European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2280

15.10.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/2280 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ottubru 2026

li jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fl-Unjoni, u li jħassar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2), il-punt (c), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni, meta tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li jkollha politika komuni dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt ta’ soġġorn fl-Unjoni. Politika dwar ir-ritorn effettiva hija komponent ewlieni ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni kredibbli.

(2)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fl-Istati Membri (“ċittadini ta' pajjiżi terzi b’soġġorn illegali”) ibbażata fuq proċedura komuni għar-ritorn, kooperazzjoni effettiva ma’ pajjiżi terzi, obbligi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, sett ta’ għodod għall-ġestjoni ta’ ritorn effettiv, inklużi miżuri biex jiġi inċentivat ir-ritorn, u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dan ir-Regolament ma jaffettwax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

(4)

Sabiex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-approċċ komprensiv stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema komuni għall-ġestjoni effettiva tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali. Jenħtieġ li dik is-sistema komuni tkun ibbażata fuq tfassil ta’ politika integrat biex jiġu żgurati l-koerenza u l-effettività tal-azzjonijiet u l-miżuri meħuda mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li jaġixxu fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(5)

Il-Kunsill Ewropew enfasizza b’mod konsistenti l-importanza għal azzjoni determinata fil-livelli kollha biex jiġu ffaċilitati, jiżdiedu u jitħaffu r-ritorni mill-Unjoni. F’Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida, bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(6)

Il-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li ġew adottati mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fit-12 ta’ Diċembru 2024 fakkru li politika dwar ir-ritorn ta’ suċċess hija pilastru fundamentali ta’ sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Unjoni komprensiva u kredibbli. Għal dak l-għan, il-linji gwida strateġiċi appellaw għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċ aktar assertiv u komprensiv għar-ritorni, billi jiġi aġġornat il-qafas legali bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(7)

Politika dwar ir-ritorn effettiva jenħtieġ li tiżgura koerenza mal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u tikkontribwixxi għall-integrità tiegħu u jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni illegali lejn l-Unjoni u għall-prevenzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati bejn l-Istati Membri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali.

(8)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ilhom iżidu l-isforzi biex jagħmlu l-politiki dwar ir-ritorn aktar effettivi. Minkejja dawk l-isforzi, il-qafas legali eżistenti, li jikkonsisti fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE (4) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ma għadux jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u għall-ħtiġijiet leġiżlattivi u operazzjonali biex jiġu żgurati ritorni effettivi. Mill-adozzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE fl-2008, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni evolvew b’mod konsiderevoli. Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni nbidel minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi standards minimi għal leġiżlazzjoni li għandhom l-għan li jqarrbu l-prattiki tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni fittxet li tirriforma r-regoli dwar ir-ritorn fl-2018 bil-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE. Il-Kummissjoni fittxet ukoll li tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu tal-flessibbiltajiet previsti fid-Direttiva 2008/115/KE permezz tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 (6) u (UE) 2023/682 (7). Madankollu, il-limiti tal-qafas legali attwali ntlaħqu.

(9)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura komuni soda għar-ritorn effettiv biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet għad-dħul, is-soġġorn jew ir-residenza fit-territorju tal-Istati Membri, jiġu rritornati b’mod uman u sostenibbli u b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali kif ukoll għad-dritt internazzjonali mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li regoli ċari u trasparenti applikabbli fl-Istati Membri kollha jipprovdu ċertezza għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u għall-awtoritajiet kompetenti. Huwa importanti li l-proċeduri ta’ ritorn jiġu simplifikati, iffaċilitati u mħeffa u li jiġi żgurat li r-ritorn ma jiġix ostakolat, inkluż minn movimenti mhux awtorizzati lejn Stati Membri oħra.

(10)

Jenħtieġ li l-applikazzjoni tar-regoli f’dan ir-Regolament ma taffettwax ir-regoli dwar l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali fir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Fejn rilevanti, ir-regoli f’dan ir-Regolament huma kkomplementati mir-regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1348 li jorbtu deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil u deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward tal-ħruġ u r-rimedji tagħhom, u permezz tal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera stabbilita fir-Regolament (UE) 2024/1349 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(11)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”). Jenħtieġ li jiġi applikat f’konformità mal-Karta, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali rilevanti.

(12)

Jenħtieġ li l-prinċipju ta’ non-refoulement u l-projbizzjoni fuq tkeċċija kollettiva, prevista fl-Artikolu 19 tal-Karta, jiġu rispettati . F’konformità ma’ dak l-Artikolu, ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn pajjiż terz fejn ikun hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew pieni inumani jew degradanti oħra.

(13)

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi identifikat iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali huwa responsabbli biex jiżgura r-ritorn tiegħu.

(14)

Jenħtieġ li l-qorti jew it-tribunal iddeżinjat bħala kompetenti mill-Istat Membru skont il-liġi nazzjonali jkun responsabbli għar-rimedju għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, projbizzjoni fuq id-dħul, u deċiżjoni li tordna t-tneħħija. Il-konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement jenħtieġ li tiġi vverifikata meta l-materjal fil-fajl li jitressaq għall-attenzjoni tal-qorti jew tat-tribunal iddeżinjat bħala kompetenti skont il-liġi nazzjonali għar-rimedju kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn jew id-deċiżjoni li tordna t-tneħħija, kif issupplimentat jew iċċarat wara proċedimenti kuntrarji, jissuġġerixxi li l-prinċipju ta’ non-refoulement jista’ jiġi miksur.

(15)

Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rimedju effettiv previst mill-Artikolu 47 tal-Karta li jiżgura li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jikkontesta t-terminu għat-tluq jew in-nuqqas tiegħu fid-deċiżjoni ta’ ritorn, il-parti tad-deċiżjoni ta’ ritorn li timponi jew tiddikjara l-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri jenħtieġ li ma tiġix affettwata mill-annullament jew mir-revoka tat-terminu għat-tluq.

(16)

Fil-każ ta’ tneħħija, jenħtieġ li l-awtoritajiet deżinjati bħala kompetenti skont il-liġi nazzjonali jivverifikaw il-konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement abbażi ta’ valutazzjoni individwali li tqis iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha. Jenħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jippreżenta u jissostanzja malajr kemm jista’ jkun, u qabel it-tneħħija tiegħu, informazzjoni relatata maċ-ċirkostanzi personali tiegħu. Jenħtieġ li jkun possibbli li wieħed iserraħ fuq valutazzjoni eżistenti taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jkunu saru fl-istadji preċedenti tal-proċedura jew fi proċeduri preċedenti oħra. Jenħtieġ li kwalunkwe bidla rilevanti fiċ-ċirkostanzi u kwalunkwe element ġdid li juri riskju ta’ refoulement jiġu eżaminati, inkluż biex jiġi ddeterminat humiex sostanzjati u mhux meqjusa li tressqu miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat sempliċement sabiex tiġi ttardjata jew imxekkla t-tneħħija.

(17)

L-Istati Membri jistgħu jirreferu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jindikaw li t-tneħħija tkun tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement għall-proċedura xierqa, inkluża l-proċedura tal-ażil b’referenza f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirreferu tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-proċedura xierqa meta l-awtoritajiet tagħhom ddeżinjati bħala kompetenti skont il-liġi nazzjonali jsiru jafu b’indikazzjonijiet rilevanti li t-tneħħija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement.

(18)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkooperaw b’mod aktar flessibbli, inkluż permezz ta’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali ġodda, u b’mod aktar immirat, biex jitrawmu ritorni effettivi lejn pajjiżi terzi.

(19)

Ladarba jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, l-kundizzjonijiet għal dħul, soġġorn jew residenza fit-territorju tal-Istati Membri, jenħtieġ li deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ malajr abbażi ta’ valutazzjoni individwali li tqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha. Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ ritorn tiddikjara l-obbligu għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ ritorn ma tkunx meħtieġa biex jiġi ddeterminat pajjiż tar-ritorn. Jenħtieġ li l-pajjiż tar-ritorn jiġi ddeterminat mhux aktar tard minn qabel it-tneħħija, u jista’ jiġi ddeterminat jew fid-deċiżjoni ta’ ritorn jew fi kwalunkwe deċiżjoni oħra li tordna t-tneħħija separata mid-deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn ikun hemm ostaklu għat-tneħħija, jenħtieġ li l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jiġix prekluż, iżda jenħtieġ li t-tneħħija tiġi posposta. Fejn, fiż-żmien tal-ħruġ tad-deċiżjoni li tiddetermina l-pajjiż tar-ritorn, jibqa’ possibbli li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitneħħa lejn wieħed minn diversi pajjiżi tar-ritorn, inkluż minħabba ċittadinanza doppja jew multipla, dawn il-pajjiżi kollha tar-ritorn jistgħu jiġu ddeterminati f’dik id-deċiżjoni. Id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi żgurat fir-rigward tal-pajjiżi kollha tar-ritorn iddeterminati fid-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, meta l-awtorità kompetenti tipproċedi bit-tneħħija, jenħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi infurmat dwar il-pajjiż tar-ritorn li lejh ser jitneħħa kmieni biżżejjed qabel it-tneħħija.

(20)

Jenħtieġ li dan ir-regolament ma jipprekludiex lill-Istati Membri milli jipprevedu raġunijiet oħra għall-posponiment tat-tneħħija għal gruppi speċifiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi skont il-liġi nazzjonali.

(21)

Jenħtieġ li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-obbligu li jitilqu jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri.

(22)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-elementi essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru jiddaħħlu f’forma speċifika bħala Ordni Ewropea ta’ Ritorn, stabbilita skont dan ir-Regolament, u ssir disponibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen flimkien mal-allert dwar ritorn. Jenħtieġ li l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn min-naħa tagħha tappoġġa r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzabbli u deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirriloka mingħajr awtorizzazzjoni lejn Stat Membru ieħor.

(23)

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru jkun soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn infurzabbli maħruġa minn Stat Membru ieħor, jenħtieġ li r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-proċess ta’ ritorn abbażi ta’ kooperazzjoni msaħħa u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Tali rikonoxximent u infurzar jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jiskoraġġixxu l-migrazzjoni irregolari u jiskoraġġixxu movimenti mhux awtorizzati fl-Unjoni, kif ukoll jillimitaw id-dewmien fil-proċess ta’ ritorn. Jenħtieġ li r-rimedju kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn jiġi eżerċitat biss fl-Istat Membru emittenti.

(24)

Jenħtieġ li r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ deċiżjoni li tordna t-tneħħija abbażi tal-informazzjoni disponibbli fl-Ordni Ewropea ta’ Ritorn, ma jikkostitwix att jew deċiżjoni. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ deċiżjoni li tordna t-tneħħija lanqas ma jikkostitwixxi att jew deċiżjoni..

(25)

Meta Stat Membru jikkunsidra li jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni ta’ ritorn infurzabbli jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor (rikonoxximent reċiproku), l-elementi li ġejjin jistgħu jiggwidaw lill-Istat Membru fl-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent reċiproku jenħtieġ li ma jiġix applikat u li fihom jenħtieġ minflok li joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn tiegħu stess. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu każijiet meta l-infurzar ikun imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru tal-infurzar, inkluż fir-rigward tar-ritorn ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal minorenni mhux akkumpanjati u vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin, li għalihom il-liġi nazzjonali tipprevedi livell ogħla ta’ protezzjoni; każijiet fejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni ġdida ta’ ritorn ikun aktar mgħaġġel; każijiet fejn l-informazzjoni disponibbli fl-Ordni Ewropea ta’ Ritorn ma tkunx kompluta; każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn fl-Istat Membru emittenti; każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun se jitneħħa lejn pajjiż tar-ritorn differenti minn dak iddeterminat fid-deċiżjoni ta’ ritorn jew fid-deċiżjoni li tordna t-tneħħija tal-Istat Membru emittenti, jew każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda pajjiż tar-ritorn determinat fid-deċiżjoni ta’ ritorn.

(26)

Biex jitħejjew il-passi favur rikonoxximent reċiproku obbligatorju, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jenħtieġ li, fejn rilevanti, jappoġġaw lill-Istati Membri, inkluż billi jidentifikaw l-arranġamenti u l-aġġustamenti meħtieġa biex jiġi żgurat it-trattament awtomatizzat tal-Ordni Ewropea ta’ Ritorn.

(27)

Mhux aktar tard mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-forma tal-Ordni Ewropea ta' Ritorn, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħal eu-LISA, jibdew jistabbilixxu arranġamenti legali u tekniċi biex jiżguraw li l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn tkun tista’ ssir disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

(28)

Sas-17 ta’ Ottubru 2029, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari fir-rigward ta’: jekk l-arranġamenti legali u tekniċi li jagħmlu l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont dan ir-Regolament ikunux stabbiliti mill-Istati Membri u jkunux effettivi; jekk l-arranġamenti legali u tekniċi biex jiġi żgurat it-trattament awtomatizzat tal-Ordni Ewropea ta’ Ritorn skont dan ir-Regolament ikunux stabbiliti mill-Istati Membri; l-effettività tar-rikonoxximent u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn u tad-deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija; il-piż fuq is-sistemi ġudizzjarji u amministrattivi nazzjonali li jirriżulta minnhom; u r-riżultati tal-attivitajiet rilevanti ta’ taħriġ u ta’ proġetti pilota.

(29)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi, inkluż kwalunkwe emenda mmirata biex jiġu żgurati ritorni effettivi, bil-ħsieb li tintroduċi rikonoxximent u infurzar obbligatorji reċiproċi tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzabbli u tad-deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor. Meta l-Kummissjoni ma tressaqx proposta, jenħtieġ li tispjega r-raġunijiet għaliex ma għamlitx dan.

(30)

Jenħtieġ li l-effetti tal-miżuri nazzjonali ta’ ritorn jkomplu jingħataw dimensjoni tal-Unjoni billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li tipprojbixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li d-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul jiġi ddeterminat b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi rilevanti kollha ta’ każ individwali . Meta jiġi identifikat ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali matul il-kontrolli tal-ħruġ fil-fruntieri esterni, jista’ jkun xieraq li tiġi imposta projbizzjoni fuq id-dħul sabiex jiġi evitat id-dħul mill-ġdid fil-futur u għalhekk jitnaqqsu r-riskji tal-immigrazzjoni illegali filwaqt li ma jiġix ipprevenut it-tluq rapidu ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

(31)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kkonformawx mal-obbligu li jitilqu, jew li ma ngħatawx terminu għat-tluq, jistgħu jitneħħew bl-użu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni. Jenħtieġ li r-regoli rinfurzati dwar it-tneħħija jfittxu li jiżguraw konsegwenza diretta u immedjata f’każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jonqos milli jitlaq fil-ħin jew qabel l-iskadenza tat-terminu għat-tluq kif ukoll li jipprevjenu movimenti mhux awtorizzati fl-Unjoni u riskji għas-sigurtà. Meta ma jkun hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li r-ritorn volontarju jimmina l-iskop ta’ proċedura ta’ ritorn, jenħtieġ li jkun possibbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw biex ikomplu jiġu rritornati primarjament permezz ta’ ritorn volontarju. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ koerċizzjoni jkunu soġġetti għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti.

(32)

Peress li dan ir-Regolament japplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fl-Unjoni, ma jaffettwax il-konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni u programmi oħra ta’ appoġġ għar-ritorni volontarju u r-riintegrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fl-Unjoni.

(33)

Huma meħtieġa regoli komuni biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali u li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jiġu identifikati b’mod effiċjenti u jiġu rritornati malajr. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jitwettqu kontrolli rilevanti biex jiġu identifikati u ssenjalati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà inkluż billi wieħed iserraħ fuq il-proċess ta’ skrinjar stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà, jenħtieġ li t-tneħħija b’mod ġenerali tkun ir-regola, u jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mir-regoli ġenerali sabiex jiġu previsti projbizzjonijiet fuq id-dħul itwal jew indefiniti u għal perjodi ta’ detenzjoni itwal, u li ssir deroga mill-użu ta’ faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, sabiex dawk li jheddu s-sigurtà tal-Istati Membri jitneħħew malajr.

