Brussell, 17.12.2019

COM(2019) 636 final

2019/0279(NLE)

eTIR Package

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR 1 (“il-Konvenzjoni TIR”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi li jikkonċernaw l-introduzzjoni tal-bażi ġuridika għall-proċedura elettronika TIR (eTIR).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-Konvenzjoni TIR”) għandha l-għan li tiffaċilita l-ġarr internazzjonali ta’ oġġetti minn uffiċċji doganali tat-tluq lejn uffiċċji doganali tad-destinazzjoni u minn ġol-pajjiżi kollha meħtieġa.

Il-Konvenzjoni TIR daħlet fis-seħħ fl-1978. Minn Jannar 2019, hemm 76 parti għall-Konvenzjoni, li jinkludu 75 stat u l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ilha parti għall-Konvenzjoni TIR 2 mill-20 ta’ Ġunju 1983. L-Istati Membri kollha huma wkoll partijiet għall-Konvenzjoni TIR.

2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni TIR. Ir-rwol tiegħu huwa li jikkunsidra u jadotta emendi għall-Konvenzjoni TIR. Issir votazzjoni rigward il-proposti u kull Stat, li huwa parti u jiġi rrappreżentat f’sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed. L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fil-qasam tad-dwana regolata mill-Konvenzjoni TIR. Madankollu, l-Unjoni, bħala orgnaizzazzjoni internazzjonali, m’għandhiex drittijiet tal-vot; l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti bi drittijiet tal-vot.

L-emendi għall-Konvenzjoni TIR jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw. Biex tittieħed deċiżjoni, huwa meħtieġ kworum li jikkonsisti minn mhux inqas minn terz tal-Istati li huma partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

Fis-sessjoni ta’ Frar 2020, il-Kumitat Amministrattiv huwa probabbli li jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni TIR (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jipprovdi l-bażi ġuridika meħtieġa għall-proċedura eTIR. Din il-bażi ġuridika se tkun magħmula minn Anness 11 ġdid tal-Konvenzjoni TIR u minn diversi emendi relatati mal-korp u l-Anness 9 tal-Konvenzjoni.

L-att previst se jkun vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni TIR li jipprevedi: “Ħlief kif inhu pprovdut fl-Artikolu 60, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ rigward il-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni tal-emenda proposta, fejn matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. Jekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u m’għandu jkollha l-ebda effett.”

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1 Deskrizzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni TIR

Billi l-Konvenzjoni TIR taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tadotta pożizzjoni komuni għall-Istati Membri kollha tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni TIR dwar l-emendi proposti tagħha. Id-deċiżjoni li trid tittieħed hija jekk tintrabatx jew le mal-Anness 11 il-ġdid propost li huwa mmirat li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-possibbiltà li tintuża proċedura elettronika TIR minflok il-Carnet TIR tal-karta. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, anki jekk l-Unjoni ddeċidiet li tkun marbuta bl-Anness 11 il-ġdid propost, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha xorta jkollhom il-flessibilità li jiddeċiedu meta jgħaqqdu s-sistemi tal-IT tagħhom mas-sistema eTIR ospitata min-Nazzjonijiet Uniti.

Hawn taħt hawn spjegazzjoni dettaljata tal-kontenut tal-Anness 11 il-ġdid propost kif ukoll tal-bidliet proposti għall-korp tal-Konvenzjoni TIR li huma konsegwenza tal-introduzzjoni tal-Anness 11 il-ġdid propost.

Artikoli tal-Konvenzjoni relatati mal-Anness 11

L-Anness 11 il-ġdid ma jistax jiġi implimentat mingħajr ma jiġu emendati l-korp u l-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR.

Il-proposta għal paragrafu (s) ġdid f’Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR ġiet elaborata sabiex tagħti definizzjoni tal-“proċedura eTIR” li hija proċedura TIR, implimentata permezz ta’ skambju elettroniku ta’ data, li tipprovdi l-ekwivalenti funzjonali għall-Carnet TIR. Dan l-Artikolu jistipula wkoll li l-“proċedura TIR” hija definita legalment fl-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR.

Il-proposta għal emenda tal-paragrafu b) tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni TIR hija meħtieġa sabiex tispeċifika li t-trasport TIR li jitwettaq mill-proċedura eTIR irid ikun garantit minn assoċjazzjoni awtorizzata.

Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni TIR għandha l-għan li tqis in-nota ta’ Spjegazzjoni l-ġdida fil-Parti II tal-Anness 11, li tinterpreta ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u tal-Annessi tagħha. Din l-emenda tista’ titqies bħala waħda ta’ natura editorjali.

