KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑27 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑655/21

Proċeduri kriminali

kontra

G. ST. T.,

bl-intervent ta’:

Rayonna prokuratura Burgas, TO Nesebar

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad- Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Ftehim fuq it-TRIPS – Sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark – Applikabbiltà tal-Karta – Prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati u tal-pieni”

1.

Fil-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Rayonen sad- Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar, il-Bulgarija), qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari dwar, l-ewwel tnejn, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48 ( 2 ) u, l-aħħar tnejn, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dawn id-domandi qegħdin isiru fil-qafas ta’ proċedura kriminali kontra G. ST. T., li hija akkużata b’diversi reati ta’ kontrafazzjoni ta’ trade marks.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

2.

Fir-rigward tad-dritt primarju, fit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa rilevanti l-Artikolu 49 tal-Karta, taħt iż-żewġ profili tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u tal-pieni, imsemmija rispettivament fl-ewwel u fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu. Fir-rigward tad-Direttiva 2004/48, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-premessi 26 u 28 kif ukoll għall-Artikolu 13, dwar il-kumpens għad-danni minħabba ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-finijiet ta’ ekonomija ta’ spazju, se nillimita ruħi hawnhekk fir‑rigward tar-riferimenti għat-testi rilevanti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li nirriżerva li nirreferi għall-kontenut tagħhom, fejn meħtieġ, matul l‑iżvolġiment ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B.   Id-dritt Bulgaru

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi l-Artikoli 13, 119 u 127 taż-Zakon za markite i geografskite oznacheniya (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi; iktar ’il quddiem iż-“ZMGO”) u l-Artikoli 13, 76b u 81 taż-Zakon za markite i geografskite oznacheniya (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, imħassra, fis-seħħ fit‑22 ta’ Ġunju 2016, “iż-ZMGO 2016”). B’mod partikolari, l-Artikolu 127(1) taż-ZMGO u l-Artikolu 81(1) taż-ZMGO 2016 jipprevedu li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva fuq il-persuna li tuża fil-kummerċ oġġetti jew servizzi li jkollhom sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tagħha.

4.

Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikoli 55, 66 u 172b tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NK”) u l-Artikoli 84 sa 88 u 247c tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NPK”). Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa rilevanti b’mod partikolari l-Artikolu 172b tan-NK, li t-test tiegħu, li għalih għandu jsir riferiment minn issa, huwa redatt kif ġej:

“(1)   Min juża fil-kummerċ trade mark, disinn jew mudell, varjetà ta’ pjanti jew razza ta’ annimal, oġġett ta’ dritt esklużiv mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dan id-dritt, jew indikazzjoni ġeografika jew il-kontrafazzjonijiet rispettivi mingħajr bażi legali jeħel il-piena ta’ priġunerija sa 5 snin u multa sa 5000 lev Bulgaru (BGN).

(2)   Jekk l-att imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi rripetut jew iseħħu effetti gravement dannużi, il-piena hija priġunerija minn 5 sa 8 snin u multa minn BGN 5000 sa BGN 8000.

(3)   L-oġġett tar-reat, irrispettivament mill-identità tal-proprjetarju tiegħu, jiġi kkonfiskat u meqrud.”

II. Il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.

L-imputata, G. ST. T., proprjetarja ta’ impriża individwali, hija akkużata li fl-2016 wettqet diversi reati ta’ kontrafazzjoni ta’ trade marks irreġistrati, billi offriet għall-bejgħ, mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt relattiv, ħwejjeġ li kellhom sinjali simili għal dawk it-trade marks, għal total kumplessiv ta’ BGN 1404590, għal oġġetti oriġinali, u BGN 80201, għal dawk kontrafatti. Il-prodotti inkwistjoni, maqbuda fil-post fejn ġew offruti għall-bejgħ, ġew ikkonfiskati u sussegwentement meqruda.

6.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fl-ewwel lok, li, fl-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mill-premessa 28 tad-Direttiva 2004/48, ġew introdotti fir-Repubblika tal-Bulgarija r-reati msemmija fl-Artikolu 172b(1) u (2) tan-NK, li jissupplimentaw ir-reat amministrattiv attwalment previst mill-Artikolu 81(1) taż-ZMGO 2016. Din il-qorti essenzjalment tirrileva li n-natura kostituttiva tar-reat imsemmi fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, jeħtieġ li tiġi evalwata l-entità tad-dannu kkawżat lid-detentur tad-dritt. Għal dan il-għan, il-ġurisprudenza nazzjonali tagħmel użu minn preżunzjoni mhux prevista mid-Direttiva 2004/48, fejn id-danni li jirriżultaw minn dan ir-reat jikkorrispondu mal-valur tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti mmanifatturati legalment identiċi jew simili għall-prodotti kontrafatti. Danni bħal dawn jeskludu wkoll kemm telf ta’ qligħ kif ukoll id-dannu morali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2004/48.

7.

Fit-tieni lok, wara li rrilevat li r-reat imsemmi fl-Artikolu 172b tan-NK u r-reat amministrattiv previst fiż-ZMGO jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dawn huma dispożizzjonijiet sanzjonarji applikabbli għar-relazzjonijiet legali rregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara li tikklassifika l-istess aġir bħala reat amministrattiv u bħala reat kriminali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 49(1) tal-Karta, mingħajr ma tipprovdi kriterju ta’ differenzjazzjoni ċar u preċiż.

8.

Fl-aħħar nett, din il-qorti tistaqsi jekk il-piena ta’ priġunerija prevista fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, b’piena minima statutorja partikolarment għolja u sentenza massima li ma tistax titqies bħala ħafifa, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, anki fid-dawl tal-fatt li l-possibbiltajiet konkreti ta’ tnaqqis tas-sentenza huma estremament limitati.