(34)

Jenħtieġ li regoli ġodda jestendu l-possibbiltajiet għall-Istati Membri li jiżguraw ritorni lejn pajjiżi terzi permezz ta’ għodod addizzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu stabbiliti ftehimiet jew arranġamenti speċifiċi ma’ pajjiżi terzi bl-għan li l-Istati Membri jingħataw aktar opzjonijiet għar-ritorni soġġetti għall-kundizzjonijiet li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u, fil-każ ta’ tneħħija, il-prinċipju ta’ non-refoulement jiġu rispettati mill-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li nuqqasijiet fir-rigward ta’ partijiet speċifiċi tat-territorju tal-pajjiż terz jew ta’ kategoriji identifikabbli ta’ persuni ma jipprevjenux il-konklużjoni ta’ tali ftehim jew arranġament, dment li jkun hemm fis-seħħ garanziji suffiċjenti biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkonċernati minn tali ftehim jew arranġament. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ftehim jew l-arranġament jistabbilixxi l-proċeduri applikabbli għar-ritorn, il-kundizzjonijiet għas-soġġorn fil-pajjiż konċernat, l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet għall-ftehim jew l-arranġament u l-konsegwenzi f’każ ta’ ksur tal-ftehim jew l-arranġament. Meta ftehim jew arranġament jinvolvi ritorn ulterjuri mill-pajjiż terz, jenħtieġ li dak il-ftehim jew l-arranġament jistabbilixxi wkoll il-konsegwenzi f’każ li r-ritorn ulterjuri ma jkunx possibbli, l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet għall-ftehim jew l-arranġament, il-konsegwenzi ta’ bidla sinifikanti li jkollha impatt avvers fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż terz, u korp jew mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti biex jivvaluta l-implimentazzjoni tal-ftehim jew l-arranġament. Tali ftehim jew arranġament jikkostitwixxi l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

(35)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi leġittimi marbuta mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u s-sigurtà interna tal-Istati Membri kkonċernati jkunu protetti biżżejjed, f’ċirkostanzi meta Stat Membru jinnegozja ftehim jew arranġament għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ma’ wieħed mill-pajjiżi terzi ġirien tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri li jikkondividu fruntiera komuni ma’ dak il-pajjiż terz, fi żmien xieraq qabel il-konklużjoni tal-ftehim jew l-arranġament ikkonċernat, jiġu infurmati dwar dawk in-negozjati, b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Mal-konklużjoni ta' ftehim jew arranġament ma’ pajjiż terzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dak il-ftehim jew arranġament qabel ma jiġi applikat proviżorjament, jew qabel ma jidħol fis-seħħ, skont liema minnhom isseħħ l-ewwel. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni u biex tissaħħaħ aktar it-trasparenza fir-rigward ta' ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi volontarja, iżommu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra infurmati dwar il-progress tan-negozjati ma’ pajjiż terz relatati ma’ ftehimiet jew arranġamenti awtorizzati skont dan ir-Regolament, qabel ma jkun intlaħaq ftehim finali mill-partijiet, inkluż bil-ħsieb li tintalab il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ftehim jew l-arranġament previst li jkun qed jiġi nnegozjat.

(36)

Żona Schengen li tiffunzjona tajjeb mingħajr fruntieri interni tiddependi fuq l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-acquis rilevanti mill-Istati Membri. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 (12) jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen , inkluż fir-rigward tar-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

(37)

Jenħtieġ li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta japplikaw il-proċeduri ta’ ritorn, f’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989. Fil-valutazzjoni tal-aħjar interessi individwali tat-tfal, jenħtieġ li l-Istati Membri, b’mod partikolari, iqisu kif xieraq il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minorenni fuq terminu qasir, medju u twil, kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà u l-fehmiet tal-minorenni f’konformità mal-età u l-maturità tiegħu, inkluż il-vissut tiegħu. Jenħtieġ li l-minorenni mhux akkumpanjati jkunu ggwidati minn rappreżentant jew persuna ddeżinjata biex tissalvagwardja l-aħjar interessi tat-tfal matul il-passi kollha tal-proċess ta’ ritorn.

(38)

Meta jkun hemm raġunijiet għal dubju dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex minorenni jew le, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista’ twettaq valutazzjoni tal-età tal-persuna kkonċernata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtorità kompetenti li sserraħ fuq valutazzjonijiet tal-età mwettqa skont proċeduri preċedenti. Għall-fini li tiġi żgurata l-koerenza fil-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu l-proċedura prevista fir-Regolament (UE) 2024/1348.

(39)

Sabiex tiġi rinfurzata l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn, jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi ċari għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom l-obbligu li jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri u li jikkooperaw mal-awtoritajiet matul il-proċedura ta’ ritorn. Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati minnhom u jenħtieġ li jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti għat-tħejjija u t-twettiq tar-ritorn. Jenħtieġ ukoll li ma jostakolawx it-tneħħija la fiżikament u lanqas verbalment. Sabiex jitqies li jikkostitwixxi tfixkil verbali, jenħtieġ li l-imġieba taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tkun ta’ natura jew karattru li jkun ta’ intensità akbar minn sempliċi oġġezzjoni. Jenħtieġ li tkun primarjament ir-responsabbiltà ta’ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistabbilixxu l-identità tagħhom u li jiksbu u jipprovdu d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għar-ritorn. F’każ li l-obbligi ta’ tluq u ta’ kooperazzjoni ma jiġux rispettati, jenħtieġ li jiġu imposti konsegwenzi effettivi, dissważivi u proporzjonati, u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi rilevanti biex jiżguraw ir-ritorn, inkluż permezz ta’ miżuri investigattivi, jekk applikabbli. Jenħtieġ li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jitneħħew, fosthom minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement jew minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti, ma jiġux esklużi mill-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali, inklużi l-obbligi li jibqgħu, jirrisjedu u jirrapportaw. Jenħtieġ li l-konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni jinkludu pereżempju benefiċċji u allowances imnaqqsa mogħtija f’konformità mal-liġi nazzjonali jew is-sekwestru ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. .

(40)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi u l-miżuri li mhumiex relatati mar-ritorn jew id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-benefiċċji soċjali skont il-liġi nazzjonali.

(41)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu, fejn applikabbli, sanzjonijiet kriminali, inkluż priġunerija, f’konformità mad-dritt kriminali nazzjonali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(42)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit sett ta’ rimedji legali kontra deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati. Jenħtieġ li l-assistenza legali meħtieġa tkun disponibbli, fuq talba, f’każijiet ta’ appell jew rieżami quddiem qorti jew tribunal, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi ristrett l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali.

(43)

L-assistenza u r-rappreżentanza legali jinkludu t-tħejjija ta’ appell jew it-talba għal rieżami, inkluż l-abbozzar tad-dokumenti proċedurali meħtieġa skont il-liġi nazzjonali u, meta ssir seduta ta’ smigħ, il-parteċipazzjoni f’dik is-seduta quddiem qorti jew tribunal, biex jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust.

(44)

Il-kunċett ta’ qorti jew tribunal huwa kunċett irregolat mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan il-kunċett, fost elementi oħrajn, jista’ jfisser biss awtorità li taġixxi bħala parti terza fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li tifforma s-suġġett tal-proċedimenti. Jenħtieġ li dik l-awtorità twettaq funzjonijiet ġudizzjarji u mhuwiex deċiżiv jekk dik l-awtorità hijiex rikonoxxuta bħala qorti jew tribunal skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tal-qrati nazzjonali tagħhom u li jiddeterminaw l-għadd ta’ istanzi ta’ appell. Meta l-liġi nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà li jiġu ppreżentati appelli ulterjuri kontra deċiżjoni tal-ewwel appell jew ta’ appelli sussegwenti, u tali appell ikun ġie ppreżentat, jenħtieġ li t-tneħħija ma tiġix sospiża sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitlobx sospensjoni u qorti jew tribunal jiddeċiedu li jagħtuha, b’kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tipprevedi effett sospensiv ta’ tali rimedji.

(45)

Sabiex tittejjeb l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, jenħtieġ li l-appelli kontra deċiżjonijiet relatati mar-ritorn jiġu kkontestati kemm jista’ jkun quddiem livell ġudizzjarju wieħed. Jenħtieġ li r-regoli ta’ dan ir-Regolament relatati mal-appelli u mas-sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjonijiet jikkonformaw mad-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(46)

Għalkemm dan ir-Regolament ma jipprevedix effett sospensiv awtomatiku ta’ appell, jenħtieġ li l-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ, l-Artikolu 47 tal-Karta, jiżguraw li t-tneħħija tkun tista’ tiġi sospiża mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti tal-prima istanza qabel l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew id-deċiżjoni li tordna t-tneħħija. Jenħtieġ li ċittadin ta’ pajjiż terz jkun jista’ jippreżenta talba għas-sospensjoni tal-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ deċiżjoni li tordna t-tneħħija, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix ukoll il-possibbiltà tas-sospensjoni tagħha mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti ex officio. Jenħtieġ li dan jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu effett sospensiv awtomatiku ta’ appell skont il-liġi nazzjonali. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-valutazzjoni tar-riskju li jinkiser il-prinċipju ta’ non-refoulement, jenħtieġ li jkun hemm dipendenza fuq kwalunkwe materjal fil-fajl, b’mod partikolari valutazzjonijiet preċedenti, inklużi, fejn rilevanti, dawk li jkunu saru fil-kuntest ta’ proċedura tal-ażil.

(47)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-għodod meħtieġa biex jiżguraw ritorni rapidi u effettivi, inklużi miżuri bħala konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità u inċentivi għall-konformità mal-obbligi ta’ tluq u kooperazzjoni, kif ukoll miżuri biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħrib. Il-ħrib jinkludi azzjonijiet bħat-tluq mit-territorju tal-Istat Membru mingħajr permess mill-awtoritajiet kompetenti, għal raġunijiet li mhumiex lil hinn mill-kontroll taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Jenħtieġ li regoli komuni, mingħajr ma jirrestrinġu d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri u kriterji addizzjonali fil-liġi nazzjonali, jissimplifikaw ir-rekwiżiti relatati mal-obbligu ta’ kooperazzjoni u l-kriterji għad-determinazzjoni tar-riskju ta’ ħrib. Jenħtieġ li tali regoli komuni jiżguraw ukoll li d-detenzjoni u l-alternattivi għad-detenzjoni jiġu applikati fl-Istati Membri biex jimmaniġġjaw b’mod effettiv il-proċess ta’ ritorn.

(48)

Jenħtieġ li jkun possibbli li d-detenzjoni tiġi imposta meta tkun proporzjonata u meħtieġa, wara valutazzjoni individwali ta’ kull każ għall-fini biss ta’ ritorn, inkluż għat-tħejjija tar-ritorn, ir-riammissjoni jew it-twettiq tat-tneħħija. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jaġixxu bid-diliġenza dovuta, u jenħtieġ li d-detenzjoni tinżamm biss għal perjodu qasir kemm jista’ jkun u jenħtieġ li b’mod ġenerali ma taqbiżx l-24 xahar fi Stat Membru partikolari. F’każijiet fejn ċittadini ta' pajjiżi terzi b’soġġorn illegali jaħarbu lejn Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-perjodi preċedenti ta’ detenzjoni ma jitqiesux meta jiġi kkalkulat il-perjodu massimu ta’ detenzjoni. Jenħtieġ li l-perjodi ta’ detenzjoni previsti minn Regolamenti jew Direttivi oħra li ma jikkonċernawx il-proċedura ta’ ritorn ma jiġux inklużi fil-kalkolu tal-perjodu massimu ta’ detenzjoni. Jenħtieġ li matul id-detenzjoni jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċjali li jirriżultaw mill-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà. Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi d-detenzjoni ta’ minorenni, jenħtieġ li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja. Jenħtieġ li jintużaw miżuri alternattivi oħra ta’ inqas koerċizzjoni għad-detenzjoni meta dawn ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali.

(49)

Meta d-detenzjoni tkun inżammet għal perjodu ta’ 24 xahar, jenħtieġ li f’ċerti ċirkostanzi l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jżommu f’detenzjoni ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali għal perjodi ulterjuri, li ma jaqbżux is-sitt xhur b’kollox, meta jkun hemm riskju ta’ ħrib u l-bidliet fiċ-ċirkostanzi jindikaw prospett raġonevoli ta’ tneħħija minħabba informazzjoni sinifikanti ġdida. Jenħtieġ li d-detenzjoni tiġi ordnata f’konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità u jenħtieġ li tinżamm għal perjodu qasir kemm jista’ jkun.

(50)

Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jirrikjedu miżuri speċifiċi mmirati lejn il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinżammu għal perjodu itwal minn 24 xahar. Jenħtieġ li kwalunkwe detenzjoni bħal din tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(51)

Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni jiġu ttrattati b’mod uman u dinjituż b’rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mad-dritt internazzjonali u nazzjonali, b’kont meħud tal-linji gwida prattiċi mill-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti. Jenħtieġ li d-detenzjoni, bħala regola ġenerali, issir f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jew fergħat iddedikati ta’ faċilitajiet oħra. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-akkomodazzjoni fil-ħabs tintuża meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi tali faċilità, filwaqt li tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinżammu, kemm jista’ jkun, separati mill-priġunieri ordinarji. Jenħtieġ li jkun possibbli li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jitqiegħdu taħt arranġamenti ta’ sigurtà msaħħa fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni.

(52)

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra għad-detenzjoni, inklużi raġunijiet għad-detenzjoni fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li huma applikabbli skont il-liġi nazzjonali .

(53)

L-obbligu ta’ kwalunkwe Stat li jirriammetti ċ-ċittadini proprji tiegħu jirrappreżenta prinċipju fundamentali ta’ sovranità tal-Istat u ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Id-dmir tal-Istati li jirriammettu ċ-ċittadini proprji tagħhom huwa meqjus bħala prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju u huwa previst fl-Anness 9, il-Kapitolu 5, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u stabbilit fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta’ Samoa). Ritorni effettivi huma possibbli biss jekk l-Istati jikkonformaw mal-obbligu ta’ riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess. Għalhekk, l-Istati Membri jiddependu fuq il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jimplimentaw ritorni effettivi. L-istrumenti eżistenti, bħall-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u l-appoġġ ipprovdut mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jintużaw mill-Unjoni u mill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn meħtieġ.

(54)

Id-dimensjoni esterna tal-politika dwar ir-ritorn hija parti integrali mill-approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni effettiva dwar ir-ritorn u r-riammissjoni hija komponent estern ewlieni ta’ sħubijiet ibbilanċjati u komprensivi ma’ pajjiżi terzi f’konformità mal-objettivi msemmija fir-Regolament (UE) 2024/1351. Il-Kunsill Ewropew, fost l-oħrajn, fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru 2024, appella għal azzjoni rapida biex jiġu żgurati ritorni effettivi billi jintużaw bħala ingranaġġ il-politiki u l-għodod rilevanti kollha, inkluż il-politika dwar il-viżi, il-kummerċ, l-iżvilupp u d-diplomazija. Huwa meħtieġ approċċ “ta’ gvern sħiħ” kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(55)

Peress li l-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tar-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali tista’ tkun ta’ sfida fil-prattika, u mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni prevista fl-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, meta Stat Membru wieħed jew aktar jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni, inkluż għall-konferma tan-nazzjonalità, il-kisba tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa mill-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-għodod rilevanti u eżistenti previsti fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn ikunu marbuta bl-atti leġiżlattivi li jistabbilixxu dawk l-għodod, bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni għat-titjib tal-kooperazzjoni fil-qasam tar-ritorn u r-riammissjoni.

