European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1123

4.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1123

tas-26 ta’ Mejju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(2) u l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/593 (2) u daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2019.

(2)

Skont l-Artikolu 11(d) tal-Ftehim, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (il-“Bord tal-Gvernaturi”) jista’ jadotta regolamenti tal-persunal abbażi ta’ proposta tad-Direttur Eżekuttiv.

(3)

Il-Bord tal-Gvernaturi, wara l-Għaxar Laqgħa Ordinarja tiegħu fl-24 ta’ Mejju 2024, għandu jadotta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(4)

Ir-Regolamenti tal-Persunal ser jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg u jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal li jaħdem għall-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK, li hija rrappreżentata legalment mid-Direttur Eżekuttiv.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi, peress li l-adozzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal teħtieġ l-approvazzjoni tal-membri tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK.

(6)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Bord tal-Gvernaturi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, permezz ta’ proċedura bil-miktub, fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (il-“Bord tal-Gvernaturi”) dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Bord tal-Gvernaturi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (ĠU L 103, 12.4.2019, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/593/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/593 tat-8 ta’ April 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (ĠU L 103, 12.4.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/593/oj).


ABBOZZ

REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL TAL-FONDAZZJONI INTERNAZZJONALI UE-ALK

Artikolu 1

Għan u Ambitu tal-Applikazzjoni

1.   Dawn ir-Regolamenti tal-Persunal (ir-“Regolamenti”) jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal li jaħdem għall-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK (il-“Fondazzjoni UE-ALK” jew il-“Fondazzjoni”), li hija rrappreżentata legalment mid-Direttur Eżekuttiv. Dawn ir-Regolamenti jistabbilixxu wkoll l-istandards ġenerali tax-xogħol li jirregolaw il-ġestjoni amministrattiva u tax-xogħol bejn il-Fondazzjoni UE-ALK u l-persunal tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-ħidma titwettaq f’qafas trasparenti u effiċjenti. Dawn ir-Regolamenti ma għandhomx jikkontradixxu la l-Ftehim Kostituttiv tal-Fondazzjoni UE-ALK (“il-Ftehim”) u lanqas il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali ffirmat bejn il-Fondazzjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (il-“Ftehim HQ, Headquarters Agreement”); f’każ ta’ kunflitt, il-Ftehim u l-Ftehim HQ, f’dik l-ordni, għandhom jipprevalu.

2.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu applikati għall-persunal permanenti jew temporanju kollu li jaħdem għall-Fondazzjoni UE-ALK.

Artikolu 2

Persunal u Reklutaġġ

1.   Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jkun magħmul minn individwi li jiffirmaw kuntratt ta’ impjieg mal-Fondazzjoni sabiex iwettqu d-dmirijiet relatati mal-pożizzjonijiet speċifiċi fl-istruttura organizzattiva approvata mill-Bord tal-Gvernaturi abbażi ta’ proposta tad-Direttur Eżekuttiv.

2.   Individwi li jkunu nħatru jew ġew issekondati minn kwalunkwe Membru tal-Fondazzjoni, sħab strateġiċi, jew organizzazzjonijiet jew entitajiet oħra relatati mal-Fondazzjoni, bi qbil magħha, għandhom jitqiesu bħala parti mill-persunal tagħha. Madankollu, f’dawn il-każijiet speċifiċi, il-kostijiet kollha tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji soċjali, l-kostijiet tal-ivvjaġġar u tat-trasferiment, l-oġġetti domestiċi u l-gratifiki ta’ insedjament, u r-ripatrijazzjoni, jekk ikun meħtieġ, għandhom jitħallsu mill-pajjiż, mis-sieħeb strateġiku, mill-organizzazzjoni jew mill-entità li taħtar jew tissekonda lill-persuna inkwistjoni. L-individwi għandhom jitqiesu bħala persunal tal-Fondazzjoni matul il-perjodu li fih iwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew assenjati, u dan l-istatus għandu jintemm meta jitlestew dawn id-dmirijiet, mingħajr ma dan jiġġenera xi responsabbiltà min-naħa tal-Fondazzjoni.

3.   Kwalunkwe persuna li tingħaqad mal-Fondazzjoni bħala trainee għal perjodu ta’ żmien limitat u stabbilit minn qabel bħala parti mit-taħriġ edukattiv tagħha, jew għal skopijiet ta’ riċerka, għandha titqies ukoll bħala parti mill-persunal tagħha. It-trainees jistgħu jkunu intitolati li jirċievu indennizz ta’ kull xahar mill-Fondazzjoni biex jgħin ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tagħhom.

4.   Il-politika ta’ reklutaġġ tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jkollha l-għan li tikkuntratta membri tal-persunal kompetenti u effiċjenti ħafna u għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni.

5.   Ir-reklutaġġ tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jitwettaq permezz ta’ proċessi tal-għażla miftuħa, oġġettivi, imparzjali u trasparenti, abbażi ta’ kriterji li huma strettament imfassla biex jiddeterminaw jekk il-kandidati humiex adatti, esperjenzati u kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet relatati mal-pożizzjoni li għaliha qed japplikaw.

6.   Minkejja dan ta’ hawn fuq, id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprova, kemm jista’ jkun, iżomm distribuzzjoni bbilanċjata bejn is-sessi u ġeografikament bireġjonali.

7.   Meta tirrekluta membri tal-persunal, il-Fondazzjoni UE-ALK għandha teħtieġ prova tal-kredenzjali akkademiċi u/jew l-esperjenza meħtieġa fir-rigward tal-pożizzjoni vakanti.

8.   L-impjieg kollu għandu jkun irregolat minn kuntratt ta’ impjieg bil-miktub, li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur Eżekuttiv u l-kandidat magħżul.

9.   Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK jista’ jiġi kkuntrattat:

(a)

għal perjodu speċifiku/terminu fiss. – Kuntratt ta’ impjieg iffirmat mill-Fondazzjoni UE-ALK mal-kandidat magħżul għal perjodu speċifiku, li jista’ jiġġedded sa tliet darbiet, bi qbil reċiproku tal-partijiet, għal total ta’ mhux aktar minn sentejn (2); jew

(b)

fuq bażi miftuħa. – Kuntratt ta’ impjieg iffirmat mill-Fondazzjoni UE-ALK ma’ membri tal-persunal li, għal raġunijiet validi, il-Fondazzjoni tixtieq iżżomm bħala parti minnha, u li diġà ħadmu għaliha għal mill-inqas sentejn (2).

10.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-perjodi u t-termini ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ impjieg mogħtija lill-membri tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK. L-ewwel kuntratt ta’ impjieg iffirmat għandu, fil-każijiet kollha, ikun għal perjodu massimu ta’ sentejn.