Il-proposta għal kwart ġdid fl-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni TIR ġiet elaborata biex jiġi stabbilit il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni. Dan il-korp se jkun responsabbli għall-adozzjoni u l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali u funzjonali adottati mill-Kumitat Amministrattiv.

Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 59, għal Artikolu 60 bis ġdid u għal emenda tal-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni TIR tinkludi l-proċedura għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 u ta’ emendi futuri. L-Anness 11 għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha ħlief għal dawk li se jinnotifikaw in-nonaċċettazzjoni tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk, dan se jwassal għal sitwazzjoni fejn xi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni TIR se jkunu marbuta b’dan l-Anness il-ġdid u oħrajn le.

Il-proposta għal subparagrafu (xi) ġdid f’paragrafu 3 tal-Parti I tal-Anness 9 toħloq dazju ġdid għall-assoċjazzjonijiet awtorizzati f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ riżerva waqt proċedura eTIR. Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, l-assoċjazzjonijiet se jkollhom jikkonfermaw li t-trasport jitwettaq skont il-proċedura eTIR, li l-garanzija hija valida u jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-trasport TIR.

L-Anness 11 il-Ġdid

L-ewwel parti tal-Anness 11 hija komposta minn erbatax-il Artikolu li jiddeskrivu fid-dettall il-funzjonament tal-proċedura eTIR futura.

L-Artikolu 1 jenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw biss għall-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 kif previst fil-paragrafu 1 il-ġdid tal-Artikolu 60 bis tal-Konvenzjoni TIR u li l-proċedura eTIR ma tistax tintuża għal trasporti li jseħħu parzjalment fit-territorju ta’ Parti Kontraenti li mhijiex marbuta bl-Anness 11 u li hija Stat Membru ta’ unjoni doganali jew ekonomika b’territorju doganali wieħed.

L-Artikolu 2 jipprovdi għad-definizzjonijiet meħtieġa sabiex is-sistema eTIR il-ġdida tiġi deskritta b’mod korrett. F’dan l-artikolu, qiegħda tiġi pprovduta d-definizzjoni tat-termini li ġejjin: “sistema internazzjonali TIR”, “speċifikazzjonijiet TIR”, “data TIR bil-quddiem”, “data dwar emendi bil-quddiem”, “data ta’ dikjarazzjoni”, “dikjarazzjoni”, “dokument ta’ akkumpanjament” u “awtentikazzjoni”.

In-Noti ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu (h) tal-Artikolu 2 jenfasizzaw li sakemm jiġi stabbilit u deskritt approċċ armonizzat fl-ispeċifikazzjonijiet eTIR, il-Partijiet Kontraenti se jkollhom ċerta flessibbiltà biex jawtentikaw lid-detentur tal-proċedura eTIR skont il-liġi nazzjonali tagħhom. Huma jiddikjaraw ukoll li s-sigurtà tad-data skambjata bejn is-sistema internazzjonali eTIR u l-awtoritajiet kompetenti se tiġi żgurata kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eTIR.

L-Artikolu 3 jittratta l-implimentazzjoni konkreta tas-sistema eTIR li teħtieġ li l-Partijiet Kontraenti jgħaqqdu s-sistemi tal-IT tagħhom mas-sistema Internazzjonali eTIR. Madankollu, dan l-artikolu, f’konformità mal-formulazzjoni proposta mill-Unjoni, jagħti lill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 il-flessibbiltà li jistabbilixxu sa liema data s-sistemi doganali tagħhom ikunu konnessi mas-sistema internazzjonali eTIR. Dan il-punt huwa kruċjali għall-Unjoni għaliex se jkollu impatt fuq is-sistemi tal-IT Doganali tal-Istati Membri kollha u fuq il-komponenti ċentrali ospitati mill-Kummissjoni Ewropea (u l-ispeċifikazzjonijiet komuni tas-sistema tal-UE). Bħala konsegwenza, anke jekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu marbuta bl-Anness 11 u kellhom vuċi fl-emendi futuri tagħha, dawn ikunu liberi li jagħżlu meta jgħaqqdu s-sistemi tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR il-ġdida.