(56)

Approċċ ikkoordinat għar-riammissjoni fost l-Istati Membri huwa kruċjali biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Segwitu insuffiċjenti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzabbli jirriskja li jxekkel l-effiċjenza tal-approċċ komuni għar-ritorni. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzabbli jiġu segwiti sistematikament mill-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi implimentat ir-ritorn, inkluża, fejn applikabbli, il-preżentazzjoni ta’ talbiet għar-riammissjoni lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, f’każijiet fejn ikun hemm dubju dwar in-nazzjonalità jew ikun jeħtieġ li jinkiseb dokument tal-ivvjaġġar.

(57)

Proċeduri effettivi ta’ ritorn iserrħu fuq kooperazzjoni amministrattiva u kondiviżjoni ta’ informazzjoni effiċjenti bejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża l-kondiviżjoni ta’ data, dwar l-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom u informazzjoni rilevanti oħra jkun ibbażat fuq regoli ċari, inklużi dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Jenħtieġ li dawk ir-regoli jirrispettaw il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-individwu kkonċernat, filwaqt li jiżguraw li tali informazzjoni tkun preċiża u tintuża biss għall-finijiet ta’ ritorn, tneħħija, riammissjoni u riintegrazzjoni, u tkun protetta kontra l-aċċess, id-divulgazzjoni jew l-użu mhux awtorizzati.

(58)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tar-raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku għar-riammissjoni u r-ritorn effettiv, it-trasferiment ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn, inkluża data relatata mal-identità tagħhom, dokumenti tal-ivvjaġġar, data rilevanti oħra kif ukoll, f’każijiet debitament ġustifikati, data dwar il-kundanni kriminali u s-saħħa tagħhom, jistgħu jkunu meħtieġa għall-finijiet ta’ ritorn, tneħħija, riammissjoni u riintegrazzjoni. Tali trasferimenti jridu jitwettqu f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725 u mad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, kif ukoll mal-prinċipji ta’ non-refoulement, ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità u mal-Karta.

(59)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ażil u l-awtoritajiet kompetenti involuti fil-fażijiet differenti tal-proċess ta’ ritorn jaħdmu flimkien u jikkoordinaw mill-qrib biex jiżguraw ritorni effettivi.

(60)

Jenħtieġ li sistema komuni għar-ritorni tagħmel użu sħiħ mis-sistemi diġitali li jappoġġaw il-ġestjoni tar-ritorni, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni b’enfasi fuq il-proċedura amministrattiva effiċjenti, il-kooperazzjoni, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-interoperabbiltà.

(61)

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni u assistenza bejn l-Istati Membri, anke biex jippermettu tranżitu mit-territorju tagħhom, għal assistenza loġistika jew assistenza oħra materjali jew in natura marbuta ma’ tali tranżitu, il-faċilitazzjoni ta’ trasferimenti lejn Stat Membru ieħor, kemm jekk skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew abbażi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, jew biex jappoġġaw it-tluq ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn Stati Membri li fihom għandhom id-dritt ta’ soġġorn.

(62)

L-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju u operazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, sabiex tikseb implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Sal-punt li l-attivitajiet jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mill-faċilità tematika tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, dawn jistgħu jiġu implimentati taħt il-ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-proġetti disponibbli tal-Unjoni fil-qasam tar-ritorn, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), kif ukoll mill-assistenza operazzjonali pprovduta minn Frontex f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896.

(63)

Ir-rapportar dwar l-effettività ta’ dan ir-Regolament u l-identifikazzjoni ta’ oqsma għal titjib jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-ġbir u l-analiżi ta’ statistika eżistenti, affidabbli u komparabbli rigward l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ritorn, il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi, u l-isforzi ta’ riintegrazzjoni. L-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), fir-Regolament (UE) 2019/1896 u fil-liġi nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati u, fejn meħtieġ, riveduti biex tiġi żgurata r-rilevanza tal-istatistika. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards u definizzjonijiet komuni għall-ġbir u għar-rappurtar ta’ data rilevanti biex l-impatt ta’ dan ir-Regolament ikun jista’ jiġi vvalutat u biex jikkontribwixxu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar żviluppi tal-politika futuri.

(64)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn . Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(65)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema komuni ġdida ta’ ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, li għandha tiġi implimentata direttament mill-awtoritajiet nazzjonali. Dik is-sistema l-ġdida ġġib magħha novitajiet importanti mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza tal-proċedura ta’ ritorn, inkluż fir-rigward tal-pajjiżi terzi ta’ ritorn u tad-dimensjoni esterna tar-ritorni. Sabiex il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati minnufih, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-Regolament li se jieħdu post id-Direttiva 2008/115/KE u li għandhom l-għan li jissostitwixxu bis-sħiħ il-qafas legali previst minn dik id-Direttiva japplikaw mis-17 ta’ Ottubru 2027 bil-ħsieb li jkunu jistgħu jittieħdu l-passi preparatorji u operazzjonali kollha meħtieġa u tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel, effettiva u konsistenti tiegħu fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni bejn dik id-Direttiva u dan ir-Regolament. Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 2001/40/KE u 2008/115/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE (21) jitħassru minn dik id-data.

(66)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tittejjeb l-effiċjenza tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali , ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni biex jiġi żgurat approċċ komuni u koerenti fost l-Istati Membri, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(67)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(68)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mal-Protokoll 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE u, suġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(69)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (23).

(70)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (24), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (25).

(71)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (26).

(72)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(73)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta’ Mejju 2025,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri (“ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali”), f’konformità mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-obbligi internazzjonali applikabbli, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem.

2.   L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw ritorni effettivi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, b’kunsiderazzjoni tal-approċċ komprensiv stabbilit fl-Artikolu 3, l-Artikolu 4, il-punt (h), u l-Artikolu 5, il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2024/1351.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal persuni li għandhom id-dritt għal-libertà tal-moviment skont id-dritt tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2024/1351, (UE) 2024/1348 u (UE) 2024/1349.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun:

(a)

soġġett għal rifjut ta’ dħul fil-fruntieri esterni f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399 jew, fil-każ ta’ Stat Membru li mhux marbut b’dak ir-Regolament, ġie rrifjutat id-dħul fit-territorju ta' tali Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali ekwivalenti;

(b)

inqabadjew ġie interċettat minn awtoritajiet kompetenti b’rabta ma’qsim illegali tal-fruntiera permezz tal-art, tal-baħar jew tal-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li sussegwentement ma kisibx awtorizzazzjoni jew dritt ta’ soġġorn f’dak l-Istat Membru.

(c)

soġġett għal ritorn bħala sanzjoni tad-dritt kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tad-dritt kriminali, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

is-suġġett ta’ proċedura ta’ estradizzjoni.

5.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika dan ir-Regolament għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b) u (c). F’każijiet bħal dawn, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawk il-kategoriji ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mid-data li fiha l-Istat Membru jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

6.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika dan ir-Regolament għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tad-dritt kriminali, l-Artikoli 5, 7 u 8 ma għandhomx japplikaw.

7.   Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-paragrafu 4, il-punti (a) jew (b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni tagħhom ma jkunux inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 10(9) u (10), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 11(6), il-punti (c) u (e), l-Artikolu 32(1) sa (6) u l-Artikolu 33, u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.

8.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali tal-Istati Membri, u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluża l-priġunerija, fir-rigward ta’ soġġorn illegali, dment li l-proċeduri kriminali kkonċernati u l-applikazzjoni ta’ tali pieni ma jipperikolawx il-kisba tar-ritorni effettivi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li mhijiex persuna li għandha d-dritt għal moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2016/399;

(2)

“soġġorn illegali” tfisser il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew li ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399, jew il-kundizzjonijiet għas-soġġorn jew għar-residenza f’dak l-Istat Membru jew, fil-każ ta’ Stat Membru li mhuwiex marbut b’dak ir-Regolament, il-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza stipulati fil-liġi nazzjonali ekwivalenti;

(3)

“pajjiż tar-ritorn” tfisser wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

pajjiż terz li huwa l-pajjiż ta’ oriġini taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(b)

pajjiż terz li huwa l-pajjiż ta’ residenza abitwali preċedenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(c)

pajjiż terz ta’ tranżitu fit-triq lejn l-Unjoni f’konformità mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti ta’ riammissjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;

(d)

pajjiż terz, għajr dak imsemmi fil-punti (a) u (b), fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu d-dritt li jidħol u jirrisjedi;

(e)

pajjiż terz sikur li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 38(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1348 jew, fil-każ tal-Istati Membri li mhumiex marbuta b’dak ir-Regolament, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet ekwivalenti fejn introduċew tali dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali;

(f)

l-ewwel pajjiż ta’ ażil li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 38(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1348 jew, fil-każ tal-Istati Membri li mhumiex marbuta b’dak ir-Regolament, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet ekwivalenti fejn introduċew tali dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali;

(g)

pajjiż terz, għajr dak imsemmi fil-punti (a), (b) jew (d), li miegħu hemm ftehim jew arranġament li abbażi tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi aċċettat, f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

(4)

“deċiżjoni ta’ ritorn” tfisser att jew deċiżjoni amministrattivi jew ġudizzjarji, li jgħidu jew jiddikjaraw li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa illegali u li jiddikjaraw jew jimponu obbligu li dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri;

(5)

“ritorn” tfisser l-azzjonijiet li permezz tagħhom ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali:

(a)

jirritorna volontarjament, kif definit fil-punt 8; jew

(b)

jitneħħa mill-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri lejn pajjiż tar-ritorn determinat f’deċiżjoni li tordna t-tneħħija jew, fejn applikabbli, f’deċiżjoni ta’ ritorn;

(6)

“deċiżjoni li tordna t-tneħħija” tfisser att jew deċiżjoni amministrattivi jew ġudizzjarji li jgħidu jew jiddikjaraw li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitneħħa lejn pajjiż tar-ritorn wieħed jew aktar;

(7)

“tneħħija” tfisser l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ deċiżjoni li tordna t-tneħħija mill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ trasport fiżiku barra mill-Istati Membri lejn pajjiż tar-ritorn;

(8)

“ritorn volontarju” tfisser it-tluq mit-territorju tal-Istati Membri, waħdu, b’assistenza jew mingħajrha, u mingħajr rikors għat-tneħħija, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali li jikkonforma mal-obbligu li jitlaq fi żmien jew wara l-iskadenza tat-terminu għat-tluq stabbilit fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

(9)

“ħrib” tfisser l-azzjoni li biha ċittadin ta’ pajjiż terz ma jibqax disponibbli għall-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti;

(10)

“projbizzjoni fuq id-dħul” tfisser att jew deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li jipprojbixxu d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz;

(11)

“operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni organizzata jew ikkoordinata minn awtorità kompetenti jew appoġġata mill-Frontex li permezz tagħha ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu rritornati minn Stat Membru wieħed jew aktar.

Artikolu 4

Drittijiet fundamentali

Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità sħiħa mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Karta, mad-dritt internazzjonali rilevanti, mal-obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, mal-prinċipju ta’ non-refoulement, u mad-drittijiet fundamentali.

KAPITOLU II

PROĊEDURA TA’ RITORN

TAQSIMA 1

PROĊEDURA LI TORDNA R-RITORN

Artikolu 5

Deċiżjoni ta’ ritorn

1.   Deċiżjoni ta’ ritorn għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali fit-territorju tiegħu, li tiddikjara jew timponi obbligu għal dak iċ-ċittadin ta' pajjiż terz li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri.

2.   Deċiżjoni ta’ ritorn għandha:

(a)

tiddikjara terminu għat- tluq, li ma għandux jaqbeż it-30 jum, li sa tmiemu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri; jew

(b)

tiddikjara li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri immedjatament.

It-terminu għat-tluq li ma għandux jinqabeż imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jista’ jitqassar kif speċifikat fil-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali tagħhom iċ-ċirkostanzi li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata terminu għat-tluq jew għandu jitlaq immedjatament.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), deċiżjoni ta' ritorn tista' tiddikjara terminu għat-tluq li jaqbeż it-30 jum b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu l-perjodu ta’ tluq inizjalment iddikjarat f’deċiżjoni ta’ ritorn b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni fi programm ta’ ritorn u riintegrazzjoni skont l-Artikolu 44(3) jew il-konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 18.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqassru l-perjodu ta’ tluq inizjalment iddikjarat f’deċiżjoni ta’ ritorn fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 18.

6.   Id-data li minnha jiġi kkalkulat it-terminu għat-tluq għandha tiġi definita skont il-liġi nazzjonali.

7.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tinħareġ bil-miktub u tagħti raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat dwar ir-rimedji legali disponibbli u l-limiti ta’ żmien għat-talba għal dawk ir-rimedji. Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mill-aktar fis possibbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti. Meta ma jkunx magħruf fejn ikun jinsab iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tiġi notifikata f’konformità mal-liġi nazzjonali.

8.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux jew jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw ir-raġunijiet ta' fatt imsemmija fil-paragrafu 7, meta l-liġi nazzjonali tipprevedi li d-dritt għall-informazzjoni jrid ikun ristrett jew meta jkun meħtieġ li jiġu ssalvagwardjati l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali u għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. F’tali każijiet, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat dwar l-essenza tar-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni ta’ ritorn għall-fini ta’ aċċess għal rimedju effettiv. L-obbligu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi infurmat bl-essenza tar-raġunijiet ma jinkludix obbligu li tiġi ddivulgata kwalunkwe informazzjoni klassifikata.

9.   Il-pajjiż jew il-pajjiżi tar-ritorn jistgħu jiġu ddeterminati fid-deċiżjoni ta’ ritorn jew skont l-Artikolu 10(4) qabel ma titwettaq it-tneħħija. Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiddeċiedi li jirritorna volontarjament lejn pajjiż għajr il-pajjiż jew il-pajjiżi tar-ritorn determinati fid-deċiżjoni ta’ ritorn, jew fid-deċiżjoni li tordna t-tneħħija, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ġdida li tiddetermina l-pajjiż tar-ritorn m’għandux ikun meħtieġ.

10.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiġu preklużi milli joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn meta jkun hemm ostaklu għat-tneħħija. Meta l-pajjiż tar-ritorn ikun ġie ddeterminat fid-deċiżjoni ta’ ritorn u jkun ġie identifikat riskju ta’ refoulement, it-tneħħija lejn dak il-pajjiż tar-ritorn għandha tiġi posposta f’konformità mal-Artikolu 11(1), il-punt (a).

11.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, fuq talba, jiġi pprovdut bi traduzzjoni bil-miktub jew orali tal-elementi prinċipali tad-deċiżjoni ta’ ritorn, inkluża informazzjoni dwar rimedji legali disponibbli f’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew huwa raġonevolment preżunt li jifhem. Għal dik il-fini, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, meta xieraq, jużaw mudelli ta’ traduzzjoni standardizzati jew għodod tat-traduzzjoni assistiti mill-magni jew iġġenerati mill-magni.

12.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tinħareġ fl-istess att jew f’att separat fl-istess ħin u flimkien mad-deċiżjoni li ttemm soġġorn legali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew mingħajr dewmien żejjed wara dan, u mingħajr ma taffettwa s-salvagwardji proċedurali previsti fil-Kapitolu V u f’dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali.

13.   Il-Kummissjoni għandha tadotta mhux aktar tard mis-17 ta’ April 2027 att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formola “Ordni Ewropea ta’ Ritorn”. L-Ordni Ewropea ta’ Ritorn għandha tinkludi l-elementi prinċipali tad-deċiżjoni ta’ ritorn u, meta rilevanti, id-deċiżjoni li tordna t-tneħħija. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 47(2).

14.   Mal-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn, l-Istati Membri għandhom jużaw l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn u jagħmluha disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1860.