11   F’termini ta’ nazzjonalità, il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jiġi reklutat miċ-ċittadini tal-Membri tal-Fondazzjoni.

12   Il-membri tal-persunal ikkuntrattat mill-Fondazzjoni UE-ALK għandu jappartjeni għall-kategorija li tikkorrispondi għall-għarfien u l-esperjenza speċifiċi meħtieġa għal kompiti relatati ma’ dawk li għalihom ikunu qed jiġu kkuntrattati. Għaldaqstant, u f’konformità mal-funzjonijiet li huma fdati bihom, u li għandhom jiġu stabbiliti fl-istruttura tal-persunal approvata mill-Bord tal-Gvernaturi, huma għandhom jkollhom kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ karigi li ġejjin:

(a)

kariga ta’ ġestjoni eżekuttiva;

(b)

kariga professjonali; jew

(c)

kariga teknika u/jew amministrattiva.

13.   Il-persunal fil-livell eżekuttiv u professjonali għandu b’mod ġenerali jkun intitolat għall-“Gratifika ta’ Insedjament u Spejjeż tar-Ritorn” deskritti fl-Artikolu 4, ħlief jekk jiġi deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Gvernaturi abbażi tar-rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

14.   Il-persunal eżekuttiv u professjonali li, fil-mument li jiġi impjegat, jgħix aktar minn 150 kilometru ’l bogħod mill-Belt ta’ Hamburg u li, bħala riżultat tal-impjieg tiegħu mill-Fondazzjoni, jeħtieġ li jirriloka hemmhekk, għandu jkun intitolat li jirċievi finanzjament biex ikopri l-kostijiet taċ-ċaqliq u l-gratifika tal-insedjament. Huma għandhom ikunu intitolati wkoll li jkollhom ċerti kostijiet ta’ ritorn rimborżati, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fl- “Artikolu 4 – Drittijiet u Benefiċċji”.

15.   Il-persunal eżekuttiv u professjonali għandu jlesti perjodu ta’ prova ta’ sitt xhur, li warajh il-kuntratt ta’ impjieg għandu jitqies ikkonfermat sakemm ma jingħatax avviż bil-miktub mod ieħor. Il-perjodu ta’ prova ma għandux japplika f’każijiet ta’ tiġdid jew estensjonijiet suċċessivi tal-kuntratt ta’ impjieg.

16.   Il-persunal tekniku u/jew amministrattiv għandu b’mod ġenerali jkun intitolat għall- “Gratifika ta’ Insedjament u Spejjeż tar-Ritorn” deskritti fl-Artikolu 4, ħlief jekk jiġi deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Gvernaturi abbażi tar-rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

17.   Il-kostijiet taċ-ċaqliq u tal-gratifika ta’ insedjament għall-persunal eżekuttiv u/jew professjonali li jkun reklutat fil-livell professjonali u eżekuttiv waqt li jkun qed jgħix f’Hamburg jew f’raġġ ta’ 150 kilometru minnha għandu jiġi allinjat mal-kostijiet taċ-ċaqliq u tal-gratifika għall-persunal eżekuttiv u professjonali.

18.   Il-persunal tekniku u amministrattiv għandu jlesti perjodu ta’ prova ta’ sitt xhur, li warajh il-kuntratt ta’ impjieg għandu jitqies ikkonfermat sakemm ma jingħatax avviż bil-miktub mod ieħor. Il-perjodu ta’ prova ma għandux jiġi applikat f’każijiet ta’ tiġdid jew estensjonijiet suċċessivi tal-kuntratt ta’ impjieg. It-tul tal-perjodu ta’ prova jista’ jiġi aġġustat kif xieraq fil-każ ta’ kuntratti ta’ impjieg ta’ perjodu limitat.

19.   Il-kuntratti kollha ta’ impjieg għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol applikabbli tal-pajjiż ospitanti skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim HQ.

20.   Il-membri tal-persunal għandhom jibdew jakkumulaw ir-remunerazzjonijiet mill-jum miftiehem mill-partijiet bħala d-data tal-bidu tal-impjieg.

21.   Ir-remunerazzjonijiet magħmulin fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-membri tal-persunal għandhom jitħallsu fuq bażi ta’ kull xahar, fl-aħħar ġimgħa ta’ kull xahar.

22.   Il-post tal-impjieg huwa Hamburg, il-Ġermanja, fejn il-Fondazzjoni għandha l-kwartieri ġenerali tagħha.

Artikolu 3

Dmirijiet u Obbligi

1.   Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jikkonforma mar-responsabbiltajiet tiegħu u jwettaq dmirijietu b’mod oġġettiv u imparzjali, filwaqt li jpoġġi l-lealtà tiegħu lejn il-Fondazzjoni l-ewwel u fid-dawl tal-interessi tagħha biss u esklużivament. Huma għandhom ikunu kompletament responsabbli għall-atti tagħhom meta jwettqu dmirijiethom u għandhom ikunu soġġetti għall-awtorità u l-ġestjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK ma għandux jinvolvi ruħu fi kwalunkwe att li jista’ jkun inkompatibbli mat-twettiq xieraq ta’ dmirijietu. Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK ma jistax:

(a)

jitlob jew jaċċetta struzzjonijiet dwar it-twettiq ta’ dmirijietu minn kwalunkwe gvern, entità jew persuna barra l-Fondazzjoni UE-ALK; jew

(b)

jaċċetta unuri, dekorazzjonijiet, rigali jew remunerazzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew sors barra l-Fondazzjoni UE-ALK meta jkun ċar li dan jikkomprometti jew raġonevolment jitqies li jikkomprometti l-oġġettività u l-indipendenza tal-membru tal-persunal u jagħmel ħsara lill-immaġni tal-Fondazzjoni UE-ALK. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata biss, l-ewwel nett, fuq il-bonsens tal-membru tal-persunal fiċ-ċirkostanzi partikolari, u jekk meħtieġ, tista’ tiġi kkonfermata mid-Direttur Eżekuttiv f’każijiet rilevanti.

2.   Il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fondazzjoni UE-ALK l-għarfien u l-esperjenza kollu tiegħu. Ma għandhom jirrendu l-ebda impjieg sekondarju mħallas u attiv li jista’ jkun inkonsistenti mal-interessi tal-Fondazzjoni UE-ALK, jew li jista’ jkollu influwenza negattiva fuqha. Dan ma japplikax għal pożizzjonijiet “inattivi” jew attivitajiet minuri ta’ konsulenza jew taħriġ bħala membri ta’ gvern nazzjonali jew bħala membri tal-persunal ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE, organizzazzjoni intergovernattiva jew ta' organizzazzjoni simili. F'każijiet bħal dawn, l-attivitajiet għandhom jiġu awtorizzati mid-Direttur Eżekuttiv u fil-każ tad-Direttur Eżekuttiv mill-Bord tal-Gvernaturi.

