Official Journal L 167 , 24/06/1981 P. 0031 - 0038
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0119
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0031
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0119
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 3 P. 0031
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 1981 li tistabbilixxi l-kriterji li skond dawn l-informazzjoni dwar l-inventarju ta’ sustanzi kimiċi tingħata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (81/437/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 79/831/KEE [2] u, partikolarment l-Artikolu 13 (3) tagħha, Billi l-Artikolu 13 (1) tad-Direttiva 67/548/KEE jipprovdi għat-tħejjija ta’ inventarju ta’ sustanzi li jeżistu fis-suq tal-Komunità sat-18 ta’ Settembru 1981; billi l-Kummissjoni, fit-tħejjija ta’ dan l-inventarju, għandha tqis l-Artikoli 1 (4) u 8 tad-Direttiva msemmija; Billi, għal raġunijiet ta’ ħin u spejjeż jeħtieġ, biex jitħejja l-inventarju, li tintuża teknika komposta ibbażata fuq inventarju bażiku supplimentat b’dikjarazzjonijiet mill-fabbrikanti jew importaturi li juri l-eżistenza fis-suq tal-Komunità ta’ sustanzi mhux inklużi fl-inventarju bażiku; Billi l-inventarju bażiku mħejji mill-Kummissjoni li jqis l-opinjoni tal-Kumitat fuq l-Adattament għall-Progress Tekniku għandu jitħejja skond id-data li minnha wieħed jista’ jassumi raġonevolment u oġġettivament li s-sustanzi murija fih jeżistu fis-suq tal-Komunità; Billi huwa meħtieġ li jsiru disposizzjonijiet li jippermettu l-introduzzjoni tal-proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ sustanzi għall-inklużjoni fl-inventarju lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, b’din id-dikjarazzjoni tkun valida għas-suq tal-Komunità; Billi huwa kunsiljabbli wkoll li jkun stipulat li d-disposizzjonijiet dwar il-proċedura tad-dikjarazzjoni u l-iskeda taż-żmien li għandha tkun rispettata tkun adottata fuq livell tal-Komunità; Billi l-miżuri provduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Adattament mal-Progress Tekniku tad-Direttivi dwar it-Tneħħija ta’ Ostakoli Tekniċi Għall-Kummerċ f’Sustanzi u Preparazzjonijiet Perikolużi, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Biex jippermettu lill-Kummissjoni li tħejji inventarju provdut fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 67/548/KEE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li l-fażijiet u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 2 u 3 u fl-Anness huma osservati b’mod korrett. Artikolu 2 1. L-inventarju ta’ sustanzi kimiċi li jeżistu fis-suq tal-Komunità sat-18 ta’ Settembru 1981, minn hawn ‘il quddiem msemmija bħala ‘Einecs’ (Inventarju Ewropew ta’ Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti), għandu jitħejja skond id-disposizzjonijiet provduti fit-Taqsima I ta’ l-Anness. 2. L-inventarju Einecs għandu jkun kompost minn inventarju bażiku, minn hawn ‘il quddiem msejjaħ bħala ‘Ecoin’ (Inventarju Bażiku Ewropew), iħejji mill-Kummissjoni mid-data għad-disposizzjoni tagħha, u ta’ lista ta’ sustanzi li huma s-soġġett ta’ dikjarazzjonijiet sussegwenti komunikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet provduti fit-Taqsima II ta’ l-Anness. Artikolu 3 Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw u jikkoordinaw ix-xogħol assoċjat mat-tħejjija ta’ l-inventarju Einecs. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni għandha tinnomina punt ta’ kuntatt. Għall-istess għan l-Istati Membri jistgħu jindikaw punti ta’ kuntatt nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ Ġunju 1981 l-indirizzi ta’ fejn għandhom jintbagħtu il-formoli tad-dikjarazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-indirizzi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 4 Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet ta’ ‘sustanzi’, ‘preparazzjoni’, ‘tpoġġija fis-suq’, għandhom ikunu kif msemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 67/548/KEE. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula f’Brussel, fil-11 ta’ Mejju 1981. Għall-Kummissjoni Karl-Heinz Narjes Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. [2] ĠU L 259, tal-15.9.1979, p. 10. -------------------------------------------------- ANNESS I. PROĊEDURA GĦALL-PREPARAZZJONI TA’ L-INVENTARJU EINECS Il-proċedura għandha tikkomprendi l-fażijiet li ġejjin: L-ewwel fażi - L-inventarju Ecoin għandu jkun preparat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ listi eżistenti ta’ sustanzi kimiċi. - Biex tkun faċilitata l-komprensjoni ta’ l-inventarju bażiku Ecoin, il-Kummissjoni għandha tipprepara dokument spjegattiv li jikkomprendi: - indiċi li jkollu n-nomenklatura tas-sustanzi identifikati min-numri tar-reġistru SAK, - indiċi alfabetiku tan-nomenklatura tas-sustanzi identifikati min-numri tar-reġistru SAK, - indiċi tal-formuli molekolari tas-sustanzi kontenuti fl-inventarju bażiku Ecoin. - Biex jassisti l-persuni li jagħmlu dikjarazzjonijiet matul it-tieni fażi, il-Kummissjoni għandha tipprepara dokument ta’ ħidma msemmi ‘Kompendju ta’ sustanzi magħrufa’. Biex jiffaċilita l-użu tiegħu, għandu jkollu tliet indiċijiet: - indiċi li jkollu n-nomenklatura tas-sustanzi identifikati min-numri tar-reġistru SAK- kodiċi Einecs, - indiċi alfabetiku tan-nomenklatura tas-sustanzi identifikati min-numri tar-reġistru SAK- kodiċi Einecs, - indiċi tal-formuli molekolari tas-sustanzi elenkati fid-dokument ta’ ħidma. Sustanzi msemmija fid-dokument ta’ ħidma imma mhux elenkati fl-inventarju bażiku Ecoin m’għandhomx ikunu inklużi fl-inventarju Einecs ħlief jekk huma dikjarati. - Il-Kummissjoni għandha tipprepara wkoll b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri kollha u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità dokument spjegattiv msemmi ‘Rappurtaġġ għall-inventarju Einecs’. - Wara li jintbagħtu id-dokumenti kollha msemmija hawn qabel lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-Ecoin fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-forma ta’ numru Ecoin/elenku tan-numru tar-reġistru SAK. It-tieni fażi - Dikjarazzjoni ta’ sustanzi li jeżistu bħala tali jew bħala ingredjenti f’preparazzjoni fis-suq tal-Komunità sat-18 ta’ Settembru 1981 imma li mhumiex elenkati fl-inventarju bażiku Ecoin jistgħu jsiru mill-fabbrikant jew minn kull persuna oħra residenti fil-Komunità li jkun qiegħed din/dawn is-sustanza(sustanzi) fis-suq u li minn hawn ‘il-quddiem hija msemmija bħala ‘il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni’. - Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-indirizz(i) nazzjonali rispettiv(i) msemmi(ja) fl-Artikolu 3. - Dikjarazzjonijiet ta’ sustanzi jistgħu jsiru biss permezz ta’ forom approprjati disponibbli mill-istess indirizz(i). Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-persuni li jagħmluhom lill-istess indirizzi sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ l-inventarju bażiku Ecoin fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. - Ir-regoli li għandhom ikunu segwiti fil-preparazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u l-facsimiles tal-formuli huma preżentati fit-Taqsima II ta’ dan l-Anness. - L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni l-parti approprja tal-formuli tad-dikjarazzjoni kompletati mill-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 30 jum wara li tirċevihom. - Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni ma jistax jaċċetta xi formula ta’ dikjarazzjoni wara data 12-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ l-inventarju bażiku Ecoin fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. It-tielet fażi - Il-Kummissjoni għandha tħejji inventarju Einecs mill-inventarju bażiku Ecoin, u żżid miegħu s-sustanzi dikjarati lill-Istati Membri li jkunu żguraw it-trasmissjoni tal-parti approprja tad-dikjarazzjonijiet korrispondenti. - Matul l-eżaminazzjoni u l-ipproċessar tad-diversi formuli tad-dikjarazzjoni tas-sustanza mill-Kummissjoni, kjarifika ta’ ċerti punti (eż. żball fl-ennumerazzjoni SAK, żball fin-nomenklatura, eċċ) jistgħu jkunu meħtieġa. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tibgħat talba bil-miktub għall-informazzjoni lill-Istat Membru li għandu jgħaddiha lill-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni f’perjodu ta’ 15-il ġurnata. - Il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha twieġeb bil-miktub f’perjodu ta’ 45 ġurnata għat-talba mibgħuta mill-Istat Membru. Din ir-risposta għandha tintbagħat lill-kuntatt tal-Kummissjoni fi żmien 15-il ġurnata. - Jekk l-ebda risposta ma ssir f’perjodu ta’ 90 ġurnata mid-data tat-talba għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li jkollha wara li tikkonsulta l-Istat Membru. Jekk wieħed jew aktar punt(i) ta’ kuntatt kien(u) indikat(i) għandu/għandhom jesegwixxi/u għall-Istat Membru il-ħidmiet msemmija hawn fuq. Ir-raba’ fażi L-inventarju Einecs għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. II. REGOLI GĦALL-PREPARAZZJONI TAD-DIKJARAZZJONIJIET 1. Kull sustanza kif mfissra fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni li tilħaq wieħed mill-kriterji elenkati hawn isfel tista’ tkun dikjarata: (a) is-sustanza kellha tkun impoġġija fis-suq għall-għanijiet kummerċjali ġenwini bejn l-1 ta’ Jannar 1971 u t-18 ta’ Settembru 1981, inklużivi; (b) is-sustanza hija forma monomera li minnha polymerizates, polycondensates u polyadducts li jeżistu fis-suq bejn l-1 ta’ Jannar 1971 u t-18 ta’ Settembru 1981, inklużivi, kienu manifatturati. 2. Kull sustanza li tilħaq wieħed mill-kriterji elenkati hawn isfel m’għandiex tkun dikjarata: (a) kull sustanza mpoġġija fis-suq bejn l-1 ta’ Jannar 1971 u t-18 ta’ Settembru 1981, inklużivi, esklussivament għall-iskopijiet ta’ riċerka, żvilupp u/jew skopijiet analitiċi; (b) kull taħlita intenzjonali; (c) kull impurità mingħajr valur kummerċjali bħala tali; (d) kull polymerizate, polycondensate jew polyadduct. 3. Kif issir dikjarazzjoni: (a) Biex tiddikjara sustanza li mhix inkluża fl-inventarju bażiku Ecoin imma li hija elenkata fid-dokument ta’ ħidma ‘Kompendju ta’ sustanzi magħrufa’, il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tuża l-formula A (li facsimile tagħha tinsab preżentata hawn taħt) u tibgħatha lill-indirizz(i) nazzjonali debitament kompletata u iffirmata. (b) Biex tiddikjara sustanza li la hija inkluża fl-inventarju bażiku Ecoin u lanqas fid-dokument ta’ ħidma ‘Kompendju ta’ sustanzi magħrufa’, imma li għaliha huwa magħruf numru tar-reġistru tas-Servizz ta’ l-Astratt Kimiku (SAK), il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tuża l-formula B (li facsimile tagħha tinsab preżentata hawn taħt) u tibgħatha lill-indirizz(i) nazzjonali debitament kompletata u iffirmata. (c) Biex tiddikjara sustanza li la hija inkluża la fl-inventarju bażiku Ecoin u lanqas fid-dokument ta’ ħidma ‘Kompendju ta’ sustanzi magħrufa’ u li għaliha mhux magħruf numru tar-reġistru tas-Servizz ta’ l-Astratt Kimiku (SAK), il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tuża l-formula Ċ (li facsimile tagħha tinsab preżentata hawn taħt) u tibgħatha lill-indirizz(i) nazzjonali debitament kompletata u iffirmata. Meta tkun qed timla l-Formula Ċ, il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tiddeskrivi s-sustanza kimika f’kemm jista’ jkun dettall, waqt li tħares l-istruzzjonijiet misjuba fid-dokument ‘Rappurtaġġ għall-inventarju Einecs’. Gwida oħra biex isiru d-dikjarazzjonijiet tingħata fid-dokument ‘Rappurtaġġ għall-inventarju Einecs’. +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------