15.   Sad-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 13, l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħall-eu-LISA, għandhom jibdew jistabbilixxu l-arranġamenti legali u tekniċi meħtieġa biex jagħmlu l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen biex jiġi ffaċilitat l-issodisfar tal-obbligu fil-paragrafu 14. Il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħall-eu-LISA, għandhom jappoġġaw lill-Istati Membri, kif xieraq.

16.   Sas-17 ta’ Ottubru 2027, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, bħall-eu-LISA, għandhom jimplimentaw miżuri biex jiżguraw il-possibbiltà tat-trattament awtomatizzat tal-Ordni Ewropea ta’ Ritorn, bil-ħsieb li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 issir aktar effiċjenti.

17.   Sas-17 ta’ Ottubru 2027, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti legali u tekniċi meħtieġa stabbiliti biex jissodisfaw l-obbligu msemmi fil-paragrafu 14 .

Artikolu 6

Eċċezzjonijiet mill-obbligu li tinħareġ deċiżjoni ta’ ritorn

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma joħorġux deċiżjoni ta’ ritorn fejn ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali ikun:

(a)

trasferit lejn Stat Membru ieħor f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 23a tar-Regolament (UE) 2016/399;

(b)

trasferit lejn Stat Membru ieħor skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew abbażi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 42;

(c)

persuna li s-soġġorn illegali tagħha jiġi identifikat b’konnessjoni mal-verifiki fuq il-fruntiera mwettqa mal-ħruġ fi fruntiera esterna f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399 jew, fil-każ ta' Stati Membri li mhumiex marbuta b’dak ir-Regolament, ma’ verifiki ekwivalenti f’konformità mal-liġi nazzjonali filwaqt li jiġi evitat kemm jista’ jkun il-posponiment tat-tluq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

2.   Deċiżjoni ta’ ritorn ma għandhiex tinħareġ f’każijiet meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu permess ta’ residenza validu, viża għal soġġorn twil jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qiegħed b’soġġorn illegali għandu jirrikjedi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz imur fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor immedjatament. Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkonformax, jew meta t-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qiegħed b’soġġorn illegali ikun jista’ jitlob il-kooperazzjoni tal-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 42 jew joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn f’konformità mal-Artikolu 5.

4.   Deċiżjoni ta’ ritorn ma għandhiex tinħareġ f’każijiet meta tiġi applikata l-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor

1.   L-Istat Membru fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qiegħed b’soġġorn illegali (“Stat Membru tal-infurzar”) jista’ jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni ta’ ritorn infurzabbli, u meta rilevanti deċiżjoni li tordna t-tneħħija, maħruġa lil dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz minn Stat Membru ieħor (“Stat Membru emittenti”) skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 10(3). Dak l-infurzar għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni disponibbli fl-Ordni Ewropea ta’ Ritorn u għandu jitwettaq f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 10.

2.   Ir-rikonoxximent ma għandux ikun meħtieġ li jieħu l-forma ta’ proċedura amministrattiva. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa joħorġu atti jew deċiżjonijiet amministrattivi għall-fini ta’ rikonoxximent.

3.   Meta Stat Membru ma jirrikonoxxix jew ma jinfurzax deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija skont il-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija skont l-Artikolu 10(3).

4.   Meta Stat Membru jirrikonoxxi jew jinforza deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija skont il-paragrafu 1, huwa għandu jissospendi t-tneħħija meta l-effetti tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew tad-deċiżjoni li tordna t-tneħħija fl-Istat Membru emittenti jiġu sospiżi, u jista’ joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

5.   Meta l-Istat Membru emittenti jissospendi jew jirtira d-deċiżjoni ta’ ritorn jew fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi annullata minn awtorità amministrattiva, jew minn qorti jew tribunal, l-Istat Membru tal-infurzar għandu joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

6.   L-Istat Membru emittenti għandu fuq talba jipprovdi lill-Istat Membru tal-infurzar bid-data u d-dokumenti kollha disponibbli meħtieġa għall-fini ta’ ritorn jew tneħħija, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1860.

7.   L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6.

8.   L-Istati Membri għandhom, sad-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(13), jibdew jistabbilixxu passi preparatorji li jistgħu jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn jew deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor, inkluż, meta rilevanti, arranġamenti legali u tekniċi fis-sistemi nazzjonali tagħhom, bidliet fis-sistemi tal-IT nazzjonali, taħriġ rilevanti, u attivitajiet ta’ proġetti pilota.

9.   Sas-17 ta’ Ottubru 2029, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

jekk l-arranġamenti legali u tekniċi msemmija fl-Artikolu 5(15) biex jagħmlu l-Ordni Ewropea ta’ Ritorn disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ikunux ġew stabbiliti mill-Istati Membri u jkunux effettivi;

(b)

jekk l-arranġamenti legali u tekniċi biex jiġi żgurat it-trattament awtomatizzat tal-Ordni Ewropea ta’ Ritorn imsemmija fl-Artikolu 5(16) ikunux ġew stabbiliti mill-Istati Membri;

(c)

l-effettività tar-rikonoxximent u tal-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u ta’ deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija;

(d)

il-piż fuq is-sistemi ġudizzjarji u amministrattivi nazzjonali li jirriżulta minnhom; u

(e)

ir-riżultati tat-taħriġ rilevanti u tal-attivitajiet ta’ proġetti pilota.

10.   Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi, inkluża kwalunkwe emenda mmirata biex jiġu żgurati ritorni effettivi, bil-ħsieb li jiġu introdotti rikonoxximent u infurzar obbligatorji ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija infurzabbli maħruġa minn Stat Membru ieħor. Meta l-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, hija għandha tispjega r-raġuni għaliex ma tagħmilx dan.

TAQSIMA 2

PROJBIZZJONI FUQ ID-DĦUL

Artikolu 8

Ħruġ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul

1.   Id-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul meta:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal tneħħija f’konformità mal-Artikolu 10;

(b)

ma jkunx hemm konformità mal-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5; jew

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta riskju għas-sigurtà skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

2.   F’każijiet għajr dawk elenkati fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jakkumpanjaw deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija bi projbizzjoni fuq id-dħul b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti, b’mod partikolari tal-livell ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

3.   Il-projbizzjoni fuq id-dħul għandha tinħareġ bħala parti mid-deċiżjoni ta’ ritorn jew bħala parti mid-deċiżjoni li tordna t-tneħħija jew separatament bil-miktub. Il-projbizzjoni fuq id-dħul għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’lingwa li jifhem jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem. Għal dik il-fini, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, meta xieraq, jużaw mudelli ta’ traduzzjoni standardizzati jew għodod tat-traduzzjoni assistiti mill-magni jew iġġenerati mill-magni.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr ma joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn lil ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri u li s-soġġorn illegali tiegħu jiġi identifikat b’rabta mal-verifiki fuq il-fruntiera mwettqa mal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399, jew, fil-każ ta’ Stati Membri li mhumiex marbuta b’dak ir-Regolament, ma’ verifiki ekwivalenti f’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-projbizzjoni fuq id-dħul f’dawn il-każijiet tista’ tiġi imposta u notifikata wara li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri filwaqt li jiġi evitat kemm jista’ jkun li jiġi pospost it-tluq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

5.   Meta ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tinħareġ deċiżjoni ta’ ritorn, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr ma joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn.

6.   Meta r-raġunijiet għall-ħruġ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul ikunu rriżultaw wara li tkun inħarġet deċiżjoni ta’ ritorn, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr ma joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn ġdida.

7.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu joqogħdu lura milli joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin jew jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkoopera kif xieraq mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż billi jirreġistra fi programm ta’ ritorn u riintegrazzjoni.

8.   Id-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali għal massimu ta’ 10 snin. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 13(5), il-punt (a), projbizzjoni fuq id-dħul tista’ tinħareġ għal massimu ta’ 20 sena għal raġunijiet debitament sostanzjati kull meta jitqies meħtieġ biex iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi pprevenut milli jidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

9.   Il-perjodu tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jibda mid-data li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri.

Artikolu 9

Irtirar, sospensjoni jew tqassir tad-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul

1.   Projbizzjoni fuq id-dħul tista’ tiġi rtirata, sospiża jew ikollha d-durata tagħha mqassra mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz juri li huwa rritorna volontarjament, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tista’, fejn tqis li jkun xieraq, tirtira, tissospendi jew tqassar id-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali ġustifikati, inkluż għal raġunijiet umanitarji, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

3.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta talba debitament ġustifikata għall-irtirar, għas-sospensjoni jew għat-tqassir tad-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, dment li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4.

4.   Ċittadin ta’ pajjiż terz, li tkun inħarġitlu projbizzjoni fuq id-dħul ta’ aktar minn 10 snin f’konformità mal-Artikolu 8(8) jew mal-Artikolu 13(5), il-punt (a), jista’ 10 snin wara t-tluq tiegħu mit-territorju tal-Istati Membri jitlob lill-Istat Membru emittenti jirrieżamina jekk il-projbizzjoni fuq id-dħul tridx tiġi rtirata, sospiża jew imqassra, filwaqt li jitqiesu kif xieraq iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, meta rilevanti, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx għadu jippreżenta riskju għas-sigurtà skont it-tifsira tal-Artikolu 13, u jekk il-projbizzjoni fuq id-dħul tkunx għadha meħtieġa biex tipprevjeni liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz milli jidħol fit-territorju tal-Istati Membri. It-talba għal rieżami għandha tkun debitament ġustfikata.

5.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-irtirar ta’ projbizzjoni fuq id-dħul kundizzjonali fuq ir-rimborż tal-kostijiet tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

TAQSIMA 3

INFURZAR TAR-RITORN

Artikolu 10

Tneħħija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ineħħu ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal deċiżjoni ta' ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija fejn:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ikkonforma mal-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 5;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkooperax mal-awtoritajiet kompetenti;

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13;

(d)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, inkluż matul il-perjodu stabbilit f’konformità mal-Artikolu 5;

(e)

l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-tneħħija tkun meħtieġa u proporzjonata, kif previst fil-liġi nazzjonali, għal raġunijiet għajr dawk elenkati fil-punti (a) sa (d).

2.   Dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jippermettu jew jiffaċilitaw ir-ritorn volontarju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li b’xi mod ieħor ikun soġġett għal tneħħija skont il-paragrafu 1, b’mod partikolari meta jitqies li dan iwassal għal ritorn aktar rapidu u aktar effettiv.

3.   Deċiżjoni li tordna t-tneħħija tista’ tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun soġġett għal ritorn. Meta tinħareġ deċiżjoni li tordna t-tneħħija, din għandha tkun bil-miktub u tista’ tkun fl-istess deċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew bħala att jew deċiżjoni amministrattivi jew ġudizzjarji separati jew bħala parti minn deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja oħra.

4.   Meta pajjiż tar-ritorn ma jkunx għadu ġie ddeterminat jew meta dan ikun differenti mill-pajjiż tar-ritorn iddeterminat qabel, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina pajjiż tar-ritorn wieħed jew aktar fid-deċiżjoni ta’ ritorn jew fid-deċiżjoni li tordna t-tneħħija qabel ma twettaq it-tneħħija.

5.   Meta tinħareġ deċiżjoni li tordna t-tneħħija, din għandha tagħti r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat dwar ir-rimedji legali disponibbli u l-limiti ta’ żmien biex jintalbu dawk ir-rimedji. Id-deċiżjoni li tordna t-tneħħija għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mill-aktar fis possibbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

6.   Meta tinħareġ deċiżjoni li tordna t-tneħħija, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, fuq talba, jiġi pprovdut bi traduzzjoni bil-miktub jew orali tal-elementi prinċipali ta’ dik id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, f’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem. Għal dik il-fini, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, meta xieraq, jużaw mudelli ta’ traduzzjonijiet standardizzati jew għodod tat-traduzzjoni assistiti mill-magni jew iġġenerati mill-magni.

7.   Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jindika, jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru jsiru konxji minn, indikazzjonijiet rilevanti li t-tneħħija tkun tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreferu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għall-proċedura xierqa, inkluża, meta applikabbli, il-proċedura tal-ażil f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348, jew, fil-każ ta’ Stati Membri li mhumiex marbuta b’dak ir-Regolament, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti meta jkunu daħħlu tali dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali, jew għandhom jivvalutaw f’konformità mal-liġi nazzjonali jekk it-tneħħija tkunx f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jressaq mill-aktar fis possibbli kwalunkwe informazzjoni li tirrigwarda ċ-ċirkostanzi personali tiegħu sabiex jissostanzja t-talba tiegħu li t-tneħħija tkun tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibbażaw fuq jew iqisu kwalunkwe valutazzjoni preċedenti tar-riskju ta’ refoulement ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Kwalunkwe valutazzjoni ulterjuri li hemm riskju ta’ refoulement għandha ssir biss jekk l-informazzjoni rilevanti tkun ġiet issostanzjata.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-prinċipju ta’ non-refoulement jista’ jiġi vvalutat minn awtorità għajr l-awtorità kompetenti li tkun qed toħroġ jew tinforza d-deċiżjoni ta’ ritorn.

9.   Il-miżuri ta’ koerċizzjoni meħuda biex tiġi żgurata t-tneħħija għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx jaqbżu l-livell limitu ta’ forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-liġi nazzjonali filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u għall-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

10.   Fit-twettiq ta’ tneħħijiet bl-ajru, l-Istati Membri għandhom iqisu l-linji gwida komuni dwar id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà għat-tneħħijiet konġunti bl-ajru li huma stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE (28).

Artikolu 11

Kundizzjonijiet għall-posponiment tat-tneħħija

1.   It-tneħħija skont l-Artikolu 10 għandha tiġi posposta fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement; jew

(b)

meta u sakemm tkun fis-seħħ is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn f’konformità mal-Artikolu 28.

2.   It-tneħħija skont l-Artikolu 10 tista’ tiġi posposta, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. Fejn ikun hemm riskju ta’ ħrib, jistgħu jiġu applikati miżuri addizzjonali skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlob posponiment tat-tneħħija, it-talba għandha tiġi sostanzjata kif xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat konferma bil-miktub tal-posponiment f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 u tad-drittijiet tiegħu matul il-posponiment. Traduzzjoni tal-konferma tista’ tiġi kkomunikata oralment liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’lingwa li hu jew hi jifhem/tifhem jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem, inkluż bl-użu ta’ servizzi tal-interpretazzjoni.

5.   Il-posponiment tat-tneħħija għandu jiġi rieżaminat f’każ ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi rilevanti.

6.   Għandu jitqies dan li ġej fir-rigward tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, inkluża l-konformità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, matul il-perjodi li għalihom it-tneħħija tkun ġiet posposta:

(a)

il-ħtiġijiet bażiċi;

(b)

l-unità tal-familja mal-membri tal-familja preżenti fit-territorju tal-Istat Membru;

(c)

il-kura tas-saħħa ta’ emerġenza u t-trattament essenzjali tal-mard;

(d)

l-aċċess tal-minorenni għas-sistema tal-edukazzjoni bażika soġġett għad-durata tas-soġġorn tagħhom;

(e)

il-ħtiġijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.

7.   Jekk it-tneħħija tiġi posposta, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 18, 23 u 29 jistgħu jiġu applikati meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati.

Artikolu 12

Monitoraġġ tat-tneħħija

L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema indipendenti ta’ monitoraġġ ta’ tneħħija. L-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti bħal strutturi u għarfien espert stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2024/1356 kif rilevanti għall-fini ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta:

(a)

ikunu ta’ theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, inkluż meta jkunu soġġetti għal allert skont l-Artikolu 24(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(b)

ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jkunu wettqu reat kriminali serju kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (30) jew ikunu wettqu reat li jġorr piena li timplika l-privazzjoni tal-libertà ta’ mill-anqas sentejn skont il-liġi nazzjonali jew ikunu wettqu reati multipli li jġorru piena li timplika l-privazzjoni tal-libertà ta’ mill-anqas sena skont il-liġi nazzjonali;

(c)

ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li huma involuti fi kwalunkwe reat minn dawk imsemmija fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(d)

ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli tal-intenzjoni tagħhom li jwettqu reat imsemmi fil-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu fit-territorju ta’ Stat Membru;

(e)

ikun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li dawn jippreżentaw kwalunkwe theddida oħra għas-sigurtà kif identifikata skont il-liġi nazzjonali.

