Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑634/25 P
Rafal Stanecki
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 12 – Dinjità tal-kariga – Artikolu 17a – Dritt għal-libertà ta’ espressjoni – Sanzjoni dixxiplinari minħabba t-ton użat f’komunikazzjoni elettronika privata indirizzata lir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea – Legalità tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u tas-sanzjoni dixxiplinari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11(1) – Limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
1. “Il-libertà tal-istampa tispiċċa biss jekk ma tintużax.” Dan il-motto ta’ ġurnal satiriku Franċiż li joħroġ kull nhar ta’ Erbgħa (2) jista’ japplika għal-libertà ta’ espressjoni li l-libertà tal-istampa ma hijiex ħlief aspett wieħed tagħha. Il-libertà ta’ espressjoni hija ħaġa prezzjuża, hija sies tad-demokrazija u, għalhekk, għandha tiġi protetta b’mod effettiv. Kull setgħa, kull awtorità, titħajjar tillimita, issarram, tikkostrinġi lil dawk li jeżerċitaw din il-libertà. Huwa għalhekk li l-libertà ta’ espressjoni ġiet iddikjarata bħala dritt fundamentali li għandu jiġi protett mill-indħil tal-awtoritajiet pubbliċi. Din il-libertà ta’ espressjoni hija inqas wiesgħa għal uffiċjal tal-Unjoni Ewropea? Dan tal-aħħar għandu jiġi limitat fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà meta jesprimi ruħu personalment u meta jikteb korrispondenza privata lil awtorità pubblika mingħajr ma jiddisprezza u mingħajr ma jikkritika lill-istituzzjoni li timpjegah? Il-kwalità ta’ uffiċjali żżommu milli jindirizza lil terz b’mod ħarira iebes f’korrispondenza privata? Fuq liema bażi, fid-dawl ta’ dan id-dritt fundamentali, tista’ l-istituzzjoni li timpjegah tiddeċiedi – arbitrarjament (?) – x’jikkostitwixxi “ton xieraq” li għandu juża l-uffiċjal, minkejja li l-istituzzjoni ma tkunx involuta f’din il-korrispondenza?
2. Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet li jqajjem dan l-appell ippreżentat minn Rafal Stanecki mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Lulju 2025, Stanecki vs Il‑Kummissjoni (3).
3. F’din il-kawża, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, R. Stanecki, ċittadin Belġjan Pollakk, kien is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari u ġiet imposta fuqu, minn din l-istituzzjoni, sanzjoni dixxiplinari li tissospendi l-progress għal skala ogħla għal perijodu ta’ tnax-il xahar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) minħabba li l-komunikazzjoni bil-miktub li huwa kien bagħat f’ismu stess, mill-indirizz elettroniku personali tiegħu, lir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ambaxxatur tal-Polonja”), u li permezz tagħha huwa kkontesta, b’ton meqjus mhux xieraq, il-fehmiet ta’ dan tal-aħħar fuq suġġetti relatati mal-Istat tad-dritt, kienet timmina d-dinjità tal-kariga tiegħu.
4. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u annullat din tal-aħħar minħabba żball ta’ evalwazzjoni fil-mod kif twieżnu ċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tas-sanzjoni (punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu għad-danni (punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza) u kkonfermat il-legalità tal-proċedura dixxiplinari nnifisha. Fil-fatt, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala “ksur tal-obbligi statutorji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea” (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u timponi fuq l-appellant sanzjoni dixxiplinari mingħajr ma dan jikser id-dritt tiegħu għal-libertà ta’ espressjoni ggarantit fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (4).
5. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
6. Fl-ewwel lok, fejn tidħol l-analiżi dwar il-klassifikazzjoni tal-aġir tal-appellant bħala “nuqqas dixxiplinari”, fid-dawl tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, inqis li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx tajjeb il-punt sa fejn il-korrispondenza privata inkwistjoni kienet toħloq konfużjoni ta’ interessi li setgħet timmina d-dinjità tal-kariga tal-uffiċjal fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, ser nispjega li l-Qorti Ġenerali injorat fatturi kuntestwali li kienu essenzjali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti li bihom ġie mixli l-appellant u dan billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni effettiva u diretta tal-ambaxxatur tal-Polonja f’dan il-kunflitt.
7. Fit-tieni lok, fejn tidħol l-analiżi dwar il-ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-Karta, naħseb li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx tajjeb kif il-bidu tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni kien jikkostitwixxi limitazzjoni konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (5). Billi sempliċement irriproduċiet, kważi fir-raġunament kollu tagħha, il-kliem li hija kienet użat u l-analiżi ġuridika li hija kienet adottat fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, DD vs FRA (6), li kienet tikkonċerna uffiċjal li kkommetta plaġju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma għamiltx, fil-fehma tiegħi, eżami konkret u effettiv tal-aġir, kif ukoll tal-indħil inkwistjoni, u naqset milli tosserva l-garanziji ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv.
II. Il-kuntest ġuridiku
8. Taħt it-Titolu II tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna d-“[d]rittijet u obbligi ta’ l-uffiċjali”, l-Artikolu 12 jipprovdi:
“L-Uffiċjal għandu joqgħod lura minn kull azzjoni jew imġiba li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni tiegħu.”
9. L-Artikolu 17a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“Uffiċjal għandu d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni, b’rispett dovut għall-prinċipji tal-lealtà u l-imparzjalità.”
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
10. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej (7).
11. Fid‑19 ta’ Diċembru 2021, l-appellant skambja ittri elettroniċi (iktar ’il quddiem l-“iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż”) mill-indirizz tal-posta elettronika personali tiegħu mal-ambaxxatur tal-Polonja.
12. L-ewwel waħda minn dawn l-ittri elettroniċi, li ntbagħtet fis-19:49 u li nkitbet bil-lingwa Pollakka, kienet intitolata “Il-Milied it-Tajjeb lill-Ambaxxatur [tal-Polonja]”. Hija kienet tinqara kif ġej:
“Għażiż Sinjur Ambaxxatur,
Wara l-avvenimenti reċenti fil-Polonja, nittama li inti tinżamm politikament responsabbli, bħall-kostitwenti tiegħek fil-Polonja, għall-attivitajiet anti-Ewropej u pro-Russi tiegħek.
Hawnhekk, fi Brussell [(il-Belġju)], inti qiegħed tħalli lil ħaddieħor jinqeda b’ismek fil-qerda tad-demokrazija u tal-midja ħielsa. Nassigurak li l-attivitajiet tiegħek hawnhekk fi Brussell ma humiex ser jintesew.
Il-kwistjoni jekk inti mminajtx l-interessi tal-Polonja, bi ħsieb jew le, ser tiġi deċiża minn qorti indipendenti fil-Polonja ħielsa.
Dejjem tiegħek,
Rafal Stanecki
Brussell”
13. Dakinhar stess, fis-19:57, l-Ambaxxatur tal-Polonja wieġeb lill-appellant, billi għamel copy fl-ittra elettronika tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta tal-Kummissjoni. Din l-ittra elettronika kienet tinqara kif ġej:
“[...]
Nixtieqlek kull suċċess fil-ħidma tiegħek fejn jidħol it-tibdil fil-klima [u għandi fiduċja] fix-xogħol tal-Kummissjoni [...]
Nispera li m’intix theddidni u li m’intx biħsiebek tintimidani.
[...]”
14. Bi tweġiba għal din l-ittra elettronika, l-appellant kiteb lill-ambaxxatur tal-Polonja, dakinhar stess fit-20:47, it-tieni ittri elettronika, li kienet tinqara kif ġej:
“[...]
Nirringrazzjak tat-tweġiba fil-pront u tal-preokkupazzjoni tiegħek dwar il-Kummissjoni [...] Li kont minnek iktar nippreokkupa ruħi bil-futur tal-Polonja u bis-sħubija tagħha [fl-Unjoni].
Il-Kummissjoni, b’xi mod jew ieħor, jirnexxielha tasal.
Ta’ min wieħed jaqra b’attenzjoni u jirrifletti fuq il-konsegwenzi ta’ għemilu.
[...]”
15. Billi, fil-fehma tiegħu, l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż ma kienx xieraq, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni talab, l-għada, li l-każ jitressaq każ quddiem l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC). Saret investigazzjoni amministrattiva u nbdiet proċedura dixxiplinari minħabba li l-appellanti kien kiser l-Artikoli 11, 12 u 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, billi uża ton mhux xieraq f’dan l-iskambju.
16. Din il-proċedura wasslet sabiex tiġi adottata, minn naħa, id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-legalità tagħha hija inkwistjoni f’din il-kawża, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li isem l-appellant ma jiġix inkluż, b’mod provviżorju, fil-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tal‑2022, li l-legalità tagħha hija inkwistjoni fil-kawża Stanecki vs Il‑Kummissjoni (C‑233/25 P), li bħalissa tinsab sospiża.
17. Fid‑29 ta’ Settembru 2023, l-appellant ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema lment ġie miċħud fil‑25 ta’ Jannar 2024.
IV. Il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni
A. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
18. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2024, l-appellant fetaħ kawża abbażi tal-Artikolu 270 TFUE għal, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
1. Fuq it‑talbiet għal annullament
19. Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, l-appellant invoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li vvizzjaw diversi atti preparatorji, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 10 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. L-appellant talab ukoll kumpens għad-dannu fiżiku u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba d-deċiżjoni kontenzjuża, li huwa stima EUR 50 000.
20. Dwar it-talbiet għal annullament, il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabel xejn, l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li vvizzjaw diversi atti preparatorji fil-punti 23 sa 49 tas-sentenza appellata qabel ma ċaħditu bħala infondat.
21. L-ewwel nett, hija ddeċidiet li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara l-appellanti, sew l-IDOC u sew l-Awtorità tal-Ħatra ħadu inkunsiderazzjoni l-kuntest politiku li fih sar l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż. Fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-fehma tal-Awtorità tal-Ħatra, huwa sewwasew minħabba kuntest politikament sensittiv li l-appellant kellu jevita li jindirizza lill-ambaxxatur tal-Polonja b’mod mhux xieraq dwar suġġett kontroversjali.
22. It-tieni, hija ċaħdet l-argument tal-appellant li l-kariga tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni setgħet tiġi faċilment identifikata bi tfittxija fuq l-internet.