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tirrakkomanda lill-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 li s-sistemi doganali nazzjonali tagħhom jiġu aġġornati u l-konnessjonijiet tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR jiġu żgurati hekk kif l-Anness 11 jidħol fis-seħħ. Madankollu, f’konformità mat-talba magħmula mill-Unjoni, din tħalli lill-unjonijiet doganali jew ekonomiċi l-flessibbiltà li jiddeċiedu aktar tard, u b’hekk ikollhom żmien biex jgħaqqdu s-sistemi doganali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-kompożizzjoni, il-funzjonijiet u d-dispożizzjonijiet għar-regoli ta’ proċedura tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni l-ġdid stabbilit mill-kwart il-ġdid tal-Artikolu 58 tal-Konvenzjoni TIR. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 biss se jkunu membri ta’ dan il-korp. Il-Partijiet Kontraenti li m’aċċettawx l-Anness 11 jistgħu biss jattendu sessjonijiet tal-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni bħala osservaturi.

L-Artikolu 5 jispjega kif il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni l-ġdid se jħejji għall-adozzjoni u l-emenda tal-ispeċifikazzjoni kunċettwali u funzjonali tas-sistema internazzjonali eTIR mill-Kumitat Amministrattiv. Dan l-artikolu jispeċifika wkoll kif il-Korp Tekniku ta’ Implimentazzjoni jipprepara u jadotta jew jemenda l-ispeċifikazzjoni teknika tal-proċedura eTIR f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kunċettwali u funzjonali.

L-Artikolu 6 jiddeskrivi s-sottomissjoni tad-data TIR bil-quddiem. Din id-data se tiġi ppreżentata minn operaturi bil-quddiem b’mezzi elettroniċi. L-awtoritajiet kompetenti se jkollhom jippubblikaw il-lista tal-mezzi elettroniċi kollha li bihom jistgħu jiġu ppreżentati d-data TIR u d-data dwar emendi bil-quddiem. Dan l-artikolu għandu jinqara b’konnessjoni mal-abbozz tal-Artikolu 9 tal-Anness 11 li jiddeskrivi kif rekwiżiti addizzjonali tad-data, imposti mil-leġiżlazzjoni, jistgħu jiżdiedu mad-dejta TIR bil-quddiem. Barra minn hekk, dan l-artikolu jistipula li l-Partijiet Kontraenti għandhom jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ data addizzjonali bħal din flimkien mad-dejta TIR bil-quddiem.

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 tirrakkomanda lill-Parti Kontraenti marbuta bl-Anness 11 li tirrikonoxxi l-metodi indikati fl-ispeċifikazzjonijiet biex tiġi ppreżentata d-data TIR bil-quddiem.

L-Artikolu 7 jiddefinixxi l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi awtentikat id-detentur, jew ir-rappreżentant tiegħu, li jippreżenta d-data TIR bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11 se jkollhom jaċċettaw id-data tad-dikjarazzjoni li jirċievu mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq u tal-pajjiż li fih tintalab emenda għad-data tad-dikjarazzjoni permezz tas-sistema internazzjonali eTIR.

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tad-data TIR bil-quddiem jew tal-emenda bil-quddiem mibgħuta mid-detentur.

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 7 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tad-data tad-dikjarazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Artikolu 8 ifakkar prinċipju fundamentali għall-Konvenzjoni TIR li huwa r-rikonoxximent reċiproku tal-awtentikazzjoni tad-detentur imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti marbuta bl-Anness 11.

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-Artikolu 8 tiżgura li s-sistema internazzjonali eTIR tkun tista’ tikkonferma l-integrità tar-referenza għad-detentur li tirċievi mill-awtoritajiet kompetenti li aċċettaw id-dikjarazzjoni.

L-Artikolu 10 jintroduċi proċedura alternattiva fil-każ li proċedura eTIR tiġi mxekkla għal raġunijiet tekniċi u jfakkar fid-dmirijiet tal-assoċjazzjonijiet garanti nazzjonali f’dik is-sitwazzjoni.

L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12 jiddeskrivu kif is-sistema internazzjonali eTIR ser tiġi ospitata, iffinanzjata u amministrata. Sa mill-bidu tad-diskussjoni dwar din il-kwistjoni, l-Unjoni kienet favur is-soluzzjoni proposta li jkun hemm sistema eTIR li tiġi ospitata u amministrata direttament skont l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tas-sistema Internazzjonali eTIR mill-organizzazzjoni internazzjonali (bħalissa l-IRU).

In-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tiċċara r-regoli biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż operattivi tas-sistema internazzjonali eTIR f’każ li l-ispejjeż għandhom jiġu koperti permezz ta’ ammont għal kull trasport TIR. F’dan il-każ, il-Partijiet Kontraenti għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa u dwar il-modalitajiet tagħhom. Il-baġit se jiġi approvat mill-Kumitat Amministrattiv.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni tal-uffiċċji doganali li jistgħu jimmaniġġjaw operazzjonijiet eTIR. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-lista tal-uffiċċji doganali għat-twettiq tal-operazzjonijiet TIR skont il-proċedura eTIR hija preċiża u aġġornata fil-bażi tad-data elettronika għall-uffiċċji doganali approvati żviluppati u miżmuma mill-Bord Eżekuttiv TIR.

