52010PC0005

Proposta għal regolament tal-Kunsill (KE) Nru.../2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq (ippreżentata b’mod konġunt mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà) /* KUMM/2010/0005 finali - NLE 2010/0001 */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.1.2010

KUMM(2010)5 finali

2010/0001 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru.../2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

(ippreżentata b’mod konġunt mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Iraq, skont il-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1483(2003). Fost affarijiet oħra, ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 għamel arranġamenti speċifiċi dwar pagamenti għal esportazzjonijiet Iraqini ta' żejt mhux raffinat, prodotti ta' żejt mhux raffinat u gass naturali u dwar l-immunità minn proċedimenti legali għal xi assi Iraqini, fl-Artikoli 2 u 10 tiegħu, rispettivament.

2. Bir-Riżoluzzjoni 1790 tat-18 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda, fost affarijiet oħra, li dawn l-arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu applikati sal-31 ta’ Diċembru 2008. Skont din il-Pożizzjoni Komuni 2008/186/PESK, ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 ġie emendat f'dan is-sens permezz tar-Regolament (KE) Nru 195/2008.

3. Bir-Riżoluzzjoni 1859 tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda, kif mitlub mill-Iraq, li jestendi l-arranġamenti speċifiċi sal-31 ta’ Diċembru 2009. Skont din il-Pożizzjoni Komuni 2009/175/PESK, ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 ġie emendat f'dan is-sens permezz tar-Regolament (KE) Nru 175/2009.

4. Bir-Riżoluzzjoni 1905 tal-21 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda, kif mitlub mill-Iraq, li jestendi l-arranġamenti speċifiċi sal-31 ta’ Diċembru 2010. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/…/PESK, ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 għandu b’hekk jiġi emendat f'dan is-sens.

2010/0001 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru.../2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2010/…/PESK li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq[1],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

5. Skont ir-Riżoluzzjoni 1483(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96[2], għamel arranġamenti speċifiċi dwar pagamenti għal żejt mhux raffinat, prodotti ta' żejt mhux raffinat u gass naturali esportati mill-Iraq, filwaqt li l-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament għamel arranġamenti speċifiċi dwar l-immunità mill-proċedimenti legali ta' xi assi Iraqini. Dawn l-arranġamenti speċifiċi applikaw sal-31 ta’ Diċembru 2008.

6. Ir-Riżoluzzjoni 1859(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiddikjara li ż-żewġ arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2009. Skont din il-Pożizzjoni Komuni 2009/175/PESK, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 ġie emendat f'dan is-sens permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 175/2009.

7. Ir-Riżoluzzjoni 1905(2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiddikjara li ż-żewġ arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu estiżi aktar sal-31 ta’ Diċembru 2009. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/…/PESK huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi emendat f'dan is-sens.

8. Biex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-Artikoli 2 u 10 għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2010.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

[1] ĠU L … , … 2010, p. .. .

[2] ĠU L 169, 8.7.2003, p.6.