SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 7(1) – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Setgħat u obbligi tal-qorti nazzjonali – L-ewwel rimedju ġudizzjarju eżerċitat mill-konsumatur quddiem il-qorti tas-sede tal-bejjiegħ jew fornitur mingħajr l-assistenza ta’ avukat u mingħajr parteċipazzjoni ta’ dan il-konsumatur fit-trattazzjonijiet – It-tieni rimedju ġudizzjarju eżerċitat mill-konsumatur quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu bl-assistenza ta’ avukat – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur”

Fil-Kawża C‑178/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureș, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

ERB New Europe Funding II

vs

YI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec, Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal ERB New Europe Funding II, minn A. M. Lefter, avocată,

–

għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tat-tlieta u għoxrin premessa tagħha kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ERB New Europe Funding II (iktar ’il quddiem “ERB”), kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn, u YI, konsumatur, dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-kliem tat-tlieta u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; billi din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali;

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi […]”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Rumen

Il‑Liġi Nru 193/2000 dwar il‑Klawżoli Inġusti fil‑Kuntratti Konklużi Bejn Bejjiegħa jew Fornituri u Konsumaturi

5

L-Artikolu 1 tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniști și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi Bejn Bejjiegħa jew Fornituri u Konsumaturi), tas‑6 ta’ Novembru 2000 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 543 tat‑3 ta’ Awwissu 2012), jipprevedi:

“1.   Kull kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għall-bejgħ ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi għandu jkollu klawżoli kuntrattwali ċari, mhux ekwivoċi u li ma jeħtiġux għarfien speċifiku sabiex jinftiehmu.

2.   Fil-każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, dawn tal-aħħar għandhom jiġi interpretati favur il-konsumatur.

3.   Il-bejjiegħa jew fornituri huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.”

6

L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata direttament mal-konsumatur hija meqjusa li hija inġusta jekk, ikkunsidrata b’mod iżolat jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt, toħloq, bi ħsara għall-konsumatur jew b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.”

7

L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Il-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratt u kkonstatati jew personalment, jew permezz tal-organi legalment awtorizzati, ma għandhomx jipproduċu effetti fil-konfront tal-konsumatur, u l-kuntratt għandu jibqa’ fis-seħħ, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, biss jekk dan ikun għadu possibbli wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżoli.”

Il-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

8

L-Artikolu 431 tal-Legea nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă (il-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tal‑1 ta’ Lulju 2010 (ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 247 tal‑10 ta’ April 2015), intitolat “L-effetti tal-awtorità ta’ res judicata”, jipprevedi:

“1.   Ħadd ma jista’ jiġi mħarrek darbtejn fl-istess kwalità, għall-istess kawża u fir-rigward tal-istess suġġett.

2.   Kull waħda mill-partijiet tista’ topponi l-awtorità ta’ res judicata f’kawża oħra, jekk din l-awtorità tkun relatata mar-riżoluzzjoni ta’din tal-aħħar.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

9

Fil‑25 ta’ Lulju 2007, YI, fil-kwalità tiegħu ta’ konsumatur, ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu mal-istituzzjoni ta’ kreditu Bancpost S.A. București.

10

Fl‑10 ta’ Mejju 2018, YI, mingħajr ma kien assistit minn avukat, adixxa lill-Judecătoria Sectorului 2 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tat‑2 Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), qorti tas-sede tal-bejjiegħ jew fornitur, b’rikors (iktar ’il quddiem l-“ewwel proċedura ġudizzjarja”) intiż sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li jinsabu f’dan il-kuntratt. Dan ir-rikors, li kien jirrigwarda l-klawżoli tal-imsemmi kuntratt dwar il-kummissjonijiet għall-għoti u għall-ġestjoni tas-self, il-possibbiltà unilaterali tal-bejjiegħ jew fornitur li jbiddel ir-rati tal-interessi kuntrattwali, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż l-oħra tas-self kif ukoll il-kummissjoni għal rimbors antiċipat, kien dirett kontra ERB, kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn, li lilha kien ġie ttrasferit id-dejn tal-istess kuntratt.

11

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2018, li d-data tan-notifika tagħha lill-partijiet ma hijiex magħrufa, din il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors bħala infondat (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ġudizzjarja”). Peress li YI ma appellax minn din is-sentenza, din saret definittiva.

12

Fl‑14 ta’ Awwissu 2019, YI, li din id-darba kien irrappreżentat minn avukat, ippreżenta rikors quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu, il-Judecătoria Sighișoara (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sighișoara, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem it-“tieni proċedura ġudizzjarja”). Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra l-istess konvenuta bħal dik inkwistjoni fil-kuntest tal-ewwel proċedura ġudizzjarja u kien jirrigwarda, fil-parti l-kbira, l-istess klawżoli kuntrattwali bħal dawk imsemmija fil-punt 10 tas-sentenza preżenti. B’mod iktar partikolari, kienu inkwistjoni l-klawżoli kuntrattwali li jikkonċernaw il-kummissjonijiet għall-għoti u għall-ġestjoni ta’ kull xahar tiegħu, kif ukoll dik li tikkonċerna r-rata perċentwali annwali ta’ ħlas.

