|
26.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 315/67 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1198/2013
tal-25 ta’ Novembru 2013
li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 24 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment dwar l-allegati sussidji dannużi għall-produzzjoni tal-bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja, li tressaqt skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku mill-European Biodiesel Board (“l-ilmentatur”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-bijodiżil fl-Unjoni. |
|
(2) |
L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ sussidjar tal-prodott imsemmi u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu, li tqieset suffiċjenti biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni. |
|
(3) |
Fl-10 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-notifika ta’ bidu”), il-ftuħ ta’ proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ bijodiżil fl-Unjoni li joriġina mill-Arġentina u mill-Indoneżja (2). |
|
(4) |
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-ilmentatur, lill-produtturi magħrufa l-oħra fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fl-Arġentina u fl-Indoneżja, lill-importaturi, lill-fornituri, lid-distributuri, lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa u konċernati, u lill-awtoritajiet tal-Arġentina u tal-Indoneżja bil-ftuħ tal-proċediment. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta sal-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta’ bidu. |
|
(5) |
Il-partijiet interessati kollha, u talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ. |
|
(6) |
Fl-10 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ssoġġettat l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2013 (3). |
2. L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT
|
(7) |
Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2013 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira formalment l-ilment tiegħu. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jiġi tterminat meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx kontra l-interessi tal-Unjoni. |
|
(9) |
L-investigazzjoni ma żvelat ebda konsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tmur kontra l-interessi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li dan il-proċediment għandu jiġi tterminat. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità jikkummentaw. Mandankollu l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment li jista’ jwassal għall-konklużjoni li din it-terminazzjoni tkun kontra l-interessi tal-Unjoni. |
|
(10) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja għandu jiġi tterminat. |
|
(11) |
Ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja, stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2013, għalhekk għandha titwaqqaf u r-Regolament imsemmi għandu jiġi mħassar, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-proċediment antisussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u/jew ta’ żejt tal-gass paraffiniku, li jinkisbu minn sinteżi u/jew minn trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew f’taħlita, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 , ex 1518 00 91 , ex 1518 00 95 , ex 1518 00 99 , ex 2710 19 43 , ex 2710 19 46 , ex 2710 19 47 , 2710 20 11 , 2710 20 15 , 2710 20 17 , ex 3824 90 97 , 3826 00 10 u ex 3826 00 90 , u li joriġinaw fl-Arġentina u fl-Indoneżja, b’dan qiegħed jiġi tterminat.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 330/2013.
Artikolu 3
Ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 huwa mħassar.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.