European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3147

13.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3147

tat-13 ta’ Diċembru 2024

li jimplimenta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1770 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1770.

(2)

Fit-13 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2201 (2) sabiex jingħata effett lid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 (3), li emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 (4) u li stabbiliet qafas ġdid li jipprevedi miżuri restrittivi addizzjonali kontra individwi u entitajiet responsabbli għal jew kompliċi f'azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew li involvew ruħhom, direttament jew indirettament, f’tali azzjonijiet u politiki, jew li jostakolaw jew idgħajfu t-twettiq b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

(3)

Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1770. Abbażi ta' dak ir-rieżami, jenħtieġ li r-raġunijiet fl-entrati għal tliet persuni jiġu emendati.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1770 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1770 huwa emendat kif jidher fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU L 251, 29.9.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2201 tat-13 ta' Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta' Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).


ANNESS

Fl-Anness Ia tar-Regolament (UE) 2017/1770, l-entrati 2, 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

WAGUÉ, Ismaël

Post tat-twelid: Bamako

Data tat-twelid: 2.3.1975

Nazzjonalità: Mali

Numru tal-passaport: passaport diplomatiku AA0193660 validu sal-15.2.2023

Sess: raġel

Pożizzjoni: Ministru għar-Rikonċiljazzjoni, Kurunell Maġġur

Il-Kurunell Maġġur Ismaël Wagué huwa membru ewlieni fiċ-ċirku intern tal-Kurunell Assimi Goïta u kien wieħed mill-atturi ewlenin responsabbli għall-kolp ta' stat tat-18 ta' Awwissu 2020, flimkien mal-Kurunell Goïta, il-Kurunell Sadio Camara, il-Kurunell Modibo Koné u l-Kurunell Malick Diaw.

Fid-19 ta' Awwissu 2020, huwa ħabbar li l-armata kienet ħadet il-poter f'idejha, u mbagħad sar kelliem għall-Kumitat Nazzjonali għas-Salvazzjoni tal-Poplu (Comité national pour le salut du peuple, CNSP).

Għaldaqstant Ismaël Wagué huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali.

Bħala Ministru għar-Rikonċiljazzjoni fil-Gvern ta' Tranżizzjoni minn Ottubru 2020, Ismaël Wagué kien inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali.

Permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu f'Ottubru 2021 u n-nuqqas ta' qbil perpetwu tiegħu mal-membri tal-Qafas Strateġiku Permanenti (Cadre Stratégique Permanent, CSP), huwa kkontribwixxa għall-imblukkar tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Ftehim għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali (Comité de suivi de l'accord, CSA), li wassal għas-sospensjoni tal-laqgħat tas-CSA minn Ottubru 2021 sa Settembru 2022. Dik is-sitwazzjoni xekklet l-implimentazzjoni ta' dak il-Ftehim, li kien wieħed mill-‘missjonijiet’ tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, kif previst fl-Artikolu 2 tal-Karta ta' Tranżizzjoni.

Fil-25 ta' Jannar 2024, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ddenunzja l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali u ddikjara t-terminazzjoni immedjata tiegħu. Minn dik id-data, kien hemm żieda sinifikanti fir-restrizzjonijiet awtoritarji imposti mill-Gvern ta' Tranżizzjoni.

Il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Ismaël Wagué) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-tranżizzjoni politika tal-Mali. Fit-3 ta' Lulju 2022, l-ECOWAS iddeċidiet li żżomm dawk is-sanzjonijiet individwali.

Għaldaqstant Ismaël Wagué huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali, u qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali.

4.2.2022

3.

MAÏGA, Choguel

Post tat-twelid: Tabango, Gao, Mali

Data tat-twelid: 31.12.1958

Nazzjonalità: Mali

Numru tal-Passaport: passaport diplomatiku DA0004473, maħruġ mill-Mali, viża ta' Schengen maħruġa

Sess: raġel

Pożizzjoni: eks Prim Ministru

Bħala Prim Ministru minn Ġunju 2021 sa Novembru 2024, Choguel Maïga mexxa l-Gvern ta' Tranżizzjoni tal-Mali stabbilit wara l-kolp ta' stat tal-24 ta' Mejju 2021.

Għall-kuntrarju tal-iskeda għar-riforma u l-elezzjonijiet maqbula preċedentement mal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) f'konformità mal-Karta ta' Tranżizzjoni, f'Ġunju 2021 huwa ħabbar l-organizzazzjoni tal-Konsultazzjonijiet Nazzjonali għar-Rifondazzjoni (Assises nationales de la refondation, ANR) bħala proċess ta' qabel ir-riforma u prekundizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta' Frar 2022.