23. It-tielet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, abbażi tas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, CX vs Il‑Kummissjoni (8), li l-IDOC u d-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà” tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkritikati talli ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellant ma kienx iddistakka ruħu bħala uffiċjal tal-Kummissjoni inkwantu dan il-fatt huwa wieħed mill-elementi tal-aġir ta’ dan tal-aħħar li seta’ joħloq, f’għajnejn terzi, konfużjoni fejn jidħlu l-interessi tal-Unjoni li huwa suppost jaqdi.
24. Il-Qorti Ġenerali eżaminat, imbagħad, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, u t-tielet motiv, li kien jikkonċerna allegat ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, fil-punti 51 sa 73 u 75 sa 92 tas-sentenza appellata, rispettivament, qabel ma ċaħdithom bħala infondati. Billi qiegħed jitwaqqa’ dubju fuq dawn l-evalwazzjonijiet fil-kuntest ta’ dan l-appell, dawn qegħdin speċifikament jinġabru fil-qosor fil-punti 47 sa 52 u 74 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
25. Fl-aħħar nett, fejn jidħol ir-raba’ motiv ta’ annullament, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 10 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 94 sa 151 ta’ din is-sentenza, il-mod kif l-Awtorità tal-Ħatra ddeterminat is-sanzjoni dixxiplinari fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellant kien qiegħed jikkontesta l-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti li huwa kien mixli bihom sabiex iżżid is-severità ta’ din is-sanzjoni u ddeċidiet, għalhekk, li “[kien] hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni [kontenzjuża], inkwantu [...] l-Awtorità tal-Ħatra tripartita qieset, b’mod żbaljat, l-attitudni tar-rikorrent matul il-proċedura dixxiplinari bħala ċirkustanza aggravanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
2. Fuq it-talbiet għad-danni
26. Fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, l-ewwel nett, it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex istituzzjoni tinżamm responsabbli fil-kuntest ta’ talba għad-danni mressqa minn uffiċjal, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun mixlija din l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat.
27. It-tieni, fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata t-talba għall-kumpens tal-allegat dannu fiżiku mġarrab mill-appellant. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tibda l-proċedura dixxiplinari kontra l-appellant u timponi fuqu sanzjoni dixxiplinari minħabba l-aġir tiegħu fil-kuntest tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għalhekk, li, anki jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, din ma kinitx twaqqa’ dubju fuq il-validità tal-proċedura dixxiplinari fl-intier tagħha, hekk li l-ewwel kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir ma kinitx issodisfatta.
28. Fl-aħħar nett, fil-punt 162 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata t-talba għall-kumpens tal-allegat dannu morali mġarrab mill-appellant. Fl-ewwel lok, hija ddeċidiet li l-appellant ma kienx spjega sa fejn il-fatt li l-proċedura dixxiplinari damet 19‑il xahar ma kienx raġonevoli. It-tieni, hija qieset li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirrimedja b’mod adegwat u suffiċjenti d-dannu morali li jirriżulta mill-ħsara għar-reputazzjoni tiegħu u għall-integrità professjonali tiegħu. It-tielet, hija fakkret li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni.
29. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.
B. L-appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-adozzjoni parallela mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta’ modifika
1. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
30. Fis‑26 ta’ Settembru 2025, l-appellant ippreżenta appell mis-sentenza appellata. Fit-talbiet tiegħu, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza u tiddikjara fondat ir-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluż, fejn jidħlu t-talbiet tiegħu għad-danni, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
31. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
32. Waqt is-seduta li saret fid‑9 ta’ Settembru 2026, l-appellant u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet li kienet għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Id-deċiżjoni ta’ modifika
33. B’mod parallel mal-preżentata ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni eżegwixxiet, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, is-sentenza appellata billi adottat, fl‑24 ta’ Ottubru 2025, deċiżjoni ta’ modifika (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ modifika”) li permezz tagħha hija fittxet li tirrimedja l-illegalità li vvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża. Din id-deċiżjoni ta’ modifika tnaqqas is-sanzjoni dixxiplinari tal-appellant li tissospendi l-progress għal skala ogħla minn tnax‑il xahar għal disa’ xhur, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2025. Fil‑21 ta’ Jannar 2026, l-appellant ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema lment ġie miċħud fit‑8 ta’ Mejju 2026.
34. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Lulju 2026, irreġistrat bin-numru T‑446/26, l-appellant ippreżenta rikors ġdid abbażi tal-Artikolu 270 TFUE għal, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ modifika u, min-naħa l-oħra, il-kumpens tad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.
35. Dan it-tieni rikors huwa differenti mill-ewwel wieħed inkwantu l-appellant jinvoka, b’mod espliċitu, taħt it-tielet motiv tiegħu għal annullament, ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-komunikazzjonijiet tiegħu ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta.
V. L-analiżi ġuridika tal-appell
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
36. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-appell huwa inammissibbli peress li s-sentenza appellata, permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha, billi laqgħet kompletament it-talbiet għal annullament tal-appellant. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-appellant ma huwiex ħlief jipprova jikseb sostituzzjoni tal-motivi ta’ din is-sentenza fejn jidħlu t-tieni u t-tielet motiv ta’ annullament, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, inkwantu t-talbiet għal kumpens huma, fil-fehma tagħha, ibbażati fuq id-danni li allegatament ġarrab l-appellant minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma hemmx iktar lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-imsemmija sentenza f’dan ir-rigward. Fil-fehma tagħha, dawn it-talbiet għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ modifika, li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (T‑446/26).
37. Jidhirli, għall-kuntrarju, li l-appell huwa ammissibbli.
38. Infakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti li ma jkunux intlaqgħulha wħud mit-talbiet tagħha jew li ma tkun intlaqgħatilha ebda talba (9). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet ta’ appell għandhom ifittxu li jannullaw, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar timplimenta l-prinċipju fundamentali li japplika għall-appelli li l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax sempliċement ifittex l-emenda ta’ wħud mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni (10). Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippreżupponi li l-appell ikun jista’, jekk kemm‑il darba jintlaqa’, ikun ta’ vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu (11).
39. F’dan il-każ, id-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa fformulat kif ġej:
“(1) Id-deċiżjoni [kontenzjuża] li timponi [fuq l-appellant] is-sanzjoni dixxiplinari li tissospendi l-progress għal skala ogħla għal perijodu ta’ tnax‑il xahar hija annullata.
(2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
(3) R. Stanecki u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
40. Dan id-dispożittiv għandu jinqara fid-dawl tad-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kwistjoni, minn naħa, tal-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala “nuqqas dixxiplinari” li wassal għal proċedura dixxiplinari u, min-naħa l-oħra, tal-quantum tas-sanzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kontenzjuża fi tmiem din il-proċedura.
41. Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa annullament sħiħ tad-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li s-sanzjonijiet għandhom jingħataw skont l-individwu (12). B’hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat it-tieni u t-tielet motiv ta’ annullament, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, rispettivament, din il-konstatazzjoni effettivament ma jkollha ebda relevanza għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża billi din tal-aħħar ma baqgħetx teżisti fl-ordinament ġuridiku u l-appellant ma jista’ jikseb ebda vantaġġ minn dan. Għalhekk, it-talbiet ta’ dan l-appell ma jistgħux ifittxu li jannullaw il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata (13).
42. Madankollu, mill-punt 151 ta’ din is-sentenza jidher ovvju li din id-deċiżjoni ġiet annullata “inkwantu” l-Awtorità tal-Ħatra tripartita għamlet żball fid-determinazzjoni tal-quantum tas-sanzjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat l-aġir tal-appellant matul il-proċedura dixxiplinari bħala ċirkustanza aggravanti. Barra minn hekk, mill-punti 73, 92, 156 u 161 tal-imsemmija sentenza jirriżulta b’mod espliċitu li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-legalità tal-proċedura dixxiplinari mibdija mill-Kummissjoni billi sabet li l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż kien jikkostitwixxi tabilħaqq nuqqas dixxiplinari li mmina d-dinjità tal-kariga fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal (it-tieni motiv ta’ annullament, punti 55 sa 73 u 156 tas-sentenza appellata) li l-Kummissjoni setgħet tissanzjona mingħajr ma tikser id-dritt tal-appellant għal-libertà ta’ espressjoni (it-tielet motiv ta’ annullament, punti 78 sa 92, 156 u 161 ta’ din is-sentenza) (14). F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx turi li l-Kummissjoni aġixxiet illegalment, hekk li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli. Huwa abbażi ta’ dan li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, għalhekk, fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, it-talba għad-danni mressqa mill-appellant. F’dan ir-rigward, nenfasizza li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, din it-talba ma hijiex ibbażata biss fuq id-danni li allegatament ġarrab dan tal-aħħar minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda tikkonċerna wkoll id-danni kkawżati mill-bidu tal-proċedura dixxiplinari (15).
43. Huwa minħabba li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet il-legalità tal-proċedura dixxiplinari li l-Kummissjoni setgħet tadotta d-deċiżjoni ta’ modifika mingħajr ma kellha għalfejn tiddeċiedi jekk tiftaħx jew le proċedura dixxiplinari ġdida kontra l-appellant. Fid-dawl tal-premess, ma jistax raġonevolment jingħad li, bl-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellant ingħata raġun. Fil-fatt, dan tal-aħħar għad għandu interess ċert li jikkontesta l-analiżi ġuridika marbuta mal-legalità tal-aġir tal-Kummissjoni li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha li tiċħad ir-rikors tiegħu għad-danni u li abbażi tagħha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ modifika. Li kellu l-appellant jiġi mċaħħad minn din il-possibbiltà ikun jammonta għal ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa għandu dritt għaliha taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. B’hekk, li kellu dan l-appell jitqies inammissibbli, is-sentenza appellata – li d-deċiżjoni ta’ modifika ġiet adottata b’eżekuzzjoni tagħha – issir res judicata u, sa dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma terġax tiddeċiedi dwar l-argumenti mressqa mill-appellant.
44. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi żgurat lill-appellant id-dritt ta’ appell fil-proċedura pendenti, dan l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli inkwantu huwa dirett kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
B. Fuq il-mertu tal-appell
45. Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem tliet aggravji li permezz tagħhom isostni li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni għalbiex tiġi stabbilita konfużjoni ta’ interessi, it-tieni, interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet għall-permessibbiltà ta’ ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal u, konsegwentement, it-tielet, evalwat b’mod żbaljat il-kundizzjoni dwar il-legalità tal-aġir tal-Kummissjoni għall-finijiet tat-talba tiegħu għad-danni.