2.   Il-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d), għandu japplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jkun hemm indikazzjonijiet raġonevoli li dawn ikunu inċitaw jew inkella pparteċipaw b’mod ieħor fit-twettiq ta’ reati jew atti msemmija f’dawk il-punti.

3.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għat-tneħħija f’konformità mal-Artikolu 10.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jikkonċernaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jiġu trattati u infurzati bħala kwistjoni ta’ prijorità.

5.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu:

(a)

soġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8 li taqbeż id-durata massima prevista fl-Artikolu 8(8) jew projbizzjoni fuq id-dħul għal durata indefinita meta ġustifikata u proporzjonata għar-riskju għas-sigurtà ppreżentat miċ-ċittadin ta’ pajjiż ter;. f’tali każijiet, għandu japplika l-Artikolu 9(4);

(b)

detenuti f’konformità mal-Artikolu 29(3), il-punt (c);

(c)

detenuti f’ħabsijiet u, sal-limitu possibbli, jinżammu separati minn priġunieri ordinarji;

(d)

soġġetti għal detenzjoni għal perjodi addizzjonali li jaqbżu d-durata massima msemmija fl-Artikolu 30(3) u li jiġu ddeterminati minn qorti jew tribunal li jqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, u li jiġu soġġetti għal rieżami minn qorti jew tribunal mill-anqas kull tliet xhur.

6.   Meta t-theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali ppreżentata miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma tkunx tista’ tiġi indirizzata b’mod effettiv skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri oħra skont il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tittieħed id-deċiżjoni rilevanti, il-miżura tkun meħtieġa u proporzjonata filwaqt li jitqiesu s-severità ta’ dik it-theddida, jew il-periklu ppreżentat mill-persuna kkonċernata.

7.   L-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq valutazzjoni bir-reqqa eżistenti tas-sigurtà taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fi stadji preċedenti, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri tal-ażil, tal-viża, u tal-kontrolli fuq il-fruntieri, inkluż l-iskrinjar.

Artikolu 14

Ritorn lejn pajjiż li miegħu hemm ftehim jew arranġament

1.   Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali lejn pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g)), jirrikjedi li jiġi konkluż ftehim jew arranġament ma’ dak il-pajjiż terz. Tali ftehim jew arranġament jista’ jiġi konkluż biss ma’ pajjiż terz fejn l-istandards u l-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement, jiġu rispettati.

2.   Ftehim jew arranġament konkluż skont il-paragrafu 1 għandu jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

il-proċeduri applikabbli għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali barra mill-Istati Membri lejn il-pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g);

(b)

il-kundizzjonijiet għas-soġġorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g), inklużi l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet għal dak il-ftehim jew arranġament;

(c)

l-obbligi tal-pajjiż terz imsemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1;

(d)

il-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dak il-ftehim jew arranġament jew ta’ bidla sinifikanti li jkollha impatt avvers fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g).

3.   Meta ftehim jew arranġament konkluż skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jipprevedi ritorn ulterjuri lejn pajjiż tar-ritorn kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punti 3(a) sa (d), dak il-ftehim jew arranġament għandu, flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jistabbilixxi dan li ġej:

(a)

il-konsegwenzi fil-każ li r-ritorn ulterjuri ma jkunx possibbli;

(b)

l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet għal dak il-ftehim jew arranġament;

(c)

il-konsegwenzi ta’ bidla sinifikanti li jkollha impatt avvers fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g);

(d)

korp jew mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-arranġament.

Ftehim jew arranġament skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jista’ jinkludi l-kundizzjonijiet għal detenzjoni fil-pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g).

4.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien xieraq, jinfurmaw lill-Istati Membri rilevanti dwar negozjati rigward ftehim jew arranġament kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma’ pajjiż terz li għandu fruntiera komuni ma’ dawk l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali konkluż f’konformità mal-paragrafu 1 qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, jew, meta ftehim jew arranġament irid jiġi applikat b’mod proviżorju, qabel il-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati wkoll bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal tali ftehimiet jew arranġamenti, jew bit-terminazzjoni tagħhom.

5.   Minorenni mhux akkumpanjati ma għandhomx jiġu rritornati lejn pajjiż tar-ritorn imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(g) skont ftehim jew arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

TAQSIMA 4

RITORN TA’ MINORENNI

Artikolu 15

L-aħjar interessi tat-tfal

L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja meta jiġi applikat dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Valutazzjoni tal-età tal-minorenni

1.   Meta, b’riżultat ta’ dikjarazzjonijiet miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, evidenza dokumentarja disponibbli jew indikazzjonijiet rilevanti oħra, ikun hemm dubji dwar jekk huwiex minorenni jew le, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq valutazzjoni tal-età f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali.Għall-fini ta' tali valutazzjoni tal-età, l-awtorità kompetenti tista' tqis il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1348.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tibbaża fuq valutazzjoni tal-età eżistenti mwettqa fi stadji preċedenti tal-proċedura ta’ ritorn jew fi proċeduri rilevanti oħra.

3.   Stat Membru jista’ jirrikonoxxi r-riżultati ta’ valutazzjoni tal-età ta’ Stat Membru ieħor meta dik il-valutazzjoni tal-età tkun twettqet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

4.   Ir-rifjut li wieħed issirlu valutazzjoni tal-età, inkluż l-eżami mediku, ma għandux jipprevjeni lill-awtorità kompetenti milli tkompli bil-proċedura ta’ ritorn. Tali rifjut jista’ jitqies biss li huwa preżunzjoni konfutabbli li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mhuwiex minorenni.

Artikolu 17

Ritorn ta’ minorenni mhux akkumpanjati

1.   Assistenza minn korpi xierqa għajr l-awtoritajiet li jinfurzaw ir-ritorn għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-aħjar interessi tat-tfal.

2.   Rappreżentant jew persuna ddeżinjati biex jissalvagwardjaw l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jinħatru biex jirrappreżentaw minorenni mhux akkumpanjat, jassistuh u jaġixxu f’ismu, kif applikabbli, fil-proċess ta’ ritorn. Għandu jiġi żgurat li r-rappreżentant maħtur ikun imħarreġ kif xieraq fil-komunikazzjoni adattata għat-tfal u adatta għall-età u li jkun jista’ jikkomunika, inkluż bl-użu ta’ servizzi tal-interpretazzjoni, f’lingwa li l-minorenni jifhem jew huwa raġonevolment preżunt li jifhem. Dik il-persuna tista’ tkun il-persuna ddeżinjata biex taġixxi bħala rappreżentant skont id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) meta l-persuna tkun ġiet iddeżinjata f’konformità mal-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva.

3.   Il-minorenni mhux akkumpanjat għandu jinstema’, jew direttament inkella permezz tar-rappreżentant jew tal-persuna msemmija fil-paragrafu 2, inkluż fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal. Mhux aktar tard minn qabel ma minorenni mhux akkumpanjat jitneħħa mit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li se jiġi rritornat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur innominat jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fil-pajjiż tar-ritorn.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAĊ-ĊITTADIN TA’ PAJJIŻI TERZ

Artikolu 18

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw mal-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri u għandu jkollhom l-obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni individwali tagħhom li tkun rilevanti għall-fini ta’ dan ir-Regolament, mingħajr dewmien żejjed.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom:

(a)

jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti għall-proċedura ta’ ritorn li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu soġġetti għaliha, ma jaħarbux, inkluż lejn Stat Membru ieħor, u jippreżentaw ruħhom għat-tluq tat-trasportazzjoni għar-ritorn kif iddeterminat mill-awtorità kompetenti;

(b)

ma jostakolawx ir-ritorn b’mod fiżiku jew verbali;

(c)

jipprovdu mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni u d-dokumenti u d-dokumentazzjoni fiżika u diġitali kollha, inklużi kopji u rekords elettroniċi tagħhom, rilevanti biex tiġi stabbilita jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità jew inkella li tkun rilevanti b’xi mod ieħor fil-proċedura ta’ ritorn li jkollhom jew li huma raġonevolment preżunti li jistgħu jiksbu, b’mod partikolari billi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar jew jikkooperaw dwar il-kisba ta’ dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar;

(d)

ma jeqirdux, ma jżommux jew inkella ma jeħilsux minn informazzjoni, dokumenti u dokumentazzjoni, imsemmija fil-punt (c), ma jużawx psewdonimi b’intenzjoni frawdolenti, ma jipprovdu l-ebda informazzjoni falza oħra f’forma orali jew bil-miktub, jew inkella ma jiżvijawx lill-awtoritajiet jew jopponu b’mod frawdolenti l-proċedura ta’ ritorn;

(e)

jipprovdu spjegazzjoni f’każ li ma jkollhomx fil-pussess tagħhom dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar;

(f)

jipprovdu informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi ta’ tranżitu, ir-rotot tal-ivvjaġġar li użaw, jew pajjiżi terzi oħra li magħhom jista’ jkollhom konnessjonijiet oħra li jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn;

(g)

jipprovdu data bijometrika kif definit fid-dritt tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali, inkluż fl-Artikolu 2(1), il-punt (s), tar-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(h)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar tat-trasportaturi u mar-rekwiżiti tad-dħul tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, inklużi r-rekwiżiti tas-saħħa, meta tali rekwiżiti jkunu ġeneralment imposti fuq vjaġġaturi internazzjonali;

(i)

jipprovdu, meta mitluba mill-awtoritajiet kompetenti dettalji ta’ kuntatt preċiżi, inklużi l-post ta’ residenza attwali, l-indirizz, in-numru tat-telefown fejn jistgħu jintlaħqu u, meta disponibbli, indirizz tal-posta elettronika;

(j)

jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dettalji ta’ kuntatt imsemmija fil-punt (i);

(k)

jikkonformaw ma’ kwalunkwe miżura imposta skont l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 23(1), matul il-proċedura ta’ ritorn;

(l)

jipprovdu l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet kollha meħtieġa fil-kuntest tat-talbiet ippreżentati lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi rilevanti għall-fini li jiksbu dokumenti tal-ivvjaġġar u jikkooperaw ma’ dawn l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi, kif meħtieġ;

(m)

jidhru personalment jew permezz ta’ vidjokonferenza, kif meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-pajjiżi terzi fil-post indikat minn tali awtoritajiet għall-fini li jiksbu dokumenti tal-ivvjaġġar u jistabbilixxu l-identità jew in-nazzjonalità tagħhom;

(n)

meta jkun meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti, jipparteċipaw f’konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni;

(o)

jikkonformaw ma’ miżuri addizzjonali rilevanti oħra fir-rigward tar-ritorn skont il-liġi nazzjonali.

L-obbligi imposti fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi skont dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi u l-miżuri mhux relatati mar-ritorn previsti skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-informazzjoni, id-dokumenti u d-dokumentazzjoni jew, meta ma jkunux disponibbli, kopji u rekords elettroniċi tagħhom, imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), għandhom jinkludu b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u kwalunkwe dokumentazzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom rigward:

(a)

isimhom, id-data u l-post tat-twelid, il-ġeneru u n-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tagħhom jew il-fatt li huma apolidi;

(b)

il-membri tal-familja tagħhom u dettalji personali oħra taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jekk ikunu rilevanti għat-twettiq tal-proċedura ta’ ritorn jew għad-determinazzjoni tal-pajjiż tar-ritorn;

(c)

it-tip, l-għadd, il-perjodu ta’ validità u l-pajjiż emittenti ta’ kwalunkwe dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dokumenti oħra pprovduti minnhom li l-awtorità kompetenti tqis rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tagħhom, għat-twettiq tal-proċedura ta’ ritorn u għad-determinazzjoni tal-pajjiż tar-ritorn;

(d)

kwalunkwe permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dritt ta’ soġġorn maħruġ minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz;

(e)

kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn, deċiżjoni li tordna t-tneħħija, jew projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor;

(f)

pajjiż jew pajjiżi u post jew postijiet ta’ residenza preċedenti, rotot tal-ivvjaġġar, pajjiżi ta’ tranżitu u dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jżommu kwalunkwe dokument meħtieġ għall-fini tar-ritorn kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-punt (c), huma għandhom jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirċievi mingħajr dewmien żejjed fotokopji jew prova xierqa oħra ta’ ritenzjoni tad-dokumenti. Fil-każ ta’ ritorn volontarju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jew jagħtu lura tali dokumenti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-ħin tat-tluq jew mal-wasla fil-pajjiż terz.

6.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun għandu jkun kuntattabbli b’mezz ta’ komunikazzjoni kif definit fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali l-metodu ta’ komunikazzjoni u l-mument li fih il-komunikazzjoni titqies riċevuta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u nnotifikata lilu jew jagħmlu użu minn sistemi diġitali żviluppati u/jew appoġġati mill-Istati Membri jew mill-Unjoni għall-fini ta’ din il-komunikazzjoni.

Artikolu 19

Riskju ta’ ħrib

1.   Ikun hemm riskju ta’ ħrib, f’każ individwali, dment li ma jintweriex mod ieħor, meta jiġi ssodisfat wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun daħal jew iċċaqlaq mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż wara tranżitu minn pajjiż terz, jew jipprova jagħmel dan;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru għajr dak li fit-territorju tiegħu ikun attwalment b’soġġorn illegali, inkluż kif identifikat permezz tal-allerti mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1860;

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkonformax ma’ waħda jew aktar mill-miżuri imposti f’konformità mal-Artikolu 20(1), u mal-Artikolu 22, jew jesprimi jew juri l-intenzjoni li jagħmel dan;

(d)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun reġa’ daħal fit-territorju tal-Istati Membri bi ksur ta’ projbizzjoni valida fuq id-dħul.

2.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1, ir-riskju ta’ ħrib għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. Il-valutazzjoni għandha tqis wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin rigward iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali kkonċernat:

(a)

nuqqas ta’ residenza, ta’ domiċilju fiss jew ta’ indirizz affidabbli;

(b)

nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri fit-terminu għat-tluq kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 5(2), il-punt (a);

(c)

fejn it-tluq ikun imminenti, jkun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz bi ħsiebu jikser l-obbligu ta’ kooperazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 18(3), il-punt (a);

(d)

l-użu ta’ dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar, permessi ta’ residenza jew viżi, jew dokumenti li jiġġustifikaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul foloz jew falsifikati, il-qerda jew ir-rimi b’xi mod ieħor ta’ tali dokumenti, l-użu ta’ psewdonimi b’intenzjoni frawdolenti, l-għoti ta’ informazzjoni falza oħra f’forma orali jew bil-miktub, jew inkella l-oppożizzjoni frawdolenti tal-proċedura ta’ ritorn jew riammissjoni;

(e)

in-nuqqas ta’ attendenza għal counselling dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni, meta meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti;

(f)

nuqqas ta’ ankraġġ soċjali, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rabtiet familjari, u mezzi insuffiċjenti ta’ sussistenza;

(g)

in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont l-Artikolu 18(3), il-punti (a) sa (d), (f), (h), (k), (l) u (m), inkluż in-nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kisba ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar;

(h)

kriterji oħra għajr dawk stipulati fil-punti (a) sa (g) meta previst fil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU IV

MIŻURI LI JIPPROMWOVU R-RITORN U ALTERNATTIVI GĦAD-DETENZJONI

Artikolu 20

Disponibbiltà għall-proċess ta’ ritorn

1.   Għall-fini tat-tħejjija u l-iżgurar ta’ ritorn effettiv jew biex tiġi inċentivata aktar il-konformità mal-obbligi ta’ tluq u kooperazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

l-obbligu li jibqa’ fi ħdan żona ġeografika fit-territorju tal-Istat Membru li fih ikun jista’ jiċċaqlaq liberament;

(b)

l-obbligu li jirrisjedi f’indirizz speċifiku jew f’post iddeżinjat mill-awtoritajiet kompetenti;

(c)

l-obbligu li jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti f’ħinijiet speċifikati, personalment jew b’mezzi oħra kif speċifikati fil-liġi nazzjonali;

(d)

miżuri oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (c) meta previsti fil-liġi nazzjonali.