Kif imħabbar minn Choguel Maïga, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u kien hemm dewmien fl-elezzjonijiet. L-ANR, li eventwalment saru f'Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta' żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2025, biex b'hekk l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin. Wara skeda ta' żmien riveduta ppreżentata f'Ġunju 2022, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Marzu 2024, fil-21 ta' Settembru 2023 il-Gvern ta' Tranżizzjoni ħabbar posponiment ulterjuri tal-elezzjonijiet.

Fil-25 ta' Jannar 2024, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ddenunzja l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali u ddikjara t-terminazzjoni immedjata tiegħu. Minn dik id-data, kien hemm żieda sinifikanti fir-restrizzjonijiet awtoritarji imposti mill-Gvern ta' Tranżizzjoni.

L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Choguel Maïga) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-tranżizzjoni politika tal-Mali. L-ECOWAS issottolinjat li l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-tranżizzjoni politika tal-Mali u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi. Fit-3 ta' Lulju 2022, l-ECOWAS iddeċidiet li żżomm dawk is-sanzjonijiet individwali.

Fil-21 ta’ Novembru 2024, Choguel Maïga tneħħa minn Prim Ministru mill-mexxej tal-ġunta l-Kurunell Assimi Goïta, wara kritika minn Choguel Maïga tal-ġunta militari.

Bħala Prim Ministru, Choguel Maïga kien direttament responsabbli għall-posponiment tal-elezzjonijiet previsti fil-Karta ta' Tranżizzjoni. Choguel Maïga kien ukoll direttament responsabbli għad-denunzja tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali, kif ukoll għall-miżuri awtoritarji ppromulgati mill-Gvern ta' Tranżizzjoni. Għalhekk, huwa ostakola u dgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali, b'mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tas-setgħa lill-awtoritajiet eletti.

4.2.2022

4.

MAÏGA, Ibrahim Ikassa

Post tat-twelid: Tondibi, Gao region, Mali

Data tat-twelid: 5.2.1971

Nazzjonalità: Mali

Numru tal-Passaport: passaport diplomatiku maħruġ mill-Mali

Sess: raġel

Pożizzjoni: Ministru għar-Rifondazzjoni

Ibrahim Ikassa Maïga huwa membru tal-kumitat strateġiku tal-M5-RFP (Mouvement du 5 juin - Rassemblement des forces patriotiques), li kellu rwol ewlieni biex jitneħħa l-President Keita.

Bħala Ministru għar-Rifondazzjoni minn Ġunju 2021, Ibrahim Ikassa Maïga ġie fdat bl-ippjanar tal-Konsultazzjonijiet Nazzjonali għar-Rifondazzjoni (Assises nationales de la Refondation, ANR) imħabbra mill-Prim Ministru Choguel Maïga.

Kuntrarju għall-iskeda ta' żmien għar-riforma u l-elezzjonijiet maqbula preċedentement mal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) f'konformità mal-Karta ta' Tranżizzjoni, l-ARN tħabbru mill-Gvern ta' Tranżizzjoni bħala proċess ta' qabel ir-riforma u prekundizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta' Frar 2022.

Kif imħabbar minn Choguel Maïga, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u kien hemm dewmien fl-elezzjonijiet. L-ANR, li eventwalment saru f'Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta' żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2025, biex b'hekk l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin. Wara skeda ta' żmien riveduta ppreżentata f'Ġunju 2022, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Marzu 2024, fil-21 ta' Settembru 2023 il-Gvern ta' Tranżizzjoni ħabbar posponiment ulterjuri tal-elezzjonijiet.

Fil-25 ta' Jannar 2024, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ddenunzja l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali u ddikjara t-terminazzjoni immedjata tiegħu. Minn dik id-data, kien hemm żieda sinifikanti fir-restrizzjonijiet awtoritarji imposti mill-Gvern ta' Tranżizzjoni.

L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Ibrahim Ikassa Maïga) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-tranżizzjoni politika tal-Mali. L-ECOWAS issottolinjat li l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-tranżizzjoni politika tal-Mali u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi. Fit-3 ta' Lulju 2022, l-ECOWAS iddeċidiet li żżomm dawk is-sanzjonijiet individwali.

Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru għar-Rifondazzjoni, Ibrahim Ikassa Maïga qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b'mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

4.2.2022”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3147/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)