European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3216

27.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3216

tal-10 ta’ Diċembru 2024

li tawtorizza lil Franza tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-inġenji tal-ajru pparkjati f’ajrudromi miftuħa għat-traffiku tal-ajru pubbliku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bl-ittra tal-11 ta’ April 2022, Franza talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-inġenji tal-ajru kollha pparkjati f’ajrudromi miftuħa għat-traffiku tal-ajru pubbliku, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew informazzjoni addizzjonali fil-25 ta’ Ottubru 2022 u fis-7 ta’ Awwissu 2023. L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu informazzjoni addizzjonali fit-30 ta’ Ottubru 2023, fis-7 ta’ Novembru 2023, fis-27 ta’ Diċembru 2023 u fit-18 ta’ April 2024. L-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(2)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, permezz tar-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni li biħsiebha tapplika, Franza għandha l-għan li tippromwovi aktar l-implimentazzjoni u l-użu tal-elettriku fornut permezz tal-grilja tal-elettriku. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala metodu ta’ provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru pparkjati f’ajruporti miftuħa għat-traffiku tal-ajru pubbliku li jikkawża anqas ħsara lill-ambjent mill-użu minn dawk l-inġenji tal-ajru tal-fjuwils fossili għall-mezzi interni ta’produzzjoni tal-enerġija.

(3)

Sa fejn l-użu tal-elettriku fornut permezz tal-grilja tal-elettriku jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sustanzi oħra li jniġġsu l-arja li kieku kienu jiġu prodotti mill-mezzi interni ta’ produzzjoni tal-enerġija fl-inġenji tal-ajru, dan jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja u għat-tnaqqis tat-tniġġis akustiku. Il-miżura hija għalhekk mistennija li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent, is-saħħa u l-klima.

(4)

L-għoti ta’ awtorizzazzjoni lil Franza biex tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku fornut permezz tal-grilja tal-elettriku ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, peress li l-produzzjoni tal-elettriku abbord ser tibqa’ tkun soluzzjoni aktar kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell attwali ta’ penetrazzjoni fis-suq tat-teknoloġija, li hija relattivament baxxa, huwa improbabbli li l-miżura ser twassal għal distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha, u għalhekk mhux ser ikollha impatt negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li Franza tiġi awtorizzata tapplika r-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni, f’konformità mat-talba li tressqet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(6)

Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni trid tkun limitata fiż-żmien. Madankollu, sabiex ma jiġux ipperikolati żviluppi ġenerali futuri fil-qafas legali eżistenti, jenħtieġ li jiġi previst li, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku li din l-awtorizzazzjoni ma tkunx kompatibbli magħha, din l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament permezz tal-grilja tal-elettrikulill-inġenji tal-ajru pparkjati f’ajrudromi miftuħa għat-traffiku tal-ajru pubbliku, dment li jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompattibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3216/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)