1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ konfużjoni ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal
46. Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż kien jiġġustifika l-bidu ta’ proċedura dixxiplinari kontrih minħabba li dan l-aġir kien jimmina d-dinjità tal-kariga fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, kien ħoloq sitwazzjoni ta’ konfużjoni bejn l-interessi privati tiegħu u dawk tal-Kummissjoni.
a) Is-sentenza appellata
47. Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti miġjuba mill-appellant insostenn tat-tieni motiv ta’ annullament tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-punti 55 sa 73 tas-sentenza appellata, u mbagħad ċaħditu bħala infondat.
48. Hija fakkret, fil-punti 56 sa 60 ta’ din is-sentenza, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar il-portata tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, dwar ir-rispett li l-uffiċjal huwa obbligat iġib lid-“dinjità tal-kariga tiegħu”, u minn dan iddeduċiet li, “fil-każ fejn l-uffiċjal, filwaqt li jaġixxi f’kuntest privat, ikun jista’ jiġi identifikat bħala membru tal-persunal ta’ istituzzjoni u jaġixxi b’mod li, fid-dawl tal-kuntest li fih ikun adotta dan l-aġir, jista’ jitqies bħala mhux xieraq u joħloq konfużjoni bejn l-interessi privati li huwa jkun biħsiebu jaqdi b’dan l-aġir u dawk tal-Unjoni li huwa suppost jaqdi, dan l-aġir jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari meta jkun tali li jimmina r-relazzjoni ta’ fiduċja li teżisti bejn l-Unjoni u l-uffiċjal, billi jkun jista’ jikkostitwixxi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal” (punt 61 tal-imsemmija sentenza) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
49. Huwa fid-dawl ta’ din id-definizzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-aġir tal-appellant fil-kuntest tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż kien jikkostitwixxi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba n-natura mhux xierqa ta’ dan l-iskambju li tirriżulta, b’mod partikolari, mit-ton użat fih (punti 63 sa 67 ta’ din is-sentenza), mill-konfużjoni ta’ interessi kkawżata minn dan tal-aħħar (punti 68 sa 71 tal-imsemmija sentenza) u mill-ħsara li saret lir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-Unjoni u l-uffiċjal (punt 72 tal-istess sentenza).
50. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, l-ewwel nett, l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-kontenut u t-ton tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż ma kinux xierqa (punt 67 tas-sentenza appellata). Hija rrilevat li l-kliem użat f’dan l-iskambju ma kien “iħalli ebda dubju dwar in-natura ostili u irrispettuża tiegħu” (punt 63 ta’ din is-sentenza) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li kien jixhed attitudni “sfaċċatament ostili li tmur ferm lil hinn minn kritika meqjusa” (punt 65 tal-imsemmija sentenza) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ddeċidiet ukoll li t-ton “ma [kienx] jaqbel mar-rispett dovut lil professjonist fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu” billi l-appellant “[kien] għamel, b’mod kategoriku, akkużi mhux issostanzjati li [kienu] jwaqqgħu dubju fuq xogħol l-ambaxxatur [tal-Polonja] fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu” (punt 66 tal-istess sentenza) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
51. It-tieni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż seta’ jidher, f’għajnejn l-ambaxxatur tal-Polonja, li jista’ joħloq konfużjoni fejn jidħlu l-interessi tal-Unjoni li l-appellant suppost jaqdi. F’dan il-kuntest, wara li kkonstatat li l-appellant ma kienx semma l-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni f’dan l-iskambju, il-Qorti Ġenerali rrilevat, madankollu, li huwa ma kienx ħa l-prekawzjoni li jillimita l-portata tal-ittri elettroniċi tiegħu u, b’mod partikolari, li, inkwantu huwa rrefera għall-belt ta’ Brussell, huwa ma jistax jikkritika lill-ambaxxatur tal-Polonja talli indaga dwar l-identità tiegħu u talli għamel konnessjoni mal-kariga tiegħu fil-Kummissjoni (punt 69 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-grad għoli tiegħu (AD 8) u tal-esperjenza professjonali tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni, tal-kuntest politiku partikolarment sensittiv, kif ukoll tar-rwol li kellha din l-istituzzjoni f’dan il-kuntest, l-appellant ma setax ma kienx jaf li kellu jaġixxi b’kawtela, peress li l-kummenti tiegħu setgħu jiġu interpretati bħala kummenti ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni u fis-sens li jmorru lil hinn minn sempliċi opinjoni personali mfissra biss fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin (punt 70 tal-imsemmija sentenza).
52. Fl-aħħar nett, it-tielet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 72 tal-istess sentenza, li l-aġir tal-appellant seta’ jaffettwa l-impressjoni li l-pubbliku għandu tal-Unjoni, jiġifieri l-impressjoni ta’ mġiba partikolarment xierqa u rispettuża u li wieħed jista’ jistenna mill-membri tal-persunal tagħha fil-konfront, b’mod partikolari, ta’ rappreżentant permanenti ta’ Stat Membru, bħall-Ambaxxatur tal-Polonja, hekk li l-aġir tiegħu mmina r-relazzjoni ta’ fiduċja li teżisti bejn l-Unjoni u l-uffiċjal.
b) L-argumenti tal-partijiet
53. L-ewwel aggravju jikkonsisti f’żewġ partijiet.
54. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ atti li jikkommetti uffiċjal fil-kuntest tal-ħajja privata tiegħu. Minn naħa, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni b’mod wiesa’ billi applikatha għal sitwazzjoni li fiha l-appellant huwa mixli li ħoloq konfużjoni bejn l-interessi privati tiegħu u dawk tal-Kummissjoni, u dan minkejja li ġie stabbilit li huwa bagħat l-ittri elettroniċi kontenzjużi f’kuntest privat, barra mill-kuntest tax-xogħol tal-Kummissjoni, u li huwa la aġixxa f’isem u lanqas fl-interess tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, huwa jgħid li l-Qorti Ġenerali interpretat dan l-Artikolu 12 b’mod irraġonevoli billi ppretendiet mill-uffiċjal, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin, li jikteb, b’mod sistematiku, avviż li huwa ma huwiex jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni. Dan huwa rekwiżit sproporzjonat li jikkontradixxi d-dmir ta’ diskrezzjoni li jirriżulta wkoll minn dan l-artikolu.
55. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-analiżi fil-punti 68 sa 71 tas-sentenza appellata, dwar l-evalwazzjoni tal-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ta’ interessi, hija vvizzjata b’raġunament kontradittorju.
56. B’mod partikolari, il-konklużjoni fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li “l-aġir tal-appellant seta’ jidher, f’għajnejn l-ambaxxatur tal-Polonja, li jista’ joħloq konfużjoni fejn jidħlu l-interessi tal-Unjoni li huwa suppost jaqdi”, tikkontradixxi b’mod sfaċċat il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li “mill-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż ma jirriżultax li huwa ddikjara b’mod espliċitu li kien qiegħed jikteb f’isem jew fl-interess tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tiegħu, tali konklużjoni tikkorrobora – b’mod impliċitu, iżda b’mod neċessarju – l-argument tiegħu, imfisser fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li tali konfużjoni bejn l-interessi personali tiegħu u dawk tal-Kummissjoni nħolqot mill-ambaxxatur tal-Polonja li ppubblika l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż u, sussegwentement, tkellem dwar din il-kwistjoni fil-media Pollakka.
57. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija fakkret il-portata tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif iddefinita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-1 ta' Ġunju 2022, Cristescu vs Il‑Kummissjoni (16). Hija sostniet li l-uffiċjali tal-Unjoni, anki jekk huma, bħala prinċipju, liberi li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod privat, għandhom jeżerċitaw ċertu livell ta’ diskrezzjoni sabiex ma jimminawx id-dinjità tal-kariga, billi huma jibqgħu uffiċjali fiċ-ċirkustanzi kollha. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ korrispondenza privata indirizzata lil rappreżentant diplomatiku ta’ Stat Membru, dawn tal-aħħar għandhom juru “rispett diplomatiku” u korteżija sabiex iżommu relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif ukoll sabiex jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta uffiċjal iġib ruħu b’mod għalkollox mhux xieraq u manifestament ostili fil-konfront ta’ rappreżentant permanenti, dan l-uffiċjal jirriskja li joħloq konfużjoni li taffettwa l-interessi tal-Kummissjoni.
c) Evalwazzjoni
58. L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal ifittex li jiggarantixxi li l-uffiċjali jġibu ruħhom b’mod li jħalli fil-pubbliku impressjoni ta’ dinjità konsistenti mal-imġiba partikolarment xierqa u rispettuża li wieħed jista’ jistenna mill-membri ta’ servizz pubbliku internazzjonali (17). Din id-dispożizzjoni hija, bħall-Artikoli 11 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, waħda mill-espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu ta’ lealtà li jinkombi fuq kull uffiċjal (18). Fil-fatt, dan l-obbligu tal-aħħar mhux biss jeħtieġ li l-uffiċjal ikkonċernat joqgħod lura milli jġib ruħu b’mod li jimmina d-dinjità tal-kariga u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, imma wkoll, speċjalment jekk huwa jkollu grad għoli, li huwa jġib ruħu b’mod ineċċepibbli, sabiex tinżamm dejjem ir-rabta ta’ fiduċja li teżisti bejn din l-istituzzjoni u huwa nnifsu (19). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-osservanza ta’ dan id-dmir ta’ lealtà ma hijiex meħtieġa biss fil-qadi tal-funzjonijiet speċifiċi li jkun fdat bihom l-uffiċjal, iżda wkoll fl-isfera kollha tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni (20).
59. Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet in-natura tal-aġir li, għalkemm jiġi adottat fil-kuntest tal-ħajja privata tal-uffiċjal, ikun jista’ jimmina d-dinjità tal-kariga fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-definizzjoni, billi l-uffiċjal jista’ jiġi identifikat bħala membru tal-persunal ta’ istituzzjoni, jista’ jkun hemm ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-artikolu fejn, meta wieħed iqis il-kuntest, dan l-aġir ma jkunx xieraq, joħloq konfużjoni ta’ interessi u jkun tali li jimmina r-relazzjoni ta’ fiduċja li teżisti bejn l-Unjoni u l-uffiċjal. L-imsemmija definizzjoni hija bbażata fuq tliet kundizzjonijiet li l-appellant ma jikkontestax l-eżistenza tagħhom. Huwa kkontestat biss jekk ġietx issodisfatta t-tieni kundizzjoni, li tikkonċerna l-aċċertament ta’ konfużjoni ta’ interessi.