9.

Huwa f’dan il-kuntest li r-Rayonen sad- Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar) issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Leġislazzjoni u ġurisprudenza li minnhom jirriżulta li d-danni mġarrba mid-detentur jagħmlu parti mill-elementi kostitwenti tar-reati kriminali previsti fl-Artikolu 172b(1) u (2) tan-[NK] huma konformi mal-istandards dwar id-danni kkawżati mill-eżerċizzju illegali ta’ drittijiet intellettwali introdotti permezz tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-mekkaniżmu ta’ preżunzjoni għad-determinazzjoni tad-danni, li ġie introdott fir-Repubblika tal-Bulgarija permezz tal-ġurisprudenza u li jwassal sabiex id-danni jiġu ddeterminati fl-ammont tal-valur tal-merkanzija offruta għall-bejgħ, ikkalkolat skont il-prezzijiet bl-imnut ta’ merkanzija prodotta b’mod legali, huwa konformi mal-istandards previsti fid-Direttiva 2004/48?

3)

Leġizlazzjoni li ma tistabbilixxix distinzjoni bejn il-ksur amministrattiv (Artikolu 127(1) taż-Zakon za markite i geografskite oznachenia (il-Liġi dwar it-Trade Marks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, iktar ’il quddiem iż-“ZMGO”) fil-verżjoni attwali ta’ din il-liġi u Artikolu 81(1) taż-ZMGO fis-seħħ fl-2016), ir-reat kriminali previst fl-Artikolu 172b(1) tan-NK u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-reat kriminali previst fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, hija konformi mal-prinċipju ta’ nullum crimen, sine lege, kif iddikjarat fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

4)

Il-pieni previsti fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, jiġifieri bejn ħames u tmien snin privazzjoni tal-libertà u multa ta’ bejn BGN 5000 u BGN 8000, huma konformi mal-prinċipju ddikjarat fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li s-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat?”

10.

Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-partijiet interessati, skont l-Artikolu 23 imsemmi qabel, ċerti mistoqsijiet għal risposta bil-miktub dwar l-Artikoli 49 u 51 tal-Karta. Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni segwew din il-miżura.

11.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw biss fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari.

III. Analiżi

A.   Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: osservazzjonijiet preliminari

12.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tiddependi mill-applikabbiltà tal-Karta għall-kawża prinċipali. Din l-applikabbiltà min-naħa tagħha tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk, kif jitlob l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fid-definizzjoni tas-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 172b tan-NK, il-leġiżlatur Bulgaru implimentax id-dritt tal-Unjoni. It-tweġiba għal din il-kwistjoni tkun manifestament affermattiva li kieku kellu jiġi kkunsidrat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 172b tan-NK jikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt kriminali adottata fil-kuntest tat-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttiva 2004/48. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq dan il-punt fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi preliminari.

13.

Dawn il-konklużjonijiet, li, kif imsemmi, ma jittrattawx dawn id-domandi, għandhom minflok l-għan li jeżaminaw l-applikabbiltà tal-Karta minn angolu differenti u jitilqu għalhekk mill-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fis-sens li d-dispożizzjonijiet kriminali li l-qorti tar-rinviju biħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà tagħhom mad-Direttiva 2004/48 imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. B’mod iktar speċifiku, ser neżamina iktar ’l isfel jekk l-applikazzjoni tal-Karta u għalhekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi dawn id-domandi jistgħux jirriżultaw mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni timplimenta impenn meħud fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.

1. L-applikazzjoni tal-Karta fil-każ ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ obbligi legali internazzjonali tal-Unjoni

14.

Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri esklużivament meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati.

15.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta huma applikabbli għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minnhom ( 3 ). Dawn id-drittijiet għandhom għalhekk jiġu rrispettati, b’mod partikolari, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt ( 4 ). Fejn dan ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi adita għal deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li hija tiżgura r-rispett tagħhom ( 5 ).

16.

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) ( 6 ), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri huma marbuta bid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fis-sistema legali tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati fi – minn tal-inqas – żewġ kategoriji.

17.

Minn naħa, dawn id-drittijiet fundamentali jorbtu lill-Istati Membri meta jimplimentaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk jinsabu fit-Trattat ( 7 ), f’regolamenti ( 8 ), f’direttivi ( 9 ), f’deċiżjonijiet qafas ( 10 ) jew anki f’atti atipiċi li jsibu l-bażi legali tagħhom f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li jagħmlu parti mid-dritt tagħha ( 11 ).

18.

Min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fis-sistema legali tal-Unjoni japplikaw meta Stat Membru jidderoga, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni u jinvoka ġustifikazzjoni rrikonoxxuta minn dan id-dritt sabiex jiddefendi din il-leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fuq il-bażi ta’ dak li kien diġà ddikjarat fis-sentenza ERT ( 12 ) qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, li jikkostitwixxi wkoll implimentazzjoni tal-“liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-użu, minn Stat Membru, tal-eċċezzjonijiet previsti minn dan id-dritt biex jiġġustifika ostakolu għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, anki jekk, fiha nnifisha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma għandhiex l-għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

19.

Madankollu, din id-dikotomija ma tkoprix is-sitwazzjonijiet kollha li fihom tapplika l-Karta. Dan diġà jidher ċar mis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson ( 14 ). F’din is-sentenza, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni, li kienu jipprevedu l-applikazzjoni ta’ soprataxxi u l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali intiżi sabiex jiġu ssanzjonati l-frodi tal-VAT, ma kinux jaqgħu preċiżament fl-ebda waħda miż-żewġ kategoriji indikati iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, filwaqt li enfasizzat il-fatt li dawn kellhom l-għan li jippenalizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi tal-Unjoni dwar il-VAT u għalhekk li jimplimentaw l-obbligu, impost mit-Trattat fuq l-Istati Membri, biex jissanzjonaw b’mod effettiv imġiba li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

20.