3.   Il-privileġġi u l-immunitajiet li l-Fondazzjoni UE-LAC u l-persunal tagħha jingħataw m’għandhomx jeżentaw lill-persunal milli jwettaq l-obbligi privati tiegħu jew dawk li jappartjenu għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri tal-Fondazzjoni, speċjalment dawk tal-pajjiż u l-belt ospitanti tal-Fondazzjoni skont il-Ftehim HQ. Il-membri tal-persunal għandhom jinnotifikaw lid-Direttur Eżekuttiv bi kwalunkwe sitwazzjoni konfliġġenti mal-awtoritajiet ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-Fondazzjoni, fir-rigward tal-immunitajiet u l-privileġġi proporzjonati mal-istatus tagħhom bħala membri tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK.

4.   L-użu mhux xieraq ta’ waħda jew aktar minn dawn il-prerogattivi għandu jitqies bħala mġiba ħażina serja u jista’ jwassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg rispettiv, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe responsabbiltà oħra li tista’ teżisti.

5.   Il-membri tal-persunal għandhom iġibu ruħhom b’mod etiku u professjonali meta jwettqu dmirijiethom, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ membri oħra tal-persunal, u meta jipprovdu informazzjoni u data lill-Fondazzjoni UE-ALK, kif ukoll, lill-partijiet ikkonċernati esterni tagħha. Bl-istess mod, huma għandhom jittrattaw kwalunkwe informazzjoni istituzzjonali privileġġata li jista’ jkollhom, jew li jista’ jkollhom aċċess għaliha, bil-kunfidenzjalità dovuta, kif espress fl-Annessi rispettivi tal-kuntratti ta’ impjieg.

Artikolu 4

Drittijiet u Benefiċċji

1.   Il-persunal kollu huwa intitolat li jiġi ttrattat b’rispett u skont regoli ċari u trasparenti. Barra minn hekk, l-ispazju tax-xogħol għandu jikkonforma mal-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali tal-pajjiż ospitanti.

2.   Sabiex jeżerċitaw u jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti mill-Fondazzjoni UE-ALK, l-individwi li ġejjin għandhom jitqiesu li huma dipendenti tal-persunal:

(a)

il-konjugi jew is-sieħeb permanenti tal-membru tal-persunal li ma jkollux l-introjtu tiegħu stess jew li ma jkunx jista’ jaħdem b’mod permanenti;

(b)

l-ulied tal-membru tal-persunal li jkollhom anqas minn 18-il sena; u

(c)

l-ulied tal-membru tal-persunal ta’ aktar minn 18-il sena sal-età ta’ 25 sena, sakemm ikunu f’edukazzjoni għolja – studji universitarji jew tekniċi – u huma ekonomikament dipendenti fuq il-membru tal-persunal.

3.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha ġeneralment tagħti indennizz għall-kostijiet ta’ insedjament fil-bidu tal-kuntratt ta’ impjieg għal persunal eżekuttiv u professjonali. Il-gratifika ta’ insedjament sa massimu ta' xahar salarju nett għandha titħallas mal-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn.

4.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tkopri wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, u tirrimborsa l-kostijiet tat-trasferiment, inkluża l-assigurazzjoni kontra riskji ordinarji bl-ajru, bl-art jew bil-baħar għall-għamara u l-oġġetti personali, soġġett għall-preżentazzjoni tal-irċevuti, iċ-ċertifikati, jew dokumentazzjoni ta’ sostenn rilevanti oħra. L-ammont li għandu jiġi rimborżat mill-Fondazzjoni għaċ-ċaqliq interkontinentali ma għandux jaqbeż l-EUR 10. 000 u jista’ jiġi trasferit lill-persunal malli jirċievi l-fattura finali u l-konferma ta’ sodisfazzjon bis-servizz ipprovdut. Il-membru tal-persunal għandu fil-każijiet kollha jehmeż mill-inqas tliet offerti minn kumpaniji differenti, sabiex jagħti prova li l-kumpanija magħżula kienet l-aktar waħda konvenjenti u kosteffettiva. Dawn il-kostijiet għandhom ikunu koperti għall-persunal u d-dipendenti tagħhom fil-bidu tal-kuntratt ta’ impjieg tagħhom u meta jintemm. Ir-ritorn jista’ jkun f’post differenti mill-post oriġinali tar-reklutaġġ, sakemm il-kostijiet ma jkunux ogħla mill--kostijiet tar-ritorn għall-post oriġinali tar-reklutaġġ. Il-kostijiet taċ-ċaqliq għandhom jkunu applikabbli wkoll għad-dipendenti ta’ tali persunal. Spejjeż fi tmiem il-kuntratt ta’ impjieg għandhom jingħataw bl-istipulazzjoni espressa li l-ftehim ta’ impjieg jintemm mhux qabel l-iskadenza tat-terminu inizjali tiegħu.

5.   Il-persunal għandu jkun intitolat għal tletin jum ta’ xogħol battala mħallsa għal kull sena sħiħa maħduma u pro rata għall-frazzjonijiet tas-sena maħduma. Il-persunal għandu jieħu l-btala li ma użax ta’ kwalunkwe sena partikolari b’mod sħiħ sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-iktar tard.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi perjodu annwali ta’ mistrieħ kollettiv għal massimu ta’ għaxart ijiem għall-perjodu tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida, li matulu l-uffiċċju tal-Fondazzjoni għandu jingħalaq u l-persunal tagħha għandu jiġi skużat mix-xogħol.

7.   Sakemm il-vaganza tkun kompatibbli mal-ammont ta’ xogħol, il-membri tal-persunal jistgħu jieħdu l-intitolament tagħhom liberament, wara li jkunu ġew awtorizzati mid-Direttur Eżekuttiv jew mill-persuna maħtura minnu.

