European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1082

13.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1082

tat-12 ta’ Mejju 2026

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għal Bożnija-Ħerzegovina b’saħħitha, indipendenti u prospera, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (2), iffirmat fl-2008, li daħal fis-seħħ fl-2015, u fuq id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-2024 li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni.

(3)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), inkluż il-parteċipazzjoni tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK u fil-gruppi tattiċi tal-UE.

(4)

Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża bl-għan li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ aktar użu tal-EPF b’appoġġ għall-mezzi militari u ta’ difiża tas-sħab.

(5)

Kif imfakkar fid-dikjarazzjonijiet ta’ Brussell tat-18 ta’ Diċembru 2024 u tas-17 ta’ Diċembru 2025, il-mexxejja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’konsultazzjoni mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, appellaw lill-Unjoni biex tkompli taħdem flimkien mar-reġjun biex tiżviluppa iktar il-mezzi ta’ difiża tagħha, inkluż permezz tal-EPF.

(6)

Fit-22 ta’ Ottubru 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċeviet talba mill-Bożnija-Ħerzegovina biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex tissaħħaħ it-tħejjija operazzjonali tagħhom.

(7)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u bi qbil mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.

(8)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Bożnija-Ħerzegovina (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”) hija b’dan stabbilita.

2.   L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:

(a)

li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża bejn l-Unjoni u l-Bożnija-Ħerzegovina;

(b)

li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u ta’ difiża tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina sabiex jittejbu s-sigurtà u r-reżiljenza nazzjonali u b’hekk tiġi protetta aħjar il-popolazzjoni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi.

3.   Biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li mhumiex imfassla biex iwasslu forza letali u s-servizzi li ġejjin:

—

tagħmir protettiv personali;

—

tagħmir CBRN personali;

—

vetturi tat-tagħbija;

—

tagħmir għall-viżjoni billejl.

Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, operazzjonali u ta’ manutenzjoni, fejn meħtieġ.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 15 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u bi qbil mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew fornuti;

(c)

manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li ebda assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfu jew jiġu ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b qbil mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Aġenzija Ċentrali għall-Ġestjoni tal-Proġetti u l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi sensibilizzazzjoni tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rapportar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)   ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2015/997/oj.

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1082/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)