Il-firxa tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Karta hija għalhekk usa’ u ma hijiex iddefinita b’mod ċar jew eżawrjenti. Tinkludi, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet kollha li fihom id-dritt tal-Unjoni jimponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri jew li fihom tapplika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-kriterji biex jiġi evalwat b’mod konkret jekk wieħed ikunx f’sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-“liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta huma wkoll fluwidi. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat, inter alia, jekk il-miżura nazzjonali “għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha” ( 15 ). Minkejja din il-fluwidità, l-għan tal-evalwazzjoni huwa ċar u huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta fil-każijiet kollha fejn japplika id-dritt tal-Unjoni. Kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 21 tas-sentenza “Åkerberg Fransson”, fil-fatt, “ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali”.

21.

Fis-sentenza reċenti tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni fl-Awla Manja, żiedet element importanti mal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Il-kawża li wasslet għal din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna waħda ta’ ksur li fiha l-Kummissjoni lmentat li l-Ungerija, minbarra ksur tal-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (il-General Agreement on Trade in Services, iktar ’il quddiem il-“GATS”) ( 17 ) u ksur tal-obbligi li jaqgħu fuq dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 ( 18 ), ksur distint u indipendenti wkoll tal-Artikoli 13, 14(3) u 16 tal-Karta, dwar il-libertà akkademika, il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta’ tagħlim u l-libertà tal-intrapriża ( 19 ).

22.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jikkostitwixxi, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, parti integrali tal-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar ( 20 ). Imbagħad saħqet li, kif inkluż fil-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, iffirmat mill-Unjoni u mbagħad approvat minn din tal-aħħar fit‑22 ta’ Diċembru 1994 ( 21 ), il-GATS kien jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Għalhekk hija kkonkludiet, fil-punt 213, li, “meta l-Istati Membri jeżegwixxu l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim […] huma għandhom jitqiesu bħala li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta”.

23.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferiet għall-ebda preċedent, mis-sistema tas-sentenza jirriżulta li l-loġika li fuqha hija bbażata din il-konklużjoni hija dik imsemmija fil-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 23 ). Fuq il-bażi ta’ din il-loġika, l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta hija ġġustifikata, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 213 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, peress li, meta jimplimentaw fi ħdanhom l-obbligi legali internazzjonali tal-Unjoni abbażi tal-kompetenza leġiżlattiva tagħhom, l-Istati Membri jimplimentaw obbligu fil-konfront tal-Unjoni u jeżegwixxu regoli li jifformaw parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-applikabbiltà tal-Karta tiżgura li l-Istati Membri ma jiksrux id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni meta joperaw bħala “aġenti” tagħha ( 24 ). Min-naħa l-oħra, l-obbligu għall-Istati Membri li jimplimentaw il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ġej mit-Trattat li, fl-Artikolu 216(2) TFUE, jipprovdi li tali ftehimiet jorbtu lill-Istati Membri.

24.

Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 213 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija għalhekk għandha potenzjal partikolarment wiesa’ ta’ applikazzjoni b’analoġija, li jmur lil hinn mill-konfini tal-fatti li minnhom tagħmel parti. Fil-fatt, ma naħsibx li jista’ jiġi dedott mill-kuntest tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, u b’mod partikolari mill-fatt li din kienet tikkonċerna l-ksur ta’ obbligu li jirriżulta minn ftehim konkluż mill-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tillimita din il-konklużjoni biss għall-kawżi li fihom il-miżura nazzjonali inkwistjoni tista’ tikkontesta r-responsabbiltà internazzjonali ta’ din tal-aħħar. Fl-opinjoni tiegħi, qari restrittiv bħal dan huwa oppost kemm mill-kliem ta’ dan il-punt kif ukoll mill-premessi li minnhom hija dedotta l-applikazzjoni tal-Karta f’dan il-każ – jiġifieri l-integrazzjoni tal-GATS fid-dritt tal-Unjoni – u għal darba oħra mil-loġika li fuqha hija bbażata din l-applikazzjoni, imsemmija iktar ’il fuq.

25.

F’dan ir-rigward, nirrileva li raġunament simili għal dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, biex din id-darba tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jinstab fis-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze ( 25 ). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi l-każ ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lil minuri l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja u ta’ sanzjoni amministrattiva anċillari, li tikkonsisti fis-sospensjoni temporanja tal-liċenzja ta’ tabakkerija. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonstatat l-inapplikabbiltà għas-sitwazzjoni allegata fil-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni tagħhom ( 26 ). Sussegwentement, filwaqt li fakkret fil-punt 69 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija u l-ġurisprudenza li tipprovdi li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jikkostitwixxi, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, parti integrali mid-dritt ta’ din tal-aħħar, hija kkunsidrat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża nazzjonali kellha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet introdotti fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil‑21 ta’ Mejju 2003 (WHO Framework Convention on Tobacco Control, iktar ’il quddiem l-“FCTC”) ( 27 ) u, b’mod partikolari, il-paragrafu 1 tagħha, fejn kull parti fl-imsemmija Konvenzjoni Qafas tadotta u tapplika “miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi fuq livell governattiv xieraq sabiex jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-persuni li ma laħqux l-età prevista mid-dritt intern jew stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew l-età ta’ tmintax-il sena”. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li “sa fejn il-FCTC tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tagħha għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni” ( 28 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ impenji meħuda fuq il-bażi ta’ din il-konvenzjoni qafas kienet tikkostitwixxi każ ta’ “applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, tali li tattiva l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt.