2.   Kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata biss sal-punt li din tkun kompatibbli mal-ħtiġijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli u mal-aħjar interessi tat-tfal.

3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu imposti wkoll fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jitneħħew, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti.

4.   Fuq talba, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu permess liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex temporanjament ma jikkonformax ma’ miżura msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat jekk il-permess tiegħu f’konformità mal-paragrafu 4 ingħatax jew le.

6.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux ikun meħtieġ jitlob permess skont il-paragrafu 4 biex jattendi appuntamenti mal-awtoritajiet u l-qrati, meta dan jikser b’mod ieħor l-obbligi tal-paragrafu 1, u meta l-attendenza ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun meħtieġa. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jinnotifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti dwar tali appuntamenti.

7.   Id-deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), għandhom isiru bil-miktub, ikunu proporzjonati u jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

8.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe deċiżjoni li jiġu applikati l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dik id-deċiżjoni, inkluż id-detenzjoni skont l-Artikolu 29.

Artikolu 21

Miżuri investigattivi

1.   Mingħajr preġudizzju għal miżuri investigattivi għal raġunijiet oħra mhux relatati mar-ritorn f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, meta jkun meħtieġ, proporzjonat u debitament ġustifikat għall-fini tat-tħejjija jew tal-iżgurar ta’ ritorn effettiv:

(a)

ifittxu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u, soġġett għal ordni ġudizzjarja minn qabel jew, f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti, ordni amministrattiva meta jkun meħtieġ, proporzjonat u debitament ġustifikat mill-urġenza ta’ tali tfittxija, il-post ta’ residenza tiegħu jew bini rilevanti ieħor;

(b)

jieħdu miżuri amministrattivi għall-fini li jiżguraw il-konformità mal-obbligu li jipprovdu data bijometrika kif stabbilit fil-liġi nazzjonali, inklużi l-marki tas-swaba’, li jistgħu jinkludu l-possibbiltà li jintużaw mezzi ta’ koerċizzjoni bħala l-aħħar alternattiva meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jipprovdix data bijometrika kif meħtieġ skont l-Artikolu 18(3), il-punt (g);

(c)

ifittxu u jissekwestraw oġġetti personali, apparati elettroniċi, u oġġetti oħra ta’ rilevanza;

(d)

jimponu miżuri investigattivi oħra, meta dan ikun previst fil-liġi nazzjonali.

2.   Kwalunkwe miżura investigattiva skont il-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), tista’ titwettaq mingħajr il-kunsens taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

3.   Kwalunkwe miżura investigattiva imposta f’konformità mal-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tkun soġġetta għas-salvagwardji u r-rimedji previsti fid-dritt tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 22

Konsegwenzi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 18(1) u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18(3), l-Istati Membri għandhom jimponu fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat waħda jew aktar mill-miżuri stipulati fl-Artikolu 20(1), u jistgħu jimponu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin li għandhom ikunu effettivi u proporzjonati:

(a)

ir-rifjut jew it-tnaqqis ta’ ċerti benefiċċji u allowances, meta jkun previst fil-liġi nazzjonali, sakemm dan ma jwassalx għall-inkapaċità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terzi li jipprovdu għall-ħtiġijiet bażiċi tiegħu;

(b)

ir-rifjut jew it-tnaqqis ta’ inċentivi mogħtija biex jiġi promoss ir-ritorn volontarju inkluż ir-rifjut jew it-tnaqqis ta’ assistenza fil-programmi ta’ ritorn u riintegrazzjoni skont l-Artikolu 44(3);

(c)

ir-rifjut jew l-irtirar tal-permess tax-xogħol, meta jkun previst fil-liġi nazzjonali;

(d)

l-estensjoni tad-durata ta’ projbizzjoni fuq id-dħul sal-massimu applikabbli previst fl-Artikolu 8(8);

(e)

sanzjonijiet kriminali, inkluż priġunerija, meta jkun previst fil-liġi nazzjonali;

(f)

penali finanzjarji;

(g)

miżuri jew konsegwenzi oħra minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (f) meta jkun previst fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 23

Alternattivi għad-detenzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu wieħed jew aktar minn dawn l-alternattivi għad-detenzjoni li ġejjin, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, inkluż il-livell tar-riskju ta’ ħrib ivvalutat f’konformità mal-Artikolu 19:

(a)

depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata;

(b)

l-użu ta’ monitoraġġ elettroniku;

(c)

miżuri oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) meta jkun previst fil-liġi nazzjonali.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom l-għan primarju li jiżguraw ir-ritorn effettiv u f’waqtu taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

3.   Deċiżjoni li jiġu applikati l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi.

4.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar kwalunkwe deċiżjoni li jiġu applikati l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dik id-deċiżjoni, inkluż id-detenzjoni skont l-Artikolu 29.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet biex jiġu applikati l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jiġu rieżaminati minn qorti jew tribunal fuq applikazzjoni miċ-cittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat jew ex officio.

KAPITOLU V

SALVAGWARDJI U RIMEDJI

TAQSIMA 1

SALVAGWARDJI PROĊEDURALI

Artikolu 24

Dritt għall-informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal ritorn ikunu infurmati dwar dan li ġej:

(a)

il-fini tal-proċedura;

(b)

l-obbligi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif stabbilit fl-Artikolu 18 u 20, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 22 u l-Artikolu 29(3), il-punt (e), l-eżistenza ta’ allert dwar ritorn fuq il-persuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 7;

(c)

konsulenza u programmi ta’ ritorn u riintegrazzjoni skont l-Artikolu 44;

(d)

id-drittijiet proċedurali tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, b’mod partikolari d-dritt għal assistenza u rappreżentanza legali skont l-Artikolu 25.

2.   L-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 għandha tingħata mingħajr dewmien żejjed b’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ folji ta’ informazzjoni standard, jew fuq karta jew f’format elettroniku, u, meta jkun meħtieġ, supplimentata b’mod orali, bl-użu ta’ servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni. Fil-każ ta’ minorenni mhux akkumpanjati, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’mod adattat għall-età bl-involviment tar-rappreżentant jew tal-persuna ddeżinjata li tassisti lill-minorenni kif imsemmi fl-Artikolu 17(2).

3.   Meta l-awtorità kompetenti tipproċedi bit-tneħħija abbażi ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija li tkun iddeterminat aktar minn pajjiż wieħed tar-ritorn, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi infurmat dwar il-pajjiż tar-ritorn li lejh ser jitneħħa kmieni biżżejjed qabel it-tneħħija.

Artikolu 25

Assistenza u rappreżentanza legali

1.   Fil-każ ta’ appell quddiem qorti jew tribunal f’konformità mal-Artikolu 27, l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jiżguraw li jiġi pprovdut bl-assistenza u r-rappreżentanza legali meħtieġa mingħajr ħlas .

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati jkunu rappreżentati u assistiti b’tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

3.   L-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandhom jiġu pprovduti minn konsulenti legali jew persuni oħra kwalifikati kif xieraq, ammessi jew permessi skont il-liġi nazzjonali li jassistu jew jirrappreżentaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jew minn organizzazzjonijiet mhux governattivi akkreditati skont il-liġi nazzjonali biex jipprovdu servizzi jew rappreżentanza legali lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

4.   L-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura ta’ appell tista’ tiġi eskluża mill-Istati Membri meta:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitqies li għandu biżżejjed riżorsi biex ikun jista’ jħallas għal assistenza u rappreżentanza legali bi spejjeż tiegħu;

(b)

ikun ikkunsidrat li l-appell ma jkollu l-ebda prospett tanġibbli ta’ suċċess jew ikun abbużiv;

(c)

l-appell jew ir-rieżami jkun fit-tieni livell ta’ appell jew ogħla, kif previst skont il-liġi nazzjonali, inklużi seduti ta’ smigħ mill-ġdid jew rieżamijiet tal-appell;

(d)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà assistit jew rappreżentat minn konsulent legali.

5.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas għandu jiżvela s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe bidla sinifikanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna.

6.   Bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe assistenza pprovduta lil minorenni mhux akkumpanjati, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jimponu limiti monetarji jew ta’ żmien fuq l-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas, dment li tali limiti ma jkunux arbitrarji u ma jirrestrinġux bla bżonn l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas;

(b)

jitolbu rimborż totali jew parzjali ta’ kwalunkwe kost imġarrab meta s-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun tjiebet matul il-proċedura ta’ ritorn jew meta d-deċiżjoni li tingħata assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas tkun ittieħdet abbażi ta’ informazzjoni falza pprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(c)

jipprevedu li, fir-rigward ta’ tariffi u kostijiet u rimborżi oħra, it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jkun ugwali għat-trattament ġeneralment mogħti liċ-ċittadini tagħhom fi kwistjonijiet relatati mal-assistenza u rappreżentanza legali, iżda mhux iktar favorevoli minnu.

7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-mod li bih it-talbiet għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fir-rigward ta’ appell quddiem qorti jew tribunal f’konformità mal-Artikolu 27 jiġu ppreżentati u pproċessati, jew japplikaw regoli eżistenti għal talbiet domestiċi ta’ natura simili, dment li dawk ir-regoli ma jrendux l-aċċess għall-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas eċċessivament diffiċli jew impossibbli.

8.   Meta tittieħed deċiżjoni li ma tingħatax assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas minn awtorità li ma tkunx qorti jew tribunal minħabba li jkun meqjus li l-appell ma jkollu ebda prospett tanġibbli ta’ suċċess jew ikun abbużiv, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra dik id-deċiżjoni.

9.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura amministrattiva f’konformità mal-liġi nazzjonali.

TAQSIMA 2

RIMEDJI

Artikolu 26

Id-dritt għal rimedju effettiv

1.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jingħata rimedju effettiv biex jikkontesta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 8 u l-Artikolu 10(3) quddiem qorti jew tribunal kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

2.   Ir-rimedju effettiv għandu jipprevedi eżaminazzjoni sħiħa kemm tal-punti tal-fatti kif ukoll tal-punti tad-dritt.

3.   Meta l-materjal fil-fajl li jinġieb għall-attenzjoni tal-qorti jew it-tribunal kompetenti għar-rimedju kontra deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija, kif issupplimentat jew iċċarat wara l-proċedimenti kontradittorji, jissuġġerixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat huwa f’riskju ta’ refoulement, il-konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement għandha tiġi verifikata.

4.   L-annullament jew ir-revoka ta’ element mhux essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma għandhiex tirriżulta fl-annullament jew ir-revoka tal-bqija tad-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 27

Appell quddiem qorti jew tribunal kompetenti

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali perjodu għall-preżentazzjoni ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 8 u l-Artikolu 10(3) quddiem qorti jew tribunal tal-prima istanza li ma għandux jaqbeż l-14-il jum.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li sas-16 ta’ Ottubru 2026 jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom perjodi għall-preżentazzjoni ta’ appell li huma ta’ 30 jum jew aktar, jistgħu jżommu jew jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali perjodu għall-preżentazzjoni ta’ appell li ma jaqbiżx it-30 jum.

2.   Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jiddekorru mid-data li fiha kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 10(3) tiġi notifikata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jew titqies li ġiet notifikata skont il-liġi nazzjonali .

3.   Meta deċiżjoni ta’ ritorn tkun ibbażata fuq, jew tinħareġ fl-istess att bħal deċiżjoni li tirrifjuta jew ittemm is-soġġorn legali, il-limiti ta’ żmien għall-appell tad-deċiżjoni ta’ ritorn jistgħu jkunu dawk stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-appell ta’ deċiżjoni li ttemm jew tirrifjuta soġġorn legali.

4.   Meta projbizzjoni fuq id-dħul jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija tinħareġ flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 5(12), dawn għandhom jiġu appellati flimkien ma’ dik id-deċiżjoni ta’ ritorn, quddiem l-istess qorti jew tribunal u fl-istess proċedimenti u fl-istess limiti ta’ żmien. Meta projbizzjoni fuq id-dħul jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija tinħareġ separatament mid-deċiżjoni ta’ ritorn jew tkun l-unika deċiżjoni li qed tiġi kkontestata, din tista’ tiġi appellata separatament.

Artikolu 28

Effett sospensiv

1.   Għalkemm dan ir-Regolament ma jipprevedix effett sospensiv awtomatiku ta’ appell, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’rispett sħiħ għall-Artikolu 47 tal-Karta, li t-tneħħija tista’ tiġi sospiża mill-qorti jew mit-tribunal kompetenti tal-prima istanza qabel l-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 10(3). It-tneħħija tista’ tiġi sospiża fuq talba taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għall-perjodu għall-preżentazzjoni tal-appell skont l-Artikolu 27 jew, meta jkun ġie ppreżentat appell, għall-perjodu sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ tali appell, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix ukoll li l-infurzar ta’ tali deċiżjoni jista’ jiġi sospiż ex officio. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jipprevedu effett sospensiv awtomatiku tar-rimedji quddiem qorti jew tribunal tal-prima istanza .

2.   Fil-valutazzjoni tat-talba skont il-paragrafu 1, il-qorti jew tribunal jistgħu jserrħu fuq il-materjal fil-fajl miġjub għall-attenzjoni tagħhom, inkluż kwalunkwe valutazzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti mwettqa fl-istadji preċedenti tal-proċedura ta’ ritorn, u meta jkun rilevanti, tal-proċedura tal-ażil.

3.   Meta jiġi ppreżentat appell ulterjuri kontra l-ewwel deċiżjoni jew deċiżjoni sussegwenti dwar l-appell, it-tneħħija ma għandhiex tiġi sospiża sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix effett sospensiv ta’ tali rimedji jew iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitlobx sospensjoni u qorti jew tribunal kompetenti jiddeċiedu li jagħtuha, b’kont meħud kif xieraq taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali.

KAPITOLU VI

DETENZJONI

Artikolu 29

Raġunijiet għad-detenzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz skont dan ir-Regolament abbażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonata.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu ċittadin ta’ pajjiż terz f’detenzjoni biss għall-fini ta’ ritorn, inkluż għat-tħejjija tar-ritorn, ir-riammissjoni, jew it-twettiq tat-tneħħija.

3.   Ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi detenut biss abbażi ta’ waħda jew aktar mir-raġunijiet għad-detenzjoni li ġejjin:

(a)

riskju ta’ ħrib ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 19;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jevita jew ifixkel ir-riammissjoni, it-tħejjija tar-ritorn jew it-tneħħija;

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta riskju għas-sigurtà skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

(d)

biex tiġi determinata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu;

(e)

in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 18(3), il-punti (a) sa (d), (f), (h), (k), (l) u (m), inkluż in-nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-ksib ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar;

(f)

raġunijiet meħtieġa u proporzjonati rilevanti oħra relatati mar-ritorn, previsti fil-liġi nazzjonali, biex jiġu żgurati proċeduri ta’ ritorn effettivi.

4.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub li tagħti r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. Id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata bil-fomm jew bil-miktub liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz b’lingwa li jifhem jew huwa raġonevolment preżunt li jifhem, inkluż bl-użu ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni.