13

Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, din il-qorti laqgħet l-imsemmi rikors.

14

ERB appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul Specializat Mureș (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureș, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ April 2021, din il-qorti laqgħet l-ilmenti ta’ ERB f’dak li jikkonċerna l-kummissjoni għall-ġestjoni tas-self, filwaqt li kkonfermat in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra msemmija fil-punt 12 tas-sentenza preżenti.

15

Peress li l-imsemmija qorti ma tatx deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata tal-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja, ERB ippreżentat rikors straordinarju għal reviżjoni quddiem l-istess qorti. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq motiv ibbażat fuq l-ommissjoni mill-qorti tal-appell li teżamina l-eċċezzjoni proċedurali tal-awtorità ta’ res judicata, invokata minn ERB.

16

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors straordinarju, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-mod kif għandhom jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-konsumatur u l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Hija tippreċiża li, skont l-informazzjoni li hija għandha, jidher li, fil-kuntest tal-ewwel proċedura ġudizzjarja, YI, li ma ġiex assistit minn avukat, ma kellux l-għarfien xieraq sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mis-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, YI ressaq kawża quddiem qorti tas-sede tal-bejjiegħ jew fornitur, filwaqt li seta’ jressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti tad-domiċilju tiegħu stess. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-konsumatur ma pparteċipax fit-trattazzjonijiet quddiem il-Judecătoria Sectorului 2 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tat-Tieni Distrett ta’ Bukarest) u li, minn meta ġie assistit minn avukat, in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni ġiet ikkonfermata, fil-parti l-kbira, minn żewġ qrati distinti.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Mureș (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureș) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], [moqri] fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tlieta u għoxrin premessa tal-preambolu ta’ din id-direttiva u tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludux il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li teżamina suspetti dwar in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali stipulati f’kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, anki meta jkunu diġà ġew eżaminati minn qorti nazzjonali oħra fil-kuntest ta’ proċedura tal-ewwel istanza fuq talba tal-konsumatur li ma pparteċipax fid-dibattiti u li ma kienx debitament assistit jew irrappreżentat minn avukat, u meta dawn is-suspetti ġew irrifjutati permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti li ma kinitx ikkontestata mill-konsumatur, u li għalhekk, fid-dritt proċedurali nazzjonali kisbet awtorità ta’ res judicata, jekk miċ-ċirkustanzi partikolari tat-tilwima jirriżulta b’mod plawżibbli u raġonevoli li dan il-konsumatur ma użax ir-rimedju f’din l-ewwel proċedura minħabba l-għarfien jew l-informazzjoni limitati tiegħu?”

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

18

Minn naħa, ERB issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li la huwa neċessarju u lanqas opportun li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda prinċipalment is-sistema tal-awtorità ta’ res judicata fid-dritt proċedurali ċivili Rumen u mhux fid-dritt tal-Unjoni.

19

Min-naħa l-oħra, mingħajr ma jqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern Rumen jirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-klawżoli kuntrattwali eżaminati fl-ewwel u fit-tieni proċedura ġudizzjarja humiex identiċi. Jekk dawn il-klawżoli jirriżultaw li huma differenti, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma japplikax f’dan il-każ.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary, C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary, C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fir-rigward tal-argumenti ta’ ERB, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, li tinterpreta d-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex permess, abbażi tad-Direttiva 93/13, li tidderoga, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata.

23

Fir-rigward tad-dubji tal-Gvern Rumen dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, hija, fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa jekk u sa fejn il-klawżoli kuntrattwali eżaminati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni proċedura ġudizzjarja huma identiċi.

24

Peress li l-istħarriġ tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari huwa limitat għan-nuqqas ta’ osservanza manifest tar-rekwiżiti msemmija fil-punt 20 tas-sentenza preżenti u peress li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod manifest li dawn ir-rekwiżiti ma ġewx osservati fil-każ ineżami, ma jistax jiġi dedott, mill-assenza possibbli ta’ identiċità kompleta bejn il-klawżoli kuntrattwali eżaminati fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

25

Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Raiffeisen Bank, C‑176/23, EU:C:2024:443, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Raiffeisen Bank, C‑176/23, EU:C:2024:443, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi prinċipalment dwar il-konformità tal-iżvolġiment konkret tal-ewwel proċedura ġudizzjarja mad-Direttiva 93/13 u, konsegwentement, tistaqsi jekk, fid-dawl tal-mod kif żvolġiet din il-proċedura tal-aħħar, qorti nazzjonali oħra tistax, minkejja l-awtorità ta’ res judicata li għandha l-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja, teżamina sussegwentement in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Fir-rigward ta’ din l-ewwel proċedura, il-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari li l-konsumatur għażel il-forum tal-bejjiegħ jew tal-fornitur sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu, li ma ġiex assistit minn avukat matul din il-proċedura, li huwa ma pparteċipax fit-trattazzjonijiet u li ma appellax mill-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja fi żmien xieraq.