26.

Huwa fid-dawl tal-prinċipji hawn fuq esposti li għandha tiġi evalwata l-applikabbiltà tal-Karta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2. Fuq l-applikazzjoni tal-Karta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

27.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta sabiex tevalwa l-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru li jippenalizzaw il-kontrafazzjoni ta’ trade marks irreġistrati. Din il-qorti titlaq mill-premessa li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li r-reati msemmija fl-Artikolu 172b(1) u (2) tan-NK u r-reati amministrattivi previsti miż-ZMGO u miż-ZMGO 2016 huma “applikabbli għar-relazzjonijiet legali rregolati mid-dritt tal-Unjoni”.

28.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, li jidher fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), għandu, fost l-oħrajn, l-għan li jistabbilixxi standards minimi multilaterali għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u jikseb armonizzazzjoni de facto ta’ miżuri u proċeduri mmirati biex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 29 ). Skont l-Artikolu 61 tiegħu, “[il-]Membri għandhom jipprovdu għall-proċeduri kriminali u penali sabiex ikunu applikati ta’ l-inqas fil-każi ta’ falsifikazzjoni ta’ trademark […]. Ir-rimedji disponibbli għandhom jinkludu priġunerija jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent, konsistentement bil-livell ta’ penali applikati għal delitti ta’ gravità li tikkorrespondi. F’każijiet xierqa, rimedji disponibbli għandhom ukoll jinkludu l-konfiska, s-sekwestru u l-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru […]”. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma rriferietx għal dan il-ftehim, dan tal-aħħar jistabbilixxi obbligi speċifiċi fir-rigward ta’ proċeduri u sanzjonijiet kriminali. Filwaqt li ma jippreskrivix ċertu livell ta’ sanzjonijiet, madankollu jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ ċerti tipi ta’ sanzjonijiet. Ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 28 tad-Direttiva 2004/48, għas-sanzjonijiet kriminali bħala mezz “biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” għandu jiġi kkunsidrat bħala riferiment impliċitu għal dawn l-obbligi li, madankollu, id-direttiva espressament issalva ( 30 ).

29.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li rrikonoxxiet li l-Ftehim TRIPS, bħall-GATS, jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 31 ) u għalhekk huwa applikabbli fi ħdanu, minkejja li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma għandhomx effett dirett u ma jistgħux joħolqu f’individwi privati drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti taħt id-dritt tal-Unjoni ( 32 ). Barra minn hekk, dan il-ftehim jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” imsemmija fl-Artikolu 207(1) TFUE u, għalhekk, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika kummerċjali komuni ( 33 ).

30.

Bl-applikazzjoni b’analoġija tar-raġunament espost mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 213 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, jirriżulta li meta l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-Ftehim TRIPS, inklużi dawk taħt l-Artikolu 61 ta’ dan il-ftehim, huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Sa fejn ir-reati msemmija fl-Artikolu 172b(1) u (2) tan-NK jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-impenji taħt l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, il-Karta hija għalhekk applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, ma jmurx kontra tali konklużjoni l-fatt li l-awturi tat-Trattati taw lill-Unjoni biss kompetenzi limitati fil-qasam kriminali ( 34 ) u li għalhekk d-dritt kriminali jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 35 ).

32.

Fil-fatt, minn naħa, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li din il-kompetenza għandha fi kwalunkwe każ tiġi eżerċitata fl-osservanza mhux biss tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, b’mod partikolari id-dritt primarju ( 36 ). Anki meta jaġixxu f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri huma għalhekk marbuta li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien li ddeċidiet li s-sempliċi fatt li, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali, bħar-regoli ta’ proċedura kriminali, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni ( 38 ), ma jipprekludix lil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta l-applikazzjoni ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tkun miżura indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ politika tal-Unjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jadotta miżuri b’rabta mad-dritt kriminali tal-Istati Membri ( 39 ). Din il-kompetenza issa hija spjegata espressament fl-Artikolu 83(2) TFUE. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, li jadotta l-miżuri ta’ armonizzazzjoni f’materji kriminali, dwar id-definizzjoni ta’ regoli minimi relatati mad-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet, neċessarji biex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli li huwa jistabbilixxi fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, protezzjoni li barra minn hekk hija sanċita mill-Karta stess, fl-Artikolu 17(2). Issa, il-portata tal-obbligu li jirriżulta għall-Istati Membri mill-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS li jipprevedu proċeduri kriminali u sanzjonijiet applikabbli għall-każijiet ta’ kontrafazzjoni intenzjonata ta’ trade mark ma tmurx lil hinn mill-kompetenza prevista fl-Artikolu 83(2) TFUE.

33.

Ċertament, kif enfasizzat mill-Gvern Awstrijak, skont l-Artikolu 4(2)(j) TFUE, din hija kompetenza kondiviża ma’ dik tal-Istati Membri, li, skont l-Artikolu 2(2) TFUE, dawn tal-aħħar jeżerċitaw “sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha”. Issa, l-Unjoni ma adottatx regoli ta’ armonizzazzjoni dwar sanzjonijiet u proċeduri kriminali għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 40 ). Kif osserva wkoll il-Gvern Awstrijak, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li s-sempliċi fatt li miżura nazzjonali taqa’ f’qasam li fih l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza ma jistax ipoġġiha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, iwassal għall-applikabbiltà tal-Karta ( 41 ). Fl-aħħar nett, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li tmur lura għas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg, imsemmija wkoll mill-Gvern Awstrijak, li l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-ftehim, kultant mill-istituzzjonijiet tiegħu, kultant mill-Istati Membri ( 42 ).

34.