60. Ninnota, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni fil-punt 61 tas-sentenza appellata għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna. Minn naħa, mil-lat sostantiv, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (21), il-kunċett ta’ “ħajja privata”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (22), huwa kunċett wiesa’, li ma jistax jiġi ddefinit b’mod eżawrjenti (23). Min-naħa l-oħra, mil-lat personali, kull uffiċjal jista’ llum “jiġi identifikat bħala membru tal-persunal ta’ istituzzjoni” fid-dawl tat-teknoloġiji kurrenti u, b’mod partikolari, tal-aċċessibbiltà online tad-direttorji pubbliċi tal-aġenti u tal-uffiċjali tal-Unjoni (24). Inkwantu din id-definizzjoni tapplika għal kwalunkwe aġir adottat mill-uffiċjal fil-kuntest tal-ħajja privata tiegħu, kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ interpretazzjoni u applikazzjoni stretta li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.
61. Nenfasizza, fit-tieni lok, li s-sentenzi tad‑19 ta’ April 1988, M. vs Il‑Kunsill (25), tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (26), u tal‑24 ta’ Novembru 2021, CX vs Il‑Kummissjoni (27), li fuqhom qagħdet il-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-imsemmija definizzjoni, kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom l-aġir tal-uffiċjal kien jixhed b’mod ċar ambigwità fejn jidħlu l-interessi tiegħu u ħsara lid-dinjità tal-kariga.
62. B’hekk, ħadd ma jista’ jikkontesta li kienet teżisti tassew konfużjoni ta’ interessi fis-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni fis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, CX vs Il‑Kummissjoni (28), peress li l-uffiċjal, li dak iż-żmien kien fdat mill-Kummissjoni b’kuntratt qafas, innegozja mingħajr awtorizzazzjoni u b’mod klandestin kuntratt relatat mal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, li wassal għal investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Għall-kuntrarju tal-kawża inkwistjoni, l-aġir ta’ dak l-uffiċjal kien jaqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
63. Bl-istess mod, kien evidenti, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (29), li l-uffiċjal li kien ippubblika, mingħajr awtorizzazzjoni, xogħol li fih għamel dikjarazzjonijiet aggressivi, spreġjattivi, jekk mhux saħansitra libellużi, fil-konfront tal-membri tal-Kummissjoni u waqqa’ dubju fuq il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika u monetarja tal-Komunità Ewropea, li kien xogħlu li jimplimenta fi ħdan din l-istituzzjoni, kien naqas b’mod evidenti mid-dmirijiet tiegħu ta’ lealtà u ta’ integrità. Hawnhekk ukoll, u għall-kuntrarju tal-kawża inkwistjoni, l-aġir ta’ dak l-uffiċjal kien jaqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
64. Fl-aħħar nett, kien hemm ksur manifest tar-rabta ta’ fiduċja bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjal inkwistjoni fil-kawża li waslet għas-sentenza tad‑19 ta’ April 1988, M. vs Il-Kunsill (30), peress li dan l-uffiċjal kien għamel dikjarazzjonijiet foloz sabiex jibbenefika minn allowances, minn allowances tal-familja u minn spejjeż tal-ivvjaġġar annwali mħallsa mill-Kummissjoni, u kien naqas mill-obbligi tiegħu ta’ lealtà u ta’ dinjità billi ma osservax l-ordnijiet li kienu ġew imposti fuqu b’numru ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.
65. Issa, din il-kawża hija differenti f’diversi aspetti mis-sentenzi ċċitati fil-punti 61 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61, 62 u 68 tas-sentenza appellata, l-aġir inkwistjoni ma jaqax fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-appellant, peress li dan tal-aħħar esprima t-tħassib tiegħu dwar suġġetti ta’ politika ġenerali li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu f’komunikazzjoni li ffirmaha f’ismu stess, mill-indirizz tal-post elettronika personali tiegħu, u mhux waqt il-ħin tax-xogħol. Il-kwistjoni jekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan l-aġir jaqax fl-isfera tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni minħabba li din il-komunikazzjoni ntbagħtet lil rappreżentant permanenti ta’ Stat Membru għall-Unjoni hija iktar delikata u jistħoqqilha analiżi fil-fond. It-tieni, huwa stabbilit li l-kliem użat fl-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż la waqqa’ dubju fuq il-Kummissjoni, la fuq il-membri tagħha u lanqas fuq ċerti uffiċjali li ssemmew b’isimhom. Fl-aħħar nett, il-kummenti indirizzati lill-ambaxxatur tal-Polonja ma kinux reati kriminali. Għalkemm it-ton ġie meqjus bħala “mhux xieraq”, ebda awtorità ma qisithom bħala offensivi, libellużi jew ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ dan tal-aħħar.
66. F’ċirkustanzi bħal dawn, inħoss li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata tevalwa b’mod tassew reqq, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti u oġġettivi kollha tal-kawża, il-punt sa fejn tali aġir, adottat fil-kuntest tal-ħajja privata tal-uffiċjal, seta’, fih innifsu, ikun tali li joħloq konfużjoni fejn jidħlu l-interessi tal-Unjoni.
67. Issa, l-analiżi tagħha fil-punti 61 sa 73 tas-sentenza appellata ma tissodisfax, fil-fehma tiegħi, dawn ir-rekwiżiti.
68. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma ġibditx il-konklużjonijiet legali neċessarji mill-fatti u mill-konstatazzjonijiet li hija rrilevat fil-punti 5, 69 u 70 tas-sentenza appellata u li kienu jixhdu l-parteċipazzjoni diretta u deċiżiva tal-ambaxxatur tal-Polonja fil-konfużjoni bejn l-interessi personali tal-appellant u dawk tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija b’ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li kien minħabba l-indaġni li għamel huwa stess dwar l-identità tal-appellant li l-ambaxxatur tal-Polonja sar jaf bil-fatt li dan tal-aħħar kien uffiċjal tal-Kummissjoni u din il-komunikazzjoni ħadet, għalhekk, dimensjoni professjonali. Dan jixhduh it-tweġiba tal-ambaxxatur tal-Polonja għall-ewwel ittra elettronika tal-appellant u l-fatt li dan tal-aħħar żvela l-kontenut privat ta’ dawn l-iskambji lil membri tal-Kummissjoni.
69. It-tieni, ma naqbilx mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-appellant adotta aġir li jista’ joħloq konfużjoni ta’ interessi sempliċement għaliex semma l-belt ta’ Brussell fil-komunikazzjoni tiegħu u li huwa ma ħax il-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex jillimita l-portata tal-iskambji tiegħu (31). Fil-fatt, din l-analiżi twassal sabiex l-uffiċjal ikun suġġett, fil-ħajja personali tiegħu, għall-istess obbligi bħal dawk li jinkombu fuqu meta jikteb mill-indirizz tal-posta elettronika professjonali tiegħu jew meta jesprimi l-opinjoni tiegħu pubblikament, jiġifieri:
– obbligu ta’ twissija minn qabel li permezz tiegħu l-uffiċjal għandu, fi kwalunkwe ittra elettronika mibgħuta mill-indirizz tal-post elettronika personali tiegħu, jinforma lil min ikun qiegħed jibgħatha li huwa ma huwiex qiegħed jesprimi ruħu f’isem l-Unjoni, u
– obbligu ta’ kawtela, li jeħtieġ li dan tal-aħħar joqgħod attent il-ħin kollu għall-kliem li juża, fl-abbozzar tal-ittri elettroniċi personali tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi kollha possibbli.
70. Issa, dawn l-obbligi jmorru lil hinn mill-isfera tal-eżerċizzju tal-attività professjonali u tar-relazzjonijiet mal-istituzzjoni. Il-Qorti Ġenerali qiegħda hawnhekk tistabbilixxi sistema ta’ stħarriġ tal-espressjoni tal-uffiċjal li hija inġustifikata u irraġonevoli fil-kuntest ta’ korrispondenza privata skambjata minn indirizz tal-posta elettronika personali. L-isem miktub f’qiegħ korrispondenza privata, għalkemm jista’ jixhed oriġini soċjali jew etnika, ma jurix, waħdu, jekk dak li jkun jagħmilx parti minn istituzzjoni jew le. Għall-kuntrarju, dan jagħmilha possibbli li l-awtur jingħażel mill-istituzzjoni li timpjegah u li jagħti l-kunsens tiegħu u jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għall-kummenti u għall-kontenut tal-korrispondenza privata. Li l-uffiċjal, li jkun qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin fl-isfera privata tiegħu, jiġi kkritikat talli ma indikax li jagħmel parti mill-istituzzjoni li timpjegah jikkontradixxi wkoll id-dmir ta’ kunfidenzjalità jew ta’ diskrezzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal.
71. Konsegwentement, inqis li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tibda proċeduri dixxiplinari kontra l-appellant minħabba li l-aġir tiegħu kien joħloq konfużjoni ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.
72. L-ewwel aggravju huwa, konsegwentement, fondat.
2. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni
73. Insostenn tat-tieni aggravju tiegħu, li jikkonċerna l-punti 78 sa 92 tas-sentenza appellata, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-portata tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fl-Artikolu 10 tal-KEDB.
a) Is-sentenza appellata
74. Sa fejn għandu x’jaqsam il-motiv ta’ annullament, li jikkonċerna allegat ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-appellant, il-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha fuq il-prinċipji u l-metodu li hija stabbilixxiet fis-sentenza DD vs FRA. Wara li fakkret, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni jgawdu mid-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, hija enfasizzat, fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli riedet iżomm, b’mod assolut, lill-appellant milli jeżerċita dan id-dritt. Il-Qorti Ġenerali spjegat, “fi kwalunkwe każ”, fil-punti 84 sa 87 tal-imsemmija sentenza, li l-libertà ta’ espressjoni tista’ tkun is-suġġett tal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB, u dan filwaqt li rreferiet, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 17a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrikonoxxi li l-uffiċjal għandu dritt għal-libertà ta’ espressjoni, b’osservanza stretta tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu restrizzjoni leġittima fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li hija maħsuba sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li żżomm ir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha.
75. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li din il-limitazzjoni ma setgħetx titqies bħala waħda eċċessiva u li, għall-kuntrarju, l-essenza tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni kienet ġiet osservata hawnhekk billi l-appellant baqa’ f’pożizzjoni li jesprimi liberament l-opinjonijiet tiegħu lill-ambaxxatur tal-Polonja, billi jagħmel il-kummenti tiegħu b’mod xieraq.
76. Fil-punti 89 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-ambaxxatur tal-Polonja setax jitqies bħala “figura pubblika jew pjuttost bħala uffiċjal għoli”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-kummenti magħmula fil-konfront ta’ dawn il-persuni kellhom jibqgħu fil-limiti aċċettabbli tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Huwa billi rreferiet għal-limiti stabbiliti mill-Qorti EDB fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2002, Diego Nafría vs Spanja (32), u tal‑14 ta’ Ottubru 2008, Petrina vs Ir‑Rumanija (33), u billi qabblet dawn tal-aħħar mal-konstatazzjonijiet magħmula fejn jidħlu t-ton u l-kliem użat fl-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret illegalment id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-appellant u li r-rekwiżit li l-limitazzjonijiet fuq din tal-aħħar għandhom ikunu strettament legali, previst fl-Artikolu 52 tal-Karta, kien ġie osservat.
b) L-argumenti tal-partijiet
77. L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti li l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB jeħtieġu fil-każ ta’ kull limitazzjoni fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li, skont dawn ir-rekwiżiti, kull limitazzjoni għandha tkun marbuta ma’ dispożizzjoni leġiżlattiva li tagħmel tali limitazzjoni waħda prevedibbli, għandha tfittex li tilħaq għan leġittimu u għandha tkun neċessarja u approporzjon tal-għan imfittex. L-appellant jilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma bbilanċjatx l-interessi inkwistjoni u lanqas ma vverifikat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tassew immotivata minn bżonn soċjali imperattiv.
78. Huwa jfakkar, preliminarjament, li, għalkemm il-membri tas-servizz pubbliku huma suġġetti, minħabba l-istatus tagħhom, għal obbligu ta’ kunfidenzjalità, dawn tal-aħħar jistgħu, madankollu, jinvokaw il-protezzjoni tal-Artikolu 10 tal-KEDB, anki fil-każ ta’ sanzjonijiet dixxiplinari (34).
79. Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni aggravju, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-legalità ta’ din il-limitazzjoni inkwantu, fil-fehma tiegħu, hija naqset milli tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal kinux prevedibbli jew le. Huwa jsostni li ma huwiex biżżejjed li r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni jkunu “previsti fil-liġi”, kif jirriżulta mill-punt 85 tas-sentenza appellata, iżda jenħtieġ ukoll li din il-liġi tkun waħda “pubblika, aċċessibbli u prevedibbli” (35). Issa, l-appellant huwa tal-fehma li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex prevedibbli u dan meta wieħed iqis in-natura ġenerali tal-kliem użat f’dan l-artikolu, li l-Qorti Ġenerali nnotat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, u s-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li tgawdi l-Kummissjoni.
80. Permezz tat-tieni lment tat-tieni aggravju, l-appellant iwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-leġittimità tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali limitazzjoni fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li din il-limitazzjoni hija ġġustifikata bil-għan leġittimu li jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li tinżamm ir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha. L-appellant iqis li tali raġuni ma hijiex inkluża fil-lista eżawrjenti ta’ raġunijiet li jistgħu leġittimament jiġġustifikaw restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, dawn ir-raġunijiet jeħtieġu interpretazzjoni stretta (36), hekk li ż-żamma ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn istituzzjoni u l-membri tal-persunal tagħha ma tistax tkun il-bażi għal miżura li tirrestrinġi d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni billi din il-libertà hija neċessarja f’soċjetà demokratika.
81. Permezz tat-tielet ilment tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta naqset milli tivverifika jekk l-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni inkwistjoni kienx neċessarju f’soċjetà demokratika, billi l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB teħtieġ li jkun hemm “bżonn soċjali imperattiv” (37).
82. Permezz tar-raba’ lment tat-tieni aggravju, l-appellant iwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 88 sa 91 tas-sentenza appellata dwar il-proporzjonalità tal-limitazzjoni imposta, f’dan il-każ, fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u, b’mod partikolari, fuq il-konklużjoni tagħha li din il-limitazzjoni ma kinitx waħda eċċessiva. B’mod partikolari, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx tajjeb il-portata ta’ dan id-dritt fil-qasam tad-diskors politiku u fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u lanqas il-limiti li huma aċċettabbli f’dan il-kuntest. Minn naħa, huwa jikkritikaha talli qieset din il-kwistjoni bħala waħda separata minn dik jekk l-ambaxxatur tal-Polonja setax jitqies bħala “figura pubblika jew pjuttost bħala uffiċjal għoli”. Min-naħa l-oħra, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat l-analiżi tagħha fuq opinjonijiet personali billi kklassifikat il-kummenti tiegħu bħala “attakki personali mingħajr ġustifikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-obbligu li tiġi pprovata l-veridiċità ta’ tali opinjoni personali huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt u jimmina, għalhekk, il-libertà ta’ opinjoni nnifisha (38).
83. Permezz tal-ħames ilment tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li l-punt 91 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi u bi żnaturament tal-provi fejn jidħol il-kuntest li fih sar l-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal-libertà ta’ espressjoni.
84. Minn naħa, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-kuntest li fih saru l-kummenti tiegħu, u dan għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li teħtieġ li l-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni jiġi eżaminat fid-dawl tal-proċess kollu, inkluż il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, il-kuntest li fih dawn ikunu saru u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-persuni kkonċernati (39).
85. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi dwar il-kuntest politiku tal-aġir tiegħu li huwa pproduċa billi ddikjarat li dawn il-provi ma kinux rilevanti, peress li l-artikli tal-istampa u t-tweets inkwistjoni la jsemmu lill-ambaxxatur tal-Polonja u lanqas lill-appellant innifsu, u li dawn l-attakki personali mingħajr ġustifikazzjoni ma kienu bbażati fuq ebda bażi fattwali. Fil-fehma tiegħu, dawn il-provi kienu maħsuba sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni politika diżastruża fil-Polonja fil-mument li fih seħħ l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż, u dan minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri tal-Unjoni.
86. Il-Kummissjoni ma weġbitx għal dawn l-argumenti fir-risposta tagħha. Mid-dibattiti li saru waqt is-seduta jirriżulta li hija tikkontesta kull ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-appellant.
c) Evalwazzjoni
87. Preliminarjament, ser nagħmel osservazzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju. Fil-fatt, għalkemm il-punt 84 tas-sentenza appellata jibda bl-espressjoni “fi kwalunkwe każ”, dan, madankollu, ma jikkostitwixxix motiv ex abundanti cautela li ġie żviluppat sal-punt 92 ta’ din is-sentenza (40).
88. Din l-ambigwità ġejja mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ttrasponiet, fil-punti 83 u 84 tal-imsemmija sentenza, il-punti 90 u 92 tas-sentenza tagħha DD vs FRA. Issa, dawn iż-żewġ sentenzi huma bbażati fuq raġunamenti differenti.
89. Fil-punti 90 sa 98 tas-sentenza tagħha DD vs FRA, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod ċar li l-imġiba tal-persuna kkonċernata ma kinitx taqa’ fl-iskop tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni (punt 91) u mbagħad eżaminat, ad abundantiam, jekk is-sanzjoni ta’ dan l-aġir kinitx tikkostitwixxi, “fi kwalunkwe każ”, restrizzjoni leġittima fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (punti 92 et seq.). Issa, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-aġir tal-appellant jaqa’ fl-iskop tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u huwa biss fit-tieni parti tar-raġunament tagħha, fil-punti 84 sa 92 ta’ din is-sentenza, li hija teżamina l-kundizzjonijiet għall-permessibbiltà tal-indħil fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u tirrispondi għall-argumenti miġjuba mill-appellant insostenn tat-tielet motiv ta’ annullament tiegħu.
90. Issa fejn tidħol il-fondatezza tat-tieni aggravju, huwa stabbilit li l-uffiċjali jgawdu mid-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, kif jixhed l-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, FSMA (41), il-libertà ta’ espressjoni rrikonoxxuta fl-Artikolu 11 tal-Karta hija waħda mis-sisien essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista u waħda mill-valuri li, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata fuqhom l-Unjoni (42). Filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB – li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 11 tal-Karta (43) – il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-libertà ta’ espressjoni tipproteġi, bħala prinċipju, mhux biss l-informazzjoni jew l-ideat li jintlaqgħu tajjeb jew li jitqiesu bħala inoffensivi jew indifferenti, iżda wkoll dawk li joffendu, jixxokkjaw jew idejqu, u dan sabiex jiġu ggarantiti l-pluraliżmu, it-tolleranza u l-liberalità li mingħajrhom ma jista’ jkun hemm ebda soċjetà demokratika (44).
91. Bl-istess mod, hija rrilevat li il-Qorti EDB enfasizzat li l-Artikolu 10(2) tal-KEDB ftit li xejn iħalli lok għal restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku jew fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u li, bħala regola, jingħata livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni meta l-kummenti magħmula jkunu jikkonċernaw suġġett ta’ interess ġenerali (45). Fil-fehma tal-Qorti EDB, il-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali jew ta’ interess pubbliku jikkonċernaw kull kwistjoni li tista’ leġittimament tinteressa lill-pubbliku, tiġbed l-attenzjoni tiegħu jew tħassbu b’mod sinjifikattiv, b’mod partikolari meta tkun tikkonċerna l-benesseri taċ-ċittadini jew il-ħajja tal-komunità (46).
92. Barra minn hekk, fil-Manwal tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta ppubblikat fl‑2026 (47), il-Kummissjoni enfasizzat li l-libertà ta’ espressjoni hija meqjusa bħala wieħed mid-drittijiet l-iktar importanti li għandha tiggarantixxi demokrazija liberali u li din il-libertà għandha valur intrinsiku għall-individwi inkwantu din tal-aħħar hija indispensabbli għall-iżvilupp personali u għat-twettiq tagħhom. Hija żiedet tgħid li din il-libertà hija wkoll prerekwiżit ta’ gvern demokratiku billi tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fid-dibattitu politiku, jiffurmaw u jesprimu opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku u jżommu lill-gvern tagħhom responsabbli (48).
93. Madanakollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (49).
94. Il-Karta tirrikonoxxi, għalhekk, limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet skont l-Artikolu 52(1) tagħha, li l-kliem użat fih u l-portata tiegħu huma mfakkra fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata: dawn il-limitazzjonijiet għandhom ikunu previsti fil-liġi, għandhom josservaw l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ikunu neċessarji u ġenwinament ifittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew li jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (50). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-indħil fid-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta għandu, għalhekk, ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju (51).
95. F’dan il-każ, il-bidu tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni kien jikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt fundamentali tal-appellant għal-libertà ta’ espressjoni. Din il-limitazzjoni kellha tiġi interpretata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.
96. Għalhekk, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika jekk din il-limitazzjoni kinitx ibbażata fuq dispożizzjoni leġiżlattiva prevedibbli biżżejjed, kinitx tfittex li tilħaq għan leġittimu u kinitx tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
97. Il-Qorti Ġenerali sempliċement irriproduċiet, fil-kważi totalità tar-raġunament tagħha, il-kliem użat u l-analiżi legali li saret fis-sentenza tagħha DD vs FRA. Issa, il-Qorti Ġenerali, billi sempliċement ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq dik li hija kienet adottat dwar il-legalità ta’ sanzjoni dixxiplinari imposta fuq uffiċjal li kien ipplaġja dokumenti istituzzjonali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet professjonali tiegħu, ma għamlitx eżami konkret u effettiv tal-aġir u tal-indħil inkwistjoni li jeħtieġ l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalhekk, hija mhux biss injorat l-importanza tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni rrikonoxxut lil kull uffiċjal, iżda wkoll in-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva dovuta lill-appellant, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rikors għad-danni li huwa ppreżenta kontra l-Kummissjoni (52).
1) Fuq il-legalità tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal
98. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista fil-liġi (prinċipju ta’ legalità) jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-dritt għandu jiddefinixxi huwa stess, b’mod ċar u preċiż, il-portata tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni ssir bi kliem wiesa’ biżżejjed, u dan sabiex tkun tista’ tiġi adatta għal każijiet differenti kif ukoll għal bidliet f’sitwazzjoni jew oħra. Fl-aħħar nett, il-portata konkreta tagħha tista’ wkoll tiġi ddefinita b’interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (53).
99. Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk dan ir-rekwiżit kienx ġie ssodisfatt (54).
100. Għalkemm il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, in-natura ġenerali tal-kliem użat fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ma eżaminatx il-punt sa fejn dan l-artikolu jissodisfa l-kundizzjonijiet hekk stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxi dispożizzjoni leġiżlattiva ċara, preċiża u prevedibbli biżżejjed sabiex l-uffiċjal ikun jista’ jiddetermina l-limitazzjonijiet li japplikaw f’kuntest bħal dak inkwistjoni. Hija lanqas ma għamlet dan l-eżami fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-uffiċjal huwa obbligat jeżerċita d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni b’osservanza tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità.
101. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għall-“Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba” li kull uffiċjal tal-istituzzjoni għandu jintrabat li josserva fil-mument li fih jidħol fil-kariga tiegħu. Issa, sakemm ma iniex sejjer żball, ma iniex konvint li dan il-kodiċi – li l-kliem użat fih ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3083 tal‑4 ta’ Diċembru 2024 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku (55) – huwa rilevanti u jipprovdi kjarifiki f’dan ir-rigward. Dwar dan il-punt, naqbel mal-preokkupazzjoni mfissra mill-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża DD vs FRA (56), fis-sens li, utli kemm hija utli l-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinftiehem is-sens ta’ din id-dispożizzjoni, “hija ma tistax tissostitwixxi l-obbligi ta’ xogħol preċiżament iddefiniti mill-istituzzjoni f’atti ġuridiċi interni” (57).
2) Fuq il-leġittimità tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal
102. Fis-sentenzi tagħha tal-Awla Manja mogħtija fis‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju) (58), u fit‑8 ta’ Settembru 2026, Inter IKEA Systems (59), rispettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 11 tal-Karta (60), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ma jistgħux jeċċedu dawk previsti fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB (61).
103. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għal dan l-artikolu tal-aħħar fil-punt 85 tas-sentenza appellata, ninnota, fl-ewwel lok, li hija ħalliet barra parti essenzjali mill-kliem użat f’dan l-artikolu (62). Fil-fatt, hija naqset milli tiċċita r-raġunijiet leġittimi ta’ ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni li huma elenkati b’mod eżawrjenti u li abbażi tagħhom għandha ssir l-evalwazzjoni. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-raġunijiet huma marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mal-integrità territorjali jew mal-protezzjoni tal-pubbliku, mad-difiża tal-ordni u mal-prevenzjoni tal-kriminalità, mal-protezzjoni tas-saħħa jew tal-moralità, mal-protezzjoni tar-reputazzjoni jew tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, kif ukoll man-neċessità li ma tiġix żvelata informazzjoni kunfidenzjali jew li jiġu ggarantiti l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura (63).
104. Fit-tieni lok, ninnota li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-punt sa fejn l-indħil inkwistjoni kien ifittex li jilħaq għan leġittimu, jiġifieri dak tal-“protezzjoni tar-reputazzjoni jew tad-drittijiet ta’ ħaddieħor” previst fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB.
105. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ffokat ir-raġunament tagħha fuq id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ġenerali li jinkombu fuq l-uffiċjali taħt l-Artikoli 12 u 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa stabbilit, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija artikoli jfittxu li jilħqu għan leġittimu, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet tal-istituzzjonijiet fdati b’kompiti ta’ interess ġenerali li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jistennew li ser jsiru kif suppost (64). B’hekk, il-Qorti Ġenerali, billi rriproduċiet il-kunsiderazzjonijiet ġenerali mfissra fil-punti 94 u 96 tas-sentenza tagħha fil-kawża DD vs FRA, sempliċement irrilevat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li “r-restrizzjoni imposta fuq il-libertà ta’ espressjoni permezz ta’ obbligi bħal dawk li l-bażi legali tagħhom hija l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal tfittex li tilħaq għan leġittimu li jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, li tinżamm ir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha” (65) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, hija ma eżaminatx il-punt sa fejn il-limitazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-klassifikazzjoni tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż bħala “nuqqas dixxiplinari”, ifittex li jilħaq tali għan.
3) Fuq in-natura neċessarja u proporzjonata tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal
106. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ ndħil fl-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali teħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-imsemmi ndħil ikunx xieraq sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali li huwa jfittex li jilħaq u jekk ikunx imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar (66). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li n-“neċessità” ta’ ndħil fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni għandha tiġi stabbilita b’mod konvinċenti u dan billi tintwera l-eżistenza ta’ bżonn soċjali imperattiv. F’dan il-kuntest, għalkemm l-awtoritajiet pubbliċi jgawdu minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu jekk ikunx jeżisti tali bżonn jew le (67), il-Qorti EDB tqis li huma obbligati jiġġustifikaw in-neċessità tiegħu billi abbażi ta’ raġunijiet rilevanti u suffiċjenti (68). Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ, il-Qorti EDB tqis l-indħil fid-dawl tal-kawża kollha u teżamina jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunux applikaw regoli konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-KEDB u dan abbażi ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-fatti rilevanti (69).
107. F’dan il-każ, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tagħmel dan l-istħarriġ ta’ proporzjonalità u tivverifika jekk l-Awtorità tal-Ħatra kinitx marret lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha billi bdiet il-proċedura dixxiplinari inkwistjoni u billi ssanzjonat lill-appellant. B’mod partikolari, kienet hi li kellha tivverifika jekk din l-awtorità kinitx wieżnet tajjeb il-varji interessi inkwistjoni u, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija awtorità kinitx sabet bilanċ ġust bejn id-dritt tal-appellant li jikkritika, fil-kuntest ta’ korrispondenza privata, il-politika tal-gvern tiegħu ma’ awtorità pubblika u l-interess leġittimu tal-Kummissjoni li l-uffiċjal tagħha jaħdem b’osservanza tad-dmirijiet ta’ kunfidenzjalità, ta’ lealtà u ta’ imparzjalità inerenti fil-kariga tiegħu (70). Għal dan il-għan, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża, billi tagħti importanza partikolari lill-grad u lill-kariga li jokkupa l-appellant (AD 8), lis-skop, lill-kliem u lit-ton użat fil-kritika tiegħu, liċ-ċirkostanzi li fihom saret din tal-aħħar (71), kif ukoll lill-istatus u lill-kariga li jokkupa d-destinatarju tagħha.
108. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali f’ebda stadju tar-raġunament tagħha ma għamlet dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar u lanqas ma stħarrġitu.
109. Fil-fatt, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, hija sempliċement ddikjarat u kkonkludiet li “[d]in il-limitazzjoni [(ir-restrizzjoni imposta fuq il-libertà ta’ espressjoni permezz ta’ obbligi bħal dawk li l-bażi legali tagħhom hija l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal)] ma tistax titqies bħala waħda eċċessiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u dan billi rriproduċiet il-kliem u r-raġunament użat fil-punt 97 tas-sentenza DD vs FRA.
110. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatturi kuntestwali li kienu, madankollu, essenzjali għal din l-evalwazzjoni peress li hija warrbet b’mod espliċitu, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar l-istatus tal-ambaxxatur tal-Polonja.
111. Issa, il-Qorti EDB iddeċidiet kemm‑il darba li l-limiti tal-kritika permessibbli huma usa’ fil-każ ta’ politiku jew ta’ rappreżentant pubbliku – li jkun il-mira tagħha f’din il-kwalità – milli ta’ sempliċi individwu. Hija tqis li, għall-kuntrarju ta’ sempliċi individwu, il-politiċi u l-uffiċjali pubbliċi jesponu ruħhom, b’mod inevitabbli u konxju, għal skrutinju reqq ta’ għemilhom, kif ukoll għall-kritika, sew mill-ġurnalisti u sew mill-maġġoranza tal-poplu, u għandhom juru ruħhom partikolarment tolleranti f’dan is-sens, inkluż fejn tidħol il-forma ta’ din il-kritika (72). Fil-fehma tal-Qorti EDB, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi, fil-fatt, il-libertà li jiġi diskuss u kkritikat għemil l-uffiċjali fil-qadi tad-dmirijiet pubbliċi tagħhom, kif ukoll dik li jżommu lill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli. Għalkemm huwa minnu li kull individwu li jipparteċipa f’dibattitu pubbliku ta’ interess ġenerali huwa obbligat li ma jeċċedix ċerti limiti fejn jidħol ir-rispett, b’mod partikolari, tar-reputazzjoni u tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, huwa jista’ wkoll jirrikorri għal ċertu livell ta’ esaġerazzjoni, jew saħansitra ta’ provokazzjoni – jiġifieri li jkun kemxejn eċċessiv fil-kummenti tiegħu (73).