8.   Il-persunal għandu jkun intitolat għal liv bi ħlas kif stabbilit f’kull mument partikolari mil-liġi applikabbli fil-pajjiż ospitanti u/jew fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Maternità – il-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK għandu jkun intitolat għal sitt (6) ġimgħat kalendarji ta' liv qabel it-twelid u sa total ta’ tmien (8) ġimgħat kalendarji wara (tnax-il (12) ġimgħa f’każ ta’ twelid multiplu jew twelid qabel it-terminu), li jistgħu jiġu akkumulati;

(b)

Paternità – il-Persunal għandu jkun intitolat għal għaxart (10) ijiem tax-xogħol ta’ liv wara l-ħlas;

(c)

Mewt/emerġenza domestika – Il-persunal għandu jkun intitolat sa massimu ta’ erbat (4) ijiem ta’ xogħol ta' liv f’każ ta’ mewt jew mard serju ta’ konjugi jew ta’ sieħeb permanenti, iben, bint, missier, omm, ħu jew oħt. Dan il-liv jista’ jiġi estiż sa sitt (6) ijiem tax-xogħol jekk l-membru tal-persunal ikollu jivvjaġġa barra mill-pajjiż ospitanti;

(d)

Mard – Il-persunal għandu jkun intitolat sa massimu ta’ sitt (6) ġimgħat ta’ liv fil-każ ta’ mard li jimpedixxih milli jaħdem. Madankollu, dan il-perjodu ta’ sitt ġimgħat għandu jibda mill-ġdid mal-bidu ta’ kull marda jekk ma jkunx dovut għall-istess marda sottostanti. Fil-każ li l-marda ma tkunx dovuta għall-istess marda bażika sottostanti, l-intitolament għandu jerġa’ jibda jew wara li jkunu għaddew sitt xhur mit-tmiem tal-aħħar liv tal-mard, jew wara li tkun għaddiet sena mill-bidu tal-ewwel liv tal-mard. Fi kwalunkwe każ, il-membru tal-persunal għandu jipprovdi ċ-ċertifikat mediku korrispondenti. Jekk le, l-assenza għandha titqies bħala mhux ġustifikata.

(e)

Tieġ Proprju – Il-persunal għandu jkun intitolat għal jum wieħed (1) ta' liv għat-tieġ tiegħu;

(f)

Korsijiet ta’ taħriġ – il-persunal għandu jkun intitolat sa ħamest (5) ijiem ta' liv fis-sena fil-każ ta’ attendenza jew parteċipazzjoni attiva f’seminars u konferenzi qosra li huma relatati direttament mat-Termini ta’ referenza tal-membru tal-persunal ikkonċernat;

(g)

Oħrajn – F’każijiet eċċezzjonali, il-persunal jista’ jkun intitolat għal liv, inkluż kumpens għal jiem mhux tax-xogħol maħduma jew kwalunkwe raġuni oħra, li d-Direttur Eżekuttiv jikkunsidra li tista’ tkun meħtieġa.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-proċeduri għall-għoti ta’ kwalunkwe liv bħal dan, li, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi approvat mid-Direttur Eżekuttiv jew mill-persuna li tkun ġiet espressament delegata b’tali responsabbiltajiet.

10.   Il-persunal għandu jkun intitolat għal liv mingħajr ħlas kif stabbilit f’kull mument partikolari mil-liġi applikabbli fil-pajjiż ospitanti u/jew fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Inkapaċità permanenti – il-persunal jista’ jkun intitolat għal liv mingħajr ħlas f'każ ta' inkapaċità permanenti li tipprevjeni totalment jew parzjalment lill-membru tal-persunal milli jaħdem;

(b)

Oħrajn – Il-persunal jista’ jkun intitolat għal liv mingħajr ħlas meta dan jiġi awtorizzat mid-Direttur Eżekuttiv.

11.   Għall-fini ta’ dawn ir-Regolamenti, l-inkapaċità għandha titqies li teżisti meta l-membru tal-persunal ikun totalment jew parzjalment impedit milli jaħdem, temporanjament jew permanentement, minħabba mard fiżiku jew mentali jew inċident.

12.   F’każijiet ta’ inkapaċità temporanja li ddum aktar minn sitt (6) xhur konsekuttivi jew sitt (6) xhur separati f’sena, jew fil-każ ta’ inkapaċità permanenti, il-Fondazzjoni UE-ALK tista’ tistipula li professjonist tas-saħħa maħtur mill-Fondazzjoni jiċċertifika l-perjodu ta’ inkapaċità, mingħajr preġudizzju għaċ-ċertifikat li t-tabib tal-membru tal-persunal stess seta’ pprovda.

13.   Il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tassigura lill-persunal tagħha, billi tipprovdilu l-kopertura li ġejja:

(a)

assigurazzjoni tal-ivvjaġġar għal assenjazzjonijiet tal-ivvjaġġar, inkluża assigurazzjoni tal-ħajja;

(b)

assigurazzjoni tas-saħħa statutorja, assigurazzjoni għall-kura fit-tul, u assigurazzjoni kontra l-inċidenti pprovduta mis-sistema Ġermaniża tas-sigurtà soċjali.

14   Id-dipendenti tal-membri tal-persunal għandhom ikunu intitolati għall-kopertura tal-ispejjeż mediċi f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi applikabbli fil-pajjiż ospitanti.

15.   Meta membru tal-persunal li ma kienx residenti fil-pajjiż ospitanti qabel l-impjieg tiegħu fil-Fondazzjoni jmut waqt li kien f’impjieg attiv, il-Fondazzjoni UE-ALK għandha tassumi l-ispejjeż relatati mar-ripatrijazzjoni tal-ġisem tal-mejjet. Id-dipendenti superstiti għandhom ikunu intitolati li jiġu ripatrijati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima “Gratifika ta’ Insedjament u Spejjeż ta’ Ritorn”.

Artikolu 5

Assenjazzjonijiet tal-Ivvjaġġar

1.   Għall-fini ta’ dawn ir-Regolamenti, l-assenjazzjonijiet tal-ivvjaġġar għandhom jitqiesu bħala dawk imwettqa mill-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK barra mill-post tax-xogħol fejn normalment iwettaq dmirijietu, sakemm ikun ġie awtorizzat bis-sħiħ u debitament mid-Direttur Eżekuttiv jew mill-persuna li tkun ġiet iddelegata espressament b’tali responsabbiltà.

2.   Il-persunal għandu jżomm il-passaport tiegħu u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar sabiex ikunu disponibbli biex iwettqu l-vjaġġi assenjati lilhom mill-Fondazzjoni UE-ALK biex jirrappreżentawha. Il-Fondazzjoni għandha tirrimborsa l-ispejjeż relatati mal-ħruġ tal-viżi korrispondenti malli tirċievi d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti.

3.   L-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar korrispondenti għal kull assenjazzjoni għandha tiġi debitament iffirmata kemm mill-membru tal-persunal inkwistjoni kif ukoll mid-Direttur Eżekuttiv, jew mill-persuna li tkun ġiet iddelegata espressament b’tali responsabbiltà, sabiex iwettaq proġett jew attività speċifika, u għandha tindika l-post, l-għan u t-tul tal-assenjazzjoni, l-itinerarju, il-mezzi u l-kostijiet tat-trasport u l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-għajxien, kif ukoll il-linja baġitarja, l-attività jew il-proġett li għalih ser jiġu allokati l-ispejjeż.