Madankollu, jekk l-Unjoni tibqa’ bis-setgħa sħiħa li tilleġiżla, minn naħa, fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bis-saħħa tal-kompetenzi li għandhom x’jaqsmu mas-suq intern, b’konformità mar-regoli dwar l-eżistenza, il-portata u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà li jinsabu fil-Ftehim TRIPS ( 43 ), u min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 83(2) TFUE, f’materji kriminali, sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-regoli għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, l-armonizzazzjoni tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali fuq skala dinjija miksuba minn dan il-ftehim ( 44 ), inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni, hija bħala prinċipju vinkolanti għal kull wieħed mill-membri tal-WTO u hija integrata fl-ordinament legali tal-Unjoni indipendentement mill-atti ta’ armonizzazzjoni interna, b’tali mod li l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda fil-qafas ta’ dawn il-ftehimiet, anki jekk implimentati mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

35.

Min-naħa l-oħra, diġà fis-sentenza Kupferberg, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, “meta tiġi żgurata l-osservanza tal-impenji li jirriżultaw minn ftehim konkluż mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri qed jissodisfaw obbligu mhux biss lejn il-pajjiż terz ikkonċernat, iżda wkoll u fuq kollox lejn il-Komunità, li assumiet ir-responsabbiltà għat-twettiq korrett tal-ftehim”, filwaqt li enfasizzat in-“natura Komunitarja” tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni ( 45 ). Issa, il-punt 213 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija jidher li huwa żvilupp ta’ din il-ġurisprudenza li, filwaqt li tikkostitwixxi bla dubju interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, madankollu ma teċċedix il-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk ma nemminx li l-portata tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tirriżulta minn dan il-punt tista’ tkun limitata, kif jissuġġerixxi l-Gvern Awstrijak, biss għal każijiet li jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kompetenza, diġà eżerċitata, tal-Unjoni ( 46 ).

36.

Infakkar ukoll, minn naħa, li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, għall-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni fis-settur tal-edukazzjoni ogħla, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet li, sa fejn l-impenji assunti fl-ambitu tal-GATS jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni, anki jekk l-Istati Membri għandhom kompetenza wiesgħa fis-settur tal-edukazzjoni, tali impenji, inklużi dawk li jirrigwardaw il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi ta’ tagħlim privati, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni ( 47 ). Min-naħa l-oħra, nosserva li, fis-sentenza tal-Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, l-implimentazzjoni tal-FCTC mill-Istat Membru kkonċernat tat lok għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika ta’ armonizzazzjoni fil-livell ta’ din tal-aħħar, mhux biss fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli, iżda wkoll fir-rigward tar-regoli tad-dritt sostantiv miksura ( 48 ). F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-proċeduri kriminali kontra G. ST. T. u s-sanzjonijiet inkwistjoni f’dawn il-proċeduri huma intiżi biex jirreprimu ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trade mark irreġistrata, li l-portata tagħhom tikkostitwixxi qasam suġġett għal armonizzazzjoni u regolamentazzjoni estensivi fil-livell tal-Unjoni ( 49 ).

37.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Gvern Awstrijak jislet mill-Artikolu 207(6) TFUE, li “[l]-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni […] m’għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta’ l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni”, huwa biżżejjed li wieħed jinnota, minn naħa, li, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, il-fatt li, sa fejn jirrigwarda s-settur tal-edukazzjoni, l-Artikolu 166(4) TFUE jinkludi projbizzjoni espliċitu tal-armonizzazzjoni ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tqis il-Karta applikabbli għar-raġunijiet esposti fil-punt 213 ta’ tali sentenza u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà ta’ ravviċinament tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f’materji kriminali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika tal-Unjoni hija, kif rajna, espressament prevista mill-Artikolu 83(2) TFUE ( 50 ).

38.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li l-Karta hija applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk u sal-punt li l-aġir inkriminat fil-kawża prinċipali u s-sanzjoni applikabbli għalih jaqgħu fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

B.   Fuq it-tielet domanda preliminari

39.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni sanċit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta huwiex kuntrarju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha aġir jista’ jagħti lok għal reat amministrattiv u reat kriminali, mingħajr ma definizzjoni ċara tal-konfini ta’ wieħed u tal-ieħor u għalhekk mingħajr ma l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jipprevedu l-konsegwenzi ta’ tali aġir.

40.

Skont ġurisprudenza stabbilita, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, id-dispożizzjonijiet kriminali għandhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat kif ukoll tad-determinazzjoni tal-piena ( 51 ). Dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll għall-kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet amministrattivi u kriminali u għalhekk l-istess rekwiżiti għandhom jiġu osservati wkoll fil-każ ta’ dispożizzjonijiet li jawtorizzaw ripressjoni doppja ( 52 ). Għalkemm il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jirrikjedi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jirreprimuhom, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk is-suġġett ikun jista’ jsir jaf, fuq il-bażi tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna eventwali tal-interpretazzjoni mogħtija fuq hekk mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu ( 53 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli ma jistax jiġi interpretat bħala projbizzjoni ta’ kjarifika gradwali, minn każ għall-ieħor, tar-regoli ta’ responsabbiltà kriminali permezz ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta twettaq il-ksur, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni applikabbli f’dak iż-żmien fil-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni legali inkwistjoni ( 54 ).

41.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li G. ST. T. ġiet akkużata biss bir-reat aggravat taħt l-Artikolu 172b(2) tan-NK. Issa, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju stess, l-eżistenza ta’ “effetti gravement dannużi” hu wieħed mill-elementi kostituttivi ta’ dan ir-reat u jservi biex jiddistingwih mill-ksur amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 127(1) taż-ZMGO.

42.

