Biex tipprovdi żmien suffiċjenti u tiffaċilita l-proċessi ta’ approvazzjoni interna, jenħtieġ li l-ESMA tibgħat fatturi għall-ħlas tat-tariffi annwali għas-superviżjoni mill-inqas 30 jum kalendarju qabel id-data tal-ħlas rilevanti.

(15)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali għall-proċess ta’ ġbir ta’ tariffi li għaddej jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

(16)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/360 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2019/360

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/360 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Irkupru tal-ispejjeż kollha ta’ superviżjoni

It-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom ikopru:

(a)

l-ispejjeż diretti u indiretti kollha relatati mar-reġistrazzjoni u mas-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, inklużi dawk l-ispejjeż li jirriżultaw mir-rikonoxximent ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-estensjoni ta’ reġistrazzjoni jew mill-estensjoni ta’ rikonoxximent għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li diġà ġew irreġistrati jew rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

l-ispejjeż kollha għar-rimborż tal-ispejjeż diretti u indiretti tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu wettqu ħidma skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, u bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2365.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari (n) għandu jkun is-somma tal-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b), diviża bis-somma tal-ammonti msemmija fil-punti (c) u (d):

(a)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u taż-żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena (n–2);

(b)

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari determinat f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, kif applikabbli, abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena preċedenti (n–2);

(c)

id-dħul totali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha rreġistrati ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta’ ġbir u ta’ żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena (n–2);

(d)

id-dħul totali applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha rreġistrati determinat f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, kif applikabbli, abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena (n–2).”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jipprovdu lill-ESMA, fuq bażi annwali, il-kontijiet awditjati msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jippreżentaw dawk il-kontijiet lill-ESMA b’mezzi elettroniċi sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n–1).”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx opera matul is-sena sħiħa (n – 2), l-ESMA għandha tistma l-fatturat applikabbli tiegħu f’konformità mal-paragrafu 3 billi testrapola l-valur ikkalkulat għall-għadd ta’ xhur li matulhom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet opera fis-sena (n–2) għas-sena kollha (n–2).”

;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5.   Meta ma jkun disponibbli l-ebda kont awditjat għas-sena (n–2), l-ESMA għandha tuża l-kontijiet awditjati għas-sena (n–1).

6.   Meta d-dħul imsemmi fil-paragrafu 3 ikun irrappurtat f’munita oħra li ma tkunx l-euro, l-ESMA għandha tikkonverti dak id-dħul f’euro billi tuża r-rata tal-kambju medja tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu ġie rreġistrat id-dħul. Għal dan il-għan, l-ESMA għandha tuża’ r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.”

;

(3)

jitħassar l-Artikolu 3;

(4)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

it-tariffa annwali għas-superviżjoni totali għal sena partikolari (n) għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mas-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, kif inkluża fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fl-ebda każ repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ma għandu jħallas tariffa annwali għas-superviżjoni ta’ inqas minn EUR 30 000.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat għandu jħallas, fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu (“sena (n)”), tariffa inizjali għas-superviżjoni (“SF(n)”) ugwali għal li ġej:

Formula

fejn:

RF

=

it-tariffa għar-reġistrazzjoni kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 5;

k =

Formula

.

Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas it-tariffa għas-superviżjoni tal-ewwel sena wara li jkun ġie nnotifikat mill-ESMA li l-applikazzjoni tiegħu tkun irnexxiet u fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA. Madankollu, meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun irreġistrat matul ix-xahar ta’ Diċembru, dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma għandux ikun meħtieġ iħallas tariffa annwali għas-superviżjoni għas-sena li fiha jkun ġie rreġistrat.”

;

(5)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kull ħlas tard għandu jkun soġġett għall-imgħax ta’ inadempjenza stabbilit fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).”;"

(6)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   It-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandha tkun dovuta meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għandha titħallas kompletament fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.”

;

(7)

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni msemmija fl-Artikolu 6 għal sena partikolari (n) għandha titħallas f’pagament akkont uniku li għandu jkun dovut sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena li hija relatata magħha. It-tariffa annwali għas-superviżjoni ma għandhiex tiġi rimborżata.

2.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura li tispeċifika l-ammont tat-tariffa annwali għas-superviżjoni lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-inqas 30 jum kalendarju qabel id-data tal-ħlas.”

;

(8)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   It-tariffi għar-rikonoxximent imsemmija fl-Artikoli 7(1) u 7(2) għandhom jiġu dovuti meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għandhom jitħallsu kompletament fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.

L-ESMA ma għandhiex trodd lura t-tariffa għar-rikonoxximent.

2.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut għal sena partikolari (n) għandha titħallas sa tmiem it-tielet xahar tas-sena kalendarja li għaliha tkun dovuta tali tariffa. L-ESMA għandha tibgħat il-fattura li tispeċifika l-ammont tat-tariffa annwali għas-superviżjoni lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut mill-inqas 30 jum kalendarju qabel id-data tal-ħlas.”

;

(b)

jitħassar il-paragrafu 3.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2365/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 81, 22.3.2019, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/360/oj).

(3)  Il-Qorti tal-Awdituri, Rapport annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018 (ĠU C 417, 11.12.2019, p. 29 u p. 85).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/715/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1046/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1704/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)