4.   Il-Fondazzjoni għandha tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-persunal fuq assenjazzjonijiet, inklużi l-kostijiet tat-trasport, tal-akkomodazzjoni u tal-għajxien, skont ir-rati per diem imsemmija fl-Anness 2, li jistgħu jiġu riveduti matul l-eżami annwali tal-baġit

Artikolu 6

Attendenza fuq il-Post tax-Xogħol

1.   Il-ħin tax-xogħol normali għandu jkun ta’ tmien (8) sigħat kuljum jew erbgħin (40) siegħa fil-ġimgħa. Il-ġimgħa tax-xogħol għandha tikkonsisti minn ħamest ijiem, mit-Tnejn sal-Ġimgħa inklużi. Sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel mid-Direttur Eżekuttiv, l-attendenza għax-xogħol matul il-jum tax-xogħol hija obbligatorja.

2.   Meta membru tal-persunal ma jkunx jista’ jattendi għax-xogħol għal kwalunkwe raġuni, huwa għandu jinnotifika lid-Direttur Eżekuttiv, jew lill-persuna li tkun ġiet espressament iddelegata għal dan l-għan, fil-waqt. F’każ ta’ mard, il-membru tal-persunal huwa obbligat jissottometti ċertifikat mediku qabel l-iskadenza tat-tielet (3) jum. Jekk il-marda taħbat nhar ta’ Ġimgħa jew it-Tnejn jew qabel jew wara btala, dejjem ikun meħtieġ ċertifikat mediku. Sa mhux aktar tard mill-aħħar jum tal-marda ċċertifikata, il-membru tal-persunal irid jinforma lid-Direttur Eżekuttiv, jew lill-persuna ddelegata għal dan il-għan, dwar assenza ulterjuri u huwa obbligat jissottometti l-attestazzjoni addizzjonali fi żmien tlett (3) ijiem oħra.

3.   Kwalunkwe assenza mhux ġustifikata mix-xogħol ta’ jumejn tax-xogħol konsekuttivi jew tlieta mhux konsekuttivi matul sena kalendarja waħda għandha titqies bħala abbandun tal-kariga u għanda tirriżulta fi twissija bil-miktub.

4.   Minbarra s-Sibtijiet u l-Ħdud, il-jiem mhux tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala dawk il-jiem li huma ddikjarati bħala jiem mhux tax-xogħol mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-Belt Ħielsa u Hanseatika ta’ Hamburg. Barra minn hekk, għandu jingħata xogħol ta’ ġurnata frank komuni lill-persunal kollu bħala kumpens għall-jiem Nazzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Imġiba ħażina u Penali

1.   Konformità mar-responsabbiltajiet u d-dmirijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg, dawn ir-Regolamenti, ir-Regolamenti Interni jew kwalunkwe dispożizzjoni interna oħra tal-Fondazzjoni UE-ALK għandha tkun ir-responsabbiltà tal-membru tal-persunal u n-nuqqas ta' konformità tista’ titqies bħala mġiba ħażina minuri jew serja skont iċ-ċirkostanzi.

2.   Il-membru tal-persunal għandu jitqies li jkun ikkommetta mġiba ħażina serja jekk ikun kiser jew wera mġiba li tkun inkompatibbli mal-obbligi essenzjali stabbiliti fil-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, dawn ir-Regolamenti, ir-Regolamenti Interni, jew kwalunkwe dispożizzjoni interna oħra tal-Fondazzjoni UE-ALK, b’tali mod li l-kontinwazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu ma tkunx vijabbli. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala istanzi ta’ mġiba ħażina serja:

(a)

ksur ripetut jew serju tad-dmirijiet relatati ma’ kariga speċifika;

(b)

involviment fi kwalunkwe waħda mill-inkompatibbiltajiet previsti;

(c)

imġiba b’mod mhux etiku, inklużi attivitajiet professjonali u tax-xogħol; u

(d)

kundanna b’sentenza finali mill-qorti.

3.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ksur ripetut għandu jitqies li jeżisti meta l-membru tal-persunal ikun ingħata żewġ twissijiet bil-miktub fi żmien sena, jew tliet twissijiet bil-miktub fi żmien sentejn. Min-naħa l-oħra, ksur serju ta’ dmir għandu jitqies li jeżisti meta l-membru tal-persunal ikun involut f’waħda jew aktar mill-istanzi l-oħra ta' mġiba ħażina serja previsti f'dan l-artikolu.

4.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-atti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala mġiba ħażina serja minħabba mġiba li hija inkompatibbli mal-qadi tad-dmirijiet:

(a)

li jitolbu jew jaċċettaw struzzjonijiet dwar it-twettiq ta’ dmirijiet minn kwalunkwe gvern, entità jew persuna barra mill-Fondazzjoni UE-ALK; jew

(b)

li jwettqu kwalunkwe attività li tkun inkompatibbli mal-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa mill-istatus ta’ membri tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK u li jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-Fondazzjoni.

5.   Għall-fini tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-atti li ġejjin għandhom jinftiehmu bħala imġiba mhux etika:

(a)

meta jiġi ppruvat li membru tal-persunal wettaq atti ta’ malafama, kalunnja jew libell kontra kwalunkwe membru tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK jew parti terza;

(b)

meta membru tal-persunal jiġi ppruvat li wettaq imġiba ħażina jew reati kontra d-deċenza u l-morali skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż li fih ikun twettaq l-imsemmi reat; u

(c)

il-fastidju;

(d)

l-approprjazzjoni reali jew jew tentattiva ta’ oġġetti jew servizzital-Fondazzjoni,, kif ukoll iż-żamma b’mod illeċitu jew l-użu mhux xieraq tagħhom għall-benefiċċju tal-tal-membru tal-persunal stess jew għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi, irrispettivament mill-valur tagħhom;

(e)

it-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza fiżika jew mentali fil-konfront ta’ membru tal-persunal ieħor tal-Fondazzjoni UE-ALK, kemm jekk fl-uffiċċju ospitanti jew l-uffiċċji ta’ fergħat kif ukoll jekk barra minnhom.

(f)

il-ħsara intenzjonata lil installazzjonijiet, tagħmir, strumenti, dokumentazzjoni u proprjetà oħra li tappartjeni għall-Fondazzjoni UE-ALK;

(g)

vandaliżmu;

(h)

sabotaġġ; u

(i)

abbandun tal-kariga.

Tali atti jistgħu jseħħu fl-uffiċċju ospitanti jew barra minnu. Fil-każ tal-aħħar, ir-raġuni għall-imġiba mhux etika għandha tkun relatata max-xogħol.