112. F’dan il-każ, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-ambaxxatur tal-Polonja kien, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant permanenti tar-Repubblika tal-Polonja fi Brussell, speċifikament konxju tal-preokkupazzjonijiet ewlenin li l-appellant esprima ruħu dwarhom fl-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż. Dawn kienu kwistjonijiet ta’ interess ġenerali li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fil-Polonja kif ukoll materji li setgħu leġittimament jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku u, b’mod partikolari, dawk tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni.
113. Fl-aħħar nett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat b’diversi għejun ta’ konfużjoni.
114. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkritika lill-appellant talli qabeż il-limiti permessibbli tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni billi tirreferi għal dawk li japplikaw għall-ġurnalisti (74). Billi l-appellant ma għandux din il-kwalità u l-aġir tiegħu ma jista’ b’ebda mod jitqabbel ma’ intervista jew ma’ artiklu tal-istampa, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti EDB fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2008, Petrina vs Ir‑Rumanija (75) – li l-Qorti Ġenerali rreferiet għalihom b’mod espliċitu fil-punt 90 tas-sentenza appellata – ma kinux rilevanti (76).
115. It-tieni, ma naħsibx li l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż jista’ jitqabbel ma’ dak li kien inkwistjoni quddiem il-Qorti EDB fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2002, Diego Nafría vs Spanja (77), li għaliha l-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll fil-punt 90 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dik il-kawża kienet qamet fil-kuntest partikolari ta’ kunflitt professjonali u, kif irrilevat il-Qorti EDB, ma kinitx taqa’ fil-kuntest ta’ dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, qasam li fih “ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ espressjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett” (78) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ittra li kienet intbagħtet mill-persuna kkonċernata lill-Assistent Direttur Ġenerali tal-Bank ta’ Spanja u li kienet twaħħlet ma’ bord tal-avviżi fil-post tax-xogħol kien fiha kummenti u akkużi meqjusa li joffendu u li jimmalafamaw lill-persuni direttament implikati u li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni u lill-impressjoni pubblika tal-Bank, kif ukoll lill-impjegati tiegħu (79).
116. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wrietx, abbażi ta’ ċirkustanzi konkreti u oġġettivi, il-punt sa fejn l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż kien tali li jimmina serjament l-interessi tal-Kummissjoni.
117. B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (80), kien ġie stabbilit li l-persuna kkonċernata kienet naqset b’mod evidenti mid-dmirijiet tagħha ta’ lealtà u ta’ integrità billi ppubblikat mingħajr awtorizzazzjoni xogħol li fih hija għamlet dikjarazzjonijiet aggressivi, spreġjattivi u saħansitra libellużi fir-rigward tal-membri tal-Kummissjoni, billi waqqgħet dubju fuq il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika u monetarja tal-Komunità li kien kompitu tagħha li timplimenta, xogħol li, barra minn hekk, kien is-suġġett ta’ pubbliċità kbira (81) Issa, fil-kawża ineżami, fejn l-unika pubbliċità tal-komunikazzjonijiet bil-miktub tal-appellant tirriżulta mill-fatt li żvelahom l-ambaxxatur tal-Polonja, ma hemm xejn li juri li huwa kellu l-ħsieb li jesprimi opinjoni li ma taqbilx ma’ dik tal-politika tal-Unjoni (82).
118. Fir-realtà, jidher li l-Qorti Ġenerali ffokat ir-raġunament tagħha fuq il-punt sa fejn l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż seta’ jagħmel ħsara lill-ambaxxatur tal-Polonja, kif jixhed il-kliem użat fil-punt 91 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkritikat lill-appellant talli għamel kummenti mingħajr “bażi fattwali”, irreferiet għall-ġurisprudenza li tapplika fil-każ ta’ malafama fil-kuntest ta’ pubblikazzjoni jew ta’ xogħol, li ma hijiex rilevanti f’dan il-każ (83).
119. Konsegwentement, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma mill-appellant, inqis li l-Qorti Ġenerali għamlet iktar minn żball ta’ liġi wieħed meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-appellant billi bdiet proċedura dixxiplinari kontrih u billi imponiet fuqu sanzjoni dixxiplinari minħabba l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż.
120. Meta l-uffiċjal, li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin, ikun ħa l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jesprimi, f’ismu stess, mhux waqt il-ħin tax-xogħol u barra mill-post tax-xogħol tiegħu, u mill-indirizz elettroniku privat tiegħu, kritika dwar il-politika tal-gvern tiegħu mar-rappreżentant pubbliku tiegħu, dan l-uffiċjal jista’ jiġi ssanzjonat mill-istituzzjoni biss jekk jiġi stabbilit li dawn il-kummenti jkunu jimminaw b’mod manifestament gravi l-interessi leġittimi ta’ din tal-aħħar billi l-imsemmi uffiċjali jkun kiser id-dmirijiet ta’ kunfidenzjalità, ta’ lealtà u ta’ imparzjalità inerenti fil-kariga tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali ma wrietx li dan kien il-każ hawnhekk.
121. It-tieni aggravju għandu, għalhekk, jintlaqa’ bħala fondat.
3. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-legalità tal-aġir tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hija għandhiex tinżamm responsabbli
122. Dan it-tielet aggravju jfittex li jwaqqa’ dubju fuq ir-raġunament li l-Qorti Ġenerali adottat fil-punti 156 sa 162 tas-sentenza appellata, li abbażi tiegħu hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tinżamm responsabbli inkwantu l-aġir tagħha ma kien ivvizzjat b’ebda illegalità.
123. Fid-dawl tal-premess, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan it-tielet aggravju bħala fondat u tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
124. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex każ li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi l-kawża definittivament. Fil-fatt, hija ma għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra għalbiex il-Kummissjoni tinżamm responsabbli, marbuta, minn naħa, mar-realtà tad-dannu allegat u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu li allegatament ġarrab l-appellant, humiex issodisfatti jew le. Il-kawża għandha, għalhekk, tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
125. Sa fejn jidħol, min-naħa l-oħra, l-eżami dwar l-ewwel kundizzjoni għar-responsabbiltà, jiġifieri dik dwar il-legalità tal-aġir tal-Kummissjoni, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żewġ għażliet.
126. L-ewwel għażla hija li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali ma investigatx b’mod suffiċjenti l-legalità tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti kemm mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mir-rispett tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni stabbilit fl-Artikolu 11(1) tal-Karta u tibgħat lura l-kawża quddiemha sabiex hija tagħmel din l-analiżi skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) tal-Karta.
127. It-tieni għażla hija li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess li l-Kummissjoni, billi kklassifikat l-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż bħala “nuqqas dixxiplinari” li jiġġustifika l-bidu tal-proċedura dixxiplinari inkwistjoni, aġixxiet b’mod li jmur kontra d-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalkemm għandi dubji oħra dwar il-legalità ta’ din il-proċedura dixxiplinari fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-komunikazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, ninnota li l-appellant ma qajjimx dan il-motiv ta’ annullament fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li huwa s-suġġett ta’ dan l-appell, iżda fil-kuntest ta’ dak ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ modifika, li tinsab bħalissa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (84).
VI. Konklużjoni
128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
(1) Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Lulju 2025, Stanecki vs Il‑Kummissjoni (T‑108/24, EU:T:2025:750), huwa annullat.
(2) Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
(3) L-ispejjeż huma rriżervati.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Le Canard enchaîné.
3 T-108/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:750.
4 Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”.
5 Skont din id-dispożizzjoni, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.”
6 T‑470/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza DD vs FRA”, EU:T:2022:511.
7 Ara wkoll il-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata.
8 T‑743/16 RENV II, EU:T:2021:824.
9 Fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ April 2002, Lamberts vs L‑Ombudsman (T‑209/00, EU:T:2002:94), il-Qorti Ġenerali kienet, fl-ewwel lok, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ombudsman Ewropew fil-każ ta’ rikors għad-danni bbażat fuq l-allegat ipproċessar ħażin ta’ lment. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet ir-rikors bħala infondat. Fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 31 sa 33), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret ċerti partijiet mit-test tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iddeċidiet li, billi wħud mit-talbiet tal-Ombudsman Ewropew ma ntlaqgħux, l-appell tiegħu mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, inkwantu ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, kien, għalhekk, ammissibbli.
10 Ara d-digriet tal‑15 ta’ Lulju 2025, Dexia vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021) (C‑254/24 P, EU:C:2025:585, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2025, BĊE u Il‑Kummissjoni vs Corneli (C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2025:580, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-entità tas-sanzjoni tiġi ddeterminata abbażi ta’ evalwazzjoni globali ta’, b’mod partikolari, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.
13 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill (C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 81), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors tiġi annullata, din tal-aħħar titqies li ma eżistiet qatt.
14 Sa fejn għandu x’jaqsam id-dannu fiżiku, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li, “kif jirriżulta mill-analiżi tat-talbiet għal annullament, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tibda l-proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent u timponi fuqu sanzjoni dixxiplinari għall-aġir tiegħu fil-kuntest tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi kontenzjuż. B’hekk, anki jekk id-deċiżjoni [kontenzjuża] hija vvizzjata bi żball ta’ liġi inkwantu l-Awtorità tal-Ħatra tripartita qieset, b’mod żbaljat, l-attitudni tar-rikorrent matul il-proċedura dixxiplinari bħala ċirkustanza aggravanti, dan l-iżball ma jistax iwaqqa’ dubju fuq il-validità tal-proċedura dixxiplinari fl-intier tagħha” (korsiv miżjud minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fejn jidħol id-dannu morali marbut mal-ksur tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, li dan “għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ma kkommettiet ebda illegalità f’dan ir-rigward” (korsiv miżjud minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
15 Ara, f’dan ir-rigward, il-kliem użat fil-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata.
16 T‑754/20, EU:T:2022:316, punt 176. Dik is-sentenza tikkonċerna l-legalità tas-sanzjoni dixxiplinari ta’ ċanfira lil uffiċjal tal-Kummissjoni li rrifjuta li joqgħod għall-istruzzjonijiet tal-gwardji tas-sigurtà stazzjonati fid-daħla tal-parkeġġ tal-Kummissjoni fi Brussell u li, billi ma kellux awtorizzazzjoni ta’ aċċess, ħalla l-vettura tiegħu fid-daħla ta’ dan il-parkeġġ, hekk li mblokka d-dħul f’dan tal-aħħar.