L-Artikolu 14 jispeċifika li s-sottomissjoni tad-data għat-tmiem tal-operazzjoni TIR hija meqjusa bħala li għandha tiġi ssodisfata permezz tal-applikazzjoni tal-proċedura eTIR.

3.2 Pożizzjoni proposta

L-Unjoni tikkondividi l-objettiv tal-Anness 11 il-ġdid propost tal-Konvenzjoni TIR: wara aktar minn ħmistax-il sena ta’ xogħlijiet preparatorji, wasal iż-żmien li jsir pass lejn ambjent elettroniku TIR. Dan huwa għalkollox konformi mal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dwana elettronika li hija bbażata fuq il-pass min-naħa tad-dwana lejn ambjent mingħajr karti u kompletament elettroniku u interoperabbli b’valuri ewlenin ta’ sempliċità, servizz u ħeffa.

Saru konsultazzjonijiet dwar l-emendi proposti mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali għal TIR (koordinazzjoni ta’ Ġinevra). Saru aktar konsultazzjonijiet matul is-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li Jaffettwaw it-Trasport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). Il-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni u n-numru tal-Istati Membri tagħha pparteċipaw ukoll fi gruppi ta’ esperti taħt l-awspiċju tal-UNECE li ġew stabbiliti biex jitfasslu dispożizzjonijiet kemm legali kif ukoll tekniċi għal eTIR.

Il-koordinazzjoni interna kif ukoll id-diskussjonijiet konġunti mal-Istati Membri wrew biċ-ċar li hemm appoġġ wiesa’ għall-Anness 11 il-ġdid propost.

Huwa għalhekk propost li l-Unjoni tappoġġja l-adozzjoni tal-emendi li jikkonċernaw l-introduzzjoni tal-bażi ġuridika għall-proċedura elettronika TIR (eTIR).

4.4. Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tas-sede jew parti għall-ftehim 3 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Amministrattiv huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

L-att li l-Kumitat Amministrattiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw id-dwana.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR u l-Annessi tagħha, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0279 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (“il-Konvenzjoni TIR”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 2112/78 5 u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 6 .

(2)Skont l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv jista’ jadotta emendi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw.

(3)Il-Kumitat Amministrattiv , waqt sessjoni fi Frar 2020, għandu jadotta Anness 11 ġdid u emendi relatati mal-Konvenzjoni TIR.

(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni TIR se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)L-Unjoni tappoġġa l-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u l-emendi meħtieġa għall-korp tal-Konvenzjoni TIR għaliex din issegwi l-politika stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 skont liema, fil-prinċipju, il-komunikazzjonijiet kollha mal-awtoritajiet doganali għandhom ikunu elettroniċi.

(6)Paragrafu (s) ġdid tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR għandu jiddefinixxi l-“proċedura eTIR” applikabbli għall-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet doganali.

(7)Artikolu 58 ġdid tal-Konvenzjoni TIR għandu jistabbilixxi korp tekniku ta’ implimentazzjoni li għandu jadotta l-ispeċifikazzjoni teknika tas-sistema Internazzjonali eTIR.

(8)Artikolu 60 bis ġdid għandu jistabbilixxi l-proċedura speċjali għad-dħul fis-seħħ tal-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR u tal-emendi futuri tagħha.

(9)L-emendi għall-Artikoli 43, 59 u 61 jagħmlu l-adattamenti meħtieġa għall-introduzzjoni tal-Anness 11 il-ġdid.

(10)L-Anness 11 il-ġdid tal-Konvenzjoni TIR għandu jippermetti lill-Partijiet Kontraenti marbuta minnu jużaw l-operazzjonijiet TIR. Għandu jippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħżlu b’mod flessibbli f’liema ħin jistgħu jgħaqqdu s-sistemi tagħhom mas-sistema internazzjonali eTIR.

(11)Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv, jeħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tnejn u sebgħin jew fis-sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ emendi mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat Amministrattiv, li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Aktar bidliet fl-abbozz ta’ emendi tal-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, jekk in-negozjati jirrikjedu dan.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    TIR tfisser “Transports Internationaux Routiers” jew “Trasporti Internazzjonali bit-Triq”.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra ĠU L 252/1.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
(6)    ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).