6.   Membri tal-persunal li jikkommettu mġiba ħażina għandhom ikunu soġġetti għal proċeduri dixxiplinari li għandhom jiggarantixxu proċess ġust. Skont il-gravità tal-imġiba ħażina, tista’ tittieħed waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

Twissija verbali – dan għandu jirriżulta mit-twettiq ta’ mġiba ħażina minuri. Id-Direttur Eżekuttiv, jew il-persuna li tkun ġiet iddelegata espressament b’tali responsabbiltà, għandu jamministra din il-penali f’tali termini li l-membru tal-persunal jirrikonoxxi l-implikazzjonijiet tal-imġiba ħażina mwettqa sabiex itejjeb l-imġiba tiegħu fil-futur.

(b)

Twissija bil-miktub – dan għandu jirriżulta minn:

(i)

it-twettiq ripetut ta’ mġiba ħażina minuri; jew

(ii)

it-twettiq ta’ mġiba ħażina li tinvolvi nuqqas ta’ attendenza għad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet li huma ddikjarati f’ dawn ir-Regolamenti jew f’dispożizzjonijiet interni oħra tal-Fondazzjoni UE-ALK, li l-karatteristiċi tagħhom għandhom jiġu deskritti bħala prova tal-imġiba ħażina penalizzata sabiex il-membru tal-persunal ikun jista’ jqis bis-sħiħ l-imġiba li għandha tiġi modifikata u l-konsegwenzi tal-atti tiegħu.

(c)

Sospensjoni – din għandha tirriżulta mir-ripetizzjoni ta’ mġiba ħażina wara t-tieni twissija bil-miktub. It-tul ta’ żmien tagħha jista’ jvarja skont il-valutazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

(d)

Tkeċċija – din għandha tirriżulta minn imġiba ħażina serja.

7.   Membru tal-persunal li huwa akkużat b’imġiba ħażina serja jista’ jiġi sospiż bil-paga waqt li l-fatti jiġu vverifikati, biss u esklużivament fil-każ li, fl-opinjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ikun hemm indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li din il-miżura hija ġġustifikata.

8.   Fi kwalunkwe każ, akkuża ta’ mġiba ħażina serja għandha tkun valida biss fuq bażi oġġettiva u verifikabbli, u, jekk tiġi ppruvata, tista’ tirriżulta fit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg rispettiv, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe responsabbiltà legali jew kriminali oħra li tista’ teżisti.

9.   B’dan, huwa stabbilit Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim, bl-għan tas-soluzzjoni amikevoli tal-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu bejn il-Fondazzjoni u l-persunal tagħha. Dan il-mekkaniżmu u r-riżultati tiegħu huma vinkolanti għaż-żewġ partijiet u huma deskritti fid-dettall fl-Anness 1.

Artikolu 8

Evalwazzjoni tal-Prestazzjoni tal-Persunal

1.   Il-membri kollha tal-persunal għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-prestazzjoni annwali individwali u kunfidenzjali. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi, bi qbil mal-persunal, il-passi speċifiċi biex titwettaq tali evalwazzjoni.

2.   Ir-riżultat tal-evalwazzjoni għandu jiġi ddokumentat kif xieraq.

Artikolu 9

Terminazzjoni ta’ Kuntratt ta’ Impjieg

1.   Ħlief fil-każ tad-Direttur Eżekuttiv, li għalih il-kundizzjonijiet tal-kuntratt huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, kwalunkwe kuntratt tal-impjieg għandu jintemm bħala riżultat ta’:

(a)

skadenza tal-perjodu tal-kuntratt ta’ impjieg;

(b)

riżenja tal-membru tal-persunal;

(c)

ftehim reċiproku bejn il-partijiet;

(d)

inkapaċità permanenti;

(e)

limitu tal-età;

(f)

rekwiżiti operazzjonali / kawżi oġġettivi; jew

(g)

tkeċċija minħabba mġiba ħażina serja/kawża ġusta;

2.   It-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg minħabba tkeċċija minħabba mġiba ħażina serja teżenta lill-Fondazzjoni UE-ALK milli tħallas kwalunkwe kumpens, mingħajr preġudizzju għall-ħlas ta’ danni lill-Fondazzjoni UE-ALK li jirriżultaw mit-twettiq tal-imġiba ħażina, li setgħet ġiet iddeterminata jew permezz ta’ soluzzjoni reċiproka, jew permezz ta’ proċedimenti arbitrarji jew ġudizzjarji.

3.   Il-limitu tal-età biex wieħed jaħdem bħala membru tal-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK huwa ta’ ħamsa u sittin (65) sena. Membri tal-persunal b’kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss fis-seħħ li jilħqu l-limitu tal-età stabbilit f’dan l-artikolu għandhom ikomplu jaħdmu bħala membri tal-persunal għall-Fondazzjoni sat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg. Il-Membri tal-persunal b’kuntratt indefinit għandhom itemmu s-servizz tagħhom malli jilħqu l-limitu ta’ età stabbilit.

4.   F’każijiet ta’ inkapaċità permanenti totali jew parzjali, il-Fondazzjoni tista’ ttemm il-kuntratt ta’ impjieg. Fi kwalunkwe każ, il-membru tal-persunal jista’ dejjem ikun intitolat jeżerċita d-dritt li jirriżenja.

5.   Kull parti (membri tal-persunal u l-Fondazzjoni UE-ALK) tista’ ttemm il-kuntratt ta’ impjieg b’avviż ta’ erba’ ġimgħat sal-aħħar ta’ xahar jekk it-tul tas-servizz ikun ta’ inqas minn ħames snin. Wara ħames snin ta’ servizz, il-perjodu ta’ notifika jiġi estiż għal xahrejn, u wara tmien snin ta’ servizz il-perjodu ta' avviż huwa estiż għal tliet xhur.

6.   Il-Fondazzjoni UE-ALK tista’ tittermina kuntratti ta’ impjieg fuq bażi individwali jew kollettiva għal kawżi oġġettivi, jew minħabba t-terminazzjoni tas-servizzi.

7.   Il-kawżi oġġettivi għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg mal-Fondazzjoni UE-ALK għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe kawża li tista’ tagħmilha impossibbli li jitħallsu s-salarji dovuti għas-servizzi pprovduti mill-membri tal-persunal.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet Finali

1.   Dawn ir-Regolamenti għandhom isiru effettivi, fuq bażi proviżorja, fil-jum li jiġu approvati mill-Bord tal-Gvernaturi. Dawn għandhom jissejħu r-“Regolamenti tal-Persunal tal- UE-ALK”. Ladarba l-Ftehim HQ bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Fondazzjoni jsir effettiv, dawn ir-Regolamenti għandhom jew jiġu aġġustati biex jallinjaw mal-Ftehim HQ jew għandhom jitqiesu definittivi jekk ma jkunu meħtieġa l-ebda aġġustamenti.