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, f’sentenza interpretattiva tal-2013 ( 55 ), il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) adottat algoritmu għall-kalkolu tad-dannu subit bħala riżultat tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 172b – li l-kompatibbiltà tiegħu mad-Direttiva 2004/48 hija kkontestata mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi preliminari – sabiex, fost l-oħrajn, tiġi pprovduta gwida prattika għall-finijiet tal-klassifikazzjoni korretta tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 172b tal-NK u tad-delimitazzjoni ta’ dan tal-aħħar mir-reati amministrattivi.

43.

Sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn naħa, li l-kjarifika gradwali tar-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali permezz ta’ interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u l-pieni u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi ċirkustanza li d-delimitazzjoni preċiża bejn ir-reat amministrattiv u r-reat kriminali, kif ukoll il-kombinazzjoni possibbli tas-sanzjonijiet previsti, tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ kunċett ġenerali li jeħtieġ evalwazzjoni estensiva mill-qrati nazzjonali ( 56 ), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, minkejja s-sentenza interpretattiva msemmija qabel tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), għadx hemm konfużjoni dwar l-elementi kostitwenti tar-reat amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 127 taż-ZMGO u dawk tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 172b tan-NK, b’tali mod li jwassal għall-imprevedibbiltà tal-isfera tar-responsabbiltà kriminali li tirriżulta minn dan l-artikolu.

44.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissanzjona l-kontrafazzjoni tat-trade mark irreġistrata bl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, l-Artikolu 49(1) tal-Karta jeħtieġ li l-konfini tar-responsabbiltà kriminali ikunu ddefiniti b’mod ċar. Dan il-prinċipju ma jipprekludix li l-portata eżatta tal-elementi kostituttivi tar-reat ta’ kontrafazzjoni li jservu biex jiddistingwu dan tal-aħħar mir-reat amministrattiv tiġi ppreċiżata permezz ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali, sakemm din tal-aħħar tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu b’mod preċiż liema atti u ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħhom.

C.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

45.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-pieni stabbiliti fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, jiġifieri sentenza ta’ prinġunerija ta’ 5 sa 8 snin u multa ta’ BGN 5000 sa BGN 8000, josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 49(3) tal-Karta. Skont din il-qorti, is-sentenza ta’ priġunerija, b’mod partikolari l-minimu statutorju, hija ta’ “severità eċċezzjonali”, meta wieħed iqis ukoll li r-reat iseħħ biss bil-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni. Tispeċifika wkoll li, minħabba din il-piena għolja, il-possibbiltà għall-qorti li tnaqqasha jew tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha hija estremament limitata. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li kemm il-kumulu tas-sentenza ta’ priġunerija flimkien ma’ multa għolja, kif ukoll il-miżura addizzjonali li tikkonsisti fil-konfiska tal-assi suġġetti għall-ksur u l-qerda tagħhom jikkontribwixxu biex tiżdied is-severità tas-sanzjoni imposta kumplessivament.

46.

L-ewwel nett infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom xierqa. Madankollu, kif diġà kelli l-opportunità li ninnota iktar ’il fuq, huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tagħha u, konsegwentement, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 57 ). Issa, l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS sempliċement jistabbilixxi l-obbligu għall-membri tal-WTO li jikkriminalizzaw ċertu ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jindika li l-miżuri possibbli jinkludu “priġunerija jew multi ta’ flus biżżejjed sabiex jipprovdu deterrent, konsistentement bil-livell ta’ penali applikati għal delitti ta’ gravità li tikkorrespondi”. Barra minn hekk, kif diġà rrilevajt, ma saret l-ebda armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-Istati Membri jgawdu f’dan ir-rigward minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell tas-sanzjonijiet applikabbli, setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom, b’mod partikolari, li jevalwaw il-gravità tal-ksur fil-kuntest nazzjonali u li jadattawhom għal dan.

47.

Sussegwentement għandi nfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni msemmi fl-Artikolu 49(3) tal-Karta jeżiġi li s-severità tas-sanzjonijiet imposti tkun xierqa għall-gravità tal-ksur li jirreprimu, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, effett tassew dissważiv, mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 58 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li fid-determinazzjoni tas-sanzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ( 59 ). Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija unikament kompetenti sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk, fil-proċeduri ta’ quddiemha, dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti.

48.

F’dan il-każ, fir-rigward qabel kollox tan-natura u tal-gravità tar-reat, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 172b tan-NK huwa intiż biex jissanzjona, fost l-oħrajn, il-kontrafazzjoni intenzjonata ta’ trade mark, jiġifieri aġir ikkaratterizzat minn ċerta gravità, li l-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jeħtieġ li jiġi ssanzjonat kriminalment u b’tali mod li jiżgura deterrenza suffiċjenti. Bħala fenomenu li qiegħed dejjem jikber, li ilu żmien jieħu dimensjoni internazzjonali, il-kontrafazzjoni tirrappreżenta theddida serja għan-negozji u l-ekonomiji nazzjonali, b’riperkussjonijiet soċjali sinjifikattivi, kif ukoll toħloq problemi għall-ħarsien tal-konsumatur, speċjalment meta jkunu involuti s-saħħa u s-sigurtà pubblika. Dan huwa wkoll fenomenu li qiegħed dejjem jidher li huwa iktar marbut mal-kriminalità organizzata ( 60 ).