5.   Meta jżommu ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex persuna vulnerabbli.

Artikolu 30

Perjodu ta’ detenzjoni

1.   Id-detenzjoni għandha tinżamm għal perjodu qasir kemm jista’ jkun u sakemm ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 jiġu ssodisfati u tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv u b’suċċess taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

2.   Meta jidher li r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 ma għadhomx jiġu ssodisfati, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi rilaxxat mid-detenzjoni skont dan ir-Regolament. Tali rilaxx ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-Artikoli 20 u 23.

3.   Detenzjoni ma għandhiex taqbeż it-12-il xahar fi Stat Membru . Meta l-proċedura ta’ ritorn x’aktarx li ddum aktar minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jew minħabba dewmien fil-ksib tad-dokumentazzjoni meħtieġa minn pajjiżi terzi, jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali oħra previsti fil-liġi nazzjonali, id-detenzjoni tista’ tiġi applikata għal perjodu itwal iżda ma għandhiex taqbeż l-24 xahar fi Stat Membru.

Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun mar jgħix fi Stat Membru ieħor u l-imġiba tiegħu tikkostitwixxi raġuni għal detenzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 29(3), għandu japplika perjodu ġdid ta’ detenzjoni.

4.   Wara l-iskadenza tal-perjodu massimu ta’ detenzjoni ta’ 24 xahar skont il-paragrafu 3, id-detenzjoni tista’ tiġi applikata għal perjodi addizzjonali, li ma jaqbżux is-6 xhur b’kollox, fejn ikun hemm riskju ta’ ħrib u meta bidla waħda jew aktar fiċ-ċirkostanzi jindikaw prospett raġonevoli ta’ tneħħija:

(a)

ikun hemm informazzjoni sinifikanti ġdida dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(b)

dokument tal-ivvjaġġar ikun inkiseb, jew jista’ jkun raġonevolment preżunt li nkiseb minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi;

(c)

il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat tjiebet.

Meta jżommu ċittadin ta’ pajjiż terz f’detenzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprijoritizzaw tali każ sabiex jiżguraw li d-detenzjoni tinżamm għal perjodu qasir kemm jista’ jkun.

5.   L-iskadenza tal-perjodi massimi ta’ detenzjoni f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-Artikoli 20 u l-Artikolu 23.

6.   Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qed jikkoopera dwar ir-ritorn tiegħu matul id-detenzjoni, ir-ritorn volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jiġi organizzat mingħajr dewmien żejjed, meta jkun xieraq. Meta jkun rilevanti, id-detenzjoni tista’ tinżamm sat-tluq biex jiġi żgurat ritorn effettiv f’konformità mal-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 31

Rieżami tal-ordnijiet ta’ detenzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenzjoni tiġi rieżaminata mill-inqas kull sitt xhur jew fuq applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati tiġi rieżaminata ex officio mill-inqas kull tliet xhur, jew fuq talba tal-minorenni mhux akkompanjat ikkonċernat jew ir-rappreżentant jew persuna maħtura skont l-Artikolu 17(2).

3.   Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata jew estiża minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-detenzjoni li għandu jiġi deċiż malajr kemm jista’ jkun fi żmien perjodu stabbilit fil-liġi nazzjonali wara l-bidu tad-detenzjoni; jew

(b)

jingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat id-dritt li jibda proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li għandu jiġi deċiż malajr kemm jista’ jkun f’perjodu ta’ żmien stabbilit fil-liġi nazzjonali wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti . F’każijiet tali, l-Istati Membri għandhom, minnufih mal-mument tad-detenzjoni, jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat dwar il-possibbiltà li jibda tali proċedimenti.

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm f’detenzjoni għal perjodu li jaqbeż il-perjodu massimu ta’ detenzjoni ta’ 24 xahar skont l-Artikolu 30(4), u dik l-estensjoni taqbeż it-tliet xhur, id-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal mill-anqas darba kull tliet xhur.

Artikolu 32

Kundizzjonijiet tad-detenzjoni

1.   Id-detenzjoni għandha b’mod ġenerali titwettaq f’faċilitajiet speċjalizzati, inklużi dawk f’fergħat iddedikati ta’ faċilitajiet oħra. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprevedi detenzjoni f’faċilitajiet tali u jkun obbligat li jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom, safejn ikun possibbli, jinżammu separati mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenuti għandu jkollhom aċċess għal spazju fil-beraħ. L-aċċess għal spazju fil-beraħ jista’ jiġi ristrett għal perjodu ta’ żmien limitat, jekk ikun meħtieġ u proporzjonat biex tiġi żgurata faċilità ta’ detenzjoni li tiffunzjona tajjeb.

3.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’detenzjoni għandhom jitħallew, fuq talba, jistabbilixxu kuntatt fi żmien xieraq ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

4.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli detenuti. Għandhom jiġu pprovduti kura tas-saħħa ta’ emerġenza u trattament essenzjali tal-mard liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenuti.

5.   Ir-rappreżentanti legali, il-membri tal-familja, l-awtoritajiet konsulari kompetenti u l-organizzazzjonijiet u l-korpi nazzjonali, internazzjonali u mhux governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru kwalunkwe faċilità ta’ detenzjoni u jikkomunikaw maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jżuruhom f’kundizzjonijiet li jkunu jirrispettaw il-privatezza. Tali żjarat jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u kundizzjonijiet xierqa oħra, inkluż il-ħruġ minn qabel minn awtorità kompetenti ta’ approvazzjoni tas-sigurtà xierqa f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti għal tali aċċess bis-saħħa tal-liġi nazzjonali meta tali limiti jkunu oġġettivament meħtieġa għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva tal-faċilità.

6.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu miżmuma f’detenzjoni għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’lingwa li jifhmu jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhmu. Tali informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-intitolament tagħhom skont il-liġi nazzjonali li jikkuntattjaw lill-persuni jew l-korpi msemmija fil-paragrafi 3 u 5.

7.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi identifikati bħala li jippreżentaw riskji għas-sigurtà skont l-Artikolu 13 jistgħu jitqiegħdu taħt arranġamenti ta’ sigurtà msaħħa fi ħdan faċilitajiet ta’ detenzjoni, inklużi miżuri ta’ separazzjoni aktar stretti jew superviżjoni akbar, għall-perjodu strettament meħtieġ biex jiġi ġestit ir-riskju u jiġi ffaċilitat ir-ritorn tagħhom.

Artikolu 33

Kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati u familji b’minorenni

1.   Il-minorenni mhux akkumpanjati u l-familji b’minorenni għandhom jiġu detenuti biss bħala miżura tal-aħħar istanza u għall-iqsar perjodu ta’ żmien xieraq u b’kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal.

2.   Matul il-perjodu ta’ detenzjoni, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-familji b’minorenni għandhom jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata. Il-persunal għandu jkun imħarreġ b’mod adegwat, u l-faċilitajiet għandhom jiġu adattati biex iqisu l-ħtiġijiet tal-minorenni u tal-età u l-ġeneru tagħhom .

3.   Il-minorenni f’detenzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ divertiment, inkluż logħob u attivitajiet ta’ rikreazzjoni xierqa għall-età tagħhom, u għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni jew għal attivitajiet edukattivi fil-format l-aktar xieraq għad-durata tad-detenzjoni tagħhom.

KAPITOLU VII

RIAMMISSJONI

Artikolu 34

Riammissjoni

1.   Wara li joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn , l-awtoritajiet kompetenti għandhom meta jkun rilevanti, bl-appoġġ tal-Frontex meta jkun rilevanti, jagħtu bidu għar-riammissjoni, inkluż, meta jkun applikabbli, fir-rigward tal-konferma tan-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-organizzjoni ta’ operazzjoni ta’ ritorn.

Meta jkun applikabbli, id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jintuża f’konformità mal-istrument ta’ riammissjoni applikabbli u r-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34).

2.   Ir-riammissjoni f’pajjiżi terzi għandha tkun appoġġata minn uffiċjali ta’ kollegament tal-Unjoni għar-ritorn iddedikati, li jkunu ffinanzjati mill-Unjoni. Tali uffiċjali ta’ kollegament għandhom ikunu parti mill-istruttura tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u għandhom jikkoordinaw mill-qrib mal-Kummissjoni fil-kisba tal-prijoritajiet ta’ politika rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 35

Dimensjoni esterna u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dimensjoni esterna tal-politika tar-ritorn tifforma parti integrali mill-approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Meta jiġi identifikat nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż terz, jew meta Stat Membru wieħed jew aktar jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-kooperazzjoni ta’ pajjiż terz dwar ir-riammissjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, inkluż l-użu tal-kundizzjonalità fir-rigward tal-politiki u l-għodod rilevanti kollha, bħall-politika dwar il-viżi, kif ukoll il-kummerċ u l-iżvilupp, kif previst fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jirregolawhom u għall-Istati Membri li huma marbuta b’dawk l-atti, għall-fini li jappoġġaw proċeduri ta’ ritorn prevedibbli u effettivi ma’ pajjiżi terzi u jiżguraw kooperazzjoni effettiva u sostnuta dwar ir-riammissjoni.

KAPITOLU VIII

KONDIVIŻJONI U TRASFERIMENT TA’ DATA PERSONALI

Artikolu 36

Kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-mezzi xierqa kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni sabiex jimplimentaw dan ir-Regolament.

2.   L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jitwettaq fuq it-talba ta’ Stat Membru u jista’ jitwettaq biss bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni disponibbli rigward ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-fini tat-twettiq tal-proċedura ta’ ritorn u l-għoti ta’ assistenza għar-ritorn u għar-riintegrazzjoni.

4.   Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu tkun tista’ tiġi skambjata permezz tas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-UE kif definit fl-Artikolu 4, il-punt 15, tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) jew permezz ta’ informazzjoni supplimentari f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1860, tali informazzjoni għandha, bħala regola ġenerali, tiġi skambjata biss permezz ta’ dawk il-mezzi.

5.   It-talba għal informazzjoni għandha tinkludi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tinkludi b’mod partikolari:

(a)

informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u, meta jkun applikabbli, l-identità tal-membri tal-familja tiegħu, qraba u kwalunkwe relazzjoni oħra tal-familja;

(b)

informazzjoni relatata mad-data bijometrika meħuda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1358;

(c)

informazzjoni relatata man-nazzjonalità u kwalunkwe dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(d)

informazzjoni relatata mal-postijiet ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-rotot ivvjaġġati, il-lingwi mitkellma u d-dettalji ta’ kuntatt, bħal indirizzi tal-posta elettronika u numri tat-telefown;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe status ta’ residenza jew awtorizzazzjoni li toffri dritt ta’ soġġorn, inkluż dokumenti ta’ residenza jew viżi kif ukoll kwalunkwe applikazzjoni jew estensjoni tagħha, maħruġa minn Stat Membru jew pajjiż terz;

(f)

informazzjoni relatata mal-operazzjoni ta’ ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(g)

informazzjoni relatata mar-riintegrazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, meta jkun applikabbli, inkluż informazzjoni dwar il-vulnerabbiltà;

(h)

ir-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(i)

informazzjoni dwar il-konformità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-obbligi skont l-Artikolu 18 jew mal-miżuri skont l-Artikolu 20;

(j)

informazzjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġiex detenut jew jekk ġewx applikati alternattivi għad-detenzjoni;

(k)

informazzjoni relatata mar-rekords kriminali jew relatata mat-theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(l)

informazzjoni dwar il-vulnerabbiltà, is-saħħa u l-ħtiġijiet mediċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

7.   L-Istat Membru mitlub għandu jkun obbligat li jwieġeb malajr kemm jista’ jkun u mill-inqas fi żmien ġimagħtejn.

8.   Nuqqas ta’ tweġiba, tweġiba mhux kompluta jew tweġiba mdewma minn Stat Membru għal talba magħmula skont dan l-Artikolu ma għandhiex tipprevjeni jew tittardja l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew deċiżjoni li tordna t-tneħħija mibdija minn Stat Membru ieħor. L-Istat Membru li jagħmel it-talba jista’ jipproċedi abbażi tal-informazzjoni diġà disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali.

9.   L-informazzjoni skambjata tista’ tintuża biss għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. F’kull Stat Membru, tali informazzjoni tista’, skont it-tip tagħha u s-setgħat tal-awtorità riċevitriċi, tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji fdati bil-proċedura ta’ ritorn, bir-riammissjoni jew bl-għoti ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni.

10.   Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jittrasferixxu lil xulxin id-dokumenti tal-ivvjaġġar oriġinali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dawk id-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu meħtieġa biex jiġi żgurat ir-ritorn.

Artikolu 37

Trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ ritorn, riammissjoni u riintegrazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 38 u 39, id-data msemmija fl-Artikolu 36(6), il-punti (a) sa (h) tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita minn awtorità kompetenti u, meta jkun applikabbli, mill-Frontex lill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew lill-partijiet terzi kompetenti għall-assistenza għar-riintegrazzjoni jew kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorn, bħal linji tal-ajru jew fornituri mediċi, meta jkun meħtieġ għall-finijiet ta’ ritorn, riammissjoni jew riintegrazzjoni.

2.   L-Istati Membri u l-Frontex li jittrasferixxu data personali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li tali trasferimenti jikkonformaw mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725, rispettivament.

3.   Meta trasferiment isir skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tali trasferiment għandu jiġi dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha, fuq talba, issir disponibbli għall-awtorità superviżorja kompetenti stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment u l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz riċevitur. Din id-dokumentazzjoni għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-bażi legali għat-trasferiment u ma għandhiex tinvolvi xi obbligu addizzjonali ta’ rapportar għall-Istati Membri.

Artikolu 38

Trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi relatata ma’ kundanni kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ ritorn, riammissjoni u riintegrazzjoni

1.   Id-data relatata ma’ kundanna kriminali waħda jew aktar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita f’każijiet individwali minn awtorità kompetenti u, meta jkun applikabbli, mill-Frontex, lil awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew lil partijiet terzi kompetenti għall-assistenza għar-riintegrazzjoni jew kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorn meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li d-data personali tiegħu tiġi ttrasferita jkun ġie kkundannat, fil-25 sena preċedenti, b’reat terroristiku jew fil-15-il sena preċedenti, bi kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36) jew ikun wettaq reat li jinvolvi penali li tinvolvi l-privazzjoni tal-libertà għal mill-anqas sentejn skont il-liġi nazzjonali jew ikun wettaq reati multipli li jinvolvu penali li tinvolvi l-privazzjoni tal-libertà għal mill-anqas sena skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jikkundannah;

(b)

it-trasferiment tad-data jkun meħtieġ għall-finijiet ta’ ritorn, riammissjoni, jew biex tiġi pprovduta assistenza mhux finanzjarja mfassla apposta għar-riintegrazzjoni;

(c)

l-awtorità kompetenti ivverifikat u, meta jkun applikabbli, il-Frontex tkun sodisfatta li t-trasferiment tad-data ma jissograx li jikser il-prinċipju ta’ non-refoulement;

(d)

l-awtorità kompetenti ivverifikat u, meta jkun applikabbli, il-Frontex tkun sodisfatta li t-trasferiment tad-data ma jissograx li jikser l-Artikolu 50 tal-Karta.

2.   Meta l-Istati Membri u l-Frontex jittrasferixxu data personali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw li tali trasferimenti jikkonformaw mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725, rispettivament.

3.   Meta trasferiment isir skont il-paragrafu 1, ta’ dan l-Artikolu, tali trasferiment għandu jiġi dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha, fuq talba, issir disponibbli għall-awtorità superviżorja kompetenti stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, inkluż id-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz riċevitur, il-ġustifikazzjoni li t-trasferiment jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u d-data personali ttrasferita. Din id-dokumentazzjoni għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-bażi legali għat-trasferiment u ma għandhiex tinvolvi xi obbligu addizzjonali ta’ rapportar għall-Istati Membri.