29

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-erba’ u għoxrin premessa tagħha, tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti nazzjonali teżamina n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta dawn il-klawżoli jkunu diġà ġew eżaminati minn qorti nazzjonali oħra li d-deċiżjoni tagħha jkollha l-awtorità ta’ res judicata jekk, quddiem din l-ewwel qorti, il-konsumatur ma jkunx ġie assistit minn avukat, ma jkunx ipparteċipa fit-trattazzjonijiet u ma jkunx għamel użu minn rimedju li kien disponibbli għalih minħabba l-għarfien jew l-informazzjoni limitata tiegħu.

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erba’ u għoxrin premessa tagħha, jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, b’tali mod li dawn jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix, fil-prinċipju, fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, din għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli quddiem id-diversi qrati nazzjonali (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għaldaqstant, għalkemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-qorti nazzjonali li tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, l-uniku wieħed imsemmi fid-domanda preliminari, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jinvolvi, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan ir-rekwiżit japplika, b’mod partikolari, għall-modalitajiet proċedurali relatati mal-kawżi ġudizzjarji bbażati fuq drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fil-każ ineżami, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw prinċipalment il-konformità tal-iżvolġiment konkret tal-ewwel proċedura ġudizzjarja mad-Direttiva 93/13 u mhux tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Fil-fatt, ebda element li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati mill-konsumaturi intiżi sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża li tagħti lill-konsumaturi jew li tippreġudika, għal raġuni oħra, l-effett utli tad-Direttiva 93/13, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq eżami ex officio tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali huwa ġġustifikat min-natura u mill-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi b’tali mod li stħarriġ effikaċi tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif meħtieġ mid-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ggarantit jekk l-awtorità ta’ res judicata tintrabat mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma jistabbilixxux tali stħarriġ (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 50).

39

Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li din il-protezzjoni tkun żgurata jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konstatazzjoni li, matul l-ewwel proċedura ġudizzjarja, il-qorti kompetenti tkun wettqet l-istħarriġ tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat u li dan l-eżami, motivat tal-inqas fil-qosor, ma jkun wera l-eżistenza ta’ ebda klawżola inġusta u li l-konsumatur ikun ġie debitament informat li, fl-assenza ta’ appell fit-terminu stabbilit mid-dritt nazzjonali, ikun prekluż milli jinvoka sussegwentement in-natura possibbilment inġusta ta’ dawn il-klawżoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 51).

40

Fil-fatt, l-eżitu sfavorevoli ta’ stħarriġ effettiv tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi element li jista’ jikkontesta l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

41

Bl-istess mod, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 28 tas-sentenza preżenti ma jimplikawx neċessarjament li l-ewwel proċedura ġudizzjarja ma kinitx f’pożizzjoni li tiggarantixxi stħarriġ adegwat tal-klawżoli kuntrattwali allegatament inġusti u li tiżgura, konsegwentement, protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-konsumatur, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, aspett li madankollu għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, din il-qorti għandha tivverifika li l-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja ġiet debitament innotifikata lill-konsumatur bl-indikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji li huwa kellu u li ma kinux jeżistu raġunijiet partikolari oħra marbuta mal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li setgħu jipprekludu jew jiddisswadu lill-konsumatur milli jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet proċedurali tiegħu.

42

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-erba’ u għoxrin premessa tagħha, tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali teżamina n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, meta dawn il-klawżoli jkunu diġà ġew eżaminati minn qorti nazzjonali oħra li d-deċiżjoni tagħha jkollha l-awtorità ta’ res judicata, inkluż jekk, quddiem din l-ewwel qorti, il-konsumatur ma kienx assistit minn avukat, ma pparteċipax fit-trattazzjonijiet u ma għamilx użu minn rimedju li kien disponibbli għalih, sakemm din id-deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata lill-konsumatur bl-indikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji li huwa kellu u li ma jeżistux raġunijiet partikolari oħra marbuta mal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li setgħu jipprekludu jew jiddisswadu lill-konsumatur milli jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet proċedurali tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri fid-dawl tal-erba’ u għoxrin premessa tagħha, tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jobbligax lil qorti nazzjonali teżamina n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, meta dawn il-klawżoli jkunu diġà ġew eżaminati minn qorti nazzjonali oħra li d-deċiżjoni tagħha jkollha l-awtorità ta’ res judicata, inkluż jekk, quddiem din l-ewwel qorti, il-konsumatur ma kienx assistit minn avukat, ma pparteċipax fit-trattazzjonijiet u ma għamilx użu minn rimedju li kien disponibbli għalih, sakemm din id-deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata lill-konsumatur bl-indikazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji li huwa kellu u li ma jeżistux raġunijiet partikolari oħra marbuta mal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li setgħu jipprekludu jew jiddisswadu lill-konsumatur milli jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet proċedurali tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.