49.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-piena ta’ priġunerija prevista fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, din hija ffissata f’livell tassew għoli, speċjalment jekk wieħed iqis il-limitu minimu ta’ tali piena, li huwa stabbilit bħala ħames snin ( 61 ), u għalhekk hija tali li tqajjem dubji raġonevoli dwar il-proporzjonalità tagħha, b’mod partikolari meta applikata għal aġir bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 172b(2) tan-NK japplika fil-preżenza ta’ ċirkustanzi aggravanti speċifiċi, li jidhru li huma marbuta, minn naħa, mar-reċidiva jew il-kontinwazzjoni, u min-naħa l-oħra, mal-gravità tad-dannu kkawżat. Għar-reat sempliċi, l-Artikolu 172b(1) tan-NK fil-fatt jipprovdi għal minimu statutorju iktar baxx, stabbilit bħala tliet snin. Issa, kif enfasizzat korrettament mill-Kummissjoni, wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni kriminali hija l-possibbiltà li s-sanzjoni tiġi mmodulata fir-rigward tal-gravità tal-ksur ( 62 ).

50.

F’dan il-każ, jekk, kif intqal, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti f’li wieħed ikun offra għall-bejgħ ħwejjeġ li fuqhom kienu mwaħħla trade marks simili għal trade marks irreġistrati, ġie kkunsidrat mill-prosekutur pubbliku li jaqa’ taħt ir-reat imsemmi fl-Artikolu 172b(2) tan-NK, fid-dawl tal-gravità tad-dannu li jirriżulta minnu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata preċiża tal-kunċett ta’ “effetti gravement dannużi” skont l-Artikolu 172b(2) tan-NK, kemm fl-astratt kif ukoll fir-rigward tal-każ konkret, biex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’iktar elementi ta’ evalwazzjoni minbarra dawk diġà indikati. Fi kwalunkwe każ, hija dik il-qorti li għandha tipproċedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża inkwistjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, biex teżamina b’mod konkret il-proporzjonalità tal-piena ta’ priġunerija applikabbli fir-rigward tal-aġir inkriminat u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu u, fejn meħtieġ, li jiġi adattat il-livell ta’ din il-piena għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, sa fejn ikun possibbli bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilha, inkluża kull setgħa ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-fatti li għalihom G. ST. T. qiegħda tinżamm responsabbli minn reat taħt l-Artikolu 172b(2) tan-NK għal reat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

51.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kumulu permess mill-Artikolu 172b(2) tan-NK bejn multa u piena ta’ priġunerija, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tikkjarifika li l-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għandu jkun akkumpanjat minn regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tkun tikkorrispondi mal-gravità tar-reat inkwistjoni u li tali rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta, iżda wkoll mill-Artikolu 52(1) tagħha ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li dan ir-rekwiżit japplika, mingħajr eċċezzjoni, għas-sanzjonijiet kollha imposti b’mod kumulattiv u, għalhekk, kemm għall-kumulu ta’ sanzjonijiet tal-istess natura kif ukoll għall-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura differenti, bħal dak ta’ sanzjonijiet pekunjarji u pieni ta’ priġunerija ( 64 ).

52.

F’dan il-każ, għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-applikazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tivverifika jekk hemmx dispożizzjonijiet li jistgħu jiggarantixxu l-adegwatezza tas-severità tat-totalità ta’ sanzjonijiet previsti, inklużi l-konfiska u l-qerda tal-beni suġġetti tal-ksur, għal dak li huwa strettament meħtieġ b’rabta mal-gravità tar-reat imwettaq u jekk dawn ir-regoli humiex applikabbli fil-proċeduri kriminali kontra G. ST. T.

53.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, huwa għalhekk meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari li l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fid-dawl tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni ta’ trade mark irreġistrata, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali kemm ta’ natura detentiva kif ukoll ta’ natura pekunjarja li s-severità tagħhom ma hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur imwettaq. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha effettivament twettaq tali eżami ta’ proporzjonalità, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li dawn is-sanzjonijiet jiġu mmodulati b’rabta mal-gravità tal-ksur offruta minn din il-leġiżlazzjoni, kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali sabiex jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-gravità tar-reat inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-oneru li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata, mill-kumulu tas-sanzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

IV. Konklużjoni

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari magħmula mir-Rayonen sad- Nesebar (il-Qorti Distrettwali ta’ Nesebar, il-Bulgarija) kif ġej:

“L-Artikolu 49(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissanzjona l-kontrafazzjoni tat-trade mark irreġistrata bl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni stabbilit f’din id-dispożizzjoni jirrikjedi li l-konfini tar-responsabbiltà kriminali jkunu ddefiniti b’mod ċar. Dan il-prinċipju ma jipprekludix li l-portata eżatta tal-elementi kostituttivi tar-reat ta’ kontrafazzjoni li jservu biex jiddistingwu lil dan tal-aħħar mir-reat amministrattiv tiġi ppreċiżata permezz ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali, sakemm din tal-aħħar tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu b’mod preċiż, fil-mument tat-twettiq tar-reat, liema atti u ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħhom.

L-Artikolu 49(3) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fid-dawl tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni ta’ trade mark irreġistrata, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali kemm ta’ natura detentiva kif ukoll ta’ natura pekunjarja, sa fejn is-severità ta’ dawn is-sanzjonijiet, meqjusa kemm separatament kif ukoll kumulattivament, ma tirriżultax proporzjonata għall-gravità tal-vjolazzjonijiet imwettqa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha effettivament twettaq tali eżami ta’ proporzjonalità, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li s-sanzjoni tiġi mmodulata b’rabta mal-gravità tal-ksur offruta minn din il-leġiżlazzjoni, kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali sabiex jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-gravità tar-reat inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-oneru li jirriżulta konkretament għall-persuna kkonċernata, mill-kumulu tas-sanzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 3 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 26).

( 4 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 26).

( 6 ) C‑235/17, EU:C:2018:971, punti 71 et seq.

( 7 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936).

( 8 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, EU:C:1994:116).

( 9 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397).

( 10 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198).

( 11 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346).