2.   Il-Fondazzjoni UE-ALK tista’ tikkuntratta konsulenti, esperti, jew oħrajn, fil-forma ta’ Ftehim dwar is-Servizzi, filwaqt li tafdahom bl-eżekuzzjoni ta’ proġetti jew kompiti speċifiċi waqt li l-ftehim ikun fis-seħħ. Kwalunkwe ftehim stabbilit b’din il-forma ma jimplikax l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg mal-Fondazzjoni UE-ALK u l-parti kontraenti, u lanqas kwalunkwe intitolament għad-drittijiet u l-benefiċċji previsti f’dawn ir-Regolamenti.

3.   Għall-fini ta’ dawn ir-Regolamenti, it-terminu “wild” jirreferi għal wild imwieled fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ, wild adottat u wild tar-rispett.

4.   Kwalunkwe benefiċċju jew dritt mogħti lill-persunal tal-Fondazzjoni UE-ALK minn dawn ir-Regolamenti għandhom isiru effettivi mid-data li fiha jintlaħaq qbil dwar il-bidu tar-responsabbiltajiet tiegħu.

5.   Il-persunal kollu, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, għandu jkun intitolat għall-benefiċċji u għandu jkun soġġett għall-obbligi stabbiliti mill-Ftehim, ir-Regolamenti Interni u dawn ir-Regolamenti, bit-termini li jappartjenu għall-kariga rispettiva tagħhom.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu joħroġ ir-regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa u suffiċjenti sabiex dawn ir-Regolamenti jkunu jistgħu jiġu applikati bis-sħiħ.

7.   Għall-aspetti rilevanti kollha mhux koperti minn dawn ir-Regolamenti, għandha tipprevali l-liġi applikabbli fil-pajjiż ospitanti.

ANNESS 1

Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-Fondazzjoni Internazzjonali UE-ALK

Dan il-Mekkaniżmu għandu żewġ istanzi: l-istanza Interna u – jekk meħtieġ – istanza Esterna.

1.   ISTANZA INTERNA: il-proċeduri quddiem il-Bord ta’ Riżoluzzjoni intern

1.1

Il-partijiet kollha involuti fi kwalunkwe tilwim u/jew nuqqas ta’ qbil b’rabta mar-relazzjoni ta’ impjieg għandhom jaħdmu biex isolvuhom b’mod amikevoli fi żmien raġonevolment rapidu, kull meta jkun possibbli.

1.2

Jekk ma tintlaħaqx riżoluzzjoni amikevoli, membru tal-persunal leż minn deċiżjoni maniġerjali (inklużi deċiżjonijiet impliċiti (1)) rigward ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-membru tal-persunal u l-Fondazzjoni, dment li jkollu interess dirett u eżistenti li jkun ġie affettwat b’mod negattiv, jista’ jressaq ilment kontriha, fejn jitlob li l-istess ilment jiġi kkunsidrat mill-ġdid, rieżaminat, emendat jew revokat, totalment jew parzjalment. Il-membru tal-persunal għandu jindirizza l-ilment tiegħu f’ittra lill-Bord ta’ Riżoluzzjoni, sakemm ir-rieżami jew l-att tal-maniġment ma jkunx qed jiġi kkontestat minn wieħed mill-membri tal-Bord ta’ Riżoluzzjoni li f’dan il-każ, huwa jista’ jippreżenta appell direttament skont § 2 hawn taħt. L-ilment għandu jsir bil-miktub, bl-Ingliż, u jiġi ppreżentat lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jirrikonoxxi li rċieva l-ilment, filwaqt li jiddikjara d-data tal-wasla f’kopja tal-ilment li għandu jintbagħat lura lill-membru tal-persunal.

1.3

Il-Bord ta’ Riżoluzzjoni għandu jkun magħmul minn tliet persuni: id-Direttur Eżekuttiv, id-Direttur tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni, u l-membru tal-persunal li dak il-mument huwa l-aktar membru ta’ kariga għolja tal-persunal. Il-Bord ta’ Riżoluzzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod simplifikat, mingħajr il-ħtieġa ta’ laqgħat speċjali. Fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Bord ta’ Riżoluzzjoni jista’, iżda ma għandux ikun obbligat, jitlob l-opinjoni ta’ konsulenti tal-Fondazzjoni relatata mas-suġġett tat-tilwima (eż. legali, tax-xogħol, tal-kontabbiltà, tat-taxxa);il-Bord ta’ Riżoluzzjoni ma għandux ikun obbligat jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li ma jkunx għamel dan jew, jekk għamel dan, li jipprovdi evidenza tal-opinjoni mitluba.

1.4

Ilment jista’ jkun ibbażat biss fuq ilment ikkawżat lill-membru tal-Persunal minn ksur tal-ftehim rilevanti dwar l-impjieg, dawn ir-Regolamenti jew b’xi mod ieħor għal regoli li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-membru tal-Persunal u l-Fondazzjoni.

1.5

L-ilment għandu jiġi ffirmat mill-ilmentatur u jiddeskrivi b’dettall suffiċjenti l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tiegħu, l-eżitu jew id-deċiżjoni tar-rieżami tal-maniġment li qed isir ilment kontriha, is-suġġett tal-ilment, ir-raġunijiet tal-ilment kif ukoll li jkun hemeż kwalunkwe evidenza bil-miktub jew evidenza oħra li l-ilmentatur iqis rilevanti għal dan l-għan. Jekk ikun meħtieġ, il-Bord ta’ Riżoluzzjoni jista’ jitlob lill-ilmentatur biex jiċċara u/jew jikkomplementa l-ilment tiegħu fi żmien qasir, u fin-nuqqas ta’ dan l-ilment għandu jitqies inammissibbli. Il-konferma tar-riċevuta tal-ilment stabbilita f’ § 1.2 li timmarka l-bidu tal-perjodu stabbilit f’§ 1.7 għandha sseħħ hekk kif il-Bord ta’ Riżoluzzjoni jkun irċieva għas-sodisfazzjon tiegħu lment li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt.

1.6

L-ilment għandu jsir fi żmien 21 jum konsekuttiv minn:

(a)

id-data ta’ notifika tad-deċiżjoni maniġerjali (jew fil-każ ta’ deċiżjonijiet impliċiti, mill-iskadenza tat-terminu stabbilit taħt § 1.2 hawn fuq) jew ta’ miżura maniġerjali lill-persuna kkonċernata, fil-każ ta’ miżura maniġerjali individwali;

(b)

id-data tal-pubblikazzjoni tal-miżura maniġerjali ikkonċernata, fil-każ ta’ miżura maniġerjali ġenerali; jew

(c)

id-data li dwarhom l-ilmentatur għandu għarfien (debitament evidenzjat) ta’ miżura maniġerjali, jekk il-miżura la ġiet ippubblikata u lanqas innotifikata.