Artikolu 39

Trasferiment ta’ data dwar is-saħħa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn pajjiżi terzi għall-finijiet tat-twettiq tal-operazzjoni ta’ ritorn u r-riintegrazzjoni

1.   Id-data rigward l-assistenza medika li għandha tiġi pprovduta lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul l-operazzjoni ta’ ritorn tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita f’każijiet individwali minn awtorità kompetenti u, meta jkun applikabbli, mill-Frontex, lill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew lill-partijiet terzi kompetenti għall-assistenza għar-riintegrazzjoni jew kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorn, bħal fornituri mediċi, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-trasferiment tad-data jkun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-operazzjoni ta’ ritorn;

(b)

l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat u, meta jkun applikabbli, il-Frontex tkun sodisfatta li t-trasferiment tad-data ma jissograx li jikser il-prinċipju ta’ non-refoulement;

2.   Id-data rigward is-saħħa u l-ħtiġijiet mediċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita f’każijiet individwali minn awtorità kompetenti u, meta jkun applikabbli, mill-Frontex lil parti terza kompetenti għall-assistenza għar-riintegrazzjoni jew kompiti oħra relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorn meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-trasferiment tad-data jkun meħtieġ għall-finijiet tal-għoti ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni msemmija fl-Artikolu 44 li tkun imfassla għall-ħtiġijiet mediċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li d-data personali tiegħu tiġi trasferita jkun ta l-kunsens tiegħu għal tali trasferiment.

3.   L-Istati Membri u l-Frontex li jittrasferixxu data personali skont il-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li tali trasferimenti jikkonformaw mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725, rispettivament.

4.   Meta trasferiment isir skont il-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, tali trasferiment għandu jiġi dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha, fuq talba, issir disponibbli għall-awtorità superviżorja kompetenti stabbilita f’konformità mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz riċevitur, il-ġustifikazzjoni li t-trasferiment jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu u d-data personali ttrasferita. Dik id-dokumentazzjoni għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-bażi legali għat-trasferiment u ma għandhiex tinvolvi xi obbligu addizzjonali ta’ rapportar għall-Istati Membri.

KAPITOLU IX

SISTEMA KOMUNI GĦAR-RITORNI

Artikolu 40

Komponenti ta’ sistema komuni għar-ritorni

1.   Sistema komuni għar-ritorni skont dan ir-Regolament għandha tikkonsisti minn:

(a)

proċedura komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt ta’ soġġorn fuq it-territorju tal-Istati Membri;

(b)

sistema ta’ rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija fost l-Istati Membri;

(c)

sistemi diġitali għall-ġestjoni tar-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(d)

kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

(e)

livell suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ detenzjoni kif determinat mill-Istati Membri, b’kont meħud tal-ħtiġijiet attwali;

(f)

appoġġ finanzjarju mill-Unjoni u appoġġ operazzjonali min-naħa tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

2.   L-iżvilupp ta’ sistemi diġitali għandu jiddependi, kemm jista’ jkun, minn infrastrutturi nazzjonali eżistenti u sistemi interoperabbli tal-Unjoni, u ma għandux joħloq piżijiet addizzjonali ta’ rappurtar jew proċedurali għall-Istati Membri.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw prijoritajiet komuni fil-qasam tar-ritorn u r-riintegrazzjoni u jiżguraw is-segwitu meħtieġ, filwaqt li jqisu l-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni adottata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera skont ir-Regolament (UE) 2024/1349, il-valutazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni f’konformità mal-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 u l-istrumenti ta’ riammissjoni tal-Unjoni u kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni rilevanti għall-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni.

4.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni leali u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti u bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kif ukoll sinerġija bejn il-komponenti interni u esterni .

Artikolu 41

Awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jiddeżinja, f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi li jirriżultaw skont dan ir-Regolament.

Artikolu 42

Kooperazzoni bejn l-Istati Membri

1.   Il-kooperazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati f’konformità mal-Artikolu 41 għandhom bħala regola ġenerali jitwettqu għall-fini li:

(a)

ikun permess li t-tranżitu mit-territorju tagħhom jassisti li deċiżjoni ta’ ritorn ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tiġi osservata jew li jinkisbu dokumenti tal-ivvjaġġar;

(b)

tingħata assistenza loġistika jew assistenza oħra materjali jew in natura b’rabta mat-tranżitu mit-territorju tagħhom skont il-punt (a);

(c)

jiġi ffaċilitat it-trasferiment imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (b);

(d)

jiġi appoġġat it-tluq ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lejn l-Istat Membru li fih ikollu d-dritt ta’ soġġorn f’konformità mal-Artikolu 6(3)

2.   Il-kooperazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati f’konformità mal-Artikolu 41 jistgħu jseħħu, inkluż għall-fini li:

(a)

jitmexxa jew jiġi appoġġat id-djalogu ta’ politika u l-iskambji mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għall-fini li tiġi ffaċilitata r-riammissjoni;

(b)

isir kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-verifika tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-kisba ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu;

(c)

jiġi organizzat, f’isem l-Istat Membru li qed jaghmel it-talba, l-arranġament prattiku għall-infurzar tar-ritorn;

(d)

tingħata assistenza loġistika jew assistenza oħra materjali jew in natura.

Artikolu 43

Appoġġ mill-Frontex

1.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiġu assistiti minn esperti allokati jew appoġġati mill-Frontex, inklużi uffiċjali ta’ kollegament għar-ritorn u uffiċjali ta’ kollegament oħra, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Frontex fir-rigward tal-ħtiġijiet ippjanati għall-appoġġ mill-Frontex għall-fini tal-ippjanar meħtieġ ta’ dak l-appoġġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896.

Artikolu 44

Appoġġ għar-ritorn u r-riintegrazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni biex jipprovdu, meta jkun rilevanti, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi informazzjoni u gwida dwar l-opzjonijiet għar-ritorn u r-riintegrazzjoni, inklużi l-programmi msemmija fil-paragrafu 3, kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess ta’ ritorn. Il-konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni tista’ tiġi kkombinata ma’ konsulenza oħra fil-kuntest ta’ proċeduri oħra ta’ migrazzjoni fl-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni tiġi pprovduta sa mhux aktar tard mill-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ programmi ta’ ritorn u riintegrazzjoni appoġġati jew iffinanzjati fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Tali programmi għandhom jinkludu assistenza jew inċentivi loġistiċi, finanzjarji jew materjali jew in natura oħra, inkluż assistenza għar-riintegrazzjoni fil-pajjiż tar-ritorn, mogħtija lil ċittadin ta’ pajjiż terz.

4.   L-assistenza għar-ritorn u r-riintegrazzjoni ma għandhiex tkun dritt individwali u ma għandhiex tikkostitwixxi prerekwiżit għall-proċedura ta’ riammissjoni.

5.   L-assistenza pprovduta permezz tal-programmi għar-ritorn u r-riintegrazzjoni għandha tirrifletti l-livell ta’ kooperazzjoni u konformità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u tista’ titnaqqas tul iż-żmien jew tiġi irtirata. Il-kriterji li ġejjin jistgħu jitqiesu meta jiġu ddeterminati t-tip u l-firxa tal-assistenza għar-ritorn u r-riintegrazzjoni meta jkun applikabbli:

(a)

il-kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat matul il-proċedura ta’ ritorn u riammissjoni, kif previst fl-Artikolu 18;

(b)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikunx qed jirritorna volontarjament, jew ikunx soġġett għal tneħħija;

(c)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex ċittadin ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37);

(d)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġiex ikkundannat għal reat kriminali;

(e)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandux ħtiġijiet speċifiċi minħabba li jkun persuna vulnerabbli, minorenni, minorenni mhux akkumpanjat jew parti minn familja;

(f)

kriterji addizzjonali skont il-liġi nazzjonali.

6.   L-assistenza msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhiex tingħata lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà bbenefikaw minn appoġġ ieħor jew mill-istess appoġġ ipprovdut minn Stat Membru jew mill-Unjoni. L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Frontex għandhom jiżguraw il-koerenza u l-koordinazzjoni dwar l-assistenza għar-riintegrazzjoni.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 45

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

1.   F’sitwazzjonijiet meta għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom jiġu rritornati jkun ta’ piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, tali Stat Membru jista’, sakemm is-sitwazzjoni eċċezzjonali tippersisti, jiddeċiedi li jippermetti perjodi li jkunu itwal minn dawk previsti fl-Artikolu 27(1), l-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 36(7) u li jieħu miżuri urġenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet għad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 33(2). L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw temporanjament il-proċeduri amministrattivi u r-rekwiżiti tar-rappurtar intern biex iħaffu l-operazzjonijiet ta’ ritorn, dment li tali aġġustamenti jkunu strettament neċessarji biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali.

2.   Meta jirrikorri għal tali miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Huwa għandu wkoll jinforma lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jibqgħux jeżistu.

3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom li jieħdu l-miżuri xierqa kollha, kemm jekk ġenerali kif ukoll partikolari, biex jiżguraw l-issodisfar tal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Statistika

1.   Għall-monitoraġġ tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista’ kull sena titlob li d-data li ġejja tiġi kkomunikata lill-Frontex, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi rilevanti, diżaggregata skont kull pajjiż terz:

(a)

l-għadd ta’ talbiet għall-konferma tan-nazzjonalità u l-għadd ta’ tweġibiet pożittivi u negattivi riċevuti rigward it-talbiet għall-konferma tan-nazzjonalità;

(b)

l-għadd ta’ talbiet għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, li minnhom l-għadd ta’ talbiet għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fil-każijiet fejn in-nazzjonalità kienet ikkonfermata, l-għadd ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz u l-għadd ta’ tweġibiet negattivi rigward it-talba għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.

2.   Il-Frontex għandha tagħti lill-Kummissjoni aċċess għad-data msemmija fil-paragrafu 1. Id-data msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), diżaggregata skont l-Istat Membru, tista’ tiġi kkomunikata lill-pajjiżi terzi għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riammissjoni, u tal-konformità magħhom, inkluż fil-qafas tal-istrumenti ta’ riammissjoni tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni skont l-Artikolu 7(9), b’mod partikolari statistika dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor u l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mneħħija jew ritornati abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn rikonoxxuti u, meta jkun rilevanti, deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija maħruġa minn Stat Membru ieħor f’perjodu ta’ żmien speċifikat.

4.   Il-Kummissjoni għandha, għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u meta jkun possibbli, tagħmel użu mill-informazzjoni disponibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

5.   Meta l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva skont l-Artikolu 7(10), hija għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi emendi għal dan l-Artikolu, filwaqt li tqis l-iżviluppi leġiżlattivi rilevanti fid-diġitalizzazzjoni.

Artikolu 47

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 48

Rappurtar

1.   Sas-17 ta’ Ottubru 2031 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri u għandha, meta jkun xieraq, tipproponi emendi.

2.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jibgħatu l-informazzjoni disponibbli meħtieġa għat-tfassil tar-rapport tagħha skont il-paragrafu 1 mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien. Il-Kummissjoni għandha, meta jkun possibbli, tagħmel użu mill-informazzjoni magħmula disponibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Artikolu 49

Tħassir

1.   Id-Direttiva 2008/115/KE , id-Direttiva 2001/40/KE u d-Deċiżjoni 2004/191/KE huma mħassra għall-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament, b'effett mis-17 ta’ Ottubru 2027.

2.   Ir-referenzi għad-Direttivi u d-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), (2) u (3), l-Artikolu 3, il-punt (3), l-Artikolu 4, l-Artikolu 5(13) u (15), u l-Artikoli 14, 15, 16, 34, 35, 41, 43, 47, 48 u 49 għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2026.

3.   Id-dispożizzjonijiet li jifdal ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mis-17 ta’ Ottubru 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strażburgu, is-7 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU C, C/2026/33, 16.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/33/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Ottubru 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/40/oj)

(5)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/115/oj).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU L 339, 19.12.2017, p. 83, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2017/2338/oj).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/682 tas-16 ta’ Marzu 2023 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u t-tħaffif tar-ritorni meta tiġi implimentata d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 86, 24.3.2023, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/682/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/1349 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1148 (ĠU L, 2024/1349, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1349/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1726/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/922/oj).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/810/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1860/oj).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1147/oj).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/862/oj).

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/191/oj).

(22)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(24)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/399/oj).

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ ordnijiet individwali ta’ tneħħija (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/573/oj).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1861/oj).

(30)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Dikjarazzjonijiet li saru minn ċerti Stati Membri dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2002/584/oj).

(31)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/541/oj).

(32)  Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).

(33)  Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-Eurodac għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1358, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj).

(34)  Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 (ĠU L 311, 17.11.2016, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1953/oj).

(35)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/818/oj).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).

(37)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1806/oj).


ANNESS

Tabella ta' korrelazzjoni

Direttiva 2001/40/KE

Deċiżjoni 2004/191/KE

Direttiva 2008/115/KE

Dan ir-Regolament

 

 

Artikolu 1

Artikolu 1

 

 

Artikolu 2

Artikolu 2

 

 

Artikolu 3, punt 1

Artikolu 3, punt (1)

 

 

Artikolu 3, punt 2

Artikolu 3, punt (2)

 

 

Artikolu 3, punt 3

Artikolu 3, punti (3) u (5)

 

 

Artikolu 3, punt 4

Artikolu 3, punt (4)

 

 

Artikolu 3, punt 5

Artikolu 3, punt (7)

 

 

Artikolu 3, punt 6

Artikolu 3, punt (10)

 

 

Artikolu 3, punt 7

Artikolu 19

 

 

Artikolu 3, punt 8

Artikolu 3, punt (8)

 

 

Artikolu 3, punt 9

—

 

 

Artikolu 4(1) sa (3)

—

 

 

Artikolu 4(4)

Artikolu 2(7)

 

 

Artikolu 5

Artikolu 4 u Artikolu 15

 

 

Artikolu 6(1)

Artikolu 5(1), (9) u (10)

 

 

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2) u (3)

 

 

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(1), punt (b)

 

 

Artikolu 6(4)

—

 

 

Artikolu 6(5)

—

 

 

Artikolu 6(6)

Artikolu 5(12)

 

 

Artikolu 7(1)

Artikolu 5(2) u (3)

 

 

Artikolu 7(2)

Artikolu 5(4)

 

 

Artikolu 7(3)

Artikolu 20 u Artikolu 23

 

 

Artikolu 7(4)

Artikolu 5(2), punt (b) u Artikolu 5(5)

 

 

Artikolu 8(1) sa (5)

Artikolu 10

 

 

Artikolu 8(6)

Artikolu 12

 

 

Artikolu 9

Artikolu 11(1) sa (5) u (7)

 

 

Artikolu 10

Artikolu 17

 

 

Artikolu 11

Artikolu 8 u Artikolu 9

 

 

Artikolu 12

Artikolu 5(7), (8) u (11) u Artikolu 8(3)

 

 

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 26, Artikolu 27 u Artikolu 28

 

 

Artikolu 13(3) u (4)

Artikolu 25

 

 

Artikolu 14(1)

Artikolu 11(6)

 

 

Artikolu 14(2)

Artikolu 11(4)

 

 

Artikolu 15(1)

Artikolu 29(1), (2) u (3), punti (a) u (b)

 

 

Artikolu 15(2)

Artikolu 29(4), Artikolu 30(2) u Artikolu 31(3)

 

 

Artikolu 15(3)

Artikolu 31(1) u (2)

 

 

Artikolu 15(4)

Artikolu 30(2)

 

 

Artikolu 15(5)

Artikolu 30(1) u (3), l-ewwel sentenza

 

 

Artikolu 15(6)

Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza u l-Artikolu 30(3), it-tieni subparagrafu

 

 

Artikolu 16

Artikolu 32

 

 

Artikolu 17

Artikolu 33

 

 

Artikolu 18

Artikolu 45

Artikoli 1 sa 6

 

—

Artikolu 7(1) sa (8)

 

Artikoli 1 sa 3

—

—


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2280/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)