( 12 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, din kienet tikkonċerna azzjoni ta’ ksur li fiha l-Kummissjoni kienet, għall-ewwel darba, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata ksur awtonomu min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat ta’ dispożizzjoni tal-Karta. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital u l-Ungerija bbażat ruħha, sabiex tiġġustifika din ir-restrizzjoni, fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi relatati mal-interess pubbliku kif ukoll ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’tali ċirkustanzi, il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni kellha tiġi eżaminata kemm fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti mit-Trattat u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u għalhekk ipproċediet għal eżami konġunt tal-ilmenti separati mressqa mill-Kummissjoni. Ninnota li fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża (C‑235/17, EU:C:2018:971), l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe kien issuġġerixxa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ilment awtonomu tal-Kummissjoni bbażat fuq il-Karta.

( 14 ) C‑617/10, EU:C:2013:105 (iktar ’il quddiem is-senenza “Åkerberg Fransson”).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 27).

( 16 ) C‑66/18, EU:C:2020:792 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija”).

( 17 ) Il-GATS huwa inkluż fl-Anness 1B tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill [94/800/KE] (tat‑22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), (iktar ’il quddiem il-“Ftehim li jistabbilixxi l-WTO”).

( 18 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 19 ) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni kienet titlob lill-istituzzjonijiet edukattivi barranin stabbiliti barra ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bħala kundizzjoni biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi edukattivi fl-Ungerija, il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn dan l-Istat Membru u l-Istat ta’ oriġini, kif ukoll l-obbligu li wieħed joffri taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

( 20 ) Ara l-punt 69 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija.

( 21 ) Ara d-Deċiżjoni 94/800. Il-Ftehim tal-WTO daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1995.

( 22 ) Ara l-punti 70 u 71 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija.

( 23 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-ġurisprudenza li tibda mis-sentenza ERT, li taqa’ fit-tieni minn dawn il-kategoriji, ara il-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija fil-fatt imsemmija espressament fil-punt 214 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, insostenn ta’ ġustifikazzjoni distinta għall-applikazzjoni, fil-każ ineżami, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:172, punt 128).

( 25 ) C‑452/20, EU:C:2022:111 (iktar ’il quddiem is-sentenza “Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze”).

( 26 ) Dawn kienu l-Artikolu 5 TUE u l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014 L 127, p. 1, u r-rettifika ĠU 2015 L 150, p. 24). Fir-rigward ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma kinitx armonizzat l-aspetti tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lill-minuri (ara l-punti 24 sa 27).

( 27 ) Ara s-sentenza Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, punti 19 sa 32. L-FCTC ġiet approvata f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (ĠU 2004, L 213, p. 8).

( 28 ) Ara l-punt 33 tas-sentenza Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 58).

( 30 ) Ara l-Artikolu 2(3)(b).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 39 u 40). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 39).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 46).

( 33 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 45 sa 60).

( 34 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BCE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57).

( 35 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin et (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 65).

( 36 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BCE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, Kawża 203/80, Casati, Ġabra p. 2595, punt 27, u tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Kawża C‑226/97, Lemmens, Ġabra p. I 3711, punt 19.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑176/03, EU:C:2005:542, punt 48), għalkemm, fis-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑440/05, EU:C:2007:625, punt 70), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-kompetenza tal-Komunità Ewropea fir-rigward minflok tad-determinazzjoni tat-tip u l-livell tas-sanzjonijiet kriminali applikabbli.

( 40 ) Infakkar li fit‑12 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri penali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intellettwali jkunu mħarsa (COM(2005) 276 finali), emendata fis‑26 ta’ April 2006 (COM(2006)168 finali, iktar ’il quddiem il-“Proposta Emendata għal Direttiva”). Din il-proposta, inizjalment ibbażata fuq l-Artikolu 95 KE u, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fuq l-Artikolu 83(2) TFUE ġiet irtirata fl-2010 (ĠU 2010, C‑252, p. 7).

( 41 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, INSS (Pensjoni tar-romol ibbażata fuq relazzjoni ta’ konkubinaġġ) (C‑244/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:854, punt 61).

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, EU:C:1982:362, punt 12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kupferberg”).

( 43 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 59).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 58).

( 45 ) Ara s-sentenza Kupferberg, punti 13 u 14.

( 46 ) Nirrileva wkoll li, kieku dan kien il-każ, il-Karta kienet tapplika skont id-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni bis-saħħa tal-kompetenza interna tagħha.

( 47 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, punt 74. B’dan l-argument l-Ungerija qajmet l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu konjizzjoni tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

( 48 ) Kif rajna, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-aspetti relatati mal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lil minuri.

( 49 ) Ara d-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni) (ĠU 2015 L 336, p. 1), rettifika ĠU L 110, 26.4.2016, p. 5, u r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 50 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:441, punti 66 u 67).

( 51 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, JI (C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 37).

( 53 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 41).

( 55 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2013, fil-Kawża Nru 1/2013.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 52 u 53).

( 57 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K.M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd) (C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 36).

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Landespolizeidirektion Steiermark et (Magni tal-logħob tal-ażżard) (C‑231/20, EU:C:2021:845, punt 45).

( 59 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 45).

( 60 ) Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, fil-proposta emendata għal direttiva, il-Kummissjoni enfasizzat kif il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u l-piraterija tikkostitwixxi għan ta’ importanza fundamentali għall-Unjoni.

( 61 ) Bħala paragun, il-proposta emendata għal direttiva kienet tipprevedi l-applikazzjoni ta’ piena massima ta’ mhux inqas minn 4 snin priġunerija għall-istess reat meta jitwettaq fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali jew meta jinvolvi riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni.

( 62 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Frar 2021, K.M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd) (C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 51) u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski (C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 26).

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Procura della Repubblica (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 55).

( 64 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 50).