1.7

Il-Bord ta’ Riżoluzzjoni, għandu jagħti deċiżjoni motivata u bil-miktub dwar l-ilment malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju mid-data tal-wasla tal-ilment skont § 2.1 b’rabta ma’ § 2.3, u għandu jinnotifika lill-ilmentatur b’dan. Jekk il-Bord ta’ Riżoluzzjoni, skont il-każ, jonqos milli jiddeċiedi dwar l-ilment f’dak il-perjodu, għandu jitqies li l ilment ġie impliċitament miċħud.

1.8

Is-sottomissjoni ta’ lment ma għandhiex tissospendi l-effett tal-miżura maniġerjali li tkun qed tiġi kkontestata. Il-Bord ta’ Riżoluzzjoni, skont il-każ, jista’ madankollu, fid-diskrezzjoni unika tiegħu, jiddeċiedi li jordna sospensjoni tal- miżura maniġerjali (totali jew parzjali), jekk iċ-ċirkostanzi u l-funzjonament tajjeb tas-servizz jirrikjedu dan.

1.9

Deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni dixxiplinarja mhijiex soġġetta għal proċedura ta’ lmenti iżda tali deċiżjoni tista’ minflok tkun soġġetta direttament għall-proċedura ta’ appell quddiem “Deutsche Institution für Schiedsgerichtsbarkeit” (minn issa ’l quddiem DIS) ibbażata l-Ġermanja skont § 2. Għal referenza ara: https://www.disarb.org/

1.10

Kwalunkwe lment formali li ma jiġix sottomess fil-limitu ta’ żmien speċifikat għandu jiġi miċħud bħala tardiv, ħlief għal każijiet eċċezzjonali fejn, għal raġunijiet debitament sostanzjati, jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli. In-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti ta’ żmien għandu jirriżulta minn raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-membru tal-persunal li jagħmel l-ilment, u t-tul tad-dewmien għandu jkun raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ.

1.11

Il-limiti ta’ żmien kollha fir-Regolamenti huma espressi f’jiem kalendarji u għandhom jibdew mill-jum ta’ wara l-jum li fih ikun seħħ l-avveniment rilevanti u għandhom jiskadu f’nofsillejl (ħin ta’ Hamburg, il-Ġermanja) fl-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien. Il-kalkolu tal-limitu taż-żmien għandhom jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi. Meta l-aħħar jum ta’ limitu ta’ żmien ikun is-Sibt, il-Ħadd jew jum ta’ btala pubblika jew jum mhux tax-xogħol fil-kwartieri ġenerali tal-Fondazzjoni, il-limitu ta’ żmien għandu jiskadi fil-jum tax-xogħol li jmiss.

1.12

Il-proċedura tal-ilment stabbilita minn § 1 u l-proċedura tal-appell stabbilita taħt § 2 għandhom ikunu miftuħa sussegwentement, jiġifieri, tal-aħħar biss wara li tal-ewwel tkun ġiet eżawrita kompletament (iżda mingħajr preġudizzju għal § 1.9), bl-istess kundizzjonijiet, mutatis mutandis, għal:

(a)

ex-membri tal-persunal;

(b)

il-benefiċjarji legali tal-membri tal-persunal; u

(c)

kandidati li jkunu applikaw għal pożizzjoni fil-Fondazzjoni permezz ta’ proċedura tal-għażla, sakemm l-ilment ikun relatat ma’ irregolarità fil-proċedura tal-għażla.

2.   PROĊEDURA TA’ APPELL QUDDIEM ID-DIS

2.1

Id-deċiżjoni dwar il-proċedura ta’ lment adottata mill-Bord ta’ Riżoluzzjoni, skont il-każ, tista’ tiġi appellata quddiem id-DIS, f’konformità mar-regoli u d-dispożizzjonijiet validi tagħha f’kull mument.

2.2

Appell jista’ jiġi ppreżentat ukoll direttament quddiem id-DIS fil-każijiet regolati skont § 1.2 u § 1.9 hawn fuq, kif ukoll mid-Direttur Eżekuttiv f’isem il-Fondazzjoni kontra membru tal-Persunal li jkun kiser kwalunkwe wieħed mill-obbligi u d-dmirijiet tiegħu.

2.3

Is-sentenzi tad-DIS għandhom ikunu finali u jorbtu lill-partijiet.

2.4

Waqt li appell ikun pendenti, id-Direttur Eżekuttiv għandu joqgħod lura milli jieħu kwalunkwe miżura ulterjuri fir-rigward tal-membru tal-persunal.

2.5

Is-sottomissjoni ta’ appell ma għandhiex tissospendi d-deċiżjoni maniġerjali kkontestata; § 1.8 għandu japplika. Madankollu, il-membru tal-Persunal jista’ jippreżenta talba mad-DIS biex tiġi sospiża l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni maniġerjali kkontestata (talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni) f’każijiet ta’ urġenza partikolari fejn l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni maniġerjali tikkawża ħsara serja u irreparabbli lill-membru tal-Persunal.

2.6

F’każijiet eċċezzjonali, id-Direttur Eżekuttiv jista’, fl-interess tal-Fondazzjoni u fil-limiti tal-baġit disponibbli, jikkonkludi soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku biex tintemm tilwima mressqa quddiem id-DIS bil-kundizzjoni li l-membru tal-Persunal jirrinunzja kull azzjoni, talba u talba futura fir-rigward ta’ dik it-tilwima.

2.7

Jekk id-Direttur Eżekuttiv iqis li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ annullament x’aktarx li toħloq diffikultajiet interni serji għall-Fondazzjoni UE-ALK, huwa għandu jinforma lid-DIS dwar dan billi jipprovdi opinjoni motivata. Jekk id-DIS tqis li r-raġunijiet mogħtija mid-Direttur Eżekuttiv huma validi, hija għandha mbagħad tiffissa s-somma li għandha titħallas lill-appellant bħala kumpens.

2.8

Skont it-termini tal-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess, id-DIS għandha tkun kompetenti wkoll biex tiddeċiedi dwar talbiet għal rettifika, interpretazzjoni, reviżjoni u eżekuzzjoni ppreżentati mill-partijiet b’rabta ma’ proċedura ta’ appell.

(1)  Deċiżjoni impliċita għandha titqies li ttieħdet meta talba ta’ membru tal-persunal titqies miċħuda bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ reazzjoni tal-membru tal-persunal maniġerjali rispettiv għat-talba rilevanti fi żmien 30 jum.

ANNESS 2

Ir-rati per diem attwali ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea (l-aħħar aġġornament fil-25 ta’ Lulju 2022): https://www.eeas.europa.eu/sites/default/files/documents/2024/Annexe%20M%20Current%20per%20diem%20rates.pdf


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1123/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)