17 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża DD vs FRA (C‑680/22 P, EU:C:2023:969, punt 72). Ara, fir-rigward tal-portata ġenerali tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA (C‑680/22 P, EU:C:2024:1019, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.
22 Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.
23 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2026:326, punt 438 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Ġunju 2017, Y vs L‑Iżvizzera (CE:ECHR:2017: 0606JUD002299813, punt 84).
24 Ara, pereżempju, il-“EU Whoiswho”, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://op.europa.eu/fr/web/who-is-who.
25 175/86 u 209/86, EU:C:1988:180.
26 T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102.
27 T‑743/16 RENV II, EU:T:2021:824.
28 T‑743/16 RENV II, EU:T:2021:824.
29 T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102.
30 175/86 u 209/86, EU:C:1988:180.
31 F’dan il-każ, infakkar li l-Qorti Ġenerali tikkritika lill-appellant talli semma l-belt ta’ Brussell fl-ittra elettronika tiegħu u talli ma indikax “li huwa kellu l-ħsieb li jesprimi, bħala ċittadin Pollakk u Belġjan, opinjoni personali dwar [...] is-sitwazzjoni fil-Polonja” (punt 69 tas-sentenza appellata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
32 CE:ECHR:2002:0314JUD004683399, punti 40 u 41.
33 CE:ECHR:2008:1014JUD007806001, punti 48 u 49.
34 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Settembru 1995, Vogt vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1995:0926JUD001785191), u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Wojis‑Kaleta vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2009:0716JUD002043602, punt 42).
35 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 49).
36 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 65).
37 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ April 2015, Morice vs Franza (CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 124).
38 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Frar 2002, Dichand et vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2002:0226JUD002927195, punt 42).
39 L-appellant jirreferi, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Jannar 2007, Kwieceń vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2007:0109JUD005174499, punt 49).
40 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, AZ u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑792/21 P u C‑793/21 P, EU:C:2024:793, punt 92), “l-espressjoni ‘fi kwalunkwe każ’ tindika li l-motiv jikkostitwixxi motiv ex abundanti cautela tas-sentenza appellata”, u dan jimplika li l-argumenti diretti kontra tali motiv ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza u huma, għalhekk, ineffettivi.
41 C‑376/24, EU:C:2026:497.
42 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, FSMA (C‑376/24, EU:C:2026:497, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa maħsub sabiex jiżgura l-konsistenza neċessarja bejn id-drittijiet fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB mingħajr ma jimmina l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mingħajr ma jżomm milli dan id-dritt jagħti protezzjoni usa’ (sentenza tal‑21 ta’ April 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni) (C‑769/22, EU:C:2026:326, punt 437 u l-ġurisprudenza ċċitata)), l-imsemmija qorti għandha, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 10 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2026, Inter IKEA Systems (C‑298/23, EU:C:2026:721, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
44 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 30 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).
45 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 31 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).
46 Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Marzu 2024, Sieć Obywatelska Watchdog Polska vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2024:0321JUD001010320, punt 52).
47 Ara l-Manwal intitolat “From theory to practice – Applying the Charter of Fundamental Rights of the European Union”.
48 Ara l-kummentarju taħt l-Artikolu 11 tal-Karta, p. 57 ta’ dan il-manwal.
49 Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2026, Gândul Media Network (C‑598/24, EU:C:2026:682, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, f’dan is-sens, tas‑16 ta’ Lulju 2026, Imagens Médicas Integradas et (C‑258/23 sa C‑260/23, EU:C:2026:585, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Imagens Médicas Integradas et (C‑258/23 sa C‑260/23, EU:C:2026:585, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2026, Gândul Media Network (C‑598/24, EU:C:2026:682, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2026, Inter IKEA Systems (C‑298/23, EU:C:2026:721, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Ara, fir-rigward tar-rikors għad-danni msemmi fl-Artikolu 268 TFUE, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex (C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punt 72).
53 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 208 u 211, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
54 Nosserva li l-Qorti Ġenerali, billi rriproduċiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-kliem użat fil-punt 94 tas-sentenza DD vs FRA, ħalliet barra l-aħħar parti tal-frażi li fiha kien ġie ppreċiżat li, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, “regola ma tistax validament timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ espressjoni jekk din ma tkunx stabbilita b’biżżejjed preċiżjoni sabiex iċ-ċittadin ikun jista’ jirregola mġibtu, kif, barra minn hekk, jeħtieġ ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
55 ĠU L, 2024/3083. Din id-deċiżjoni ssostitwixxiet il-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba li kien anness mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (C (2000) 3614) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213).
56 C‑680/22 P, EU:C:2023:969.
57 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża DD vs FRA (C‑680/22 P, EU:C:2023:969, punt 72).
58 C‑92/23, EU:C:2026:108.
59 C‑298/23, EU:C:2026:721.
60 Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).
61 Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju) (C‑92/23, EU:C:2026:108, punt 361), u tat‑8 ta’ Settembru 2026, Inter IKEA Systems (C‑298/23, EU:C:2026:721, punt 76).
62 Infakkar li, skont l-imsemmi artikoli, “[l]-eżerċizzju [tal-libertà ta’ espressjoni], billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrita` territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’ informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura”.
63 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju) (C‑92/23, EU:C:2026:108, punt 361).
64 Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 46).
65 Korsiv miżjud minni.
66 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju) (C‑92/23, EU:C:2026:108, punti 174, 367 u 370).
67 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 91).
68 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 41 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Diċembru 2025, Danileţ vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2025:1215JUD001691521, iktar ’il quddiem is-“sentenza Danileţ vs Ir‑Rumanija”, punt 142).
69 Ara s-sentenza Danileţ vs Ir‑Rumanija (punt 142).
70 Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 48). B’hekk, fis-sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Settembru 1995, Vogt vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1995:0926JUD001785191, punt 53), li kienet tikkonċerna d-dritt tal-uffiċjal li jesprimi opinjonijiet politiċi li ma jaqblux ma’ dawk li jiddefendi l-gvern kurrenti, il-Qorti EDB iddeċidiet li, għalkemm jidher leġittimu li Stat jissuġġetta lill-uffiċjali, minħabba l-istatus tagħhom, għal obbligu ta’ kunfidenzjalità, dawn jibqgħu, madankollu, individwi li jibbenefikaw, għalhekk, mill-protezzjoni tal-Artikolu 10 tal-KEDB. Għalhekk, hija l-Qorti EDB li għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, teżamina jekk ikunx instab bilanċ ġust bejn id-dritt fundamentali tal-individwu għal-libertà ta’ espressjoni u l-interess leġittimu ta’ Stat demokratiku li s-servizz pubbliku tiegħu jaħdem għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB. Ara wkoll il-kawża li wasslet għas-sentenza Danileţ vs Ir‑Rumanija, li fiha maġistrat ġie ssanzjonat talli esprima opinjoni personali fuq il-paġna Facebook tiegħu, li kienet miftuħa għall-pubbliku u li kellha diversi għexieren ta’ eluf ta’ abbonati. Meta ċ-ċittadin ikun ukoll uffiċjal, il-Qorti EDB teħtieġ li jiġi ggarantit bilanċ raġonevoli bejn, minn naħa, id-dritt fundamentali tal-uffiċjal għal-libertà ta’ espressjoni u, min-naħa l-oħra, l-interess leġittimu tal-istituzzjoni li dan tal-aħħar jaħdem b’osservanza tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità, ta’ lealtà u ta’ imparzjalità fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (punt 117 et seq, b’mod partikolari punt 153).
71 Ara s-sentenza Danileţ vs Ir‑Rumanija (punt 142).
72 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ottubru 2007, Lindon, Otchakovsky-Laurens u July vs Franza (CE:ECHR:2007:1022JUD002127902, punt 46), kif ukoll tas‑17 ta’ April 2014, Brosa vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0417JUD000570909, punt 41).
73 Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Mejju 2010, Fleury vs Franza (CE:ECHR:2010:0511JUD002978406, punt 45).
74 Ara, fejn tidħol il-libertà tal-istampa, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali mfissra fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C‑633/22, EU:C:2024:843, punti 55 u 56).
75 CE:ECHR:2008:1014JUD007806001.
76 Din is-sentenza kienet tikkonċerna l-legalità tal-pubblikazzjoni, minn ġurnalist ta’ ġurnal satiriku Rumen, ta’ artikli li offendew politiku (ara, b’mod partikolari, punti 48 u 49).
77 CE:ECHR:2002:0314JUD004683399.
78 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2002, Diego Nafría vs Spanja (CE:ECHR:2002:0314JUD004683399, punt 38).
79 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2002, Diego Nafría vs Spanja (CE:ECHR:2002:0314JUD004683399, punti 19 u 35).
80 T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102.
81 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni (T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punti 19 u 125).
82 Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127), li d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal, inkluż fl-oqsma koperti mill-attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, “jinkludi l-libertà li jesprimi, bil-fomm jew bil-miktub, opinjonijiet li ma jkunux jaqblu ma’ dawk tal-istituzzjoni li timpjegahom jew opinjonijiet li jkunu tal-minoranza meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
83 Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ottubru 2007, Lindon, Otchakovsky-Laurens u July vs Franza (CE:ECHR:2007:1022JUD002127902, punt 55), kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2019, Nadtoka vs Ir‑Russja (Nru 2) (CE:ECHR:2019:1008JUD00290970, punt 45).
84 Ma naħsibx li huwa possibbli li jiġi aċċettat li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tissanzjona dixxiplinarjament uffiċjal minħabba l-kliem u t-ton użati f’komunikazzjoni li dan tal-aħħar ikun bagħat personalment lil terz, u li hija tkun saret taf biha bi ksur tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet, sabiex tiġġustifika deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal. Infakkar li l-kontenut tal-komunikazzjonijiet li l-appellant bagħat lill-ambaxxatur tal-Polonja ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u din tal-aħħar aċċessatu mingħajr awtorizzazzjoni u li, sussegwentement, it-traskrizzjoni ta’ din il-komunikazzjoni ntużat fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan minkejja li dawn l-iskambji kienu jikkonċernaw il-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet tal-appellant fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta.