27.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Ġunju 2008

dwar l-Għajnuna mill-Istat C 41/05 mogħtija mill-Ungerija permezz ta’ Ftehimiet għax-Xiri tal-Enerġija

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 2223)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/609/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel sub-paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, (1) u wara li kkunsidrat dawk il-kummenti,

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra datata 31 ta’ Marzu 2004, irreġistrata fl-istess ġurnata, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-Digriet tal-Gvern 183/2002 (VIII.23.) (2) skont il-proċedura msemmija fl-Anness IV, paragrafu 3, sub-paragrafu 1(c) tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fl-Unjoni Ewropea (“proċedura interim”). Id-Digriet innotifikat jipprovdi għal sistema ta’ kumpens għall-ispejjeż merfugħa mill-bejjiegħ tal-elettriku proprjetà tal-Istat (közüzemi nagykereskedelmi engedélyes), il-kumpanija Magyar Villamos Művek Zrt. (minn hawnhekk ‘il quddiem “MVM”). Il-Kummissjoni rreġistrat in-notifika taħt il-każ ta’ Għajnuna mill-Istat numru HU 1/2004.

(2)

Kienu skambjati numru ta’ ittri uffiċjali bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u l-Kummissjoni dwar il-miżura (3). Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn partijiet terzi (4). Matul il-proċedura interim, il-Kummissjoni skopriet li s-suq Ungeriż bl-ingrossa tal-elettriku kien fil-biċċa l-kbira strutturat madwar Ftehimiet fuq perjodu fit-tul għax-Xiri tal-Enerġija (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejħa “PPAs”) bejn MVM u ċerti ġeneraturi tal-enerġija. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ssuspettat li l-PPAs kien fihom elementi ta’ għajnuna mill-Istat illegali.

(3)

B’ittra datata 13 ta’ April 2005, irreġistrata fil-15 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Ungeriżi rtiraw in-notifika tad-Digriet tal-Gvern 183/2002. Fl-4 ta’ Mejju 2005, b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (minn hawnhekk ‘il quddiem ir-“Regolament Proċedurali”) (5), il-Kummissjoni rreġistrat fajl dwar għajnuna mill-Istat fuq inizjattiva tagħha stess (każ numru NN 49/2005) rigward il-PPAs.

(4)

B’ittra datata 24 ta’ Mejju 2005 (D/54013), il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi. It-tweġiba, datata 20 ta’ Lulju 2005, ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2005. L-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew aktar informazzjoni b’ittra datata 28 ta’ Settembru 2005, irreġistrata fit-30 ta’ Settembru 2005.

(5)

B’ittra datata 9 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-PPAs (minn hawnhekk ‘il quddiem msejħa “d-Deċiżjoni ta’ Ftuħ”). Id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).

(6)

Fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibilità tal-PPAs mas-suq komuni u talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(7)

Wara talba għal estensjoni tad-data tal-għeluq għall-kummenti, aċċettata mill-Kummissjoni (7), l-Ungerija ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fil-31 ta’ Jannar 2006, irreġistrati mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2006.

(8)

Wara numru ta’ talbiet għal estensjoni tad-data tal-għeluq għall-kummenti, aċċettata mill-Kummissjoni (8), il-kummenti tal-partijiet terzi ġew irreġistrati mill-Kummissjoni kif ġej: il-kummenti sottomessi minn MVM fil-11 ta’ Jannar 2006; minn terza parti li talbet li l-identità tagħha tiġi rtirata fl-20 ta’ Jannar 2006; mill-impjant tal-elettriku Marta fl-20 ta’ Jannar u fis-6 ta’ Marzu 2006; mill-bank […] fl-10 ta’ Frar 2006; mill-impjant tal-enerġija AES-Tisza fit-13 u l-14 ta’ Frar 2006; mill-bank […] fit-13 ta’ Frar 2006; minn Electrabel S.A. u s-sussidjarja tagħha, l-impjant tal-enerġija Dunament fl-14 ta’ Frar 2006; mill-impjant tal-enerġija ta’ Budapest fil-21 ta’ Frar 2006; u mill-impjant tal-enerġija Csepel fil-21 ta’ Frar 2006.

(9)

Wara konferma mill-awtoritajiet Ungeriżi tat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi fil-kuntest ta’ din il-proċedura (9), il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti ta’ hawn fuq lill-Ungerija b’ittra tal-25 ta’ April 2006.

(10)

L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew l-ewwel parti tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet terzi b’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006, irreġistrata fid-29 ta’ Ġunju 2006, u t-tieni parti b’ittra tal-24 ta’ Lulju 2006, irreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2006.

(11)

Konxja mill-bidliet leġiżlattivi ppjanati fis-settur tal-enerġija fl-Ungerija, il-Kummissarju Kroes bagħtet ittra lill-Ministru Kóka fis-17 ta’ Ottubru 2006 fejn ħeġġet lill-Gvern Ungeriż sabiex fil-leġiżlazzjoni l-ġdida jdaħħal il-kwistjoni tal-PPAs u miżuri kumpensatorji potenzjali b’mod konformi mal-liġi tal-UE.

(12)

Il-kumpanija AES-Tisza ssottomettiet aktar kummenti fejn ilmentat dwar diversi aspetti tal-proċedura tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2006.

(13)

B’ittra tal-21 ta’ Novembru 2006 (irreġistrata fit-23 ta’ Novembru 2006) u tal-15 ta’ Jannar 2007 (irreġistrata fl-istess ġurnata) u f’laqgħat fit-18 ta’ Diċembru 2006 u fit-8 ta’ Marzu 2007 mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu emendi leġiżlattivi b’rabta mal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u biex b’hekk tinbidel ukoll is-sitwazzjoni eżistenti fis-suq tal-elettriku b’ingrossa.

(14)

Il-Kummissjoni bagħtet talba għal aktar informazzjoni fit-23 ta’ April 2007. L-Ungerija wieġbet fil-5 ta’ Ġunju 2007 u bagħtet informazzjoni addizzjonali fis-6 ta’ Awwissu 2007.

(15)

B’ittra datata 4 ta’ Mejju 2007 l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lill-Kummissjoni li huma kienu qegħdin jistabbilixxu kumitat ta’ ħidma sabiex imexxi negozjati mal-produtturi kollha kkonċernati dwar it-twaqqif jew it-tibdil sostanzjali tal-PPAs. Għalhekk, fil-11 ta’ Mejju 2007 il-gvern adotta d-Deċiżjoni Nru 2080/2007. (V.11.) dwar il-ftehimiet għax-xiri tal-elettriku fuq perjodu fit-tul fis-settur tal-enerġija (10), li biha ġie stabbilit il-kumitat ta’ ħidma msemmi qabel (immexxi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru) bil-għan li jsolvi mingħajr dewmien il-kwistjoni tal-PPAs skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u jordna l-ftuħ ta’ negozjati uffiċjali f’dan ir-rigward mal-produtturi tal-enerġija kkonċernati. B’ittra tat-3 ta’ Lulju 2007, il-Gvern Ungeriż informa lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-ewwel negozjati li saru f’Ġunju 2007.

(16)

Fil-kuntest tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni, l-Att il-ġdid dwar l-Enerġija Elettrika (11) ġie ppubblikat fit-2 ta’ Lulju 2007 u daħal fis-seħħ parzjalment fil-15 ta’ Ottubru 2007 u parzjalment fl-1 ta’ Jannar 2008. B’ittra tal-25 ta’ Lulju 2007, il-Gvern Ungeriż informa lill-Kummissjoni dwar il-kisbiet tal-Att il-ġdid dwar l-Elettriku fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tal-elettriku Ungeriż. Madankollu, l-Att il-ġdid ma biddilx il-PPAs infushom, li baqgħu fis-seħħ, bejn MVM u l-produtturi tal-enerġija elenkati fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ.

(17)

B’ittra tas-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet aktar mistoqsijiet lill-awtoritajiet Ungeriżi.

(18)

Fis-7 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni rreġistrat ittra mingħand il-Gvern Ungeriż li talab aktar żmien sabiex jikkonkludi n-negozjati mal-ġeneraturi b’suċċess.

(19)

Fl-24 ta’ Settembru u fil-31 ta’ Ottubru 2007 il-Kummissjoni rreġistrat ir-risposti tal-Ungerija għall-mistoqsijiet tagħha tas-26 ta’ Lulju 2007.

(20)

Fl-14 ta’ Diċembru 2007, b’mod konformi mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (minn hawnhekk ‘il quddiem “ir-Regolament Proċedurali”), il-Kummissjoni bagħtet tfakkira lill-awtoritajiet Ungeriżi fejn elenkat il-mistoqsijiet li l-informazzjoni pprovduta għalihom kienet għadha mhix kompluta. L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu b’ittra datata 16 ta’ Jannar 2008.

(21)

Billi l-kumpaniji Dunament u AES-Tisza ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba, l-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li ma setgħux jagħtu tweġiba sħiħa għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

(22)

Għalhekk, fil-15 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni adottat inġunzjoni ta’ informazzjoni li biha ordnat lill-Ungerija tipprovdi l-informazzjoni elenkata fid-deċiżjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata.

(23)

Fis-27 ta’ Frar, l-impjant tal-enerġija Dunament bagħat lill-Kummissjoni kopja tat-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-awtoritajiet Ungeriżi u spjega r-raġunijiet għaliex ma setax iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu. L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu fl-4 u fit-13 ta’ Marzu 2008. B’risposta għat-talba espliċita tal-impjant tal-enerġija Dunament, l-awtoritajiet Ungeriżi hemżu mat-tweġiba tagħhom ittri mibgħuta minn Dunament lill-Ministeru għall-Finanzi u lill-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż datati 14 ta’ Mejju 2007, 21 ta’ Awwissu 2007, 13 ta’ Settembru 2007, 7 ta’ Diċembru 2007, 14 ta’ Jannar 2008 u 20 ta’ Frar 2008. L-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux bagħtu kopja ta’ dawn l-ittri lill-Kummissjoni fi stadju aktar bikri (12); madankollu, fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni matul il-proċedura huma kienu inkludew l-informazzjoni li sabu rilevanti.

(24)

Mir-risposti tal-awtoritajiet Ungeriżi jidher li AES-Tisza ma tat l-ebda tweġiba lill-Ungerija. B’faks datata 10 ta’ Marzu 2008, AES-Tisza bagħtet ittra lill-Kummissarju Kroes fejn esprimiet il-fehma tagħha li l-awtoritajiet Ungeriżi diġà kellhom l-informazzjoni kollha li kienet talbet il-Kummissjoni.

(25)

Fit-tweġiba tagħhom datata 13 ta’ Marzu 2008, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellhom, l-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti għall-mistoqsijiet (1)(a) sa (d) tal-Kapitolu III tal-inġunzjoni ta’ informazzjoni. Madankollu, huma ma taw ebda informazzjoni addizzjonali relatata mal-mistoqsija li saret taħt il-punt (1)(e) tal-Kapitolu III tal-inġunzjoni ta’ informazzjoni fir-rigward tal-investimenti taż-żewġ produtturi tal-enerġija msemmija qabel.

(26)

Parti sostanzjali mill-informazzjoni skambjata sa mir-reġistrazzjoni tal-kawża HU1/2004 kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konkreta tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni relatata mal-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati (“il-Metodoloġija dwar l-Ispejjeż li Ma Jistgħux Jiġu Rkuprati”). (13) Fuq il-bażi tad-dokumenti sottomessi fil-proċedura preżenti, deher li l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom il-ħsieb li jintroduċu sistema ta’ kumpensi għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, li l-valutazzjoni tagħha setgħet ġiet inkluża f’din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, matul il-proċedura preżenti saru diskussjonijiet konsiderevoli bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar id-dettalji ta’ sistema ta’ kumpens li l-Ungerija tista’ tadotta sabiex tali sistemi tissodisfa l-kriterji tal-Metodoloġija.

(27)

Minkejja d-diskussjonijiet tekniċi dwar mekkaniżmu ta’ kumpens potenzjali fil-ġejjieni, l-awtoritajiet Ungeriżi, sad-data ta’ din id-Deċiżjoni, ma ssottomettewx lill-Kummissjoni mekkaniżmu ta’ kumpens komprensiv ikkonfermat b’mod uffiċjali mill-Gvern Ungeriż. Fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Marzu 2008, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li, fil-preżent, huma ma xtaqux jagħtu kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati; madankollu, huma rriżervaw id-dritt tagħhom li jagħtu tali kumpens li ċerti produtturi tal-enerġija fi stadju aktar tard.

(28)

F’ittra datata 7 ta’ April 2008, il-Kummissjoni talbet għall-konferma ta’ ċerta informazzjoni mill-Gvern Ungeriż. L-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew l-informazzjoni mitluba b’ittra rreġistrata fit-22 ta’ April 2008.

(29)

Fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lill-Kummissjoni li l-PPA tal-impjant tal-enerġija ta’ Paks kien ġie tterminat mill-partijiet fil-31 ta’ Marzu 2008. Għalkemm l-impjanti tal-enerġija ta’ Csepel u Pannon iffirmaw ftehimiet ta’ terminazzjoni f’April 2008, id-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet għadu, sad-data ta’ din id-deċiżjoni, jiddependi fuq l-approvazzjoni mill-azzjonisti u l-istituzzjonijiet bankarji.

Proċeduri relatati oħra pendenti

(30)

Id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ġiet ikkontestata mill-impjant tal-enerġija ta’ Budapest quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2006 u rreġistrat bħala l-kawża T-80/06. Fis-6 ta’ Ġunju 2006, l-impjant tal-enerġija ta’ Csepel talab permess sabiex jintervjeni fil-proċedura b’appoġġ għall-impjant tal-enerġija ta’ Budapest u dan ingħata b’digriet tal-Qorti datat 11 ta’ Marzu 2008.

(31)

Barra minn hekk, żewġ proċeduri internazzjonali ta’ arbitraġġ huma pendenti quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwimiet Industrijali f’Washington, D.C, mibdija kontra r-Repubblika tal-Ungerija mill-kumpaniji li jipproduċu l-elettriku […] u […], it-tnejn azzjonisti ta’ impjanti tal-enerġija taħt PPA fl-Ungerija. Il-proċeduri huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti li jinsabu fit-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

Sfond storiku għall-PPAs

(32)

Mill-31 ta’ Diċembru 1991 sal-31 ta’ Diċembru 2002 is-suq tal-elettriku Ungeriż kien strutturat madwar “Xerrej Waħdieni”, il-kumpanija Magyar Villamos Művek (MVM). MVM hija entità 99,9 % proprjetà tal-Istat li l-attivitajiet tagħha jinkludu l-produzzjoni tal-enerġija, il-bejgħ bl-ingrossa, it-trażmissjoni u l-bejgħ bl-imnut. Taħt il-mudell tax-“Xerrej Waħdieni”, il-produtturi tal-enerġija jistgħu jipprovdu enerġija direttament lil MVM biss (sakemm MVM ma tħassarx il-kuntratti tal-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali) u MVM kienet l-unika kumpanija awtorizzata biex tipprovdi elettriku lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali. Skont l-Att XLVIII tal-1994 dwar l-Enerġija Elettrika (“l-Att I dwar l-Enerġija”), MVM kienet meħtieġa li tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Ungerija bl-inqas prezz possibbli.

(33)

L-Att CX tal-2001 dwar l-Enerġija Elettrika (“l-Att II dwar l-Enerġija”, li ħa post l-Att I dwar l-Enerġija) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003. Dan stabbilixxa mudell doppju tas-suq tal-elettriku Ungeriż li baqa’ fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2008, meta daħal fis-seħħ l-Att LXXXVI tal-2007 dwar l-Enerġija Elettrika (“l-Att III dwar l-Enerġija”, li ħa post l-Att II dwar l-Enerġija). Taħt dan il-mudell doppju hemm segment ta’ utilità pubblika u segment kompetittiv, u l-klijenti eliġibbli (li l-firxa tagħhom tkabbret b’mod gradwali) kienu permessi jaqilbu għas-segment kompetittiv. Fis-segment tal-utilità pubblika, MVM baqgħet l-uniku bejjiegħ bl-ingrossa, filwaqt li fis-segment tas-suq ħieles tfaċċaw negozjanti oħra. L-Att III dwar l-Enerġija temm l-eżistenza tas-segment tal-utilità pubblika iżda xorta waħda żamm il-klijenti domestiċi u xi klijenti kummerċjali – kif permess mit-tieni Direttiva dwar l-Elettriku (14) – taħt obbligu ta’ servizz universali.

(34)

L-Att I dwar l-Enerġija kien jeħtieġ li MVM tivvaluta d-domanda totali tal-pajjiż għal-enerġija u tħejji, kull sentejn, Pjan Nazzjonali għall-Kostruzzjoni ta’ Impjanti tal-Enerġija (Országos Erőműépítési Terv). Dan il-Pjan imbagħad kellu jiġi sottomess lil u aċċettat mill-Gvern Ungeriż u l-Parlament.

(35)

Mill-Att I dwar l-Enerġija u mis-sottomissjonijiet tal-gvern Ungeriż (15) jidher li l-aktar miri urġenti fis-suq tal-enerġija Ungeriż f’nofs is-snin disgħin kienu s-sigurtà tal-provvista bl-inqas prezz possibbli, l-immodernizzar tal-infrastruttura b’referenza partikolari għall-istandards prevalenti tal-ħarsien tal-ambjent, u r-ristrutturazzjoni meħtieġa fis-settur tal-enerġija. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri ġenerali, ġew proposti ftehimiet fuq perjodu fit-tul dwar ix-xiri lil investituri barranin li jwiegħdu li jinvestu fil-kostruzzjoni u l-immodernizzar tal-impjanti tal-enerġija fl-Ungerija. Il-PPAs ġew iffirmati mill-produtturi tal-enerġija minn naħa u mill-kumpanija MVM min-naħa l-oħra.

Il-PPAs

(36)

Il-PPAs miftiehma bejn MVM u impjanti tal-enerġija individwali (16) stabbilew portafoll ta’ produzzjoni bilanċjata li jippermetti lil MVM taqdi l-obbligu tagħha li tassigura s-sigurtà tal-provvista. Huma jippermettu lil MVM tissodisfa kemm id-domanda għal-lowd bażi (b’impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-lignite u nukleari) kif ukoll id-domanda għall-akbar lowd (b’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass).

(37)

Il-PPAs jeħtieġu li l-produtturi tal-elettriku jżommu u jħaddmu l-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom kif suppost. Huma jirriżervaw il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kollha (MW) tal-impjant tal-enerġija għal MVM. Din l-allokazzjoni tal-kapaċità hija indipendenti mill-użu attwali tal-impjant tal-enerġija. Lil hinn mill-kapaċitajiet riżervati, il-PPA jeħtieġ li MVM tixtri ammont minimu speċifiku ta’ elettriku (MWh) minn kull impjant tal-enerġija.

(38)

Xi PPAs jinkludu l-hekk imsejħa “servizzi tas-sistema” (17) fil-każ ta’ impjanti tal-enerġija li huma teknikament kapaċi li jipprovduhom, li MVM tipprovdi lill-operatur tas-sistema, MAVIR.

(39)

Il-PPAs iffirmati fl-1995-1996 (sebgħa mill-għaxar PPAs taħt valutazzjoni) kienu mogħtija minħabba l-privatizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija. Dawn il-PPAs segwew ftehim mudell imfassal minn ditta ta’ avukati internazzjonali fuq talba tal-Gvern Ungeriż. Ma kien hemm ebda proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-iffirmar ta’ dawn il-PPAs. Kien hemm, madankollu, proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-privatizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija. Il-PPAs (iffirmati qabel il-privatizzazzjoni) kienu jiffurmaw parti mill-pakkett tal-privatizzazzjoni. Uħud minn dawn il-ftehimiet (l-aktar il-ftehimiet ta’ Mátra, Tisza u Dunament) ġew emendati parzjalment mill-partijiet wara l-privatizzazzjoni.

(40)

Il-PPA tal-impjant tal-enerġija ta’ Csepel ġie ffirmat fl-1997 u segwa mudell pjuttost differenti. Madankollu, ma kien hemm ebda proċedura ta’ sejħa għall-offerti f’dan il-każ lanqas u l-iffirmar tal-PPA kien marbut ukoll mal-privatizzazzjoni tal-impjant tal-enerġija.

(41)

Il-PPA tal-impjant tal-enerġija ta’ Ujpest (wieħed mit-tliet impjanti tal-impjant tal-enerġija ta’ Budapest) ġie ffirmat mal-impjant tal-enerġija ta’ Budapest fl-1997, ukoll mingħajr proċedura speċifika ta’ sejħa għall-offerti.

(42)

Il-PPA tal-impjant ta’ Kispest (impjant ieħor – li kien qiegħed jeqdiem – tal-impjant tal-enerġija ta’ Budapest li tista’ tgħid reġa’ nbena f’dak iż-żmien) biss ġie ffirmat fl-2001 b’riżultat ta’ proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti.

(43)

Mill-2000 sal-2004, il-kapaċità riżervata mill-PPAs kienet tkopri madwar 80 % tad-domanda Ungeriża totali għall-elettriku (MW). Mill-2005 sad-data ta’ din id-Deċiżjoni, is-sehem kien madwar 60-70 %. Huwa mistenni li bit-tmiem tal-PPAs, dan il-proporzjon se jonqos b’mod gradwali fil-perjodu bejn l-2011 u l-2024. (18)

(44)

Mill-kważi għoxrin PPA ffirmati bejn l-1995 u l-2001, għaxra kienu għadhom fis-seħħ fid-data tad-dħul tal-Ungerija fl-UE (1 ta’ Mejju 2004).

(45)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss dawk il-PPAs li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Hija ma tkoprix PPAs li spiċċaw qabel dik id-data. Għalkemm xi PPAs (ara l-premessa 28 hawn fuq) ġew itterminati mill-partijiet f’April 2008, din id-Deċiżjoni tkoprihom u tivvaluta n-natura tagħha bħala għajnuna mill-Istat u l-kompatibilità tagħhom mas-suq komuni fil-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tat-tmiem tagħhom (April 2008).

L-impjanti tal-enerġija taħt PPA u t-tul tal-PPAs

(46)

L-impjanti tal-enerġija taħt PPA koperti minn din id-Deċiżjoni huma elenkati fit-tabella hawn taħt. It-tul taż-żmien muri jirreferi għad-data tat-tmiem tal-PPAs skedata fil-bidu kif stabbilita fil-PPAs infushom.

Tabella 1

Ħarsa ġenerali tal-kumpaniji ta’ produzzjoni taħt PPA, l-azzjonisti prinċipali u t-tul tal-PPAs

Isem tal-kumpanija ta’ produzzjoni

Azzjonist maġġoritarju

Impjant tal-enerġija taħt PPA

Tul tal-PPA

Budapesti Erőmű Rt.

EDF

Kelenföldi Erőmű

1996-2011

Újpesti Erőmű

1997-2021

Kispesti Erőmű

2001-2024

Dunamenti Erőmű Rt.

Electrabel

Blokki F ta’ Dunament

1995-2010

(iffirmat fl-1995, daħal fis-seħħ fl-1996)

Blokk G2 ta’ Dunament

1995-2015

(iffirmat fl-1995, daħal fis-seħħ fl-1996)

Mátrai Erőmű Rt.

RWE

Mátrai Erőmű

1995-2022

(tul inizjali sal-2015, estiż sal-2022 fl-2005)

AES-Tisza Erőmű Kft.

AES

Tisza II Erőmű

1995-2016

(iffirmat fl-1995, daħal fis-seħħ fl-1996

([…])

Csepeli Áramtermelő Kft.

ATEL

Csepel II Erőmű

1997-2020

(iffirmat fl-1997, daħal fis-seħħ fl- 2000)

Paksi Atomerőmű Rt.

MVM

Paksi Atomerőmű

1995-2017 (*2)

(iffirmat fl-1995, daħal fis-seħħ fl-1996)

Pannonpower Holding Rt.

Dalkia

Pécsi Erőmű

1995-2010

(iffirmat fl-1995, daħal fis-seħħ fl-1996)

Prezzijiet

(47)

Fid-Digriet tal-Gvern 1074/1995. (VIII.4.) dwar ir-regolazzjoni tal-prezz tal-elettriku, il-gvern ta impenn li, mill-1 ta’ Jannar 1997 (il-bidu tal-hekk imsejjaħ l-ewwel ċiklu ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet), “minbarra li jkopru l-ispejjeż operattivi ġġustifikati, il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut għandhom jiżguraw 8 % profitt fuq l-ekwità”. Il-gvern b’dan iggarantixxa rata ta’ redditu ta’ 8 % fuq il-kapital għall-impjanti tal-enerġija taħt PPA.

(48)

Mill-1 ta’ Jannar 2001 (il-bidu tat-tieni ċiklu ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet), il-prezzijiet uffiċjali kienu jinkludu profitt ta’ 9,8 % fuq l-assi (eszközarányos megtérülés) għall-impjanti tal-enerġija. Il-bidla fil-perċentwali mhux bilfors kienet tfisser bidla fl-ammonti attwali, billi l-bażijiet taż-żewġ rati ta’ redditu kienu differenti (l-ewwel waħda kienet ikkalkulata fuq l-ekwità filwaqt li t-tieni waħda kienet ikkalkulata fuq l-assi). Il-prezzijiet kienu jirriflettu l-bidliet fl-inflazzjoni.

(49)

Il-prezzijiet irregolati baqgħu fis-seħħ għall-impjanti tal-enerġija sal-31 ta’ Diċembru 2003.

(50)

Matul dan il-perjodu ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet, l-Uffiċċju Ungeriż għall-Enerġija analizza l-istruttura tal-ispejjeż ta’ kull impjant tal-enerġija u ffissa l-prezz għax-xiri tal-elettriku minn MVM f’valur li kien jassigura l-profittabilità ggarantita.

(51)

Il-lista tal-ispejjeż koperti minn dan il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet kienet tinkludi l-partiti prinċipali segwenti ta’ spejjeż (19):

—   spejjeż fissi: deprezzament, assigurazzjoni, ċerti spejjeż fissi għall-manutenzjoni u operattivi, imgħax fuq is-self [“hitelkamatok”], dekummissjonament [“rekultivációs költségek”], spejjeż fiskali (taxxi), spejjeż tal-persunal [“személyi jellegű költségek”], spejjeż għall-ħarsien tal-ambjent, spejjeż għall-Fond Ċentrali Nukleari [“Központi Nukleáris Alap befizetések”] għall-impjant tal-enerġija nukleari u spejjeż straordinarji [“rendkívüli ráfordítások”];

—   spejjeż varjabbli: il-prezzijiet tal-fjuwil.

(52)

L-Uffiċċju Ungeriż għall-Enerġija kellu l-kompitu li jassigura li l-ispejjeż koperti kienu raġonevoli u meħtieġa.

(53)

Il-prezz uffiċjali ħa post il-prezz stabbilit mill-PPAs.

(54)

Mill-1 ta’ Jannar 2004, il-prezzijiet ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs. It-tifsira eżatta tal-formuli ġiet iċċarata fil-kuntest tan-negozjati annwali dwar il-prezzijiet bejn MVM u l-produtturi tal-enerġija.

(55)

Il-formuli tal-prezzijiet applikati fil-PPAs huma kumplessi ħafna; madankollu, huma jsegwu l-istess prinċipji bħall-metodoloġija applikata mill-Uffiċċju Ungeriż għall-Enerġija qabel Jannar 2004. Skont is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Ungeriżi (20), l-anness għall-PPAs rigward id-definizzjoni tal-prezzijiet ġie mfassal billi ntużaw il-formuli u d-definizzjonijiet tad-Digriet tal-Gvern 1074/1995 hawn fuq imsemmi dwar ir-regolazzjoni tal-prezzijiet. (Skont is-sottomissjoni, “il-ftehimiet ikkupjati fil-formuli u d-definizzjonijiet kontenuti fid-digriet”.) Konsegwentement, il-prinċipji tal-iffissar tal-prezzijiet tal-PPAs huma bbażati, l-istess bħall-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet uffiċjali, fuq il-kategoriji tal-prezzijiet iġġustifikati.

(56)

Kull PPA fih żewġ tipi prinċipali ta’ komponenti ta’ ħlasijiet: it-tariffa tal-kapaċità (jew it-tariffa sabiex il-kapaċità ssir disponibbli) għall-kapaċità riżervata (MW) li tkopri l-ispejjeż fissi + il-profitt (prezz tal-kapital), u t-tariffa tal-elettriku li tkopri l-ispejjeż varjabbli. Il-PPAs differenti jipprovdu għal ħlasijiet addizzjonali differenti. Skont il-PPAs, dawn il-ħlasijiet addizzjonali jistgħu jkunu ħlasijiet bonus/malus applikati bħala inċentiv għall-produtturi tal-enerġija biex joperaw skont il-prinċipju tal-inqas spejjeż, u ħlasijiet addizzjonali sabiex jinżammu r-riżervi tal-produzzjoni, terġa’ tiġi skedata l-manutenzjoni fuq talba ta’ MVM, tiżdied il-lowd fil-perjodu tal-akbar domanda u titnaqqas il-lowd taħt dik kuntrattata matul il-perjodi tal-inqas domanda, eċċ. Il-bidliet perjodiċi (kull sena, kull tliet xhur, kull xahar) fit-tariffi tal-kapaċità jiddependu fuq numru ta’ fatturi: l-attivazzjoni ta’ proġetti implimentati wara, diversi kategoriji ta’ mgħax, rati tal-kambju barranin, indiċijiet tal-inflazzjoni, eċċ. It-tariffa tal-kapaċità u l-ħlasijiet supplimentari jkopru wkoll is-servizzi tas-sistema (koperti mill-PPA). Bażikament, it-tariffi tal-elettriku huma relatati mal-prezzijiet tal-fjuwil u użi speċifiċi tas-sħana tal-fjuwil (fajlagos tüzelőhő felhasználása). Huma kkalkulati fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ mogħdija (pass-through) tal-ispejjeż varjabbli.

(57)

Għandu jiġi osservat li d-definizzjoni tal-kategoriji ta’ spejjeż koperti ma kinitx neċessarjament l-istess fir-regolazzjoni tal-prezzijiet qabel l-1 ta’ Jannar 2004 u fil-PPAs. Is-sottomissjonijiet tal-Ungerija (21) juru li, pereżempju, it-tariffa tal-kapaċità tal-impjanti ta’ […] u ta’ Dunament kienet ogħla fil-PPA tagħhom milli taħt ir-regolazzjoni tal-prezzijiet. Dan għaliex dawn il-PPAs ħadu inkonsiderazzjoni l-immodifikar, u b’hekk wasslu għal spejjeż fissi aktar għoljin. Dawn l-ispejjeż fissi ogħla dehru b’mod gradwali (wara l-immodifikar gradwali) f’tariffi ogħla tal-kapaċità milli taħt ir-regolazzjoni tal-prezzijiet. Setgħu jiġu osservati wkoll differenzi oħra bejn il-prezzijiet regolati u l-prezzijiet taħt il-PPA dovuti għal negozjati bilaterali bejn MVM u l-produtturi.

(58)

Minkejja dawn id-differenzi, fis-sottomissjonijiet tal-Ungerija tal-20 ta’ Ottubru 2004 u tal-20 ta’ Lulju 2005 kull impjant tal-enerġija taħt PPA kkonferma li l-metodu għall-kalkolu tal-prezzijiet kif ukoll il-kategoriji tal-ispejjeż applikati wara t-tmiem tar-regolazzjoni tal-prezzijiet kienu fil-biċċa l-kbira simili għal dawk applikati mill-Uffiċċju Ungeriż għall-Enerġija qabel dik id-data.

(59)

Għalhekk il-prezzijiet taħt il-PPAs applikati wara l-1 ta’ Jannar 2004 baqgħu bbażati fuq il-kalkolu tal-ispejjeż (fissi u varjabbli) ġustifikati + il-profitt.

(60)

Minn dan ta’ hawn fuq joħroġ li għalkemm ir-regolazzjoni tal-prezzijiet spiċċat fil-31 ta’ Diċembru 2003, il-prezzijiet ma ġewx liberalizzati b’mod ġenwin billi l-produtturi tal-elettriku baqgħu jistabbilixxu l-prezzijiet fuq il-bażi tal-prinċipju tal-profitt fuq l-investiment imħaddan fil-PPAs. (22)

(61)

Fis-6 ta’ Frar 2006, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att XXXV tal-2006 (23) li reġa’ stabbilixxa r-regolazzjoni tal-prezzijiet mill-gvern fuq il-prezz tal-elettriku mibjugħ lil MVM taħt il-PPAs. L-ewwel digriet ġdid dwar il-prezzijiet daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2006. Minn dik id-data, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet kienet għal darba oħra ssostitwita mill-formula governattiva tal-prezzijiet għal perjodu ta’ madwar sena (sal-31 ta’ Diċembru 2007).

(62)

Mill-1 ta’ Jannar 2008, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq, l-Att III dwar l-Enerġija ġab fit-tmiem il-prezzijiet uffiċjali tal-produzzjoni kif ukoll l-eżistenza tas-segmenti doppji tal-utilità pubblika u tas-suq ħieles.

(63)

Konsegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2008, il-prezz tal-elettriku mibjugħ mill-produtturi tal-enerġija lil MVM taħt il-PPAs huwa għal darba oħra definit mill-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs. Il-prinċipji bażiċi ta’ dawn il-formuli ma ġewx mibdula mill-aħħar applikazzjoni tagħhom: għalhekk huma jsegwu l-istess prinċipji bħal fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u t-8 ta’ Diċembru 2006 (ara l-premessi 54 sa 59 hawn fuq).

(64)

Għaldaqstant, l-ipprezzar mill-produtturi taħt PPA baqa’ mmexxi mill-prinċipju tal-profitt fuq l-investiment.

Il-kapaċitajiet riżervati

(65)

Il-PPAs jirriżervaw għal MVM il-kapaċità sħiħa jew parti sostanzjali minnha tal-unitajiet ta’ produzzjoni taħt PPA.

Tabella 2

Il-kapaċità domestika ta’ produzzjoni tal-Ungerija  (24)

(MW)

Kapaċità

2004

2005

2006

2007

Kapaċità totali installata ta’ produzzjoni (25)

8 777

8 595

8 691

8 986

Kapaċità totali disponibbli (26)

8 117

8 189

8 097

8 391

Kapaċità netta disponibbli (27)

7 252

7 792

7 186

7 945

Il-lowd massima tas-sistema tal-elettriku Ungeriża

6 356

6 409

6 432

6 605

Tabella 3

Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impjanti tal-enerġija taħt PPA  (28)

(MW)

Impjant tal-enerġija

Kapaċità

2004

2005

2006

2007

Kelenföld

Kapaċità netta disponibbli

90,1

97,6

97,2

78,0

Kapaċità kuntrattata (29)

83,3

89,8

89,4

71,9

Ujpest

Kapaċità netta disponibbli

106,3

106,1

106,2

106,0

Kapaċità kuntrattata

99

98,8

98,9

98,7

Kispest

Kapaċità netta disponibbli

46,1

110,2

110,2

109,6

Kapaċità kuntrattata

43

102,6

102,6

102,3

Dunament F

Kapaċità netta disponibbli

1 020

1 020

1 020

1 020

Kapaċità kuntrattata

928,2

923,1

923,1

923,1

Dunament G2

Kapaċità netta disponibbli

187,6

223,1

223,1

223,7

Kapaċità kuntrattata

178,4

212,4

212,4

213

AES-Tisza

Kapaċità netta disponibbli

638,0

824,7

824,7

824,7

Kapaċità kuntrattata

[…] (1)

[…] (2)

[…] (2)

[…] (2)

Csepel

Kapaċità netta disponibbli

348,9

331

355

349,5

Kapaċità kuntrattata

323

307

329

324

Pannon

Kapaċità netta disponibbli

25,9

25,9

25,9

25,9

Kapaċità kuntrattata

20,1

20,1

20,1

20,1

Mátra

Kapaċità netta disponibbli

593

552

552

552

Kapaċità kuntrattata

496

460

460

460

Paks

Kapaċità netta disponibbli

1 597

1 596

1 596

1 596

Kapaċità kuntrattata

1 486

1 486

1 485

1 485

Kapaċità netta totali disponibbli tal-impjanti tal-enerġija taħt PPA

 

4 652,0

4 886,6

4 910,3

4 885,4

Kapaċità totali kuntrattata

 

[…] (3)

[…] (4)

[…] (5)

[…] (6)

(66)

Il-figuri ta’ hawn fuq juru li fil-perjodu taħt valutazzjoni, madwar 60 % tal-kapaċità netta disponibbli ta’ produzzjoni Ungeriża hija kuntrattata minn MVM taħt PPAs. Jekk tiġi kkunsidrata l-kapaċità attwali disponibbli tal-impjanti tal-enerġija (“Ténylegesen igénybevehető teljesítőképesség”) bit-tnaqqis minnha tal-konsum tagħhom stess (“Önfogyasztás”), il-proporzjon ikun ogħla milli ta’ hawn fuq.

(67)

It-tabelli ta’ hawn fuq juru wkoll li l-kapaċità riżervata taħt il-PPAs għal MVM tkopri l-kapaċitajiet kollha disponibbli jew il-parti l-kbira tagħhom tal-impjanti rispettivi.

(68)

MVM tħallas tariffa tal-kapaċità għal dawn ir-riżervi tal-kapaċità (premessa 56 hawn fuq), irrispettivament mill-użu attwali tal-impjant.

(69)

Il-kapaċità impurtata fl-Ungerija hija madwar 1 000-1 300 MW. Madwar 600 MW ta’ din il-kapaċità impurtata hija riżervata għal MVM taħt ftehimiet oħra fuq perjodu fit-tul.

Kwantitajiet mibjugħa

(70)

Meta MVM fil-fatt tagħmel użu mill-kapaċità riżervata tagħha u tixtri l-elettriku mill-impjant tal-enerġija, hija mbagħad tħallas it-tariffa tal-enerġija għall-elettriku mixtri (ara l-premessa 56 hawn fuq).

(71)

Hemm ċertu xiri minimu ggarantit mill-PPAs għal kull impjant tal-enerġija.

(72)

Il-produzzjoni domestika globali ta’ elettriku fl-Ungerija hija bejn 32 u 36 TWh (= 32-36 000 000 GWh) fis-sena.

Tabella 4

Elettriku prodott taħt PPAs  (30)

(GWh)

Impjant tal-enerġija

Elettriku ġġenerat

2004

2005

2006

2007

Budapest

(fosthom Kelenföld, Újpest u Kispest)

Elettriku totali ġġenerat

1 228

1 510

1 643

1 742

Konsum mill-impjant innifsu

87

89

91

84

Xiri minimu ggarantit

Kelenfold:

(…)

Ujpest:

(…)

Kispest:

(…)

Kelenfold:

(…)

Ujpest:

(…)

Kispest:

(…)

Kelenfold:

(…)

Ujpest:

(…)

Kispest:

(…)

Kelenfold:

(…)

Ujpest:

(…)

Kispest:

(…)

Xiri attwali

939

1 302

1 451

1 538

Dunament (*3) (F + G2)

Elettriku totali ġġenerat

4 622

3 842

3 450

4 300

Konsum mill-impjant innifsu

174

148

147

188

Xiri minimu ggarantit

F: […]

G2: […]

F: […]

G2: […]

F: […]

G2: […]

F: […]

G2: […]

Xiri attwali

4 232

2 888

2 495

3 296

AES-Tisza

Elettriku totali ġġenerat

1 621

1 504

1 913

2 100

Konsum mill-impjant innifsu

96

97

117

116

Xiri minimu ggarantit

(…)

(…)

(…)

(…)

Xiri attwali

1 525

1 407

1 796

1 984

Csepel

Elettriku totali ġġenerat

1 711

1 764

1 710

2 220

Konsum mill-impjant innifsu

48

49

48

53

Xiri minimu ggarantit

(…)

(…)

(…)

(…)

Xiri attwali

1 662

1 715

1 661

2 166

Pannon (*3)

Elettriku totali ġġenerat

673

266

237

232

Konsum mill-impjant innifsu

116

52

34

29

Xiri minimu ggarantit

(…)

(…)

(…)

(…)

Xiri attwali

361

206

203

203

Mátra (*3)

Elettriku totali ġġenerat

5 688

5 698

5 621

6 170

Konsum mill-impjant innifsu

675

670

667

710

Xiri minimu ggarantit

(…)

(…)

(…)

(…)

Xiri attwali

3 730

3 762

3 587

4 082

Paks

Elettriku totali ġġenerat

11 915

13 833

13 460

14 677

Konsum mill-impjant innifsu

750

821

800

848

Xiri minimu ggarantit

(…)

(…)

(…)

(…)

Xiri attwali

11 112

13 012

12 661

13 828

(73)

Ix-xiri minimu ggarantit huwa l-kwantità li MVM hija meħtieġa li tixtri irrispettivament mid-domanda tas-suq. Jekk MVM ma tixtrix l-ammonti minimi stabbiliti, hija xorta jkollha tħallas l-ispejjeż li jsiru għall-fjuwil (Dunament, Kelenfold, Pécs u […]), l-ispejjeż kollha jew il-kumpens li jagħmel il-produttur fuq il-bażi tal-Ftehim tiegħu dwar il-Provvista tal-Fjuwil (Csepel), u l-ispejjeż kollha ġġustifikati (Kispest u Ujpest).

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

3.1.   Il-PPAs

(74)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta’ Ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-PPAs kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE lill-produtturi tal-enerġija li kienu partijiet għal PPA ma’ MVM.

(75)

Hija esprimiet il-fehma li l-PPAs kienu applikabbli wara l-adeżjoni fit-tifsira tal-Anness IV, paragrafu 3, sub-paragrafu 1(c) għat-Trattat tal-Adeżjoni (31) u li huma ma kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, billi ma jaqgħux taħt il-kategoriji ta’ għajnuna li, mill-adeżjoni, kienu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE.

(76)

L-ewwel nett, l-ebda wieħed mill-PPAs ma daħal fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994. It-tieni, l-ebda wieħed mill-PPAs ma kien ġie inkluż fil-lista ta’ għajnuniet eżistenti mehmuża mal-Anness IV tat-Trattat tal-Adeżjoni. It-tielet, il-Kummissjoni ma kinitx ġiet avżata dwar il-PPAs taħt l-hekk imsejħa “proċedura interim”.

Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(77)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-profitt assigurat fuq l-investiment u l-prezz tax-xiri għoli assigurat mill-PPAs poġġew lill-produtturi tal-enerġija li kienu joperaw taħt PPA f’sitwazzjoni ekonomika aktar vantaġġjuża mill-produtturi l-oħra tal-enerġija li ma kinux partijiet f’PPA, fosthom operaturi ġodda possibbli fis-suq u kumpaniji f’setturi oħra komparabbli li fihom dawn it-tip ta’ ftehimiet fuq perjodu fit-tul lanqas biss ġew offruti lill-partijiet fis-suq. Għalhekk, fuq bażi preliminari, il-miżura nstabet li kienet tagħti vantaġġ selettiv lil dawk il-produtturi tal-enerġija.

(78)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li s-swieq tal-elettriku kienu nfetħu għall-kompetizzjoni u li l-elettriku kien ġie nnegozjat bejn l-Istati Membri tal-anqas mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku. (32) Il-miżuri li jiffavorixxu kumpaniji partikolari fis-settur tal-enerġija fi Stat Membru partikolari għalhekk kienu kkunsidrati bħala li jistgħu jimpedixxu l-possibilità għal kumpaniji minn Stati Membri oħra sabiex jesportaw l-elettriku lejn dak l-Istat Membru, jew li jiffavorixxu l-esportazzjoni tal-elettriku minn dak l-Istat Membru lejn Stati Membri oħra.

(79)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll il-fehma li dan il-vantaġġ ħareġ mill-użu ta’ riżorsi statali, billi d-deċiżjoni li jiġu ffirmati l-PPAs kienet konsegwenza ta’ politika statali implimentata permezz tal-kummerċjant ta’ utilitajiet pubbliċi proprjetà tal-Istat, MVM. Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (“Qorti tal-Ġustizzja”), meta kumpanija proprjetà tal-Istat tuża l-fondi tagħha b’mod li jkun imputabbli lill-Istat, dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. (33)

(80)

Il-Kummissjoni għalhekk waslet għall-konklużjoni preliminari li l-PPAs kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-produtturi tal-enerġija fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, billi dik l-għajnuna kienet “għadha tapplika wara” fit-tifsira tal-Anness IV, paragrafu 3, sub-paragrafu 1(c) tat-Trattat tal-Adeżjoni.

Il-kompatibilità tal-PPAs mat-Trattat tal-KE

(81)

Il-Kummissjoni sostniet ukoll li għandha tintuża l-Metodoloġija biex tiġi analizzata l-għajnuna mill-Istat riċevuta mill-produtturi tal-enerġija. Fuq il-bażi tad-dokumenti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibilità tal-PPAs mal-kriterji stipulati fil-Metodoloġija.

(82)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha dubji li l-istess prinċipji li jirregolaw PPA li joħolqu ostaklu għall-kompetizzjoni ħielsa fis-suq jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-objettiv fundamentali tal-Metodoloġija, li jassistu permezz ta’ għajnuna mill-Istat l-liberalizzazzjoni tas-settur billi jagħtu kumpens adegwat lil dawk li diġà kienu fis-suq li jiffaċċjaw kundizzjonijiet ġodda ta’ kompetizzjoni.

(83)

It-tieni, il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha jekk l-element ta’ għajnuna mill-Istat inkluż fil-PPAs kienx kompatibbli mal-kriterji dettaljati tal-Metoloġija fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli li ma jistgħux jiġu rkuprati u l-istabbiliment tal-kumpens adegwat.

3.2.   Digriet tal-Gvern Nru 183/2002 (VIII.23.) dwar l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati

(84)

Sabiex jippermetti lil MVM tonora l-PPAs tagħha u, fl-istess ħin, iżomm il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fis-segment tal-utilità pubblika bejn wieħed u ieħor fil-livell tal-prezz tas-suq ħieles, id-Digriet tal-Gvern 183/2002 (VIII.23.) ipprovda għall-ħlas ta’ kumpens Statali lil MVM f’ċerti ċirkustanzi.

(85)

Fin-notifika inizjali tagħhom tal-każ HU 1/2004 (irtirat fit-13 ta’ April 2005), l-awtoritajiet Ungeriżi ħassew li dan il-kumpens kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil MVM.

(86)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta’ Ftuħ, madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlasijiet ta’ kumpens ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil MVM, iżda li l-ammont riċevut taħt id-Digriet tal-Gvern 183/2002 (VIII.23.) kien jifforma parti mill-prezz tax-xiri li ħallset MVM lill-impjanti tal-elettriku taħt PPA u għalhekk kien jikkostitwixxi parti mill-vantaġġ li l-produtturi rċevew mill-PPAs.

(87)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-PPAs biss u mhux dwar id-Digriet tal-Gvern 183/2002 (VIII.23.).

4.   KUMMENTI MILL-UNGERIJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ

(88)

L-Ungerija tesprimi l-fehma tagħha li valutazzjoni individwali tal-PPAs tidher li hija ġġustifikata minħabba d-differenzi fit-termini u l-kundizzjonijiet eżatti tagħhom.

(89)

Dwar il-ftuħ tas-suq Ungeriż tal-elettriku, l-Ungerija tqis li dan kien suċċess (jiġifieri konformi mal-medja Ewropea) f’termini tan-numru ta’ konsumaturi li qalbu għas-suq ħieles. L-Ungerija tikkonkludi li l-PPAs ma ħolqux ostakolu għall-konsumaturi sabiex jaqilbu għas-suq ħieles. Tali ostakli huwa aktar probabbli li jkun ikkostitwit mill-kapaċità transkonfinali limitata tal-Ungerija u għalhekk il-prezzijiet għolja.

(90)

L-Ungerija tħoss ukoll li n-natura fuq perjodu fit-tul tal-PPAs ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv għall-produtturi billi kuntratti fuq perjodu fit-tul bħal dawn huma mxerrdin fis-settur tal-elettriku kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti oħra.

(91)

Fir-rigward tal-prezz ta’ referenza msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, l-awtoritajiet Ungeriżi jissuġġerixxu li l-Kummissjoni għandha tqis l-karatteristiċi speċifiċi reġjonali tal-Ungerija u ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-fjuwil meta tistabbilixxi prezz ta’ referenza.

(92)

Dwar l-operaturi ġodda fis-suq tal-elettriku, l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni li ma kien hemm ħadd mill-1 ta’ Mejju 2004 (id-data li fiha l-Ungerija ssieħbet fl-UE u d-data li fiha s-suq tal-elettriku ġie lliberalizzat). L-awtoritajiet Ungeriżi jindikaw in-natura fit-tul ta’ investiment bħal dan u, minħabba f’hekk, l-improbabbiltà li kwalunkwe investiment ikun operattiv qabel l-2011.

(93)

Fl-aħħar nett, b’risposta għad-dubji tal-Kummissjoni rigward il-kompatibilità tal-PPAs mal-punt 4.6 tal-Metodoloġija, l-Ungerija tikkonferma li hija mhi ser tagħti l-ebda għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji li qegħdin jibbenefikaw mill-PPAs taħt eżami.

5.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(94)

Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura (21 ta’ Diċembru 2005), u sad-data tal-għeluq rilevanti (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet wara estensjoni tad-data tal-għeluq mitluba mill-partijiet interessati u aċċettata mill-Kummissjoni), il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand:

—

il-kumpaniji segwenti li jipproduċu l-elettriku: AES-Tisza Erőmű Rt., Budapesti Erőmű Zrt., Csepeli Áramtermelő Rt., Dunamenti Erőmű Zrt. u l-azzjonist prinċipali tagħha, Electrabel S.A., u Mátrai Erőmű Rt.;

—

il-banek li ġejjin li pprovdew finanzjament lill-produtturi tal-elettriku: Bank […], li aġixxa bħala Aġent tal-Faċilitajiet f’isem tnax-il bank, li sellfu lil Csepeli Áramtermelő Kft. u l-Bank […] li aġixxa bħala Aġent tal-Faċilitajiet f’isem disa’ istituzzjonijiet bankarji, li sellfu lil AES-Tisza Erőmű Kft.; u

—

MVM; u

—

terza parti li talbet sabiex l-identità tagħha ma tkunx żvelata.

(95)

Ħafna mill-kummenti sottomessi lill-Kummissjoni mill-partijiet isegwu linji ta’ argument simili ħafna. Għal dik ir-raġuni, minflok tiddeskrivi l-kummenti ta’ kull parti interessata separatament, il-Kummissjoni ġabrithom flimkien f’kategoriji ġenerali (ara l-punti 5.1 sa 5.7 hawn taħt).

5.1.   Kummenti dwar il-valutazzjoni individwali tal-PPAs

(96)

L-impjant tal-enerġija ta’ Mátra u parti oħra interessata li talbet sabiex l-identità tagħha ma tiġix żvelata esprimew il-fehma li l-PPAs għandhom jiġu vvalutati b’mod individwali mill-Kummissjoni minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-kontenut eżatt tagħhom. Produtturi oħra tal-enerġija talbu impliċitament valutazzjoni individwali tal-PPA billi taw lill-Kummissjoni dettalji tat-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-PPA tagħhom.

5.2.   Kummenti dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

Iż-żmien rilevanti tal-valutazzjoni

(97)

AES-Tisza Erőmű, Budapesti Erőmű, Csepeli Áramtermelő u Dunamenti Erőmű jargumentaw li l-kriterji għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fiż-żmien tal-konklużjoni tal-PPAx għandhom jiġu vvalutati fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tas-suq li kienu prevalenti f’dak iż-żmien. Uħud mill-kummenti jsemmu dan ir-rekwiżit b’mod espliċitu, filwaqt li oħrajn jimplikawh billi jirreferu għaċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tal-PPAs fil-valutazzjoni tagħhom tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Saret referenza għall-każistika tal-Qorti f’dan ir-rigward (34).

Ebda vantaġġ ekonomiku

(i)   Prezz ta’ referenza żbaljat/Ebda prezzijiet vantaġġjużi

(98)

Il-produtturi kollha tal-enerġija jargumentaw li l-PPAs ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku.

(99)

Huma jikkritikaw is-sejba preliminari tal-Kummissjoni li l-prezzijiet stabbiliti taħt il-PPAs huma ogħla mill-prezzijiet tas-suq tal-produtturi.

(100)

Huma jargumentaw li l-prezz ta’ referenza ta’ EUR 36/MWh użat f’deċiżjonijiet oħra u msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ mhuwiex adattat f’din il-proċedura billi huwa joriġina minn kuntest ġeografiku u temporali kompletament differenti. Huma jsostnu li l-valutazzjoni tal-prezz għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi prevalenti fiż-żmien tal-konklużjoni tal-PPAs. Huma jisħqu wkoll li l-prezzijiet taħt kwalunkwe ftehim fuq perjodu fit-tul dejjem se jkunu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq fil-mument. Barra minn hekk, il-produtturi li jipprovdu prinċipalment lil MVM b’elettriku ta’ lowd massima jargumentaw ukoll li l-prezzijiet tagħhom ma jistgħux jiġu mqabbla mal-prezzijiet tal-lowd bażi. Ħafna minnhom jissuġġerixxu li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra ż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-fjuwil f’dawn l-aħħar snin.

(101)

Ħafna mill-produtturi jargumentaw li r-rata ta’ profitt attwali tagħhom kienet aktar baxxa mir-rati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ.

(102)

Il-produtturi jenfasizzaw ukoll li huma ma jerfgħux riskji importanti (kuntrarju għal dak li huwa suġġerit fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ), b’mod partikolari riskji ta’ kostruzzjoni, regolatorji, ambjentali, ta’ manutenzjoni u fiskali/finanzjarji. Ir-regolazzjoni tal-prezzijiet ġiet imsemmija bħala waħda mill-kategoriji prinċipali tar-riskji regolatorji. Il-produtturi jqisu wkoll li ż-żamma ta’ parti sinifikanti mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom minn MVM tikkostitwixxi żvantaġġ, billi timpedihom milli jużaw dawn il-kapaċitajiet biex jipproduċu enerġija għal klijenti oħra potenzjali. Aktar minn hekk, il-PPAs jipprovdu għal obbligi ċari fuq il-produtturi li, jekk il-produtturi ma jirrispettawhomx, iwasslu għal ħlasijiet aktar baxxi jew għal talbiet għad-danni.

(103)

[…] sostniet li wieħed mill-vantaġġi miksub mill-Ungerija b’riżultat tal-PPAs kienu s-servizzi affidabbli ta’ bbilanċjar li setgħu jiġu offruti biss minnha nfisha u Dunamenti Erőmű. Dan il-produttur sostna li huwa ma kienx jidħol fis-suq u joffri dawn is-servizzi mingħajr PPA.

(104)

L-impjant tal-enerġija ta’ Mátra jargumenta li huwa għandu spejjeż baxxi għax-xogħol fil-minjieri minħabba li għandu l-minjiera tal-faħam tiegħu stess, li tippermettilu li joffri prezzijiet kompetittivi ħafna. Huwa jargumenta li l-prezzijiet tiegħu huma saħansitra aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ MVM, kuntrarju għal prezzijiet oħra taħt PPA.

(ii)   Il-prezz tal-privatizzazzjoni

(105)

L-impjant tal-enerġija ta’ Dunament jargumenta li huwa ma kiseb l-ebda vantaġġ mill-PPA billi huwa ħallas il-valur tas-suq għall-privatizzazzjoni u l-prezz tax-xiri ħa inkonsiderazzjoni d-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt il-PPA. Għaldaqstant, huwa ħallas għall-PPA (u għal kwalunkwe vantaġġ li dan seta’ jagħtih) fil-prezz tal-privatizzazzjoni.

(iii)   Il-prinċipju tal-investitur fis-suq

(106)

L-impjanti tal-enerġija ta’ Budapest, AES-Tisza, Mátra u Csepel jargumentaw li l-PPAs jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien ta’ meta ġew konklużi, kemm għal MVM kif ukoll għall-produtturi. Rigward MVM, huma jargumentaw li kwalunkwe operatur privat fil-pożizzjoni ta’ MVM (obbligu legali tas-sigurtà tal-provvista bħala xerrej waħdieni, eċċ.) kien jagħżel li jidħol fil-PPAs. Fil-każ tal-produtturi nfushom, huma jargumentaw li l-“vantaġġ” tagħhom mill-PPAs ma jmurx lil hinn minn dak li għandu jitqies bħala vantaġġ kummerċjali normali għal kwalunkwe parti fi ftehim kummerċjali. Fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom, fis-settur ikkonċernat, il-PPAs kienu jirriflettu l-kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, il-PPAs jirrappreżentaw metodi kummerċjali normali tan-negozju u forma normali ta’ allokazzjoni u ġestjoni tar-riskju.

(107)

Il-PPAs kienu l-uniku mod kif jiġu assigurati investimenti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur tal-elettriku fl-Ungerija (b’mod partikolari, l-immodernizzar tas-sistema sħiħa, il-ħarsien tal-ambjent u s-sigurtà tal-provvista). L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat għandha twassal għall-konsiderazzjoni ta’ dawk il-ħtiġijiet, u l-uniku mod kif jintlaħqu r-rekwiżiti kienu l-PPAs. Il-partijiet interessati jinnotaw li l-PPAs jimponu obbligi ta’ investiment u disponibilità fuq il-produtturi tal-enerġija.

(iv)   Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali

(108)

L-impjanti tal-enerġija ta’ Budapest u Csepel jargumentaw li l-produtturi li huma parti fil-PPAs jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”). Fl-opinjoni tagħhom, il-PPAs iservu bħala strument biex MVM taqdi l-obbligu tagħha ta’ sigurtà tal-provvista u għalhekk jissodisfaw obbligu ta’ servizz pubbliku. L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta li jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li fil-fatt huwa l-impjant tal-enerġija ta’ Budapest innifsu li jrid jaqdi obbligu ta’ servizz pubbliku impost fuqu mill-PPAs tiegħu. Iż-żewġ partijiet interessati jirreferu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 fil-kawża dwar għajnuna mill-Istat N475/2003 (Irlanda) (35) li fiha l-Kummissjoni aċċettat li l-bini ta’ kapaċità ġdida ta’ produzzjoni sabiex tassigura s-sigurtà tal-provvista jista’ jitqies bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(109)

Il-partijiet interessati huma tal-opinjoni li, bħal fil-każ tal-Irlanda, l-għajnuna mill-Istat taħt il-PPAs - jekk teżisti - tissodisfa l-erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża C-280/00 (“is-sentenza Altmark”) (36). Huma jargumentaw hekk:

(110)

L-ewwel nett, mill-Atti Ungeriżi dwar l-Enerġija ħareġ li MVM kellha diversi obbligi ta’ servizz pubbliku, bħalma huma s-sigurtà tal-provvista bl-inqas prezz possibbli, il-ħarsien tal-ambjent u l-effiċjenza. L-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ MVM għalhekk huma definiti b’mod ċar bil-liġi u l-produtturi tal-enerġija li huma partijiet għall-PPAs huma fdati li jipprovdu s-SGEI;

(111)

It-tieni, il-kumpensi kienu stabbiliti bil-quddiem mid-digrieti tal-gvern dwar il-prezzijiet u mill-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs. Il-kumpensi għalhekk jistgħu jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ parametri oġġettivi u trasparenti;

(112)

It-tielet, il-kumpens imħallas fuq il-bażi tal-PPAs ma jaqbiżx l-ispejjeż tas-SGEI pprovdut. Il-PPAs huma bbażati strettament fuq l-ispejjeż u l-marġini ta’ profitt ma jaqbżux il-marġini normali ta’ profitt fis-suq. Dan huwa assigurat mill-fatt li, kif jargumenta l-impjant tal-enerġija ta’ Budapest, il-PPAs tiegħu ngħataw b’sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti (ara taħt). L-impjanti tal-enerġija nbiegħu lill-appaltatur bl-ogħla offerta u l-aħjar pjan tan-negozju. Mill-proċedura tal-offerti joħroġ li l-kumpens taħt il-PPAs ma jistax jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż kollha li jsiru fit-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku u marġini raġonevoli ta’ profitt;

(113)

Ir-raba’, l-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta li l-PPAs nbiegħu kollha b’mod miftuħ u trasparenti, jew bħala parti integrali mill-proċess ta’ privatizzazzjoni jew għalihom. L-impjant tal-enerġija ta’ Csepel jargumenta li għalkemm l-impjant ma ntgħażilx fuq il-bażi ta’ offerta pubblika, huwa xorta waħda għadu jirċievi kumpens li huwa limitat sabiex ikopri l-ispejjeż u marġinu raġonevoli ta’ profitt. Il-mekkaniżmi tal-ipprezzar jassiguraw li jiġi evitat kumpens żejjed.

(114)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-partijiet interessati jikkonkludu li l-PPAs jissodisfaw l-erba’ kriterji kumulattivi msemmija fis-sentenza Altmark u għalhekk ma jikkostitwux għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(115)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta wkoll li anki jekk il-PPAs ma jitqiesux li jissodisfaw l-erba’ kriterji kumulattivi tas-sentenza Altmark, huma xorta jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE. Il-parti interessata tesprimi l-fehma tagħha li l-impatt tal-PPAs tagħha fuq l-għeluq qabel tas-suq tal-elettriku Ungeriż huwa negliġibbli, billi huma jkopru biss 3 % tal-konsum tal-elettriku fl-Ungerija. Barra minn hekk, għal raġunijiet tekniċi, kienet impossibbli żieda fl-importazzjoni tal-elettriku fiż-żmien li ġew konklużi l-PPAs. Għalhekk, il-PPAs tiegħu ma setax kellhom impatt ħażin fuq in-negozju. Fil-kummenti tagħha, il-parti interessata tenfasizza wkoll l-importanza tat-teknoloġija tagħha ta’ koproduzzjoni għat-tisħin tad-distrett, li tissodisfa l-miri tal-politika dwar l-enerġija u dik ambjentali tal-UE.

(116)

L-impjant tal-enerġija ta’ Mátra jargumenta li huwa kien meħtieġ li jirriżerva ċerta kapaċità minima għal MVM sabiex tkun assigurata l-provvista tal-enerġija fis-suq Ungeriż billi jintużaw riżorsi ta’ faħam indiġenu. Huwa jargumenta li, b’konformi mal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar l-Elettriku (37), l-għajnuna mill-Istat għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni meta, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, hija tiffinanzja l-produzzjoni ta’ elettriku minn faħam indiġenu.

(v)   L-ebda vantaġġ fit-tul ta’ żmien

(117)

L-impjanti tal-enerġija ta’ Csepel, Mátra u Budapest jargumentaw li l-perjodu twil ta’ kuntratt m’għandux jiġi interpretat bħala vantaġġ fih innifsu. L-impjant tal-enerġija ta’ Csepel isostni li fi ftehim fuq perjodu fit-tul, iż-żewġ partijiet iħallsu prezz għaċ-ċertezza li l-perjodu fit-tul joffri. Il-produtturi tal-enerġija jaqblu li joffru prezz aktar baxx mill-prezz tas-suq ta’ dak il-ħin u li jkunu marbuta bil-prezz maqbul, ikunu xi jkunu l-prezzijiet ta’ dak il-ħin. Huma jiftiehmu wkoll li jirriżervaw il-kapaċitajiet tagħhom għal kumpanija waħda għall-perjodu sħiħ tal-ftehim. Huwa argumentat li l-ftehimiet fuq perjodu fit-tul għalhekk jirrappreżentaw bilanċ tar-riskji ekonomiċi u opportunitajiet għaż-żewġ partijiet u ma jistgħux jitqiesu bħala vantaġġ biss.

(118)

Fuq il-bażi tal-argumenti ta’ hawn fuq, il-produtturi kollha tal-enerġija jikkonkludu li l-PPAs ma jagħtuhomx vantaġġ ekonomiku u għalhekk ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Is-selettività

(119)

AES-Tisza targumenta li l-PPAs ma jipprovdux vantaġġ selettiv. Il-parti interessata tirreferi għall-eżistenza ta’ ftehimiet fuq perjodu fit-tul fis-settur kollu tal-elettriku, mhux biss bejn il-produtturi u MVM iżda wkoll bejn MVM u l-kumpaniji tad-distribuzzjoni u bejn il-fornituri tal-fjuwil u l-produtturi tal-elettriku, kif ukoll għall-importazzjoni tal-elettriku. Għal dak li jirrigwarda l-produtturi, l-Att I dwar l-Enerġija (mill-1994) u d-Digriet tal-Gvern 34/1995 kienu jeħtieġu espliċitament lill-produtturi jikkonkludu ftehim għax-xiri tal-enerġija ma’ MVM sabiex jiksbu liċenzja għall-kostruzzjoni u l-operat. Għaldaqstant, il-produtturi kollha kellhom ftehimiet ma’ MVM u l-impjanti rinnovabbli u ta’ koġenerazzjoni biss seta’ jkollhom ftehimiet għal perjodu iqsar, billi dawn il-produtturi għandhom garanziji legali differenti (eż. xiri obbligatorju).

Trasferiment ta’ riżorsi Statali

(120)

L-impjant tal-enerġija ta’ Mátra jsostni li l-prezz biss jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fil-PPAs. It-tul tal-PPAs u l-volumi tal-bejgħ iggarantiti ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat minħabba li anki jekk jagħtu vantaġġ, dawn ma jwasslux għat-trasferiment ta’ riżorsi Statali. It-tielet parti tikkonkludi li minħabba l-prezzijiet kompetittivi ħafna tal-impjant tal-enerġija ta’ Mátra (ara (i) hawn fuq), m’hemm assolutament l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat fil-PPA tagħha.

Imputabilità lill-Istat

(121)

Il-kumpanija AES-Tisza targumenta li l-prezzijiet tal-PPA huma imputabbli mhux lill-Istat iżda lill-partijiet fil-PPAs. AES-Tisza tikkritika l-valutazzjoni tal-imputabilità fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ billi din tikkonċentra biss fuq l-imputabilità lill-Istat tal-konklużjoni attwali tal-PPAs u mhux fuq l-imputabilità tal-iffissar tal-prezzijiet, filwaqt li fl-istess ħin il-Kummissjoni targumenta li l-vantaġġ inġust huwa assigurat mill-prezzijiet vantaġġjużi. Wara l-perjodu ta’ ffissar ċentrali tal-prezzijiet (jiġifieri wara Jannar 2004, u bl-eċċezzjoni tal-2007), il-prezzijiet kienu nnegozjati bejn MVM u l-produtturi tal-enerġija u ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat.

Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq in-negozju bejn l-Istati Membri

(122)

L-impjanti tal-enerġija ta’ AES-Tisza, Budapest u Csepel jikkontestaw l-effetti distortivi tal-PPAs u l-potenzjal tagħhom li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(123)

L-ewwel nett, l-impjanti tal-enerġija inkwistjoni jsostnu li dan il-kriterju għandu jiġi valutat ukoll fid-dawl taż-żmien li fih ġew konklużi l-PPAs. Dak iż-żmien l-Ungerija ma kinitx parti mill-UE u s-suq tagħha tal-elettriku ma kienx liberalizzat. Għaldaqstant, huwa argumentat li l-PPAs ma setgħux b’definizzjoni jikkawżaw distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq komuni.

(124)

It-tieni, huma jargumentaw li l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huma influwenzati minn fatturi differenti mill-PPAs. B’mod speċifiku, huma jsostnu li l-kapaċitajiet transkonfinali tal-Ungerija huma l-fattur prinċipali li jinfluwenza l-kummerċ bejn l-Ungerija u pajjiżi oħra. Dawn il-kapaċitajiet transkonfinali huma użati fil-massimu tagħhom. Huwa ċar, għalhekk, li l-kummerċ fl-elettriku huwa limitat minħabba l-kapaċitajiet transkonfinali limitati tal-Ungerija u mhux minħabba l-PPAs. Ġie argumentat li l-leġiżlazzjoni hija l-fattur l-ieħor li jinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Taħt il-liġi Ungeriża, il-produtturi tal-enerġija xorta ma kinux awtorizzati li jbigħu l-elettriku direttament barra l-pajjiż.

(125)

L-impjant tal-enerġija ta’ Csepel jargumenta li fi kwalunkwe każ huwa jbigħ l-elettriku fl-Ungerija biss, għalhekk il-PPA tiegħu ma jistax ikollu xi effett de facto fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membru.

(126)

Huwa argumentat ukoll li s-suq tal-elettriku Ungeriż infetaħ gradwalment għall-kompetizzjoni b’mod konformi mal-obbligi tal-UE. Perċentwali sinifikanti ta’ konsumaturi qalbu għas-segment tas-suq ħieles fi żmien qasir. Operaturi ġodda jkunu skoraġġiti milli jidħlu fis-suq tal-elettriku Ungeriż jew li jestendu l-preżenza tagħhom f’dak is-suq minħabba minħabba n-nuqqas ta’ previdibilità tal-profitti, u mhux minħabba l-eżistenza tal-PPAs. L-impjant tal-enerġija ta’ Csepel jargumenta li f’dawn l-aħħar snin fl-Ungerija nbnew impjanti tal-elettriku biss meta l-Istat offra xi forma ta’ stabilità u previdibilità ta’ profitt mill-proġett permezz ta’ ftehimiet fuq perjodu fit-tul jew fil-forma ta’ xiri obbligatorju, jew fejn l-użu ta’ kapaċitajiet ġodda kien iggarantit mid-domanda għall-attività ta’ distribuzzjoni integrata b’mod vertikali. Fi kwalunkwe każ, il-PPAs eżistenti ma kinux fattur li skoraġġixxa dħul ġdid.

(127)

Barra minn hekk huwa argumentat ukoll li ma hemm ebda domanda tas-suq fl-Ungerija għal kapaċitajiet addizzjonali. Dan jirriżulta mill-fatt li f’irkanti tal-elettriku minn MVM, maġġoranza kbira tal-kapaċitajiet offruti għall-bejgħ baqgħu mhux mibjugħa.

5.3.   L-applikabilità wara l-adeżjoni

(128)

Din l-osservazzjoni kienet sottomessa mill-impjant tal-enerġija ta’ Budapest,

(129)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta li l-PPAs ma jistgħux jitqiesu li “jkunu għadhom japplikaw” fit-tifsira tal-Anness IV, paragrafu 3, sub-paragrafu 1(c) għall-Att tal-Adeżjoni.

(130)

Il-parti interessata targumenta li b’konformi mal-prinċipju ġenerali tan-nonretroattività, il-miżuri li kienu stabbiliti skont il-liġi qabel l-adeżjoni m’għandhomx jerġgħu jiġu eżaminati mill-Kummissjoni wara l-adeżjoni. Billi r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss mid-data tal-adeżjoni, dawk il-miżuri ta’ għajnuna biss li jipprovdu benefiċċju addizzjonali wara l-adeżjoni jistgħu jiġu ddefiniti bħala applikabbli wara l-adeżjoni. Huma jargumentaw li l-PPAs ma jipprovdu ebda benefiċċju addizzjonali wara l-adeżjoni billi l-formuli tal-prezzijiet tagħhom kienu ddefiniti qabel l-adeżjoni, u għalhekk l-esponiment finanzjarju tal-Istat kien għal kollox magħruf qabel l-adeżjoni.

5.4.   Għajnuna eżistenti

(131)

Dan l-argument ġie sottomess mill-impjanti tal-enerġija ta’ Budapest, Csepel, AES-Tisza u Mátra u mill-Bank […].

(132)

Il-partijiet interessati jargumentaw li anki kieku wieħed kellu jaċċetta li l-PPAs kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, tali għajnuna mill-Istat għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Anness IV, paragrafu 3, sub-paragrafu 1(c) għall-Att tal-Adeżjoni. Huma esprimew il-fehma li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għall-miżura sal-perjodu ta’ 3 xhur mitlub mill-Att tal-Adeżjoni. L-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw il-miżura wara l-31 ta’ Marzu 2004. Il-partijiet isostnu li, wara skambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni ma tatx ir-reazzjoni tagħha għall-ittra tal-Ungerija tad-19 ta’ Ottubru 2004 fi żmien 3 xhur, biex hekk eskludiet il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala “għajnuna ġdida”.

(133)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest iqis ukoll li deċiżjoni li tistabbilixxi jekk għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni u li ssoktat wara l-adeżjoni għandhiex titqies bħala “għajnuna ġdida” jew “għajnuna eżistenti” m’għandhiex tkun ibbażata biss fuq l-Anness IV għall-Att tal-Adeżjoni. Skont l-impjant tal-enerġija ta’ Budapest, jekk tali għajnuna ma tikkwalifikax bħala għajnuna eżistenti skont l-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni, hija xorta għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 1(b)(ii)-(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(134)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 japplika għall-PPAs u li l-PPAs għalhekk jikkostitwixxu “għajnuna eżistenti”. Fil-fehma tiegħu, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 li tirreferi għal għajnuna ġdida ma tapplikax għal-PPAs għal tliet raġunijiet.

(135)

L-ewwel nett, fis-sentenza Alzetta Mauro (38), il-Qorti ddeċidiet li għajnuna li kienet teżisti f’ċertu suq li inizjalment ġie magħluq għall-kompetizzjoni qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu għandha titqies bħala għajnuna eżistenti miż-żmien tal-liberalizzazzjoni. Skont il-parti interessata, din is-sentenza hija bbażata direttament fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE, u għalhekk tieħu preċedenza fuq ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(136)

It-tieni, fi kwalunkwe każ, minħabba li r-Regolament (KE) Nru 659/1999 kien għadu ma daħalx fis-seħħ meta s-suq tal-elettriku ġie liberalizzat skont id-Direttiva 96/92/KE jew meta ġew iffirmati l-PPAs, kienu japplikaw ir-regoli kif stipulati fis-sentenza Alzetta Mauro, mhux ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999.

(137)

It-tielet, tqabbil tal-formulazzjoni tal-kategoriji differenti fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 iwassal għall-konklużjoni li l-Artikolu 1(b)(v) japplika biss għal skemi ta’ għajnuna mill-Istat, billi l-għajnuna individwali mhijiex imsemmija b’mod espliċitu.

(138)

Mill-banda l-oħra, AES-Tisza targumenta li kieku l-PPAs kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida, f’dak il-każ tali klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

5.5.   Ftehimiet privati konklużi b’mod validu ma jistgħux jintemmu mill-Kummissjoni (“pacta sunt servanda”) - Inċertezza legali

(139)

Dawn l-argumenti ġew sottomessi mill-impjanti tal-enerġija ta’ Budapest u AES-Tisza u l-Bank […].

(140)

Il-partijiet jisħqu li huma daħlu fil-PPAs b’intenzjonijiet tajba fiċ-ċirkustanzi tas-suq li kienu prevalenti f’dak iż-żmien. Huma aċċettaw obbligi kbar ta’ investiment merfugħa minn istituzzjonijiet tal-kreditu permezz ta’ ftehimiet ta’ finanzjament. Fl-opinjoni tagħhom, l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jwasslu għal inċertezza legali sinifikanti li għandha tiġi evitata. AES-Tisza tqajjem dubji dwar id-dritt tal-Kummissjoni li ttemm, fuq il-bażi tar-regoli dwar l-għajnuniet Statali u, b’mod aktar ġenerali, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat tal-KE, ftehimiet kummerċjali konklużi b’mod validu (39).

5.6.   Il-proporzjonalità

(141)

L-impjant tal-enerġija AES-Tisza jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proporzjonalità tat-talba tal-Kummissjoni sabiex ittemm il-PPAs u jirreferi għall-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid tal-ftehimiet mill-partijiet.

5.7.   Kummenti dwar il-kompatibilità tal-PPAs mas-suq komuni

(142)

Il-kumpaniji Csepel u AES-Tisza jsostnu li l-PPAs ma kinux imfassla sabiex ikunu skema ta’ kumpens u għalhekk mhuwiex xieraq li dawn jiġu mqabbla mal-Metodoloġija. Fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom, il-PPAs ma setgħux jinftehmu bħala kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati billi l-Metodoloġija lanqas biss kienet teżisti f’dak iż-żmien. Fl-opinjoni tagħhom, l-użu tal-Metodoloġija huwa xieraq biss f’sitwazzjoni fejn il-PPAs kienu ntemmu qabel.

(143)

Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-PPA ta’ Csepel, il-Bank […] jargumenta li l-konsiderazzjoni mħallsa taħt il-PPA hija limitata biex tkopri l-ispejjeż li fil-fatt huma eliġibbli taħt il-Metodoloġija (jiġifieri l-ispejjeż fissi, l-ispejjeż varjabbli u marġinu raġonevoli ta’ profitt). Huwa jsostni li l-PPA ta’ Csepel ma jipprovdix għal kumpens li jaqbeż l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati eliġibbli.

(144)

Csepel targumenta wkoll li l-PPAs jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE billi jikkontibwixxu b’mod sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fl-Ungerija u, b’mod aktar ġenerali, għall-iżvilupp globali tal-ekonomija Ungeriża.

(145)

Il-kumpanija AES-Tisza tissuġġerixxi (mingħajr ma tagħti raġunijiet dettaljati) li l-PPAs għandhom jitqiesu bħala li jassiguraw l-investiment f’reġjun tal-Artikolu 87(3)(a).

(146)

Barra minn hekk, AES-Tisza tinnota li n-nuqqas ta’ ċarezza tad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fir-rigward tal-prezz tas-suq “ta’ referenza” li kellu jintuża, it-tifsira ta’ “investiment ineffiċjenti” u x-xenarji ekonomiċi u l-perjodi taż-żmien applikaw għall-valutazzjoni tal-kompatibilità mas-suq komuni mill-Kummissjoni.

6.   IT-TWEĠIBA MILL-UNGERIJA DWAR IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(147)

B’reazzjoni għall-kummenti tal-impjant tal-enerġija ta’ Csepel, l-Ungerija ssostni li, kuntrarju għal dak li jista’ jinftiehem mill-kummenti ta’ Csepel, il-PPA tiegħu jinkludi kwantitajiet minimi ggarantiti ta’ xiri.

(148)

Rigward l-argument ta’ Dunament li hija ma tistax tirrifjuta produzzjoni taħt kundizzjonijiet iddettati minn MVM anki għad-detriment tal-bejgħ fis-suq ħieles ta’ Dunament, l-awtoritajiet Ungeriżi jirrimarkaw li fl-2006, MVM bdiet it-twaqqif tal-PPAs fir-rigward tal-blokok 4 F li, konsegwentement, setgħu kkompetew direttament fis-suq tas-servizzi tas-sistema. Madankollu, Dunament irrifjutat li tieħu din l-opportunità.

(149)

Dwar il-kummenti ta’ AES-Tisza li l-produtturi mingħajr PPA investew prinċipalment jekk kienu jaqgħu taħt il-garanzija tax-xiri obbligatorju, l-awtoritajiet Ungeriżi jsostnu li impjanti importanti tal-enerġija u blokok ta’ impjanti tal-enerġija jbigħu l-elettriku fis-suq ħieles mingħajr kemm il-PPAs kif ukoll ix-xiri obbligatorju (pereżempju l-blokka G1 ta’ Dunament, l-impjant tal-enerġija ta’ Vértes u l-blokok I-II ta’ Mátra).

(150)

L-Ungerija tisħaq ukoll li, kuntrarju għall-kummenti ta’ AES-Tisza, il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ MVM hija limitata wkoll mill-PPAs infushom (il-formuli tal-prezzijiet u l-ammonti garantiti ta’ xiri).

7.   VALUTAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

7.1.   Għajnuna illegali

(151)

L-għajnuna kontenuta fil-PPAs ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skont ir-regoli proċedurali dwar l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna għalhekk tikkostitwixxi għajnuna illegali.

7.2.   Kumment ġenerali dwar il-valutazzjoni individwali tal-PPAs

(152)

Fil-kummenti tagħhom, ċerti partijiet interessati u l-awtoritajiet Ungeriżi ssuġġerew li l-PPAs għandhom jiġu vvalutati b’mod individwali minħabba d-differenzi fit-termini u l-kundizzjonijiet eżatti tagħhom.

(153)

Din id-Deċiżjoni tkopri l-PPAs kollha bejn MVM u l-produtturi tal-enerġija li kienu fis-seħħ meta l-Ungerija daħlet fl-UE (ara l-premessi 44 u 45 aktar ‘il fuq). Il-Kummissjoni tqis li l-prinċipji ta’ tmexxija tal-PPAs jippreżentaw similaritajiet li, fi proċedura dwar għajnuna mill-Istat, jiġġustifikaw il-valutazzjoni komuni tagħhom. Kif muri hawn isfel, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-vantaġġ prinċipali li joħroġ mill-PPAs huwa komuni għalihom kollha, u li d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħhom fil-perjodu 1995-2001 segwiet l-istess miri ta’ politika u l-istess tip ta’ soluzzjoni. F’termini konkreti, ilkoll jipprovdu għal obbligu ta’ xiri min-naħa ta’ MVM - għal perjodu li jkopri parti sostanzjali mill-ħajja tal-assi - ta’ kapaċitajiet riżervati u kwantità garantita, b’mekkaniżmu ta’ pprezzar li jippermetti lill-produtturi jkopru l-ispejjeż fissi u varjabbli tagħhom. Barra minn hekk, il-kriterji l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jippreżentaw ukoll similaritajiet li jiġġustifikaw il-valutazzjoni komuni tagħhom. Is-selettività tagħhom hija bbażata fuq l-istess prinċipji; il-kwistjoni ta’ jekk il-PPAs iwasslux għal trasferiment ta’ riżorsi Statali teħtieġ fil-biċċa l-kbira l-istess valutazzjoni għal kull wieħed minnhom; u l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ isegwi wkoll l-istess valutazzjoni ekonomika u jrid jikkunsidra wkoll il-koeżistenza tal-PPAs fis-suq Ungeriż. Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-opinjoni li sabiex din id-deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat tirrifletti bi preċiżjoni r-realtà tas-suq tal-produzzjoni tal-enerġija Ungeriż, il-PPAs iridu jiġu vvalutati flimkien, b’deċiżjoni waħda li tagħlaq il-proċedura.

(154)

Dan l-approċċ komprensiv ma jimpedix lill-Kummissjoni milli tikkunsidra d-differenzi li fil-fatt jeżistu bejn il-PPAs inkwistjoni. Din id-Deċiżjoni għalhekk tippreżenta d-differenzi bejn il-PPAs fejn dawn id-differenzi jkunu rilevanti għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni.

7.3.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(155)

Hawn taħt il-Kummissjoni tanalizza kull wieħed mill-erba’ kriterji kumulattivi li jinkludu d-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE: l-involviment ta’ riżorsi statali, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, is-selettività tal-vantaġġ, u l-impatt fuq il-kummerċ.

Iż-żmien rilevanti tal-valutazzjoni

(156)

Fil-kummenti tagħhom, il-partijiet interessati argumentaw (b’referenza għal diversi kriterji ta’ valutazzjoni) li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra biss il-kriterji prevalenti meta ġew iffirmati l-PPAs. Is-sejbiet ta’ din l-analiżi mbagħad għandhom jiġu estiżi għall-perjodu kollu tal-PPAs. F’dan ir-rigward, l-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jirreferi għall-avviż tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (40).

(157)

Meta tistabbilixxi ż-żmien rilevanti tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel trid tikkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Ungerija fl-UE, ir-Regolament Proċedurali u l-każistika tal-Qorti.

(158)

Il-parti rilevanti tal-Anness IV għat-Trattat tal-Adeżjoni taqra kif ġej:

“ANNESS IV

Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22 tal-Att tal-Adeżjoni

(…)

3.   Il-Politika dwar Il-kompetizzjoni

1.

L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data tal-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu mal-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE:

(a)

miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994;

(b)

miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

(c)

miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data tal-adeżjoni kienu vvalutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat tal-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli mal-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data tal-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha mal-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopjiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn qabel la japplikaw għall-għajununa fis-settur tat-trasport, u lanqas għall-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni, ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti elenkati fl-Anness I mat-Trattat tal-KE bl-eċċezzjoni ta’ prodotti tas-sajd u ta’ prodotti li ġejjin minnhom.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn qabel għandhom ikunu wkoll mingħajr preġudizzju għall-miżuri transitorji li għandhom x’jaqsmu mal-Politika dwar il-Kompetizzjoni stipulati f’dan l-Att.”

(159)

Il-parti rilevanti tal-Artikolu 1 tar-Regolament Proċedurali taqra hekk:

“(b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfissser:

(i)-(iv)

[…]

(v)

għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mil-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.

(c)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

(160)

Mid-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li miżuri li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fiż-żmien li fih ingħataw jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, isiru miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-klassifikazzjoni tal-miżura li ssir għajnuna mill-Istat bħala għajuna eżistenti jew ġdida.

(161)

Għalkemm huwa minnu li, meta tanalizza l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’każ speċifiku, il-Kummissjoni trid tivvaluta s-sitwazzjoni prevalenti fiż-żmien li fih daħlet fis-seħħ il-miżura, dan ma jfissirx li l-valutazzjoni tal-erba’ kriterji fid-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għandha f’kull ċirkustanza tkun limitata biss għaż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna.

(162)

Mill-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Proċedurali, jidher ċar li hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall-evoluzzjoni tas-suq ħieles jew il-liberalizzazzjoni ta’ settur, fejn iseħħu bidliet ekonomiċi u legali sostanzjali f’settur jew f’diversi setturi tal-ekonomija u fejn, minħabba dawk il-bidliet, miżura li għall-ewwel ma kinitx taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 87 tat-Trattat tista’ taqa’ taħt il-kontroll tal-għajnuna mogħtija mill-Istat. Meta jiġi liberalizzat settur tal-ekonomija, iż-żamma tal-miżuri kollha li ma kinux jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat minħabba l-kundizzjonijiet sostanzjalment differenti tas-suq fiż-żmien meta ngħataw, iżda li mil-liberalizzazzjoni jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ għajnuna mill-Istat, tkun de facto qiegħda tipperpetwa parti kbira miċ-ċirkustanzi tas-suq ta’ qabel il-kompetizzjoni. Dan imur kontra l-intenzjoni preċiża li tintemm sitwazzjoni mhux kompetittiva bħal din f’suq, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Istat Membru li jilliberalizza s-settur partikolari. L-għan tad-dispożizzjonijiet speċjali li bihom miżura tista’ ssir għajnuna mill-Istat huwa li jiġi evitat it-titwil ta’ kwalunkwe miżura li, għalkemm ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi u legali preċedenti, tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-atturi fil-kundizzjonijiet ġodda tas-suq (41).

(163)

Il-kwistjoni dwar jekk tali għajnuna mill-Istat għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti jew ġdida għandha tiġi vvalutata separatament ladarba l-Kummissjoni tkun stabbiliet l-eżistenza jew le ta’ għajnuna mill-Istat.

(164)

L-ekonomija Ungeriża għaddiet minn tibdil drastiku fis-snin disgħin. Il-pajjiż ħa d-deċiżjoni li jissieħeb fl-UE, u sar Stat Membru sħiħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa kien jaf sewwa bl-obbligu tiegħu li jġib il-miżuri eżistenti tiegħu konformi mar-regoli dwar il-kompetizzjoni tas-suq intern li miegħu xtaq jissieħeb, billi l-Ftehim tal-Ewropa (42), iffirmat mill-Ungerija fl-1991, jirreferi b’mod espliċitu għal dak l-obbligu.

(165)

Meta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, l-Ungerija ssieħbet ukoll fis-suq intern liberalizzat tal-enerġija. Ir-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Att tal-Adeżjoni ma jipprovdu għal ebda deroga fir-rigward tas-suq tal-enerġija Ungeriż. Fid-dawl ta’ dan, kuntrarju għall-kummenti tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-PPAs, li kienu ddaħħlu f’ċirkustanzi ekonomiċi sostanzjalment differenti (kif rikonoxxut mill-partijiet interessati) qabel l-adeżjoni fis-suq intern liberalizzat tal-enerġija, jistgħu jsiru għajnuna mill-Istat fiċ-ċirkustanzi legali u ekonomiċi l-ġodda. Biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna bħal din, l-erba’ kriterji tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan il-miżura għandhom jiġu vvalutati fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi u legali l-ġodda.

(166)

Il-kwistjoni taż-żmien rilevanti tal-valutazzjoni għandha barra minn hekk tiġi eżaminata fid-dawl tal-Att tal-Adeżjoni. Kuntrarju għal adeżjonijiet preċedenti, l-Istati Membri qablu li jintroduċu dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att tal-Adeżjoni li bihom il-miżuri kollha ta’ għajnuna applikabbli wara l-adeżjoni u konklużi wara l-10 ta’ Diċembru 1994 kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel l-adeżjoni u jiġu eżaminati minnha fuq il-bażi tal-acquis communautaire.

(167)

Il-maġġoranza kbira tal-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 kellhom, għal raġunijiet storiċi, tradizzjoni qawwija ta’ indħil mill-Istat. Madankollu, jista’ jkun hemm miżuri li ma setgħux jissodisfaw l-erba’ kriterji ta’ għajnuna mill-Istat qabel l-adeżjoni minħabba l-kundizzjonijiet differenti ħafna tas-suq li kienu jeżistu dak iż-żmien. Madankollu, bil-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi l-ġodda ta’ wara l-adeżjoni, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati.

(168)

L-artikoli rilevanti tal-Att tal-Adeżjoni jfittxu li jassiguraw kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq intern għall-perjodu ta’ wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat. Għalhekk, l-għan tal-artikoli rilevanti tal-Att tal-Adeżjoni huwa li jevitaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni minħabba miżuri inkompatibbli ta’ għajnuna mill-Istat wara l-adeżjoni. F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti jekk fis-snin disgħin meta ngħatat il-miżura, din kinetx tissodisfa l-kriterji kollha ta’ għajnuna mill-Istat jew le. Għalhekk, iż-żmien rilevanti għall-valutazzjoni tal-kriterji għall-eżistenza tal-għajnuna jrid ikun il-perjodu taż-żmien wara d-data li fiha l-Ungerija ssieħbet fl-UE u s-suq intern liberalizzat tal-enerġija.

(169)

Kwalunkwe approċċ ieħor iwassal għal sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni u ta’ qabel il-liberalizzazzjoni (li, fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-ġodda jikkorrispondi għal perjodu ta’ transizzjoni wara r-reġim Kommunista) jistgħu jiġu perpetwati għal żmien twil wara l-adeżjoni tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Miżuri li għandu mnejn ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat qabel l-adeżjoni jkunu jistgħu jinżammu u saħansitra jiġu mtawla jekk ikun jixtieq l-Istat Membru, anki jekk ikunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat bil-kundizzjonijiet ta’ wara l-adeżjoni, billi ma jkunux jaqgħu taħt il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni.

(170)

Din hija preċiżament l-intenzjoni tal-kummenti tal-partijiet interessati f’dan ir-rigward. L-argumenti kollha tal-partijiet interessati dwar iż-żmien rilevanti tal-valutazzjoni huma mmirati biex juru li l-valutazzjoni ekonomika u legali tal-PPAs fil-kuntest tal-proċedura preżenti dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fiż-żmien tal-iffirmar tal-PPAs (jiġifieri bejn l-1995 u l-2001), u biex iwasslu għall-konklużjoni li l-PPAs, minħabba dawk iċ-ċirkustanzi legali u ekonomiċi, ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat. Huma jargumentaw li t-test tal-operatur f’ekonomija tas-suq u l-kriterji tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ għandhom jiġu analizzati fil-kuntest ekonomiku ta’ nofs is-snin disgħin, li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-obbligi ta’ MVM f’dak iż-żmien (is-sigurtà tal-provvista) u l-mudell tas-settur tal-enerġija li kien prevalenti f’dak iż-żmien (il-mudell tax-“Xerrej Waħdieni”, eċċ.). Fl-opinjoni tagħhom, ir-riżultat tal-valutazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jgħodd sad-data tat-tmiem tal-PPAs (2024 għall-itwal kuntratt), irrispettivament minn tali bidliet bħad-dħul tal-Ungerija fl-UE u l-liberalizzazzjoni obbligatorja suċċessiva tas-suq tal-enerġija.

(171)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel ma’ dan l-argument. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-artikoli rilevanti tal-Att tal-Adeżjoni huma mmirati preċiżament sabiex jevitaw sitwazzjonijiet bħal dawn, billi jeħtieġu l-applikazzjoni immedjata tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-operaturi fl-ekonomija. L-Att tal-Adeżjoni jipprovdi għal eċċezzjonijiet għal ċerti setturi tal-ekonomija (eż. dispożizzjonijiet dwar it-trasport), iżda ma hija pprovduta assolutament l-ebda eċċezzjoni għall-operaturi fis-suq tal-elettriku. L-acquis communautaire, inkluża d-Direttiva 96/92/KE għalhekk japplika għall-kundizzjonijiet kuntrattwali kollha tas-suq tal-elettriku Ungeriż immedjatament mill-adeżjoni.

(172)

Fil-valutazzjoni tagħha tal-PPAs, il-Kummissjoni għalhekk tqis li, meta ssieħbet fis-suq intern liberalizzat tal-enerġija, l-Ungerija qablet li tapplika l-prinċipji ta’ dik l-ekonomija tas-suq għall-operaturi kollha fis-suq eżistenti tagħha, fosthom ir-relazzjonijiet kummerċjali kollha eżistenti.

(173)

Il-Kummissjoni għalhekk trid tivvaluta jekk, mill-jum li fih l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, il-miżura tissodisfax il-kriterji għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

Vantaġġ

(174)

Bħala introduzzjoni għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, tajjeb wieħed jinnota li ħafna mill-produtturi tal-enerġija rrikonoxxew fil-kummenti tagħhom li huma ma kinux ikunu jistgħu jinvestu f’dawk l-impjanti mingħajr il-garanziji offruti mill-PPAs. Fil-kummenti tiegħu l-impjant tal-enerġija ta’ […] jargumenta li “Il-PPAs huma element importanti għall-banek sabiex jiffinanzjaw l-investiment u jipprefinanzjaw l-ispejjeż operattivi fuq bażi kontinwa. […] Fi […], […] talab għall-opinjoni tal-konsorzju [jiġifieri tal-istituzzjonijiet finanzjarji] dwar emenda potenzjali tal-PPAs. Madankollu, il-banek irrifjutaw li jnaqqsu kemm il-kapaċitajiet riżervati kif ukoll ix-xiri ggarantit.” (43)

(175)

F’dan ir-rigward, […] (bħala aġent tal-faċilità għat-tnax-il bank, li sellfu kważi […] lill-impjant tal-enerġija ta’ Csepel) jargumenta li “L-opinjoni tal-Banek hija li l-PPA huwa parti minn pakkett ta’ ftehimiet kummerċjali marbuta mill-qrib li assiguraw u għadhom jassiguraw il-Ftehim ta’ Faċilità li jipprovdi l-finanzjament għall-proġett bil-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, kwalunkwe tibdil fil-PPAs jaffettwa awtomatikament lill-Banek u, minħabba l-mekkaniżmi kuntrattwali għad-dispożizzjoni tal-Banek sabiex iħarsu l-interessi finanzjarji tagħhom, ipoġġi f’periklu l-Proġett II ta’ Csepel kollu kemm hu.”

(176)

[…] (bħala aġent tal-faċilità għad-disa’ banek, li sellfu kważi […] lil AES-Tisza) jargumenta li “Il-bażi prinċipali għal dan il-finanzjament kienet l-eżistenza tal-PPA flimkien mad-dokumenti rilevanti l-oħra dwar il-proġett (eż. il-Ftehim dwar il-Provvista tal-Fjuwil).[…] Il-PPAs jipprovdu stabilità għar-riskju tad-domanda (il-volum tal-elettriku li jinbiegħ u l-ipprezzar).”“L-element tal-istabilità fid-domanda […] huwa kruċjali biex jagħti lill-banek is-sigurtà neċessarja sabiex jipprovdu finanzjament fuq perjodu fit-tul f’suq immatur.”

(177)

Sabiex tivvaluta l-eżistenza ta’ vantaġġ taħt il-PPAs, il-Kummissjoni l-ewwel għamlet analiżi preliminari sabiex tistabbilixxi liema linja ta’ raġunament għandha ssegwi fil-valutazzjoni. B’riżultat tal-analiżi preliminari, deskritta fil-premessi 180 sa 190, il-Kummissjoni kkonkludiet li sabiex ikun stabbilit jekk kienx jeżisti vantaġġ, għandu jiġi aċċertat jekk fil-kundizzjonijiet prevalenti meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, operatur fis-suq kienx jagħti lill-produtturi garanzija simili għal dik inkluża fil-PPAs, jiġifieri obbligu ta’ xiri min-naħa ta’ MVM tal-kapaċitajiet riżervati fil-PPAs (li jikkorrispondu għal proporzjon sostanzjali u, f’ħafna każijiet, għall-kapaċità kollha disponibbli tal-impjant tal-enerġija), kwantità minima ggarantita ta’ enerġija ġġenerata fuq perjodu ta’ 15 sa 27 sena li jikkorrispondi għat-tul ta’ ħajja tipiku mistenni tal-assi jew id-deprezzament tagħhom, bi prezz li jkopri l-ispejjeż fissi u varjabbli tal-impjant (fosthom l-ispejjeż tal-fjuwil) (44).

(178)

Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni analizzat it-tweġiba għal din il-mistoqsija fid-dawl ta’ prattiċi kummerċjali standard fis-swieq tal-elettriku Ewropej.

(179)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni vvalutat fil-qosor l-impatt tal-PPAs fuq is-suq fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea. Għalkemm din l-analiżi mhijiex meħtieġa sabiex tistabbilixxi l-eżistenza jew le ta’ vantaġġ ekonomiku fi ħdan il-PPAs, hija utli sabiex tindirizza sewwa ċerti kummenti sottomessi mill-partijiet interessati.

(1)   Analiżi preliminari: ir-raġunament li għandu jiġi segwit biex tiġi vvalutata l-eżistenza jew le ta’ vantaġġ

(180)

Fil-kummenti sottomessi matul il-proċedura, partijiet terzi analizzaw l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ vantaġġ fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ġew iffirmati l-PPAs f’nofs is-snin disgħin. Bażikament, huma kkonkludew li f’dak il-perjodu, u fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-kumpaniji ta’ produzzjoni, operatur medju tas-suq kien jagħti garanziji simili lill-produtturi bħal dawk inkorporati fil-PPAs sabiex jattira l-investituri u b’hekk jiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Ungerija.

(181)

Il-Kummissjoni analizzat il-merti ta’ dan l-approċċ u waslet għall-konklużjoni li dan ma kienx adattat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, dan ma jikkunsidrax il-benefiċjarji proprji tal-miżura taħt valutazzjoni. It-tieni, il-perjodu kkunsidrat fl-approċċ mhuwiex rilevanti biex tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ vantaġġ.

Il-benefiċjarji tal-vantaġġ potenzjali

(182)

L-impjant tal-enerġija ta’ Dunament jargumenta li ma rċieva l-ebda vantaġġ permezz tal-PPA tiegħu billi huwa ħallas il-valur tas-suq għall-privatizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija tiegħu, u l-prezz tax-xiri qies id-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt il-PPA. Għaldaqstant, huwa ħallas għal kwalunkwe vantaġġ li seta’ tah il-PPA fil-prezz tal-privatizzazzjoni.

(183)

Il-Kummissjoni tħoss li dan ir-raġunament huwa żbaljat fil-każ preżenti. F’dan il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna huma l-impjanti tal-enerġija privatizzati (għal dawk li fil-fatt ġew privatizzati) u mhux l-azzjonisti ta’ dawk l-impjanti. Il-privatizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija ħadet il-forma ta’ negozji tal-ishma.

(184)

Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat kif bidla fis-sjieda ta’ kumpanija matul tranżazzjoni ta’ ishma taffettwa l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mogħtija lill-kumpanija u l-benefiċjarju tagħha. Hija ddeċidiet li l-għajnuna illegali tibqa’ mal-kumpanija li bbenefikat mill-għajnuna, minkejja l-bidla fis-sjieda tagħha (45). It-trasferiment tal-ishma bil-prezz tas-suq sempliċement jassigura li x-xerrej innifsu ma jibbenefikax mill-għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu, dan ma jaffettwax l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-attività tal-impjant tal-enerġija benefiċjarju.

(185)

Fil-każ li qed jiġi valutat, il-benefiċjarji tal-għajnuna huma l-kumpaniji Ungeriżi li joperaw l-impjanti tal-enerġija u ffirmaw il-PPAs, u mhux l-azzjonisti tal-impjanti tal-enerġija. Barra minn hekk, il-bidla fis-sjieda tal-impjanti tal-enerġija seħħet qabel id-data li minnha għandha tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u ma hija tal-ebda rilevanza biex tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji li joperaw l-impjant tal-enerġija. Il-kumpaniji li ffirmaw il-PPAs għalhekk ibbenefikaw mill-vantaġġi li jinsabu fil-PPAs, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tagħhom.

Il-perjodu li għandu jiġi kkunsidrat għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ

(186)

Il-Kummissjoni hija konxja li fiċ-ċirkustanzi tas-suq ta’ nofs is-snin disgħin fl-Ungerija, il-prinċipju ewlieni tal-PPAs, jiġifieri l-garanzija tal-profitt fuq l-investiment, kienet il-kundizzjoni essenzjali li biha setgħu jsiru l-investimenti meħtieġa.

(187)

Il-fatt li, minħabba l-karatteristiċi tas-settur tal-produzzjoni u l-kuntest politiku u ekonomiku ta’ dak il-perjodu fl-Ungerija, kien hemm il-ħtieġa li l-Istat jintervjeni fl-interess komuni u l-aħjar soluzzjoni kienet li jagħti PPAs lil numru ta’ produtturi, bl-ebda mod ma jikkontradixxi l-fatt li l-PPAs fil-fatt jagħtu vantaġġ lill-produtturi.

(188)

Il-maġġoranza tal-produtturi jargumentaw li l-PPAs ma jagħtu l-ebda vantaġġ lill-produtturi billi dawn jikkorrispondu mal-imġiba normali tas-suq ta’ kwalunkwe operatur f’ekonomija tas-suq fil-pożizzjoni kemm ta’ MVM kif ukoll tal-produtturi. Huma jargumentaw li kwalunkwe attur privat fil-pożizzjoni ta’ MVM (bl-obbligu legali tas-sigurtà tal-provvista, bħala xerrej waħdieni) kien jagħżel li jidħol fil-PPAs, u li l-vantaġġ ekonomiku mill-PPAs ma jmurx lil hinn minn dak li, fiċ-ċirkustanzi tas-suq immatur tal-enerġija tas-snin disgħin fl-Ungerija, kien vantaġġ kummerċjali normali għall-partijiet. Barra minn hekk, il-produtturi kellhom l-obbligu legali li jidħlu fi ftehim ma’ MVM sabiex jiksbu l-liċenzja operattiva tagħhom. Il-produtturi jargumentaw li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat għandha twassal lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħtiġijiet legali u r-realtà ekonomika taż-żmien li fih ġew konklużi l-PPAs.

(189)

Rigward l-argumenti tal-partijiet interessati dwar il-prinċipju tal-investitur privat, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi tad-Deċiżjoni dwar iż-żmien li għandu jiġi stabbilit bħala rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ għajnuna mill-Istat taħt il-PPAs. Il-Kummissjoni terġa’ ssostni li mhijiex beħsiebha tikkontesta l-fatt li kien meħtieġ li wieħed jidħol f’PPAs fiċ-ċirkustanzi li kienu prevalenti fiż-żmien meta ġew konklużi dawk il-ftehimiet. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, dan bl-ebda mod ma jfisser li l-PPAs ma tawx vantaġġ lill-produtturi. Il-partijiet interessati fil-fatt jargumentaw biss li dawn il-ftehimiet kien jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tas-suq li kienu prevalenti fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom. Ħadd mill-partijiet interessati ma jargumenta li dawn jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tas-suq preżenti fis-suq intern.

Konklużjoni tal-analiżi preliminari

(190)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li sabiex tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ vantaġġ fi ħdan il-PPAs, għandu jiġi aċċertat jekk, bil-kundizzjonijiet eżistenti meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, l-operatur tas-suq medju kienx jagħti lill-kumpaniji tal-produzzjoni garanzija simili għal dik inkluża fil-PPAs, kif deskritt fil-premessa 177.

(2)   Valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ għall-produtturi tal-enerġija meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea

(191)

Sabiex twieġeb il-mistoqsija li saret referenza għaliha fil-premessa preċedenti, il-Kummissjoni identifikat il-prattiċi prinċipali tal-operaturi kummerċjali fis-swieq tal-elettriku Ewropej li huma rilevanti għall-iskop ta’ din l-analiżi, u vvalutat jekk il-PPAs humiex konformi ma’ dawn il-prattiċi jew jipprovdux lill-produtturi garanziji li xerrej ma kienx jaċċetta kieku aġixxa fuq raġunijiet purament kummerċjali.

(192)

Bħala kumment preliminari, tajjeb li jiġi nnotat li tradizzjonalment, is-swieq tal-elettriku huma maqsumin f’erba’ swieq: (i) produzzjoni/importazzjoni u provvista bl-ingrossa, (ii) trażmissjoni/distribuzzjoni, (iii) bejgħ bl-imnut, u (iv) servizzi ta’ bbilanċjar. Is-swieq rilevanti għall-valutazzjoni tal-PPAs huma l-ewwel u r-raba’ kategorija, billi MVM tixtri l-elettriku mingħand produtturi domestiċi, timporta l-elettriku u tbigħu lil kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali u fornituri kummerċjali (fornituri fis-suq bl-imnut). MVM tipprovdi wkoll kapaċitajiet riżervati lill-Operatur tas-Sistema tat-Trasmissjoni sabiex tassigura l-ibbilanċjar tas-sistema.

(193)

Fl-Ungerija, fil-perjodu li qed jiġi valutat, is-suq bl-imnut huwa maqsum f’żewġ segmenti: (i) segment ta’ utilità pubblika fejn il-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali jipprovdu l-enerġija bi prezzijiet regolati lil konsumaturi mhux eliġibbli u konsumaturi li ma jagħmlux użu mill-eliġibilità tagħhom; (ii) segment ta’ suq ħieles fejn il-fornituri kummerċjali jipprovdu l-enerġija lil konsumaturi eliġibbli bi prezzijiet li jirriżultaw minn mekkaniżmi tas-suq. Bis-sistema introdotta mill-Att III dwar l-Enerġija, is-segment tal-utilità pubblika huwa limitat għall-konsumaturi domestiċi u kummerċjali li huma koperti b’obbligu ta’ provvista universali.

(194)

Fil-perjodu ta’ valutazzjoni, MVM ipprovdiet enerġija kemm lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali (fornituri fis-segment tal-utilità pubblika) kif ukoll lil fornituri fis-segment tas-suq ħieles. Madankollu, kif spjegat fil-premessi 221 sa 231, il-bejgħ ta’ MVM lill-fornituri fis-segment ħieles kien maħsub biss biex jeħles l-ammonti żejda mixtrija taħt il-PPAs u mhux meħtieġa mis-segment tal-utilità pubblika. Din hija konsegwenza tal-PPAs infushom pjuttost milli attività kummerċjali indipendenti. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ vantaġġ trid tiġi analizzata kontra l-objettiv primarju assenjat lil MVM, li kien li tipprovdi biżżejjed enerġija lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali sabiex jaqdu l-ħtiġijiet tas-segment tal-utilità pubblika. Konsegwentement, li jrid jiġi vverifikat huwa jekk, fin-nuqqas tal-PPAs, operatur tas-suq inkarigat sabiex iforni lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali b’ammonti suffiċjenti ta’ elettriku, u li jaġixxi fuq bażi purament kummerċjali, kienx joffri l-istess garanzija bħal din inkorporata fil-PPAs. Din il-valutazzjoni trid titwettaq fid-dawl tal-operat tas-swieq kompetittivi bl-ingrossa. Il-premessi ta’ hawn taħt jipprovdu qabel xejn, ħarsa ġenerali tal-prattiċi kummerċjali tipiċi li huma rilevanti għal din l-analiżi u t-tieni, tqabbil bejn il-PPAs u dawn il-prattiċi. Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dan it-tqabbil, il-Kummissjoni analizzat il-konsegwenzi tal-PPAs li l-awtoritajiet pubbliċi setgħu stennew meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, u jekk setgħux jistennew bilanċ aħjar bejn il-konsegwenzi pożittivi u negattivi minn tipi oħra ta’ ftehimiet.

2.a)   Deskrizzjoni qasira tal-prattiċi kummerċjali fis-swieq tal-elettriku Ewropej li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fi ħdan il-PPAs

(195)

Fl-Istħarriġ Settorali tagħha dwar is-swieq tal-elettriku fl-Ewropa (46), il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ fl-elettriku fis-swieq bl-ingrossa Ewropej.

(196)

Skont il-perjodu tal-konsenja, l-elettriku bil-volum jista’ jiġi nnegozjat fi swieq ta’ dak il-ħin jew bil-quddiem. Is-swieq ta’ dak il-ħin huma prinċipalment swieq bil-ġurnata ‘l quddiem, li fihom l-elettriku jiġi nnegozjat ġurnata qabel ma sseħħ il-konsenja fiżika. Il-kummerċ fl-enerġija fi skambji tas-suq ta’ dak il-ħin huwa dejjem ibbażat fuq prezzar marġinali, li jassigura biss li l-ispejjeż marġinali short-run ikunu koperti. (47)

(197)

Fis-swieq bil-quddiem, l-enerġija tiġi nnegozjata għall-konsenja aktar qabel fiż-żmien. Il-prodotti bil-quddiem jinkludu prodotti ta’ kull ġimgħa, kull xahar, kull tliet xhur u kull sena. Kemm il-prodotti ta’ dak il-ħin kif ukoll dawk bil-quddiem jistgħu jiġu nnegozjati fi swieq tal-iskambji tal-enerġija kif ukoll over-the-counter (OTC). B’riżultat tal-arbitraġġi kontinwi, il-prezzijiet ta’ prodotti identiċi fis-swieq tal-iskambju tal-enerġija u OTC għandhom tendenza li jikkonverġu. Għalhekk, l-iskambji tal-enerġija għandhom tendenza li jistabbilixxu prezzijiet ta’ referenza għall-prodotti kollha ta’ dak il-ħin u bil-quddiem, u għalhekk għas-suq kollu bl-ingrossa.

(198)

Barra minn hekk, il-prezz tal-prodotti bil-quddiem jirriżulta mill-aspettattivi tal-atturi tas-suq fir-rigward tal-iżvilupp ġejjieni tal-prezzijiet fis-swieq ta’ dak il-ħin. Billi l-atturi tas-suq jidħlu f’kuntratti bil-quddiem minħabba li jippreferu ċ-ċertezza fil-prezzijiet kontra l-prezzijiet mhux magħrufa ta’ dak il-ħin fil-ġejjieni, il-prezzijiet bil-quddiem jinkludu wkoll element ta’ riskju. Fil-prattika, il-prezzijiet tal-prodotti bil-quddiem jinkludu element ċentrali li jirrifletti l-aspettattivi tal-atturi tas-suq fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet ta’ dak il-ħin u, skont jekk jagħtux valur kbir liċ-ċertezza fil-prezzijiet, primjum tar-riskju jew skont, għalkemm fil-prattika dan sikwit jidher li huwa primjum. Għalhekk, il-prezzijiet ta’ dak il-ħin jikkostitwixxu referenzi għall-prezzijiet kollha tal-elettriku. Jekk ikun fis-seħħ skambju fis-suq ta’ dak il-ħin, il-prezzijiet f’dak l-iskambju jikkostitwixxu referenzi għas-suq kollu. F’ħafna swieq bl-ingrossa, ix-xerrejja ġeneralment jippruvaw ikopru parti kbira mill-ħtiġijiet mistennija tagħhom b’kuntratti bil-quddiem sabiex ikollhom viżibilità fuq l-ispejjeż tagħhom. Il-ħtiġijiet addizzjonali għal dawk moqdija b’kuntratti bil-quddiem huma koperti minn xiri fis-swieq ta’ dak il-ħin.

(199)

L-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija nnotat li apparti mill-iskambju standardizzat u l-kummerċ OTC hemm ukoll “transazzjonijiet bilaterali personalizzati”. Dawn il-kuntratti jistgħu jkunu differenti ħafna f’termini tal-prodotti kkonsenjati jew is-servizzi u l-prezzijiet ta’ dawn it-transazzjonijiet ġeneralment ma jiġux irrappurtati. Madankollu, f’kundizzjonijiet ta’ suq kompetittiv, l-eżistenza ta’ skambji standardizzati tal-enerġija u kummerċ OTC bilfors jinfluwenzaw dawn it-tip ta’ transazzjonijiet, billi produttur jew importatur ma jaqbilx li jidħol f’kuntratt bilaterali personalizzat li joffri kundizzjonijiet li b’mod ċar ikunu agħar minn kuntratt standardizzat ta’ dak il-ħin jew bil-quddiem. Għalhekk, il-kuntratti standardizzati ta’ dak il-ħin jew bil-quddiem fis-swieq bl-ingrossa Ewropej jikkostitwixxu bażi rilevanti għal tqabbil biex tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lill-produtturi mill-PPAs.

(200)

L-itwal perjodu ta’ konsenja fis-swieq bil-quddiem huwa sena. L-itwal perjodu bejn il-konklużjoni tal-kuntratt u l-bidu tal-perjodu attwali ta’ konsenja huwa erba’ snin fin-NordPool (il-pajjiżi Skandinavi), tliet snin fil-Powernext (Franza), ħames snin fl-UKPX (ir-Renju Unit) u sitt snin fl-EEX (il-Ġermanja). Fuq xi skambji, bħall-OMEL fi Spanja, ma huma konklużi l-ebda kuntratti bil-quddiem. Kuntratt standardizzat bil-quddiem ipoġġi fuq il-fornitur l-obbligu li jipprovdi ċertu ammont ta’ enerġija bi prezz miftiehem minn qabel, fuq perjodu massimu ta’ sena li jibda sa massimu ta’ sitt snin mill-konklużjoni tal-kuntratt. Id-daqs ta’ dawn l-oqfsa taż-żmien huwa konsiderevolment inqas mid-deprezzament normali u l-ħajja ta’ kwalunkwe impjant għall-produzzjoni tal-enerġija. Għalhekk, f’kundizzjonijiet tas-suq normali u anki jekk jinnegozjaw ħafna mill-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ kuntratti bil-quddiem, il-produtturi ma għandhom l-ebda viżibilità fuq il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ tul id-deprezzament u l-ħajja tal-assi tal-produzzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, billi l-prezzijiet jiġu stabbiliti bil-quddiem, il-produtturi jkunu fir-riskju li l-ispejjeż tagħhom jaqbżu l-prezzijiet miftiehma. Dan ir-riskju mhuwiex negliġibbli, b’mod partikolari minħabba l-volatilità tal-prezzijiet tal-fjuwil, li għal ħafna teknoloġiji tal-produzzjoni hija l-komponent prinċipali tal-ispejjeż varjabbli. Barra dan, il-produtturi huma ffaċċjati bi pressjoni kompetittiva billi jridu jġeddu l-kuntratti bil-quddiem tagħhom numru konsiderevoli ta’ drabi matul il-perjodu utli tal-assi tal-produzzjoni tagħhom, u għalhekk jadattaw l-offerti tagħhom għall-kundizzjonijiet kompetittivi li jevolvu.

(201)

Fis-swieq bl-ingrossa wieħed jista’ jiltaqa’ wkoll ma’ kuntratti li jinvolvu ż-żamma ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni fil-forma ta’ “drittijiet ta’ ġbid”, li għalhekk għandhom jiġu mqabbla mal-PPAs. Li takkwista drittijiet ta’ ġbid jikkonsisti f’li tirriżerva parti mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ impjant tal-enerġija partikolari, ġeneralment għat-tul ta’ ħajja mistennija tal-impjant tal-enerġija, u tħallas “tariffa tal-kapaċità” lill-operatur tal-impjant, li tikkorrispondi għall-ispejjeż kapitali u fissi marbuta mal-kapaċitajiet riżervati. Ir-riskji tekniċi jinġarru mill-operatur tal-impjant. Id-detentur tad-drittijiet ta’ ġbid jista’ jiddeċiedi fuq il-livell ta’ użu tal-kapaċitajiet riżervati u jħallas lill-operatur tal-impjant tal-enerġija prezz li jkun jikkorrispondi għall-ispejjeż varjabbli magħmula għall-enerġija ġġenerata mill-kapaċitajiet riżervati.

(202)

Sabiex tiġi vvalutata aktar l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ vantaġġ fi ħdan il-PPAs, huwa utli wkoll li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ konsumaturi finali kummerċjali jew industrijali kbar, anki jekk dawn ma jaġixxux fis-swieq bl-ingrossa iżda fi swieq (downstream) bl-imnut. Billi l-produtturi xi drabi jipprovdu l-enerġija direttament lil konsumaturi kummerċjali jew industrijali kbar, it-tqabbil mal-PPAs huwa rilevanti.

(203)

L-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija wriet li kienet prattika komuni li l-fornituri tal-elettriku jiffirmaw kuntratti bi prezz fiss ma’ konsumaturi kummerċjali jew industrijali kbar. It-tul ta’ dawn il-kuntratti ġeneralment huwa limitat għal sena jew sentejn. Ġeneralment dawn jipprovdu għal skeda ta’ konsenja bbażata fuq il-konsum fl-imgħoddi. Il-prezz huwa derivat mil-prezzijiet bl-ingrossa fis-swieq bil-quddiem u jinkludi komponenti oħra ta’ spejjeż bħall-ispejjeż mistennija tal-ibbilanċjar jew il-marġinu tal-fornitur. Devjazzjoni mill-iskeda ta’ konsenja tinvolvi l-applikazzjoni ta’ klawsola ta’ “ħu jew ħallas”, li ġġiegħel lix-xerrej iħallas għal enerġija li ma jkollux bżonn, jew li jħallas ammont żejjed. F’dan ir-rigward, tali kuntratti jistgħu jitqiesu li huma bbażati fuq xiri minimu ggarantit ikkombinat mar-riżerva tal-kapaċità (48).

(204)

Sabiex jiġi vvalutat il-vantaġġ fi ħdan il-PPAs irid jiġi kkunsidrat tip ieħor ta’ ftehim, jiġifieri l-kuntratti konklużi għall-għoti ta’ servizzi ta’ bbilanċjar lill-Operaturi tas-Sistema tat-Trasmissjoni (TSOs). Billi l-elettriku ma jistax jiġi maħżun, id-domanda u l-provvista jridu jaqblu f’kull ħin. Jekk id-domanda jew il-provvista jiddevjaw mill-previżjonijiet u jirriżultaw fi ħtieġa għal produzzjoni addizzjonali, hija r-responsabilità tal-Operatur tas-Sistema tat-Trasmissjoni li jitlob lil ċerti produtturi sabiex iżidu l-produzzjoni f’qasir żmien. Sabiex jassiguraw id-disponibilità ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni sabiex jiffaċċjaw sitwazzjonijiet bħal dawn, it-TSOs jirriżervaw kapaċitajiet f’unitajiet ta’ produzzjoni li huma kapaċi jimmodifikaw il-livell tal-produzzjoni tagħhom fi żmien qasir. Fl-Ungerija, billi m’hemm ebda impjant ta’ ħażna bil-pompa, l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali għandhom l-iżjed karatteristiċi tekniċi adattati sabiex jipprovdu dawn is-servizzi.

(205)

L-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija pprovdiet ħarsa ġenerali tal-prattika tat-TSOs Ewropej fir-rigward tal-kuntratti dwar ir-riżerva tal-kapaċità għall-għoti ta’ servizzi ta’ bbilanċjar. Din il-ħarsa ġenerali turi li l-kapaċitajiet jiġu riżervati permezz ta’ offerti. Sena waħda tista’ titqies bħala perjodu standard, li jagħti flessibilità lit-TSOs sabiex jaġġustaw il-kapaċitajiet riżervati skont il-ħtiġijiet attwali tagħhom. Il-kuntratti ġeneralment jispeċifikaw il-karatteristiċi tekniċi tas-servizz meħtieġ, il-kapaċità riżervata u prezz jew għall-enerġija pprovduta jew kemm għall-enerġija kif ukoll għall-kapaċità.

2.b)   Tqabbil tal-PPAs ma’ prattiċi kummerċjali standard

(206)

Il-Kummissjoni qabblet l-obbligu ta’ xiri inkorporat fil-PPAs mal-karatteristiċi prinċipali ta’ kuntratti standard bil-quddiem jew ta’ dak il-ħin, kuntratti dwar “drittijiet ta’ ġbid”, kuntratti fuq perjodu fit-tul konklużi minn konsumaturi finali kbar, u kuntratti konklużi bejn produtturi u TSOs għall-għoti ta’ servizzi ta’ bbilanċjar.

Kuntratti standard ta’ dak il-ħin u bil-quddiem

(207)

Mid-deskrizzjoni ppreżentata fil-premessi (195) sa (200) joħroġ li l-kombinazzjoni ta’ riżerva tal-kapaċità fuq perjodu fit-tul, xiri minimu ggarantit u mekkaniżmi ta’ ffissar tal-prezzijiet li jkopru l-ispejjeż varjabbli, fissi u kapitali ma tikkorrispondix mal-kuntratti tas-soltu fis-swieq bl-ingrossa Ewropej u li dawn jipproteġu lill-produtturi minn aktar riskji milli l-kuntratti standard bil-quddiem jew ta’ dak il-ħin.

(208)

Il-kummerċ fl-enerġija fi skambji tas-suq ta’ dak il-ħin huwa dejjem ibbażat fuq prezzar marġinali, li jiggarantixxi biss li jkunu koperti l-ispejjeż marġinali short-run, u mhux l-ispejjeż kollha fissi u kapitali. Barra minn hekk, fis-swieq ta’ dak il-ħin, kumpanija li tiġġenera l-enerġija m’għandha l-ebda assigurazzjoni rigward il-livell ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha. Dan ir-riskju huwa ferm ogħla milli għal bosta setturi tal-manifattura u huwa dovut għall-fatt li huwa impossibbli taħżen l-elettriku b’mod ekonomiku, li hija karatteristika speċifika ħafna ta’ dik l-industrija. Jekk f’xi ħin partikolari tiġi offruta biżżejjed enerġija biex tissodisfa d-domanda bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk offruti minn produttur partikolari għal waħda mill-unitajiet ta’ produzzjoni tiegħu, dik l-unità ma tiġix ikkonsenjata, li jfisser li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha se jintilfu għall-perjodu taż-żmien ikkonċernat.

(209)

Għalhekk, il-bejgħ fis-swieq ta’ dak il-ħin jinvolvi livell sinifikanti ta’ inċertezza rigward ir-rimunerazzjoni tal-ispejjeż fissi u kapitali u l-livell ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

(210)

Is-swieq bil-quddiem, li l-prezzijiet tagħhom huma derivati mill-prezzijiet ta’ dak il-ħin, lanqas ma jipprovdu assigurazzjoni lill-produtturi li l-ispejjeż fissi u kapitali kollha tagħhom ikunu koperti mill-bejgħ tagħhom, minħabba li l-prezzijiet jiġu ffissati bil-quddiem. Jekk l-ispejjeż tal-fjuwil jiżdiedu bla mistenni tul il-perjodu ta’ konsenja, l-ispejjeż biex jiġi prodott l-elettriku jistgħu jaqbżu l-prezz li kien stabbilit bil-quddiem. Fis-swieq bil-quddiem, ir-riskju rigward l-użu tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni huwa aktar baxx milli fil-każ tal-prodotti ta’ dak il-ħin minħabba l-orizzont itwal taż-żmien tal-kuntratti bil-quddiem. Madankollu, anki jekk produttur ikun kapaċi jbigħ ħafna mill-produzzjoni tiegħu permezz ta’ kuntratti bil-quddiem, huwa jgawdi viżibilità fuq ir-rata tal-użu tal-unitajiet ta’ produzzjoni tal-enerġija fuq perjodu taż-żmien limitat meta mqabbel mal-ħajja tagħhom.

(211)

Il-partijiet interessati jenfasizzaw li l-produtturi jġorru riskji importanti taħt il-PPAs, b’mod partikolari riskji tal-kostruzzjoni, regolatorji, ambjentali, tal-manutenzjoni u fiskali/finanzjarji. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-PPAs ma jeliminawx ir-riskji kollha marbuta mat-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija. Fil-fatt, dawn l-elementi ta’ riskju elenkati mill-produtturi fil-kummenti tagħhom, bla dubju ta’ xejn jinġarru mill-produtturi nfushom. Madankollu, dan jikkorrispondi għar-riskji normali li kwalunkwe attur tas-suq fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku jkollu jerfa’, inkluż fil-każ tal-bejgħ fil-forma ta’ swieq standard ta’ dak il-ħin jew bil-quddiem. Madankollu, ir-riskji kummerċjali assoċjati mal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż għall-produzzjoni tal-elettriku u, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-fjuwil, ir-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku għall-utent finali, u r-riskju assoċjat mal-varjazzjoni fid-domanda għall-elettriku mill-utent finali, jinġarru minn MVM fuq parti sostanzjali (jew sħiħa) tal-ħajja tal-assi taħt PPA.

(212)

Fil-kummenti tagħhom il-partijiet interessati argumentaw ukoll li ż-żamma ta’ kapaċitajiet għal MVM kienet tfisser żvantaġġ għalihom, minħabba li ma setgħux jużaw dawn il-kapaċitajiet għal skopijiet oħra ħlief biex ibigħuhom lil MVM. Madankollu, is-sistema tax-xiri minimu ggarantit ittaffi dik il-limitazzjoni b’mod konsiderevoli. Is-sistema tax-xiri minimu ggarantit għandha titqies bħala garanzija għall-produtturi li mhux se jiġu impediti milli jużaw il-kapaċitajiet tagħhom għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-enerġija jekk MVM ma tużax il-kapaċitajiet riżervati tagħha. Fil-fatt, kif jidher mit-tabella li ġejja, ix-xiri minimu ggarantit kien jikkorrispondi ma’ rata ta’ użu tal-kapaċitajiet riżervati li taqbeż ir-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet kollha disponibbli fl-Ungerija.

Tabella 5

Ix-xiri minimu ggarantit u l-kapaċitajiet riżervati

 

2004

2005

2006

Xiri ggarantit (GWh)

23 234

23 528

23 516

Kapaċitajiet riżervati (MW)

4 242

4 460

4 481

Proporzjon bejn ix-xiri minimu ggarantit u l-kapaċitajiet riżervati (numru ta’ sigħat fis-sena)

5 477

5 275

5 248

Proporzjon bejn il-produzzjoni netta tal-elettriku u l-kapaċitajiet netti disponibbli ta’ produzzjoni għall-unitajiet kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku fl-Ungerija (numru ta’ sigħat fis-sena)

4 272

4 225

4 601

(213)

Għalhekk, il-kuntratti ta’ dak il-ħin u bil-quddiem jinvolvu livell ferm akbar ta’ riskju għall-produtturi milli l-PPAs, li jipprovdu ċertezza kemm fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-ispejjeż fissi u kapitali kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

Drittijiet ta’ ġbid

(214)

Rigward id-drittijiet ta’ ġbid, id-differenza prinċipali bejn din il-forma ta’ ftehim u l-PPAs hija li d-drittijiet ta’ ġbid normalment mhumiex assoċjati max-xiri minimu ggarantit. Id-detentur tad-drittijiet ta’ ġbid jerfa’ r-riskji kummerċjali marbuta mal-bejgħ tal-enerġija prodotta mill-kapaċitajiet riżervati. Madankollu, huwa għandu l-assigurazzjoni li se jkun kapaċi jbigħ dik l-enerġija kollha bi prezzijiet li jkopru tal-anqas l-ispejjeż varjabbli, minħabba li huwa jista’ jiddeċiedi li ma jipproduċix enerġija jekk il-prezzijiet jinżlu taħt l-ispejjeż varjabbli. Il-PPAs ma jipprovdux dik l-assigurazzjoni lil MVM, minħabba l-eżistenza tal-obbligi ta’ xiri minimu fuq MVM għall-benefiċċju tal-produtturi.

Kuntratti ta’ xiri fuq perjodu fit-tul konklużi minn konsumaturi kbar

(215)

Rigward il-kuntratti standard ta’ xiri fuq perjodu fit-tul konklużi minn konsumaturi kbar, huwa evidenti li dawn huma ferm aktar vantaġġjużi għax-xerrej milli huma l-PPAs għal MVM minħabba li l-prezz, li ġeneralment jiġi ffissat għall-perjodu sħiħ tal-kuntratt, normalment ma jkunx indiċjat fuq parametri bħalma huma l-ispejjeż tal-fjuwil li l-iżvilupp tagħhom tul il-perjodu tal-kuntratt huwa imprevedibbli, u ma jkunx imfassal b’mod li jkopri l-ispejjeż fissi u kapitali, billi jiddependi fuq kwotazzjonijiet tal-prezzijiet fis-swieq bl-ingrossa. Fil-fatt, ix-xerrejja jkollhom interess biss li jikkonkludu kuntratti fuq perjodu fit-tul jekk dawn il-kuntratti jipprovdulhom xi tip ta’ protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet fis-suq tal-elettriku, u b’mod partikolari kontra l-bidliet marbuta mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-fjuwil. Għal din ir-raġuni, xerrej ikollu biss interess ekonomiku f’kuntratt fuq perjodu fit-tul ta’ dan it-tip jekk il-bejjiegħ joffri li jieħu parti mir-riskju assoċjata mal-varjazzjonijiet fil-prezz tal-fjuwil jew jekk it-teknoloġija tal-produzzjoni tassigura spejjeż stabbli tal-fjuwil, bħalma huwa l-każ tal-impjanti li jaħdmu bl-enerġija mill-ilma u, f’ċerti kundizzjonijiet, l-impjanti nukleari. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti ġeneralment isiru għal perjodi ferm iqsar mill-PPAs u għalhekk jagħtu lix-xerrejja l-possibilità li jibdlu l-fornituri jekk jiġu offruti prezzijiet aħjar mill-kompetituri. Sabiex jiksbu l-inqas prezzijiet possibbli, ix-xerrejja sikwit jużaw proċeduri tal-offerti.

Kuntratti għal servizzi ta’ bbilanċjar

(216)

Il-kuntratti għas-servizzi ta’ bbilanċjar huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ bejn il-PPAs minħabba li parti żgħira mill-kapaċitajiet riżervati taħt il-PPAs tiġi assenjata minn MVM għall-għoti ta’ servizzi ta’ bbilanċjar lit-TSO (49). Fil-prattika, MVM tbigħ kapaċitajiet lit-TSO fuq bażi annwali bħala pakkett u tuża parti mill-kapaċitajiet riżervati taħt il-PPAs għal dak il-għan. Fir-realtà, dan ifisser li l-produtturi ma jġorrux ir-riskju assoċjat mal-offerti annwali (50) u mal-inċertezza rigward l-ammont ta’ enerġija li se jipprovdu. Mill-perspettiva tagħhom il-kundizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw l-għoti tas-servizzi ta’ bbilanċjar huma dawk tal-PPAs. Madankollu, kif muri fil-premessa 204, l-ispeċifikazzjonijiet tal-PPAs, speċjalment il-perjodu twil tagħhom u l-eżistenza tax-xiri minimu ggarantit, ma jistgħux ikunu ġustifikati fuq bażijiet kummerċjali lanqas għall-għoti ta’ servizzi ta’ bbilanċjar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fl-Ungerija, ftit unitajiet ta’ produzzjoni jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu s-servizzi meħtieġa ta’ bbilanċjar lit-TSO, kif sostnew il-partijiet interessati, iżda kkonkludiet li anki f’ċierkustanzi bħal dawn, il-kundizzjonijiet offruti mill-PPAs imorru lil hinn minn dak li TSO jista’ jikkunsidra bħala aċċettabbli fuq bażi kummerċjali.

Konklużjoni dwar it-tqabbil bejn il-PPAs u prattiċi kummerċjali standard

(217)

Dan it-tqabbil juri li strutturalment il-PPAs jipprovdu aktar garanziji lill-produtturi milli l-kuntratti kummerċjali standard. Il-produtturi għalhekk qegħdin f’sitwazzjoni iżjed vantaġġjuża minn dik li kienu jiffaċċjaw fis-suq ħieles mingħajr il-PPA tagħhom. Sabiex titlesta l-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, huwa neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti pożittivi u negattivi li l-awtoritajiet pubbliċi setgħu jistennew mill-PPAs meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u jiġi verifikat jekk setgħux jistennew bilanċ aħjar bejn l-effetti pożittivi u negattivi minn approċċi oħra bbażati fuq prattiċi kummerċjali standard.

2.ċ)   Konsegwenzi prevedibbli tal-PPAs għall-awtoritajiet pubbliċi fid-dawl tat-tqabbil mal-prattiċi kummerċjali standard tax-xerrejja fis-swieq tal-elettriku Ewropej

(218)

L-awtoritajiet pubbliċi setgħu jistennew mill-PPAs li MVM tkun kapaċi ssib biżżejjed enerġija biex taqdi l-ħtiġijiet tas-suq tal-utilità pubblika fuq perjodu twil taż-żmien.

(219)

Madankollu, huma ma kellhom l-ebda assigurazzjoni dwar il-livell ta’ prezz li MVM kien se jkollha tħallas matul dak l-istess perjodu minħabba li l-PPAs ma jipprovdux protezzjoni kontra r-riskji ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet, li huma dovuti b’mod partikolari għall-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-fjuwil.

(220)

Barra minn hekk, il-kombinazzjoni tar-riżerva tal-kapaċità fuq perjodu fit-tul u x-xiri minimu ggarantit assoċjat magħha jċaħħdu lill-awtoritajiet pubbliċi mill-possibilità li jibbenefikaw minn prezzijiet iżjed attraenti offruti minn produtturi u importaturi oħra. Il-kapaċitajiet u x-xiri minimu ggarantit tal-PPAs, il-kuntratti tal-importazzjoni fuq perjodu fit-tul konklużi minn MVM u l-ammonti mixtrija minnha bis-sistema tax-xiri obbligatorju (51) kienu biżżejjed sabiex ikopru l-ħtiġijiet tagħha. MVM għalhekk ma setgħetx tiddiversifika l-portafoll tal-provvista tagħha, għalkemm kienu disponibbli kapaċitajiet alternattivi ta’ produzzjoni. Fl-2004, bosta produtturi tal-enerġija ma kinux involuti fi ftehimiet għax-xiri tal-enerġija fuq perjodu fit-tul. Il-PPAs taż-żewġ impjanti tal-enerġija li kienu responsabbli għal 470 MW tal-kapaċità installata skadew fl-aħħar tal-2003, li żied b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-provvista barra l-PPAs. Madwar 700 MW tal-kapaċitajiet importati mhumiex koperti b’kuntratti tal-importazzjoni fuq perjodu fit-tul u setgħu ntużaw minn MVM sabiex timporta l-elettriku kieku din ma kinitx marbuta bis-sistema tal-kapaċitajiet riżervati u x-xiri minimu ggarantit.

(221)

Kif muri fil-premessi li ġejjin, kien evidenti meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2003 u fl-2004 li s-sistema tal-kapaċitajiet riżervati u x-xiri minimu ggarantit, li kienet imfassla skont Mudell ta’ Xerrej Waħdieni li permezz tiegħu l-elettriku kollu kkunsmat fl-Ungerija kien jgħaddi minn MVM, kienet tinvolvi riskji sinifikanti li l-PPAs ikunu jeħtieġu lil MVM tixtri enerġija aktar milli jkollha bżonn.

(222)

Element importanti li għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward huwa l-ftuħ parzjali tas-suq tal-elettriku fl-2003. Fit-18 ta’ Diċembru 2001, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att II dwar l-Enerġija, li ppermetta konsumaturi kbar, definiti bħala dawk li jikkunsmaw iżjed minn 6,5 GW/sena, li jsiru “konsumaturi eliġibbli” u għalhekk jitħallew jagħżlu l-fornitur tagħhom tal-elettriku. Din il-miżura leġiżlattiva, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003, wasslet għall-ħolqien, maġenb is-segment diġà eżistenti tal-utilità pubblika, ta’ suq ħieles fejn il-prezzijiet jirriżultaw mill-konfront tal-provvista u d-domanda. L-effett prevedibbli ta’ dik il-miżura kien li jitnaqqsu l-ammonti meħtieġa minn MVM biex tforni lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali sabiex jaqdu d-domanda fis-segment tal-utilità pubblika. It-tabella segwenti turi ż-żieda kontinwa fl-ammonti fil-fatt mibjugħa fis-suq ħieles bejn l-2003 u l-2006 u t-tnaqqis korrispondenti fl-ammonti fil-fatt mibjugħa fis-segment tal-utilità pubblika permezz tal-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali.

Tabella 6

Bejgħ fis-suq bl-imnut (is-segment regolat u s-segment ħieles.

(GWh)

 

2003

2004

2005

2006

Konsum totali

33 584

33 836

34 596

35 223

Bejgħ fis-segment ħieles

3 883

7 212

11 685

13 057

Bejgħ fis-segment regolat

29 701

26 624

22 911

22 166

Sors: Data statistika tas-sistema tal-enerġija Ungeriża, 2006. ()

(223)

Bejn l-2003 u l-2006 l-ammonti mibjugħa fis-segment tal-utilità pubblika, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet attwali tax-xiri ta’ MVM, naqsu b’25 %. It-tnaqqis fil-ħtiġijiet ta’ MVM kien fil-parti l-kbira prevedibbli meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenza sinifikanti bejn il-prezzijiet uffiċjali fis-segment tal-utilità pubblika (il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi lill-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali) u l-prezzijiet osservati fis-segment ħieles fl-2003 u fl-2004.

Tabella 7

Differenzi fil-prezz bejn is-segment regolat u s-segment ħieles fis-suq bl-imnut fl-2003 u fl-2004

(HUF/kWh)

 

2003

2004

Prezz medju fis-suq ħieles

11,1

12,7

Prezzijiet medji fis-settur tal-utilità pubblika (53)

19

21,1

Sors: Data statistika dwar is-sistema tal-enerġija Ungeriża, 2006.

(224)

Il-prezzijiet fis-suq ħieles fil-fatt kienu jikkostitwixxu inċentivi ċari għall-konsumaturi eliġibbli sabiex jagħmlu użu mid-drittijiet tal-eliġibilità tagħhom. Fl-2003 u fl-2004 kien ukoll magħruf sewwa li l-adeżjoni imminenti tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea kienet se tfisser id-dħul fis-seħħ tat-Tieni Direttiva dwar l-Elettriku (54), u konsegwentement id-drittijiet tal-konsumaturi kollha li jsiru eliġibli mill-1 ta’ Lulju 2007, li kellu jwassal għal tnaqqis ulterjuri fil-ħtiġijiet ta’ MVM fuq perjodu ferm iqsar taż-żmien mill-validità li jifdal tal-PPAs.

(225)

Għalhekk, fl-2003 u fl-2004 kien evidenti li l-PPAs, li kienu tfasslu fil-kuntest ta’ Mudell ta’ Bejjiegħ Waħdieni li permezz tiegħu l-elettriku kollu meħtieġ mis-suq Ungeriż kien jgħaddi mingħand MVM, mhux biss kienu jimpedixxu lil MVM milli tiddiversifika l-portafoll tagħha tal-provvista u tikseb prezzijiet iżjed favorevoli billi tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tagħha, iżda kienu wkoll probabbli li jirriżultaw fl-obbligu ta’ MVM li tixtri iżjed enerġija milli fil-fatt ikollha bżonn.

(226)

Dan ir-riskju fil-fatt kien ġie identifikat mill-awtoritajiet pubbliċi. Fl-2002, il-Gvern Ungeriż ħareġ Digriet (55) li kien jeħtieġ li MVM tibda negozjar mill-ġdid tal-PPAs mal-produtturi kollha sabiex ikun aġġustat l-ammont ta’ kapaċità riżervata. Għalkemm dak id-Digriet ma kienx jeħtieġ it-tmiem tal-PPAs, huwa fih innifsu indikazzjoni ċara li l-ammonti ta’ kapaċità riżervati taħt il-PPAs (u sussegwentement, ix-xiri minimu ggarantit) kienu għolja ħafna fid-dawl tal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq bl-imnut. Dak id-Digriet introduċa wkoll il-possibilità għal MVM, f’każ li ma jirnexxilhiex ittemm in-negozjati mal-produtturi, li tbigħ il-kapaċitajiet u l-enerġija li jirriżultaw li huma aktar mill-ammonti fil-fatt meħtieġa sabiex tforni lis-segment irregolat, permezz ta’ tliet “mekkaniżmi ta’ rilaxx”: irkanti tal-kapaċità, offerti għall-kapaċità u bejgħ fuq pjattaforma ta’ kummerċ virtwali bbażata fuq l-Internet imsejħa “is-Suq” (“Piactér”). Għalkemm il-forma ta’ dawn it-tliet mekkaniżmi tvarja, it-tlieta li huma bażikament jinvolvu li MVM toffri għall-bejgħ fis-suq ħieles, fil-forma ta’ varjetà ta’ prodotti b’konsenja bil-quddiem, l-enerġija żejda li m’għandhiex bżonn biex tforni lis-settur tal-utilità pubblika iżda li jkollha tixtri skont it-termini tal-PPAs.

(227)

It-tabella segwenti turi data dwar l-ewwel tliet irkanti li għamlet MVM. Din turi li l-prezzijiet li rċeviet MVM għall-enerġija mibjugħa permezz tal-mekkaniżmi ta’ rilaxx kienu konsiderevolment inqas mill-prezzijiet imħallsa għall-istess enerġija bil-PPAs.

Tabella 8

L-ewwel tliet irkanti ta’ MVM

 

L-ewwel irkant Ġunju 2003

It-tieni irkant Diċembru 2003

It-tielet irkant Ġunju 2004

Prodotti tal-lowd bażi:

Ammonti ta’ elettriku li nbiegħu (GWh)

375

240

133

Prezzijiet tal-bejgħ fl-irkanti (HUF/kWh)

8,02

9,5

8,4

Prodotti tal-lowd meta jkun hemm l-inqas konsum:

Ammonti ta’ elettriku li nbiegħu (GWh)

 

259

421

Prezz tal-bejgħ fl-irkanti

 

5,6

3,5

Prezzijiet annwali medji bil-PPAs

 

2003

2004

 

11,3

11,7

(228)

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża fil-fatt kienet antiċipat dak l-effett u pprovdiet għal kumpens li kellu jitħallas mill-Istat Ungeriż lil MVM għat-telf li tagħmel minħabba d-differenza bejn il-prezz imħallas għall-ammonti rilaxxati permezz tal-irkanti tal-kapaċità u l-prezzijiet tal-bejgħ miksuba fis-suq. Fl-2003, il-kumpens imħallas lil MVM ammonta għal 3.8 biljun HUF (56). Skont ir-rapport annwali ta’ MVM għall-2004, il-kumpens fl-2004 żdied b’HUF 2.4 miljuni.

(229)

Mill-perspettiva tal-awtoritajiet pubbliċi, huwa ċar li sistema bħal din ma tistax tkun iġġustifikata fuq bażijiet kummerċjali billi tammonta għal sussidjar tal-bejgħ tal-produtturi għall-forniment lis-segment tas-suq ħieles.

(230)

It-tabella segwenti turi l-ammonti totali ta’ enerġija mibjugħa minn MVM permezz tal-kanali ta’ rilaxx bejn l-2003 u l-2004 fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija fl-24 ta’ Settembru 2007 u fil-21 ta’ April 2008.

Tabella 9

Ammonti mibjugħa minn MVM permezz tal-mekkaniżmi ta’ rilaxx

(TWh)

Sena

2003

2004

2005

2006

Bejgħ totali minn MVM permezz tal-mekkaniżmi ta’ rilaxx (57)

0,6

1,9

6,5

6,5

(231)

Huwa ċar li f’ċirkustanzi normali tas-suq, ix-xerrejja ma jidħlux f’kuntratti li jinvolvu riskju sinifikanti li jkunu mġiegħla jixtru aktar elettriku milli jkollhom bżonn u li jagħmlu telf sostanzjali meta jerġgħu jbigħu dik l-enerġija. Dan ir-riskju huwa teoretikament preżenti fil-kuntratti bil-quddiem u l-kuntratti fuq perjodu fit-tul konklużi minn konsumaturi finali kbar, iżda f’livell ferm inqas.

(232)

It-tul tal-kuntratti bil-quddiem huwa konsiderevolment inqas minn dak tal-PPAs. Ix-xerrej għandu perspettiva ġenerali ferm aħjar tal-ħtiġijiet tiegħu għal oqfsa ta’ żmien bħal dawn milli għal perjodu li jvarja minn 15 sa 27 sena. Barra minn hekk, ix-xerrejja ħafna drabi jkopru biss parti mill-ħtiġijiet mistennija tagħhom b’kuntratti bil-quddiem, u jixtru kwalunkwe ammonti addizzjonali li jkunu jeħtieġu mis-swieq ta’ dak il-ħin.

(233)

Il-kuntratti fuq perjodu fit-tul konklużi minn konsumaturi finali kbar ukoll jinkludu riskju limitat ta’ xiri eċċessiv minħabba l-perjodu limitat tagħhom, u anki minħabba li l-konsum tal-konsumaturi finali kbar industrijali u kummerċjali li jidħlu f’kuntratti bħal dawn huwa ġeneralment stabbli u prevedibbli, li mhuwiex il-każ ta’ MVM għar-raġunijiet spjegati aktar ‘il fuq.

(234)

Barra minn hekk, tajjeb wieħed ifakkar li taħt il-kuntratti bil-quddiem jew il-kuntratti tax-xiri fuq perjodu fit-tul konklużi mill-konsumaturi finali, ix-xerrejja jintrabtu li jixtru ċertu ammont ta’ enerġija bosta xhur jew snin qabel ma sseħħ il-konsenja proprja minħabba li l-kuntratt tagħhom tax-xiri jipprovdi protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet. Dan il-benefiċċju mhuwiex preżenti fil-PPAs minħabba li l-prezzijiet ikopru l-ispejjeż varjabbli, li minħabba l-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-fjuwil jistgħu jiżdiedu bi proporzjonijiet imprevedibbli.

Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(235)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-benefiċċji li kisbu l-awtoritajiet pubbliċi mill-PPAs ma jipprovdux il-protezzjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija li l-operatur medju tas-suq kien jistenna minn kuntratt fuq perjodu fit-tul u jinvolvu riskji sinifikanti li wieħed ikun imġiegħel jixtri enerġija aktar milli jkollu bżonn u li jsofri telf meta jerġa’ jbigħ l-ammonti żejda. Dawn ir-riskji kienu magħrufa sewwa mill-awtoritajiet Ungeriżi meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. It-tqabbil bejn il-PPAs u l-prattiċi kummerċjali standard fis-swieq tal-elettriku Ewropej juri li xerrej li jaġixxi fuq bażi purament kummerċjali ma kienx jaċċetta effetti detrimentali bħal dawn u kien jadotta strateġiji oħra ta’ xiri u jidħol f’tipi oħra ta’ ftehimiet b’mod konformi mal-prattika kummerċjali standard.

(236)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipji bażiċi tal-PPAs jagħtu vantaġġ lill-produtturi tal-enerġija li jmur lil hinn minn vantaġġ kummerċjali normali. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-prinċipji ewlenin tal-PPAs, jiġifieri r-riżerva tal-kapaċità fuq perjodu fit-tul, ix-xiri minimu ggarantit u l-mekkaniżmi tal-ipprezzar ibbażati fuq tariffa tal-kapaċità u tariffa tal-enerġija sabiex ikopru l-ispejjeż fissi, varjabbli u kapitali, ma jistgħux jiġu iżolati u vvalutati separatament. L-eżistenza ta’ vantaġġ tinsab fil-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi. Kif intwera hawn fuq, il-perjodu twil tal-PPAs jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-eżistenza ta’ vantaġġ.

(3)   L-impatt tal-PPAs fuq is-suq fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea

(237)

Fil-kummenti tagħhom il-partijiet interessati jargumentaw li l-prezzijiet applikati bil-PPAs mhumiex ogħla mill-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa. L-impjant tal-enerġija ta’ Mátra jisħaq b’mod partikolari li l-prezzijiet tiegħu huma kompetittivi minħabba li għandu minjiera tal-faħam tiegħu stess, u għalhekk għandu spejjeż baxxi għax-xogħol fil-minjieri. Konsegwentement, huma jikkonkludu li ma bbenefikaw minn ebda vantaġġ.

(238)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel ma’ dan l-argument.

(239)

L-ewwel nett, kif ġie diskuss fid-dettall hawn fuq, il-prezz li fil-fatt jitħallas taħt il-PPAs huwa konsegwenza waħda tal-PPAs iżda ma jikkostitwix il-qofol tal-vantaġġ involut fihom. Il-kummenti mill-istituzzjonijiet bankarji li saret referenza għalihom hawn fuq (ara b’mod partikolari l-premessi 175 u 176) jikkonfermaw ukoll li l-elementi kollha tal-PPAs li jiggarantixxu lill-unitajiet tal-produzzjoni l-profitt fuq l-investiment tal-assi u li jħarsu lill-produtturi mir-riskji kummerċjali tal-operat tagħhom jikkostitwixxu flimkien il-qofol tal-vantaġġ ta’ dawn il-ftehimiet.

(240)

It-tieni, id-differenza fil-prezzijiet meta mqabbel mal-prezzijiet tas-suq tiddependi fuq numru kbir ta’ fatturi marbuta mal-evoluzzjoni tas-suq li huma indipendenti mill-PPAs u jistgħu jiġu vvalutati biss a posteriori. Il-prezzijiet bil-PPAs huma prezzijiet tal-unità fi żmien partikolari; dawn ma jqisux il-vantaġġ li joħroġ mill-elementi l-oħra kollha tal-PPAs, bħalma huma l-kapaċitajiet u l-ammonti li l-produtturi setgħu biegħu kieku l-bejgħ tagħhom kien jiddependi fuq id-domanda tas-suq. Kif diskuss hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li hemm vantaġġ ekonomiku għall-produtturi li huwa inerenti għall-PPAs kollha taħt valutazzjoni, irrispettivament minn jekk fil-fatt iwassalx jew le, f’perjodu taż-żmien partikolari, għal prezzijiet ogħla mill-prezzijiet tas-suq.

(241)

Għall-finijiet ta’ kompletezza tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-kummenti li rċeviet u biex jiġu mifhuma aħjar il-konsegwenzi tal-PPAs f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni xorta qabblet il-prezzijiet tal-PPAs li fil-fatt ġew applikati mal-prezzijiet miksuba min-naħa tas-suq bl-ingrossa mhux kopert minn PPAs.

(242)

F’dan it-tqabbil, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-prezzijiet tal-2007 billi f’dik is-sena (aktar preċiżament, mid-9 ta’ Diċembru 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2007) il-prezzijiet tal-PPAs ġew sostitwiti mill-prezzijiet uffiċjali. Għaldaqstant, il-prezzijiet applikati mhux bilfors jirriflettu l-prezzijiet eżatti li kienet twassal għalihom l-applikazzjoni tal-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs.

(243)

Konsegwentement, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet applikati taħt il-PPAs mal-prezzijiet tas-suq ħieles mill-2004 sal-2006.

Tabella 10

Il-prezz medju tal-elettriku mibjugħ lil MVM taħt il-PPAs  (58)

HUF/kWh

Impjant tal-enerġija taħt PPA

2004

2005

2006

Blokok F ta’ Dunament

(…)

(…)

(…)

Blokk G2 ta’ Dunament

(…)

(…)

(…)

Tisza II

(…)

(…)

(…)

Pécs

(…)

(…)

(…)

Csepel II

(…)

(…)

(…)

Kelenföld

(…)

(…)

(…)

Újpest

(…)

(…)

(…)

Kispest

(…)

(…)

(…)

Mátra

(…)

(…)

(…)

Paks

(…)

(…)

(…)

Tabella 11

L-ammont u l-prezz medju tal-elettriku mibjugħ minn produtturi domestiċi mingħajr PPA lis-suq ħieles  (59)

Impjant tal-enerġija

2004

2005

2006

Ammont

(MWh)

Prezz

(HUF/kWh)

Ammont

(MWh)

Prezz

(Huf/kWh)

Ammont

(MWh)

Prezz

(HUF/kWh)

Mátra (blokok […])

989 097

8,15

972 813

8,33

1 082 699

9,26

Vértes

157 701

8,02

942 999

8,79

1 213 622

10,51

Dunamenti blokk […]

215 647

8,57

805 381

9,85

814 702

13,29

EMA

133 439

11,07

129 252

11,83

101 607

12,92

AES Borsod

(…)

(…)

18 301

11,25

n.a. (*4)

 

AES Tiszapalkonya

364 869

12,76

86 673

9,87

119 218

14,27

Tabella 12

L-ammont u l-prezz medju tal-importazzjonijiet ta’ elettriku mixtrija minn  (60)

Importazzjoni

2004

2005

2006

Ammont

(MWh)

Prezz

(HUF/kWh)

Ammont

(MWh)

Prezz

(HUF/kWh)

Ammont

(MWh)

Prezz

(HUF/kWh)

L-Ukraina permezz tas-Slovakkja([…] (*5))

1 715 200

[…] (*6)

1 525 600

[…] (*6)

1 311 400

[…] (*6)

L-Iżvizzera permezz tas-Slovakkja([…] (*5))

1 768 100

[…] (*6)

1 761 700

[…] (*6)

1 709 200

[…] (*6)

L-Iżvizzera([…] (*5))

631 700

[…] (*6)

629 500

[…] (*6)

626 200

[…] (*6)

(244)

Mill-2003, b’mod konformi mal-Att II dwar l-Enerġija (61), MVM neħħiet enerġija żejda (jiġifieri l-enerġija aktar milli kellha bżonn għas-segment tal-utilità pubblika) biex tiġi fornuta lis-suq kompetittiv permezz ta’ tliet kanali ta’ rilaxx: (i) irkanti pubbliċi tal-kapaċità tal-produzzjoni, (ii) offerti għall-kapaċità u (iii) il-pjattaforma virtwali tagħha ta’ kummerċ online, il-“Piactér”. It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta l-prezzijiet medji miksuba f’dan il-bejgħ:

Tabella 13

Prezz medju miksub mill-irkanti tal-kapaċità, l-offerti u s-Suq ta’ MVM  (62)

Sena tal-konsenja tal-prodott irkantat (*7)

Prezz medju peżat fl-irkanti tal-kapaċità

(HUF/kWh)

Sena tal-Offerti u l-bejgħ fis-Suq

Prezz medju fl-offerti u fis-Suq

(HUF/kWh)

2004

4,7

2004

6,5

Irkant tas-17.6.2002

Meta l-konsum ikun l-aktar baxx: 3,48

Bażi: 8,4

 

 

2005

5,4

2005

8,1

Irkant tad-9.12.2004

Meta l-konsum ikun l-aktar baxx: 4,54

Bażi: 8.32

 

 

Irkant tal-10.6.2005

Meta l-konsum ikun l-aktar baxx: 4,6

Base: 8,5

 

 

Irkant tal-21.7.2005

Bażi: 9,3

Meta l-konsum ikun l-aktar għoli: 10,42

 

 

2006

9,9

2006

9,1

Irkant tad-9.11.2005

Meta l-konsum ikun l-aktar baxx: 6,02

Bażi: 9,74

Meta l-konsum ikun l-aktar għoli: 11,76

 

 

Irkant tal-31.5.2006

Bazi: 11,33

 

 

(245)

Iċ-ċifri ta’ hawn fuq juru li l-prezzijiet medji li bihom inbiegħ l-elettriku fl-Ungerija fis-settur kompettiv fl-2004 bl-ingrossa varjaw bejn 4,7 u 12,76 HUF/kWh. Mill-ġeneraturi bil-PPAs, l-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Paks u Mátra biegħu lill-MVM bi prezzijiet f’dik il-firxa. Dunament […] biegħet l-elettriku tagħha taħt il-PPA bil-prezz ta’ […], l-ogħla prezz ([…]) miksub mingħajr PPA. Il-ġeneraturi l-oħra kollha talbu mingħand l-MVM prezz medju bejn 13,86 u 25,46 HUF/kWh. Dan il-prezz huwa 10 % sa 100 % ogħla mill-ogħla prezz fis-suq ħieles.

(246)

Fl-2005, il-prezzijiet tal-bejgħ barra mill-PAAs li qed ikun evalwat, varjaw bejn 5,4 u 12,91 HUF/kWh. Mill-ġeneraturi bil-PPA, l-impjanti tal-enerġija ta’ Paks u Mátra biss biegħu l-elettriku taħt il-PPAs tagħhom f’din il-firxa ta’ prezzijiet. Il-ġeneraturi l-oħra kollha talbu prezz medju għall-elettriku tagħhom taħt il-PPA bejn 13,99 u 25,64 HUF/kWh. Dan il-prezz huwa minn 10 % sa 100 % ogħla mill-ogħla prezz fis-suq ħieles.

(247)

Fl-2006, il-prezzijiet tal-bejgħ barra mill-PAAs imsemmija varjaw bejn 9.1 u 14.27 HUF/kWh. Mill-ġeneraturi bil-PPA, l-impjanti tal-enerġija ta’ Paks u Mátra biss biegħu l-elettriku taħt il-PPAs tagħhom f’din il-firxa ta’ prezzijiet (fil-każ ta’ Paks, attwalment inqas mill-aktar prezz baxx fis-suq ħieles). Il-ġeneraturi l-oħra kollha talbu prezz medju għall-elettriku tagħhom taħt il-PPA bejn 16,67 u 33,49 HUF/kWh. Dan huwa bejn 15 % u 135 % ogħla mill-ogħla prezz fis-suq ħieles.

(248)

Il-kalkoli ta’ hawn fuq huma bbażati fuq ċifri ta’ prezzijiet medji, jiġifieri ma jikkalkulawx b’mod separat bi prezzijiet mhux tal-ogħla konsum, prezzijiet ta’ konsum bażi jew prezzijiet tal-ogħla konsum. Ġeneraturi li prinċipalment ibiegħu prodotti tal-ogħla konsum, fin-nuqqas ta’ PPAs (63) jargumentaw li l-prezzijiet tagħhom m’għandhomx jitqabblu mal-prezzijiet ta’ konsum bażi. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-prezzijiet tal-ogħla konsum tal-elettriku normalment huma ogħla mill-prezzijiet tal-konsum bażi tal-elettriku. Meta wieħed iqabbel dawk il-prezzijiet mal-bejgħ fis-suq ħieles (pereżempju, fl-irkantijiet tal-elettriku mill-MVM), prodotti tal-ogħla konsum juru livell ta’ prezz medju ta’ madwar 10-30 % ogħla mill-prezzijiet ta’ konsum bażi.

(249)

Madankollu, meta jitqabblu l-prezzijiet ta’ Csepel, Dunament F u […] ma’ prezzijiet tal-ogħla konsum miksuba fl-irkantijiet tal-kapaċità, wieħed jara li l-prezzijiet tagħhom huma ogħla mill-prezz ta’ kwalunkwe prodott tal-ogħla konsum tal-elettriku miksub fl-irkantijiet matul dawn is-snin. Barra minn hekk, fost il-ġeneraturi li jbiegħu l-elettriku mingħajr PPA lis-suq ħieles u elenkati fit-Tabella 11 ta’ hawn fuq, hemm ftit (pereżempju l-impjant EMA) li biegħu ukoll prinċipalment prodotti tal-ogħla konsum tal-elettriku.

(250)

It-tqabbil ta’ hawn fuq juri li l-prezzijiet PPA tal-ġeneraturi taħt PPA fis-snin mill-2004 sal-2006, bl-eċċezzjoni tal-impjanti tal-enerġija ta’ Paks u Mátra, kienu attwalmewnt ogħla mill-ogħla prezzijiet fis-suq ħieles.

(251)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argumenti tal-partijiet interessati li l-prezzijiet PPA tagħhom ma kinux ogħla mill-prezzijiet fis-suq ħieles.

(252)

Safejn huma kkonċernati l-impjanti tal-enerġija ta’ Paks u Mátra, it-tabelli ta’ hawn fuq juru li l-prezzijiet tagħhoim kienu anqas mill-ogħla prezz miksub fis-suq ħieles. Il-prezzijiet tal-impjant ta’ Mátra kienu fl-ogħla firxa tal-prezzijiet fis-suq ħieles. Għalkemm il-prezzijiet tagħha huma tabilħaqq potenzjalment aktar kompetittivi mill-maġġoranza tal-prezzijiet PPA, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li ma setgħetx tikseb mill-inqas l-istess prezzijiet mingħajr il-PPA tagħha. Il-Kummissjoni tinnota li l-prezzijiet miksuba minn Mátra mill-bejgħ tal-blokki tagħha mingħajr PPA kienu sostanzjalment anqas mill-prezzijiet PPA tagħha.

(253)

Il-Kummissjoni tagħraf li l-prezzijiet miksuba fis-settur tas-suq ħieles (mingħajr PPAs) ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkorrispondu mal-prezz eżatt tas-suq ħieles li l-ġeneraturi kienu jiksbu mingħajr PPAs kieku l-PPAs ma kinux jeżistu fil-perjodu msemmi. Il-PPAs li jkopru madwar 60 % tas-suq tal-ġenerazzjoni mingħajr dubju jkolhom impatt fuq il-prezzijiet fil-bqija tas-suq. Madankollu, dan it-tqabbil jagħti indikazzjoni tad-daqs tad-differenza bejn il-PPA u l-prezzijiet “mhux PPA” attwalment osservati.

Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

(254)

L-impjanti tal-enerġija ta’ Budapest u Csepelk argumentaw li l-PPAs għandhom jitqiesu li qed jimplimentaw l-SGEIs bil-għan li li tkun żgurata l-provvista tal-elettriku. Huma jqisu li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni Altmark, li jfisser li l-PPAs tagħhom ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(12) tat-Trattat KE.

(255)

Il-Kummissjoni analizzat dawn l-argumenti u ma tistax taqbel magħhom għar-raġunijiet li ġejjin.

(256)

Skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddefinixxu s-servizzi li huma jqisu bħala SGEIs. Id-definizzjoni tal-firxa tal-SGEIs fi Stat Membru hija, fil-limiti ddefiniti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, prerogattiva tal-Istat innifsu u mhumiex il-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna li jikkwalifikaw is-servizz tagħhom stess bħala servizz pubbliku.

(257)

Matul il-proċedura attwali, madankollu, l-awtoritajiet Ungeriżi qatt ma ssottomettew l-argument li xi wieħed mill-ġeneraturi pprovda SGEI, u lanqas appoġġaw l-argumenti tal-ġeneraturi f’dak is-sens.

(258)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-PPAs ma jissodisfawx il-kriterji kollha stabbiliti fid-deċiżjoni Altmark.

(259)

L-ewwel, skont is-sentenza Altmark, l-intrapriża reċipjenti hija attwalment meħtieġa twettaq servizz pubbliku u l-obbligi marbuta ma’ dak is-servizz għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar mill-Istat Membru.

(260)

Fiż-żmien li qed ikun evalwat, l-MVM kellha l-obbligu tas-sigurtà tal-provvista taħt il-leġiżlazzjoni Ungeriża, imma dan l-obbligu kien obbligu ġenerali fejn ix-Xerrej Uniku dak iż-żmien kellu jiżgura l-provvista meħtieġa tal-enerġija biex ikopri d-domanda totali; madankollu, ma tinkariga l-ebda ġeneratur speċifiku bi SGEI ddefinit.

(261)

L-objettiv tas-sigurtà tal-provvista huwa ta’ natura ġenerali ħafna. Sa ċertu punt, wieħed jista’ jqis li kwalunkwe ġeneratur fis-settur tal-elettriku jikkontribwixxi għall-ksib ta’ dan l-objettiv. Il-partijiet interessati naqsu milli jissottomettu xi dokument uffiċjali tal-Istat Ungeriż li jiddefinixxi SGEI b’mod ċar u li jinkariga ġeneratur speċifiku (jew ġeneraturi speċifiċi) bil-provvista ta’ dak is-servizz speċifiku.

(262)

Il-PPAs infushom huma simili f’dan ir-rigward: huma jiffissaw l-obbligi tal-partijiet imma ma jiddefinixxux obbligu ta’ servizz pubbliku speċifiku. Il-fatt li l-għaxar impjanti tal-enerġija kollha taħt PPAs iridu jirriżervaw il-kapaċitajiet tagħhom lill-MVM minnu nnifsu ma jfissirx li huma inkarigati b’mod speċifiku b’obbligu ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, tali mudell jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-ġenerazzjoni kollha tal-enerġija twettaq SGEI – li b’mod ċar ikun fi ksur tal-ispirtu, li l-leġiżlazzjoni u l-prattika Komunitarja jridu jagħtu lil dan il-kunċett.

(263)

Fil-każ attwali, l-obbligi allegati ta’ servizz pubbliku mhumiex iddefiniti b’mod ċar u m’hemm l-ebda ġeneratur speċifiku meħtieġ biex iwettaq xi tali obbligu ta’ servizz pubbliku ddefinit b’mod konkret.

(264)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs huma dokumenti li jinkarigaw lill-ġeneraturi b’SGEIs. Imma l-PPAs ma fihom ebda definizzjoni speċifika ta’ SGEIs u ma jirreferux għal dawn l-obbligi jew għal dispożizzjonijiet ġuridiċi li jistgħu jkunu bażi għall-Istat biex jafda l-SGEIs lil entitajiet oħra.

(265)

Fid-deċiżjonijiet tagħha sallum (64), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-sigurtà tal-provvista tista’ tkun SGEI suġġetta għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 96/92/KE (li jikkorrispondi mal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE), jiġifieri sakemm il-ġeneraturi kkonċernati prinċipalment jużaw għejun primarji tal-fjuwils tal-enerġija biex jipproduċu l-enerġija indiġeni u li l-volum totali tal-enerġija fi kwalunkwe sena kalendarja ma jaqbiżx il-15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkonsmat fl-Istat Membru kkonċernat.

(266)

L-uniku ġeneratur li ssottometta li juża fjuwil tal-enerġija primarju indiġenu kienet l-impjant tal-enerġija ta’ Mátra. Madankollu, l-impjant tal-enerġija ta’ Mátra ma pproduċiet l-ebda dokument uffiċjali li juri li l-Istat Ungeriż kien inkarigaha b’mod speċifiku bi SGEI ddefinit b’mod ċar.

(267)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ikollha twarrab il-pretensjoni li l-PPAs iwettqu obbligu ta’ servizz pubbliku fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista.

(268)

It-tieni, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens kellhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u l-kumpens m’għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom magħmula fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, meta wieħed iqis id-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi (65).

(269)

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-SGEIs li jridu jiġu pprovduti, b’mod partikolari waħda li tagħmel distinzjoni ċara bejn is-servizzi li għandhom jingħataw u l-operazzjonijiet kummerċjali normali tal-impjanti tal-enerġija, huwa impossibbli li jkunu stabbiliti parametri għal kumpens u/jew li jkun iddeterminat jekk il-kumpens jaqbiżx l-ammont meħtieġ sabiex ikunu koperti l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Lanqas ma huwa possibbli li jkun iddefinit bl-eżatt x’inhuwa l-kumpens.

(270)

L-eżistenza ta’ ċerti parametri biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet PPA mhijiex ekwivalenti għall-eżistenza ta’ parametri preċiżi biex ikun ikkalkulat il-kumpens għall-SGEIs, ladarba l-prezz mhuwiex daqs il-kumpens. Barra minn hekk, il-fatt li l-prezz ikopri biss l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku flimkien ma’ marġni għall-qligħ ma jfissirx li ma jinkludi l-ebda kumpens żejjed, minħabba li ħafna mill-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jkunu l-ispejjeż normali koperti minn kwalunkwe ġeneratur tal-elettriku kuntrarjament għall-ispejjeż żejda assoċjati mal-SGEIs.

(271)

It-tielet, fejn il-kumpanija li għandha twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku ma tkunx intgħażlet permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-livell ta’ kumpens meħtieġ irid ikun iddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika, immexxija sew u pprovduta b’mezzi xierqa tal-produzzjoni biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, tkun għamlet biex twettaq dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul assoċjat u qligħ raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi tagħha.

(272)

Disgħa mill-għaxar PPAs kienu ffirmati mingħajr proċeduri ta’ sejħa għall-offerti. Anki fl-unika proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-impjant tal-enerġija ta’ Kispest, ma kien iddefinit l-ebda objettiv speċifiku għall-SGEIs. Dan jagħmilha diffiċli li wieħed jevalwa liema parti eżatta tal-ħidmiet tal-impjant tal-enerġija tikkorrispondi għall-SGEI u b’hekk x’ikun il-livell ta’ kumpens li ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż magħmula fit-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

(273)

Barra minn hekk, la l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-partijiet interessati ma pprovdew analiżi tal-ispejjeż tal-ġeneraturi msemmija bħala appoġġ għall-asseriment li huma jikkorrispondu għall-ispejjeż magħmula minn impriża tipika.

(274)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tinnota li, bl-eċċezzjoni tal-PPA ta’ Kispest, il-PPAs l-oħra kollha li qed ikunu evalwati kienu ffirmati mingħajr proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

(275)

Għaldaqstant il-PPAs ma jissodisfawx il-kriterji tas-sentenza Altmark.

(276)

Il-partijiet interessati argumentaw li l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE jista’ japplika għall-PPAs anki meta ma jissodisfawx il-kriterji tas-sentenza Altmark. Il-kompatibilità tal-miżura mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE hija evalwata taħt il-punt 7.7 ta’ din id-Deċiżjoni.

Selettività

(277)

Il-PPAs kienu konklużi ma’ għadd ta’ kumpaniji f’ċertu settur tal-ekonomija. Il-kumpaniji li bbenefikaw mill-PPAs msemmija huma elenkati fit-Tabella 1 ta’ hawn fuq.

(278)

AES-Tisza targumenta li l-PPAs mhumiex selettivi minħabba li ftehimiet fuq medda twila ta’ żmien jeżistu fis-settur tal-elettriku kollu: bejn l-MVM u l-ġeneraturi, bejn l-MVM u l-kumpaniji tad-distribuzzjoni, u għall-importazzjoni tal-elettriku. Huma jargumentaw li, minħabba l-miżuri leġiżlattivi ta’ dak iż-żmien fl-Ungerija, il-ġeneraturi kollha kellhom ftehimiet mal-MVM u impjanti ta’ enerġija li tiġġedded u ta’ koġenerazzjoni biss kellhom ftehimiet fuq medda qasira ta’ żmien.

(279)

L-awtoritajiet Ungeriżi osservaw fis-sottomissjonijiet tagħhom li jirrelataw għall-kummenti tal-partijiet interessati li impjanti tal-enerġija importanti u blokki ta’ impjanti tal-enerġija ibiegħu l-elettriku fis-suq ħieles mingħajr PPAs u teħid mandatorju (pereżempju l-blokk ta’ Dunament G1, l-impjant tal-enerġija ta’ Vértes u l-blokki ta’ Mátra I-II).

(280)

Tabilħaqq, hemm impjanti tal-enerġija importanti u blokki li joperaw mingħajr PPAs (ara l-eżempji pprovduti mill-awtoritajiet Ungeriżi). Il-kumpanija AES nnifisha hija l-proprjetarja ta’ żewġ impjanti tal-enerġija li ma joperawx taħt PPAs.

(281)

Il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li miżura ta’ għajnuna mhijiex immirata lejn reċipjent wieħed speċifiku jew aktar iddefiniti minn qabel, imma li l-benefiċjarji huma identifikati fuq il-bażi ta’ għadd ta’ kriterji oġġettivi, ma jfissirx li din il-miżura ma tagħtix vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji. Il-proċedura għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ma taffettwax in-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura (66).

(282)

Barra minn hekk, huwa kkonfermat ukoll mill-każistika tal-Qorti li anki miżura li tiffavorixxi settur sħiħ imqabbel ma’ setturi oħra tal-ekonomija f’sitwazzjoni komparabbli trid titqies bħala li tagħti vantaġġ selettiv lil dak is-settur (67).

(283)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs jikkostitwixxu miżura selettiva.

Riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(284)

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-PPAs involvewx it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

(285)

Il-prinċipju ewlieni tal-PPAs kollha li qed ikunu evalwati huwa l-obligu ta’ xiri mill-MVM ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni fissa u kwantitajiet minimi fissi ta’ enerġija ġġenerata bi prezz li jkopri l-ispejjeż fissi u varjabbli tal-impjant tal-enerġija, fuq medda ta’ 15 sa 27 sena. F’termini ekonomiċi, dan l-obbligu ta’ xiri joħloq obbligu kontinwu għall-MVM li tħallas ċertu prezz għal ċerta kapaċità (tariffa tal-kapaċità) u ċerta kwantità ta’ enerġija (tariffa tal-enerġija) lill-ġeneraturi tal-enerġija tul il-medda kollha tal-kuntratt. Aktar obbligi finanzjarji tal-MVM huma stabbiliti fil-PPAs individwali, kif deskritt taħt il-Kapitolu 2 ta’ hawn fuq. Dan it-trasferiment kontinwu ta’ riżorsi finanzjarji lill-ġeneraturi u l-ħlas tat-tariffi msemmija huma inerenti fil-PPAs kollha u huma preżenti għall-medda kollha tal-kuntratti. Naturalment, aktar ma tkun twila l-medda tal-PPA, aktar ikun għoli l-ammont tar-riżorsi ttrasferiti.

(286)

Biex ikun stabbilit jekk ir-riżorsi ttrasferiti mill-MVM lill-ġeneraturi jikkostitwixxux riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni evalwat il-miżura fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin b’mod partikolari:

Eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat – is-sentenza PreussenElektra  (68)

(287)

Fis-sentenza PreussenElektra, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat mekkaniżmu li taħtu kumpaniji ta’ proprjetarji priati kienu mġiegħla mill-Istat biex jixtru l-elettriku mingħand produtturi tal-elettriku speċifiċi bi prezz ifissat mill-Istat u ogħla mill-prezz tas-suq. Il-Qorti ddeċidiet li, f’tali każ, ma kienx hemm trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi u għaldaqstant ma kienx hemm għajnuna mill-Istat.

(288)

Il-Kummissjoni tqis li l-iskema Ungeriża hija differenti b’mod sinifikanti mis-sistema eżaminata mill-Qorti fid-deċiżjoni msemmija qabel, partikolarment minħabba d-differenza fl-istruttura tas-sjieda tal-kumpaniji taħt obbligu ta’ xiri.

(289)

Il-kumpanija li l-Istat impona fuqha l-obbligu ta’ xiri kienet ta’ proprjetarji privati fil-każ PreussenElektra, waqt li l-MVM hija totalment proprjetà tal-Istat. Għaldaqstant ir-riżorsi użati huma riżorsi li jappartjenu lil u huma kkontrollati minn kumpanija li hija totalment proprjetà tal-Istat.

(290)

Fil-kaważ PreussenElektra, meta kienu intraċċati l-flejjes mill-benefiċjarju lura għall-oriġini tagħhom, instab li dawn qatt ma kienu taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-Istat. Madankollu, fil-każ attwali, dawn ikunu taħt il-kontroll tal-Istat minħabba li, meta kienu ntraċċati lura għall-oriġini tagħhom, wieħed jista’ jara li jmorru għand kumpanija tal-Istat.

L-Imputabbiltà lill-Istat: id-deċiżjoni Stardust  (69)

(291)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-imġiba tal-MVM hija imputabbli għall-Istat Ungeriż. Wieħed irid iżid li l-awtoritajiet Ungeriżi, matul il-proċedura attwali, qatt ma argumentaw li l-PPAs ma kinux imputabbli għall-Istat u li b’hekk ma nvolvewx it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

(292)

Il-prinċipju sottostanti tal-obbligu ta’ xiri tal-MVM imfassal biex jiggarantixxi l-vijabilità tal-impjanti tal-enerġija kkonċernati huwa imputabbli għall-Istat Ungeriż. Minħabba li dan il-prinċipju ewlieni li jirregola l-PPAs matul il-medda taż-żmien kollha tagħhom kien stabbilit meta l-PPAs daħlu fis-seħħ, il-Kummissjoni trid teżamina l-kundizzjonijiet tal-iffirmar tal-PPAs (jiġifieri ċ-ċirkustanzi tal-istabbiliment ta’ dan il-prinċipju ewlieni) biex ikun ikkjarifikat jekk huwiex imputabbli għall-Istat Ungeriż.

(293)

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni tal-imputabbiltà, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(294)

Fiż-żmien meta daħlu fis-seħħ il-PPAs, taħt l-Att dwar l-Enerġija I, l-MVM kellha l-obbligu ġuridiku li tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-Ungerija bl-inqas spiża possibbli.

(295)

L-istess Att dwar l-Enerġija I kien jirrikjedi lill-MVM li tevalwa d-domandi għall-enerġija elettrika u tagħti bidu għall-estensjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni skont il-pronjożi li tirriżulta mill-evalwazzjoni. L-MVM kellha tħejji Pjan Nazzjonali ta’ Kostruzzjoni ta’ Impjanti tal-Enerġija (“Országos Erőműépítési Terv”) li mbagħad kellu jkun sottomess lill-Gvern u lill-Parlament għall-approvazjoni.

(296)

Il-Gvern Ungeriż U l-partijiet interessati kollha qablu fil-kummenti tagħhom li meta kienu konklużi l-PPAs ikkostitwixxew l-għodda identifikata mill-Gvern Ungeriż biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista u objettivi oħra tal-gvern, bħall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija partikolarment rigward l-istandards prevalenti tal-ħarsien tal-ambjent, u r-ristrutturar meħtieġ tas-settur (70). Kif tistqarr l-impjant tal-enerġija ta’ Csepel fil-kummenti tagħha: “Għaldaqstant il-PPA trid tkun evalwata ta’ dak li hi: parti integrali mit-tentatti tal-Istat Ungeriż permezz tal-MVM biex jibni portafoll ta’ ġenerazzjoni ddiversifikata fi żmien meta l-Istat ma kellux il-mezzi finanzjarji biex jikseb dan waħdu.” (71)

(297)

L-Awtoritajiet Ungeriżi informaw lill-Kummissjoni (72) li t-tħejjija għall-iffirmar tal-PPAs kienet bdiet fl-ambitu tal-proċedura ta’ privatizzazzjoni għall-impjanti tal-enerġija, fuq il-bażi tad-Digriet tal-Gvern 1114/1994 (XII.7.). Il-proċedura sħiħa tat-tfassil tal-PPAs u l-privatizzazzjoni kienet ikkaratterizzata minn kooperazzjoni qawwiija bejn l-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż (ir-regolatur), il-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ, il-Ministeru tal-Finanzi, l-“Allami Vagyonügynökség Rt” jiġifieri l-korp tal-gvern responsabbli għall-privatizzazzjoni, l-MVM, u għadd ta’ konsulenti internazzjonali.

(298)

F’dan l-ambitu twaqqaf kumitat tax-xogħol b’rappreżentanti mill-korpi ta’ hawn fuq, li adotta linji gwida rigward l-abbozzar, fost affarijiet oħra, tal-PPAs u l-metodi li jistabbilixxu l-prezzijiet.

(299)

Fuq talba tal-Gvern Ungeriż, PPA standard kienet abbozzata minn kumpanija legali internazzjonali. L-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw li l-PPAs kienu msejsa fuq dan il-mudell standard. Huma kkonfermaw ukoll li l-mekkaniżmu li jiffissal-prezzijiet tal-PPAs kien tħejja fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Gvern 1074/1995 (III.4.) dwar ir-regolazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija elettrika, li kienet tinkludi regoli ddettaljati dwar il-kalkolu tal-prezzijiet tal-elettriku rregolati. Il-PPAs ħadu f’idejhom il-formuli u d-definizzjonijiet tad-Deċiżjoni (73) tal-Gvern.

(300)

Id-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-PPAs ittieħdet mill-Bord tad-Diretturi tal-MVM, kemm fl-ambitu tal-privatizzazzjoni kif ukoll wara. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi kienu eletti mil-Laqgħa Ġenerali. Skont l-informazzjoni li waslet għand l-awtoritajiet (74) Ungeriżi, “minħabba li 99 % tal-MVM hija proprjetà tal-Istat, il-membri tal-Bord tad-Diretturi jinħatru, jiġu eletti u jitneħħew skont kif jiddeċiedi l-Istat”.

(301)

Skont id-Digriet tal-Gvern 34/1995 (IV.5.) dwar l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Enerġija I, l-MVM kienet meħtieġa torganizza sejħa għall-offerti fi żmien disgħin jum wara l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Kostruzzjoni ta’ Impjanti tal-Enerġija.

(302)

Il-PPA tal-impjant tal-enerġija ta’ Kispest kien iffirmat wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti f’konformità mal-proċedura ġuridika stabbilita hawn taħt.

(303)

Linji Gwida Konġunti tal-Ministeru responsabbli u l-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż inħarġu fl-1997 rigward il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija u r-regoli ġenerali tal-proċedura għas-sejħiet għall-offerti.

(304)

Il-Linji Gwida Konġunti stabbilixxew ir-raġunijiet ewlenin għall-ħtieġa li tkun ittrasformata l-istruttura tas-sjieda u l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija ġodda. Huma jidentifikaw il-miri b’mod ċar: is-sigurtà tal-provvista bl-inqas spiża possibbli, modernizzazzjoni li tissodisfa l-istandards tal-ħarsien tal-ambjent, diversifikazzjoni tal-għejun tal-enerġija primarji, park tal-impjanti tal-enerġija aktar flessibbli li jkun fih ir-riżervi meħtieġa u li jkun kapaċi jikkopera mas-sistema tal-Elettriku tal-Ewropa tal-punent. Huma jenfasizzaw ukoll li l-operat tal-park tal-impjanti tal-enerġija tal-ġejjieni “għandu jippermetti l-operat u l-manutenzjoni bi qligħ, bi żvilupp tal-prezzijiet li jkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi” (75).

(305)

Taħt il-punt 2, il-Linji Gwida Konġunti tal-Ministeru u l-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż jgħidu wkoll li l-implimentazzjoni tal-miri ta’ hawn fuq għandha tagħti “sistema tal-elettriku moderna li tissodisfa r-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent, tiggarantixxi l-kooperazzjoni Ewropea, id-dħul fuq investimenti ġġustifikati u l-ispejjeż li jinġarru minn detenturi ta’ liċenzji li joperaw b’mod effiċjenti, kif ukoll prezzijiet li jinkludu qligħ meħtieġ għal operazzjoni durabbli. Il-miri kollha ta’ hawn fuq għandhom jinkisbu b’mod li jiggarantixxi […] is-sigurtà tal-provvista ta’ enerġija primarja, jagħti s-setgħa lil dawk kollha li għandhom il-ħsieb jinvestu f’dan il-qasam biex iħossu li l-investimenti tagħhom, id-dħul fuq l-investimenti isiru b’mod sigur, […] it-twettiq tal-intenzjonijiet iddikjarati tal-gvern isir b’mod sigur.”

(306)

Il-Linji Gwida Konġunti imbagħad jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni rrelatata għall-istabbiliment tal-kapaċitajiet tal-impjanti tal-enerġija.

(307)

Kumitat ta’ Evalwazzjoni Ewlieni (“Értékelő Főbizottság”) għamel il-proposta finali lir-rebbieħ tas-sejħa għall-offerti. Il-membri ta’ dan il-Kumitat kienu r-rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ekonomija, il-Ministeru tal-Ambjent, l-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż, l-MVM u l-Bank ERSTE. Id-deċiżjoni finali ttieħdet mill-Bord tad-Diretturi tal-MVM. Taħt il-Linji Gwida Konġunti, ir-riżultat uffiċjali tas-sejħa għall-offerti kellu jkun ippubblikat (b’mod esklussiv) fil-bulettin uffiċjali tal-Ministeru.

(308)

L-att dwar l-Enerġija II inbena b’mod li jippresupponi l-eżistenza tal-PPAs. Dan l-Att Parlamentari li huwa l-qafas ġuridiku ewlieni għall-operat tas-suq tal-enerġija Ungeriż fil-medda ta’ żmien li qed tkun evalwata jirreferi diversi drabi għall-obbligi ta’ xiri fuq medda twila ta’ żmien tal-MVM.

(309)

L-Artikolu 5(2) tad-Digriet tal-Gvern Nru 183/2002 (VIII.23.) dwar spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati jistabbilixxi obbligu għall-MVM li tibda n-negozjar mill-ġdid tal-PPAs biex tnaqqas il-kapaċitajiet mixtrija. Għaldaqstant id-digriet jobbliga lill-MVM li tipproponi li l-PPAs ikunu emendati.

(310)

AES-Tisza argumentat fl-osservazzjonijiet tagħha li l-prezzijiet taħt il-PPAs ma kinux imputabbli għall-Istat wara ż-żmien ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet (jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2004, bl-eċezzjoni tar-regolazzjoni ġdida tal-prezzijiet fl-2007), imma kienu r-riżultat ta’ negozjati bejn l-impjanti tal-enerġija u l-MVM.

(311)

Il-Kummissjoni tagħraf li l-ammont eżatt ta’ riżorsi ttrasferiti lill-benefiċjarji ma jiddependix biss fuq il-klawsoli inklużi fil-PPAs, li huma imputabbli għall-Istat, imma wkoll għal negozjati bilaterali perjodiċi mwettqa mill-MVM mal-ġeneraturi. Fil-fatt, il-PPAs joffru ċerta latitudni lill-partijiet biex jinnegozjaw il-kwantitajiet tal-elettriku attwalment mixtrija mill-MVM kif ukoll ċerti komponenti tal-prezz, notevolment fir-rigward il-kalkolu tat-tariffi tal-kapaċità, li kif hemm indikat fil-premessa 356 tiddependi fuq għadd ta’ fatturi u teħtieġ aġġustamenti perjodiċi. Madankollu, in-negozjati dwar il-kwantitajiet mixtrija qatt ma jistgħu jwasslu għal kwantitajiet inqas mill-minimu ggarantit fil-livell ta’ teħid stabbilit fil-PPAs. Bl-istess mod, in-negozjati dwar il-prezzijiet jistgħu jitwettqu biss fil-qafas tal-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-prezzijiet stabbiliti fil-PPAs, li huma imputabbli għall-Istat. Għaldaqstant in-negozjati dwar il-prezzijiet ma kkontestawx il-prinċipju tal-obbligu ta’ xiri li jkopri l-ispejjeż iġġustifikati u livell ta’ qligħ meħtieġ għall-operat tal-impjant tal-enerġija.

(312)

Barra minn hekk, il-fatt li l-PPAs jipprevedu r-riżerva tal-maġġoranza tal-kapaċitajiet tal-impjanti tal-enerġija taħt il-PPAs u ħlas għal dawn il-kapaċitajiet minnu nnifsu huwa trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-benefiċjarji, independentement minn negozjati perjodiċi bejn l-MVM u l-ġeneraturi.

(313)

Fil-kummenti (76) tagħhom, il-partijiet interessati kollha qablu li l-formuli ewlenin u d-definizzjonijiet applikati fuq il-bażi tal-PPAs wara l-1 ta’ Jannar 2004 segwew ir-regoli ewlenin tar-regolazzjoni tal-prezzijiet. […] (77) nnifisha tispjega kemm fil-kummenti tagħha msemmija hawn fuq kif ukoll fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ li n-negozjati dwar il-prezzijiet “ikkjarifikaw” l-applikazzjoni tal-formuli tal-prezzijiet u “interpretat” l-kontenut (*8) tagħha. Hija tirrikonoxxi li l-prezzijiet PPA minn dejjem kienu bbażati fuq l-ispejjeż, billi jkopru spejjeż iġġustifikati, u li mill-bidu kienu ġeneralment iqisu l-metodu tal-kalkolu tal-prezz applikat mid-digrieti dwar il-prezzijiet.

(314)

Barra minn hekk […] tispjega li l-formuli tal-prezzijiet tal-emenda […] għall-PPA tagħha huma bbażati fuq id-digrieti tal-gvern: “Il-formuli fl-Emenda […] (Skeda […] Anness […]) għall-kalkolu tat-tariffa tad-disponibbiltà hija l-istess bħal dik inkluża fid-Digrieti applikabbli (referenza fin-nota f’qiegħ il-paġna għad-Digriet 55/1996 tal-Ministeru tal-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu (IKIM) u d-Digriet 46/2000 tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi (GM), u l-aħħar wieħed applikabbli (rigward il-ġeneraturi) qabel l-1 ta’ Jannar 2004 kien id-Digriet 60/2002 tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u t-Trasport (GKM)) li stabbilixxa d-disponibbiltà massima (= il-kapaċità) u t-tariffi tal-enerġija għall-ġeneraturi elenkati hemmhekk.”

(315)

Dan ta’ fuq juri li la n-negozjati dwar il-prezzijiet u lanqas l-emendi għall-PPAs ma affettwaw il-prinċipju ewlieni tal-PPAs kif stabbilit fiċ-ċirkustanzi deskritti, meta l-PPAs kienu ffirmati. L-istess prinċipju ta’ obbligu ta’ xiri biex ikun żgurat dħul fuq l-investiment jirregola l-PPAs illum.

(316)

Huwa evidenti miċ-ċirkustanzi ta’ hawn fuq li l-eżistenza tal-obbligu ta’ xiri tal-MVM rigward il-ġeneraturi tal-enerġija, bil-prinċipju li jkunu koperti l-ispejjeż fissi u varjabbli ġġustifikati, huwa imputabbli għall-Istat Ungeriż.

(317)

Barra minn hekk, hija każistika stabbilita li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat biss meta jingħata vantaġġ lil impriżi permezz ta’ mobilizzazzjoni diretta u ċara tar-riżorsi tal-Istat, imma wkoll meta l-għoti tal-vantaġġ jista’, jekk ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonaijiet fil-ġejjieni, jinvolvi piż finanzjarju addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi li ma kienx ikollhom iġorru kieku ma ngħatax (78) il-vantaġġ. Fl-2004, kien ċar li l-MVM se ġġorr tali piż addizzjonali fil-każ potenzjali li l-ġeneraturi u l-importaturi tal-enerġija mhux ingaġġati fil-PPAs joffru prezzijiet aktar baxxi mill-prezzijiet PPA, minħabba li l-iżvilupp ta’ tali offerti kien joħloq inċentivi għall-MVM biex timmodifika l-portafoll tal-provvista tagħha u konsegwentement tnaqqas il-kwantitajiet mixtrija mingħand il-ġeneraturi tal-enerġija attwalment taħt il-PPAs u tikseb tnaqqis fil-prezzijiet mingħandhom. Madankollu, minħabba l-obbligi tagħha li jitnisslu mill-PPAs, l-MVM ma tistax tagħmel tali deċiżjonijiet għaliex, kif inwera hawn fuq, l-MVM ma tistax tnaqqas il-kwantitajiet mixtrija mingħand il-ġeneraturi li joperaw taħt il-PPAs anqas minn livell minimu (il-kwantità ta’ teħid iggarantit) u ma tistax tinnegozja prezzijiet fuq il-bażi ta’ offerti alternattivi pprovduti mill-ġeneraturi li jikkompetu, imma biss fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezz ibbażat fuq l-ispejjeż stabbiliti fil-PPAs. Dan il-fatt, flimkien mal-konklużjoni li hemm fil-premessi 315-316, iwassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-kundizzjoni tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat kienet preżenti fil-PPAs mill-1 ta’ Mejju 2004 u se tkun preżenti sakemm huma validi, independentement mill-kundizzjonijiet attwali tas-suq, għaliex hija żżomm lill-MVM milli twettaq l-arbitraġġi li jistgħu jkunu adattati biex timminimizza l-ammonti ta’ riżorsi minfuqa għax-xiri tal-elettriku meħtieġ biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha.

(318)

Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq li l-PPAs iwasslu għat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

Distorsjoni tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(319)

Is-swieq tal-elettriku infetħu għall-kompetizzjoni u l-elettriku kien innegozjat bejn l-Istati Membri b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (79).

(320)

Miżuri li jiffavorixxu impriżi fis-settur tal-enerġija fi Stat Membru wieħed jistgħu għaldaqstant ixekklu l-abilità tal-impriżi minn Stati Membri oħra li jesportaw l-elettriku lil dak l-Istat, jew jiffavorixxu l-esportazzjoni tal-elettriku minn dak l-Istat għal Stati Membri oħra. Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-Ungerija, li minħabba l-qagħda ċentrali tagħha fl-Ewropa hija kollegata jew tista’ faċilment tkun kollegata man-netwerks ta’ diversi Stati Membri attwali jew tal-ġejjieni.

(321)

Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-Ungerija, li hija pajjiż b’qagħda ċentrali fl-Ewropa mdawra minn seba’ pajjiżi, li erba’ minnhom jinsabu fl-UE. Mill-Istati Membri tal-UE, hija għandha interkonnetturi mas-Slovakkja, l-Awstrija u r-Rumanija. Fl-2004 hija importat kważi 14 000 GWh u esportat 6 300 GWwh. Mill-2005, l-importazzjoni żdiedet għal aktar minn 15 000 GWh u l-esportazzjoni għal bejn 8 000 u 10 000 GWh.

(322)

Fis-snin ta’ wara l-adeżjoni tal-Ungerija fl-UE, madwar 60 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni Ungeriża kienet ikkontrattata mill-MVM taħt il-PPAs. Il-PPAs jintemmu bejn l-aħħar tal-2010 u l-aħħar tal-2024. Il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq tal-obbligu ta’ xiri tal-MVM se jibqgħu mingħajr tibdil sal-aħħar tal-ftehimiet.

(323)

L-ewwel pass tal-ftuħ tas-suq fl-Ungerija seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004, meta l-konsumaturi mhux domestiċi kollha saru eliġibbli li jaqilbu għas-suq ħieles. Fl-1 ta’ Jannar 2008, is-settur tas-servizzi pubbliċi ma baqax jeżisti u għaldaqstant il-klijenti kollha saru “eliġibbli”.

(324)

Minkejja l-ftuħ tas-suq mill-2004, proporzjon imdaqqas ta’ klijenti eliġibbli m’għażlux is-settur tas-suq ħieles. Ir-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ekonomika dwar l-investigazzjoni settorjali fuq is-suq (80) tal-enerġija Ungeriż b’mod espliċitu kkonkluda li n-nuqqas ta’ kapaċitajiet disponibbli fis-suq ħieles minħabba l-volumi sostanzjali ta’ kapaċitajiet irriżervati taħt il-PPAs joħolqu ostaklu serju għall-għażla tas-suq ħieles. Permezz tal-PPAs, madwar 60 % tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni Ungeriża kienu marbuta mas-settur tas-servizzi pubbliċi, għall-MVM biss, u l-kapaċitajiet li baqa’ biss setgħu fir-realtà jikkompetu għal klijenti ġodda.

(325)

Il-kapaċitajiet irriżervati, jiġifieri l-kwantitajiet iggarantiti fuq medda twila ta’ żmien joħolqu wkoll ostaklu għad-dħul ta’ ġeneraturi ġodda fis-suq bl-ingrossa, minħabba li 60 % tal-kapaċitajiet kollha huma marbuta ma’ kumpanija waħda (proprjetà tal-Istat) b’garanzija ta’ xiri.

(326)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet ukoll f’kunsiderazzjoni ir-riżultati tal-investigazzjoni settorjali mill-Uffiċċju Ungeriż tal-Kompetizzjoni Ekonomika, li b’mod espliċitu kkonkluda li l-PPAs iwasslu għall-għeluq tas-suq kompetittiv billi jillimitaw il-possibilità de facto ta’ klijenti eliġibbli biex jibdlu għas-suq ħieles u jnaffru bejjiegħa bl-imnut potenzjali milli jidħlu fis-suq (81).

(327)

L-iskarsezza tal-kapaċitajiet disponibbli barra l-PPAs ikompli jwassal għal żjieda fil-prezzijiet fis-suq kompetittiv. Il-volum sostanzjali tal-kapaċitajiet u l-kwantitajiet ta’ enerġija rriżervata mill-PPAs jaffettwaw il-prezzijiet anki fis-suq ħieles.

(328)

Skont studju kwantitattiv miċ-Ċentru Reġjonali għar-Riċerka dwar il-Politika tal-Enerġija dwar l-impatt tal-PPAs fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku fl-Ungerija (82), il-PPAs iwasslu għal prezzijiet ogħla fis-suq bl-imnut milli kienu jinkisbu mingħajr PPAs. B’mod aktar ġenerali, dan l-istudju jargumenta wkoll li l-PPAs jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal struttura tas-suq li hija “inkompatibbli mal-prinċipji ta’ suq kompettittiv ħieles” (83). Dan l-istudju attwalment jipproponi t-terminazzjoni tal-PPAs bħala soluzzjoni biex tinkiseb kompetizzjoni ħielsa fis-suq bl-imnut tal-elettriku fl-Ungerija.

(329)

Fl-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija (84) tagħha, il-Kummissjoni tevalwa wkoll l-effetti tal-PPAs fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Fil-premessi 467 sa 473, hija tikkonkludi li “Ftehimiet ta’ xiri tal-enerġija fuq medda twila ta’ żmien (PPAs) huma fattur ieħor li jista’ jaffettwa l-volumi li huma nnegozjati fuq bażi regolari fis-swieq bl-ingrossa.” Fir-rigward tal-PPAs fil-Polonja, hija targumenta li “huma tabilħaqq jistgħu jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp tas-suq bl-ingrossa Pollakk.” Imbagħad tkompli tgħid li “Sitwazzjoni simili teżisti fl-Ungerija, fejn Magyar Villamos Művek (“MVM”) hija l-utilità pubblika li tbiegħ bl-ingrossa u tikseb l-elettriku permezz ta’ PPAs fuq medda twila ta’ żmien li sussegwentement jinbiegħ lill-bejjiegħa bl-imnut lokali. Il-PPAs Ungeriżi jkopru l-maġġoranza kbira tal-ħtiġijiet tal-elettriku ta’ dak l-Istat Membru, li jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bl-ingrossa simili għal, jew anki akbar minn, dawk deskritti hawn fuq fl-ambitu tas-suq bl-ingrossa Pollakk.”

(330)

Għaldaqstant id-diversi studji msemmija hawn fuq kollha jikkonkludu li l-PPAs jxekklu l-kompetizzjoni u jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(331)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li mhuwiex minnu li l-iskarsezza ta’ kapaċitajiet liberi disponibbli twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, minħabba li l-irkanti tal-kapaċità tal-MVM juru li lanqas biss setgħet tbiegħ il-prodotti tagħha tal-elettriku proposti kollha.

(332)

Tqabbil bejn il-kwantitajiet proposti u l-prodotti (85) irkantati b’suċċess, madankollu, juri li l-MVM biegħet il-prodotti proposti kollha kważi f’kull irkant. Tabilħaqq, fil-maġġoranza tal-każijiet anki kellha bżonn tuża il-massimu ta’ 10 % tal-prodotti addizzjonali li legalment għandha permess li tipproponi.

(333)

Il-partijiet interessati ssottomettew ukoll kummenti biex jenfasizzaw li ħafna fatturi oħra affettwaw il-kummerċ u influwenzaw is-suċċess tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa fl-Ungerija. Il-Kummissjoni ovvjament taqbel li l-PPAs mhumiex l-uniku fattur li jinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-istudji kollha msemmija hawn fuq jirrikonoxxu wkoll li għadd kbir ta’ elementi oħra (il-leġiżlazzjoni, aċċess limitat għal kapaċitajiet transkonfinali, l-influwenza sinifikanti tat-tibdil tal-prezzijiet fis-swieq tal-enerġija internazzjonali, eċċ.) ugwalment affettwaw is-suċċess ġenerali tal-ftuħ tas-suq u l-livelli tal-prezzijiet attwali. Madankollu, l-istudji kollha ssottomessi lill-Kummissjoni waqt il-proċedura attwali jew b’xi mod ieħor disponibbli għaliha, barra dak sottomess minn AES-Tisza u kkummissjonat minnha (86), b’mod ċar jirrikonoxxu li l-PPAs għandhom effett sinifikanti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

(334)

Il-kapaċitajiet irriżervati, it-teħid iggarantit u l-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-prezzijiet previsti mill-PPAs jipproteġu l-ġeneraturi tal-enerġija taħt il-PPA, għall-medda taż-żmien kollha tal-PPA, mir-riskju kummerċjali assoċjat mal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-fjuwils, ir-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi, u r-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fid-domanda mill-konsumaturi. Minħabba li dawn ir-riskji huma riskji tipiċi li ġeneraturi tal-enerġija mingħajr PPA ikollhom jiffaċċjaw, il-PPAs joħolqu ostaklu għal kundizzjonijiet ekwi fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u jxekklu l-kompetizzjoni msejsa fuq il-mertu.

(335)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-maġġoranza tal-ġeneraturi li jibbenefikaw mill-PPAs huma proprjetà ta’ gruppi internazzjonali ewlenin li huma preżenti f’diversi Stati Membri. L-għoti ta’ vantaġġ kompetittiv lil dawn il-gruppi mingħajr dubju jkollu effett fuq il-kummerċ, u l-potenzjal li tkun imxekkla l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

(336)

Il-maġġoranza tal-evalwazzjonijiet tal-partijiet interessati tal-kriterji għal impatt fuq il-kummerċ u tfixkil għall-kompetizzjoni jirreferu għal ċirkustanzi fis-suq meta seħħet il-konklużjoni tal-PPAs u, fi kwalunkwe każ, għal ċirkustanzi fis-suq qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-UE. Il-Kunmmissjoni ma tistax taċċetta din il-linja ta’ raġunament u f’dan ir-rigward tirreferi għall-premessi 156 sa 172 ta’ hawn fuq.

(337)

Ċerti partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-PPA tagħhom, meta titqies individwalment, ma taffettwax il-kummerċ minħabba li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-impant tal-enerġija tagħhom hja minuri meta mqabbla mal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni ġenerali tal-pajjiż. Minħabba li l-prinċipju ewlieni tal-PPAs huwa l-istess għalihom ilkoll (l-obbligu ta’ xiri ta’ ċerta kwantità minima ta’ elettriku ġġenerat, ir-riżerva ta’ kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni, prezz li jkopri l-ispejjeż fissi u varjabbli ġġustifikati fuq medda ta’ 15 sa 27 sena), kull PPA għandha impatt fuq is-suq. Madankollu, mid-definizzjoni, il-firxa tal-effett hija mmultiplikata mill-koeżistenza ta’ għaxar PPAs fis-suq Ungeriż. Aktar ma jkun hemm kapaċitajiet koperti minn PPA, akbar huma l-effetti ta’ hawn fuq.

(338)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-PPAs deskritti hawn fuq għandhom effett fuq il-kummerċ u għandhom il-potenzjal li jxekklu l-kompetizzjoni.

(339)

Fil-punt 3.1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha rigward il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tal-impjant tal-enerġija ta’ Paks minħabba d-differenzi li jistgħu jeżistu bejn il-PPA ta’ dan l-impjant u l-PPAs l-oħra fir-rigward tal-prinċipji regolatorji tagħha. Madankollu, b’riżultat tal-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-evalwazzjoni ta’ hawn fuq tal-kriterji tal-għajnuna mill-Istat japplikaw ugwalment għall-PPA tal-Paks, minħabba li l-istess prinċipji ewlenin huma preżenti fiha bl-aspetti speċifiċi stabbiliti taħt il-kriterji rilevanti.

(340)

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin tal-obbligu ta’ xiri stabbilit fil-PPAs, jiġifieri r-riżerva tal-kapaċità u t-teħid iggarantit mill-MVM taħt tali kundizzjonijiet li jkun żgurat dħul fuq l-investiment tal-impjanti tal-enerġija billi jipproteġihom mir-riskji kummerċjali tal-operat tal-impjant tagħhom, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Din l-għajnuna mill-Istat inkisbet bil-kombinazzjoni tal-kapaċità rriżervata, it-teħid minimu ggarantit, il-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-prezzijiet ibbażat fuq tariffa tal-kapaċità u tariffa tal-enerġija biex ikopru l-ispejjeż fissi, varjabbli u tal-kapital, fuq medda twila ta’ żmien lil hinn mill-prattika kummerċjali normali.

7.4.   Applikabilità tal-PPAs wara l-adeżjoni

(341)

Il-partijiet interessati jargumentaw li f’konformità mal-prinċipju ġenerali ta’ non-retroattività, il-miżuri li kienu stabbiliti f’konformità mal-liġi qabel l-adeżjoni m’għandhomx ikunu rriveduti mill-Kummissjoni wara l-adeżjoni.

(342)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel ma’ dan l-argument. Il-miżuri kollha, irrispettivament mil-legalità tagħhom skont ir-regoli nazzjonali qabel l-adeżjoni, saru suġġetti għar-regoli tal-acquis communautaire fid-data tal-adeżjoni. Ir-regoli speċifiċi għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni japplikaw għall-miżuri ta’ għajnuna, anki jekk kienu b’xi mod stabbiliti f’konformità mar-regoli legali nazzjonali qabel l-adeżjoni.

(343)

L-Anness IV.3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni jiddefinixxi bħala għajnuna eżistenti tliet kategoriji biss ta’ miżuri: (i) dawk li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994; (ii) dawk li – wara li kienu eżaminati mill-Kummissjoni – kienu inklużi fil-lista tal-Anness IV tat-Trattat ta’ Adeżjoni; u (iii) dawk approvati mill-Kummissjoni taħt l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu interim. Il-miżuri kollha li baqgħu applikabbli wara d-data tal-adeżjoni, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u ma jidħlux f’xi waħda minn dawn it-tliet kategoriji, jitqiesu bħala għajnuna ġdida wara l-adeżjoni; għaldaqstant il-Kummissjoni għandha l-poteri kollha biex tipprojbixxi dawn il-miżuri jekk huma inkompatibbli mas-suq komuni. Din l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-effetti potenzjali ta’ miżuri li għadhom applikabbli wara l-adeżjoni ma tinvolvix applikazzjoni retroattiva tar-regoli tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat u fi kwalunkwe każ għandha l-mandat mill-Att ta’ Adeżjoni.

(344)

L-Anness IV.3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni jiddefinixxi “l-mekkaniżmu interim”. Huwa jagħti qafas ġuridiku għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna u ta’ miżuri ta’ għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ adeżjoni u li baqgħu applikabbli wara l-adeżjoni.

(345)

Il-partijiet interessati jargumentaw li, minħabba li r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss mid-data ta’ adeżjoni, miżuri ta’ għajnuna biss li jagħtu benefiċċju addizzjonali wara l-adeżjoni jistgħu jkunu ddefiniti bħala applikabbli wara l-adeżjoni. Huma jargumentaw li l-PPAs ma jagħtux benefiċċju addizzjonali wara l-adeżjoni, minħabba li l-formuli tal-prezzijiet tagħhom kienu ddefiniti qabel l-adeżjoni u, konsegwentement, l-espożizzjoni finanzjarja tal-Istat kienet kompletament magħrufa qabel l-adeżjoni.

(346)

Il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. Il-PPAs jintemmu bejn l-2010 u l-2024, jiġifieri wara l-adeżjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna biss, il-Kummissjoni qieset li miżura ta’ għajnuna li għadha fis-seħħ wara l-adeżjoni ma tikkostitwixxix għajnuna applikabbli wara l-adeżjoni fit-tifsira tal-Att ta’ Adeżjoni. Madankollu, tali prattika eċċezzjonali għandha, bħall-eċċezzjonijiet kollha fil-liġi, tkun interpretata stricto sensu biex ikun evitat li jitneħħew mill-kontroll tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna mill-Istat, il-miżuri li l-firmatarji tal-Att ta’ Adeżjoni riedu li jkunu taħt tali kontroll.

(347)

Tabilħaqq, f’dan l-ambitu, il-Kummissjoni qieset fil-prattika (87) tagħha li miżuri ta’ għajnuna fejn l-espożizzjoni ekonomika eżatta tal-Istat kienet magħrufa b’mod preċiż qabel l-adeżjoni ma jkunux applikabbli wara l-adeżjoni fit-tifsira tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

L-“espożizzjoni ekonomika eżatta tal-Istat”

(348)

Il-PPAs ma jillimitawx sa ammont massimu l-espożizzjoni finanzjarja tal-Istat, u lanqas setgħet tkun ikkalkulata b’mod preċiż qabel l-adeżjoni għat-tul ta’ żmien intier tal-PPAs.

(349)

Bil-kuntrarju, l-espożizzjoni ekonomika tal-Istat taħt il-PPAs tiddependi fuq parametri li l-evoluzzjoni futura tagħhom ma kinitx magħrufa fi żmien l-adeżjoni. Barra minn hekk, il-PPAs iggarantixxew lill-ġeneraturi protezzjoni mill-varjazzjonijiet fl-ispejjeż li ma kinux irrelatati ma’ tranżazzjonijiet jew ġrajjiet ta’ qabel l-adeżjoni iżda kkonċernaw żviluppi fil-ġejjieni u għaldaqstant ma kinux magħrufa fid-data tal-adeżjoni.

(350)

B’mod partikolari, il-fatt li l-espożizzjoni tal-Istat taħt il-PPAs ma kinitx magħrufa fid-data tal-adeżjoni u li l-PPAs imponew aktar obbligi fuq l-Istat wara l-adeżjoni jintwera miċ-ċirkustanzi li ġejjin.

(351)

L-ewwel, il-prezzijiet eżatti tal-enerġija li bihom il-ġeneraturi tal-enerġija jbiegħu l-elettriku lill-MVM ma kinux stabbiliti fil-PPAs individwali. Il-prezzijiet huma r-riżultat tal-kalkoli magħmula bl-użu ta’ formula li tinkludi serje ta’ parametri li jvarjaw b’mod imprevedibbli.

(352)

Il-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs jinkludu tariffa tal-kapaċità u tariffa tal-elettriku, b’tariffi supplimentari differenti oħra skont il-ġeneraturi.

(353)

Il-formuli jiddefinixxu biss l-ispejjeż u l-ħlasijiet ammissibbli taħt kull kategorija ta’ tariffi u l-importanza ta’ dik il-kategorija ta’ tariffi fil-prezz.

(354)

Il-ġeneraturi nfushom kif ukoll l-MVM irrikonoxxew fl-osservazzjonijiet tagħhom li t-tifsira eżatta ta’ ċerti kategoriji ta’ tariffi bilfors li kienet iċċarata f’negozjati mal-MVM.

(355)

Għadd kbir ta’ kategoriji ta’ spejjeż rrikonoxxuti mill-PPAs huma varjabbli u ma setgħux ikunu magħrufa bi preċiżjoni qabel l-adeżjoni. Pereżempju:

(356)

Ħlas tal-kapaċità

Din il-kategorija ta’ spejjeż tqis kemm il-kapaċitajiet iggarantiti u l-kapaċitajiet attwalment użati għall-MVM. Din il-kategorija ta’ spejjeż tiddependi, fost affarijiet oħra, fuq ippjanar annwali, kull xahar u kull ġimgħa. Kull waħda mill-PPAs tirreferi għar-regoli tal-ippjanar perjodiku, u l-prezz eżatt finali jiddependi f’kull PPA fuq il-pjanijiet annwali, ta’ kull xahar u ta’ kull ġimgħa. Mid-definizzjoni, dawn il-kategoriji ta’ spejjeż ma jistgħux ikunu ddefiniti bi preċiżjoni bil-quddiem. Il-partijiet jistgħu pereżempju jipprevedu “kapaċitajiet żejda” għal perjodu speċifiku fil-pjanijiet taghħom. Il-prezz ġenerali li se jitħallas mill-MVM b’mod neċessarju se jiddependi fuq parametri oħra, pereżempju t-temp, li jinfluwenzaw id-domanda għall-elettriku.

Din il-kategorija ta’ spejjeż tiddependi wkoll fuq ir-rati tal-kambju tal-HUF.

(357)

Ħlas tal-Enerġija

Din il-kategorija ta’ spejjeż tiddependi primarjament fuq l-ispejjeż tal-fjuwil. Dawn l-ispejjeż ivarjaw skont ir-regoli tas-suq barra mill-kontroll tal-partijiet. L-ispejjeż marbuta mat-tibdil potenzjali tal-prezz tal-fjuwil mhumiex suġġetti għal xi livell massimu konkret fil-PPAs.

Barra minn hekk, l-ammont eżatt tat-tariffi tal-enerġija li jridu jitħallsu fuq ċerta medda ta’ żmien naturalment jiddependi fuq il-kwantità eżatta ta’ bejgħ lill-MVM, li tista’ tkun ikkalkulata biss a posteriori.

(358)

Ħlasijiet supplimentari (fejn hu applikabbli))

Ċerti PPAs jipprevedu tariffa supplimentari għal kapaċitajiet li kienu rriżervati imma fl-aħħar ma ntużawx. L-ammont eżatt tagħha ma jistax, mid-definizzjoni tagħha stess, ikun speċifikat bil-quddiem.

(359)

Fil-maġġoranza tal-PPAs hemm sistema ta’ bonus/malus li biha l-ġeneraturi huma ntitolati għal bonus jekk joperaw aktar kapaċitajiet fil-perjodi ta’ konsum għoli milli previst fil-PPA, jew jiġġeneraw aktar elettriku. Huwa previst malus jekk ġeneratur jagħti anqas kapaċità milli mbassar mill-PPA u l-pjanijiet annwali/ta’ kull xahar.

(360)

Dawn il-kalkoli, bħall-oħrajn elenkati hawn fuq, huma bbażati fuq pjanijiet operattivi u jiddependu wkoll fuq l-imġiba tal-ġeneratur innifsu. Taħt ebda ċirkustanza ma jistgħu jkunu ddefiniti bil-quddiem.

(361)

Dan kollu li ntqal hawn fuq juri li l-iffissar tal-prezz eżatt finali għax-xiri tal-elettriku għal kuntratti ta’ medda ta’ żmien minn 15 sa 27 sena huwa teknikament impossibbli. Il-prezz eżatt iqis il-pjanijiet ta’ produzzjoni perjodiċi u jiddependi fuq id-domanda għall-elettriku, l-imġiba tal-partijiet fil-kuntratt, il-prezzijiet tal-fjuwils, eċċ.

(362)

Anki jekk dawn l-argumenti mhux kollha japplikaw għall-PPAs (minħabba li l-kategoriji tal-ispejjeż ammissibbli jvarjaw sa ċertu punt skont il-PPAs), il-PPAs fihom elementi tal-prezz li huwa impossibbli li jkunu ddefiniti bl-eżatt bil-quddiem.

(363)

B’dan l-isfond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-eżistenza tal-formula li tistabbilixxi l-prezzijiet ma tikkostitwixxix livell massimu suffiċjenti fuq l-espożizzjoni ekonomika tal-Istat. L-eżistenza stess ta’ għadd ta’ parametri li jinbidlu fil-formula tagħmilha impossibbli li jkun iddeterminat il-livell potenzjali tal-espożizzjoni tal-Istat bi preċiżjoni suffiċjenti.

(364)

Bħala argument sussidjarju, l-espożizzjoni finanzjarja tal-MVM hija kontinġenti ħafna fuq id-domanda. Hija ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri taħt il-PPAs u d-dħul li tista’ tiġġenera l-MVM billi tbiegħ l-elettriku. Madankollu, il-prezz li bih l-MVM tbiegħ l-elettriku tagħha ma jistax ikun previst. Dan jiddependi fuq id-dħul eżatt iġġenerat mill-bejgħ tal-MVM skont il-ftehimiet tagħha mad-distributuri reġjonali, ir-riżultat tal-irkantijiet tagħha, l-offerti u l-bejgħ tagħha fis-“Suq” (“Piactér”). Dawn il-prezzijiet huma influwenzati wkoll minn regolazzjoni perjodika tal-prezz uffiċjali u l-varjazzjonijiet tad-domanda fis-suq. Dan iżid l-imprevedibbiltà tal-espożizzjoni tal-Istat taħt il-PPAs. Jista’ jkun ukoll il-każ li t-teħid iggarantit previst fil-PPAs isir akbar mill-bżonnijiet reali tal-MVM, b’mod partikolari wara l-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija f’Jannar 2008. L-ammont żejjed tal-elettriku jista’ jwassal għal spejjeż mhux magħrufa akbar, u jżid aktar l-imprevedibbiltà tal-espożizzjoni eżatta tal-Istat taħt il-PPAs.

(365)

Għaldaqstant il-ħlasijiet tal-MVM lill-ġeneraturi tal-enerġija wara l-adeżjoni mhumiex sempliċiment il-ħlas ta’ porzjonijiet fi ħdan il-livell massimu ġenerali fiss stabbilit qabel l-adeżjoni.

(366)

Konsegwentement, il-PPAs li qed ikunu evalwati f’din id-Deċiżjoni huma applikabbli wara l-Adeżjoni fit-tifsira tal-punt 3 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

7.5.   PPAs bħala “għajnuna ġdida” kuntrarjament għal “għajnuna eżistenti”

(367)

Skont il-punt 3 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, “jekk il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għall-miżura ta’ għajnuna eżistenti minħabba dubji serji rigward il-kompatibilità tal-miżura mas-suq komuni, fi żmien 3 xhur mill-wasla ta’ informazzjoni sħiħa rigward dik il-miżura jew il-wasla tal-istqarrija tal-Istat Membru ġdid fejn jinforma lill-Kummissjoni li jqis li l-informazzjoni pprovduta hija sħiħa minħabba li l-informazzjoni addizzjonali mitluba mhijiex disponibbli jew diġà ngħatat, il-Kummissjoni għandha titqies li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni.”

(368)

Fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu, ċerti partijiet interessati jargumentaw li l-Kummissjoni tilfet l-iskadenza ta’ tliet xhur wara n-notifika tal-Ungerija tal-31 ta’ Marzu 2004 u b’hekk b’mod impliċitu approvat il-miżura taħt il-proċedura interim.

(369)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li s-suġġett tan-notifika tal-31 ta’ Marzu 2004 taħt il-proċedura interim kien digriet dwar kumpens mogħti lill-MVM, u mhux il-PPAs. In-notifika kienet irtitata mill-Ungerija u każ NN nfetaħ aktar tard mill-Kummissjoni dwar il-PPAs infushom (ara l-Kapitolu 1 ta’ hawn fuq).

(370)

Wieħed għandu jinnota wkoll li, kif jidher fit-Tabella ta’ hawn taħt, il-Kummissjoni attwalment ma tilfitx l-iskadenza ta’ tliet xhur imsemmija mill-partijiet interessati:

Avveniment

Data

Skadenza wara li tasal l-informazzjoni

Notifika mill-Ungerija

31.3.2004

 

Mistoqsijiet mill-Kummissjoni

29.4.2004

29 jum

Tweġibiet mill-Ungerija

4.6.2004

 

Mistoqsijiet mill-Kummissjoni

10.8.2004

xahrejn u 6 ijiem

Tweġibiet mill-Ungerija

21.10.2004

 

Mistoqsijiet mill-Kummissjoni

17.1.2005

xahrejn u 27 jum

Tweġibiet mill-Ungerija

7.4.2005

 

Irtirar tan-notifika mill-Ungerija

15.4.2005

8 ijiem

(371)

Barra mill-korrispondenza bil-miktub ta’ hawn fuq, saru laqgħat personali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi fil-15 ta’ Lulju 2004, it-30 ta’ Novembru 2004 u t-12 ta’ Jannar 2005.

(372)

Safejn hija kkonċernata l-proċedura attwali, il-Kummissjoni hawn taħt tevalwa jekk il-PPAs fihomx għajnuna eżistenti jew ġdida fuq il-bażi tad-dispożizzjoni tal-Att ta’ Adeżjoni u r-Regolament Proċedurali.

(373)

F’konformità mal-Kapitolu 3 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, il-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat li daħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni, li għadhom jgħoddu wara dik id-data u li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna eżistenti elenkati hawn taħt għandhom jitqiesu, mid-data tal-adeżjoni, bħala għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE.

(374)

Il-PPAs kkonċernati minn din id-Deċiżjoni daħlu fis-seħħ bejn l-1995 u l-2001, jiġifieri qabel l-Ungerija ngħaqdet mal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss il-PPAs li kienu fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni. Ma tkopri ebda PPA li ntemmet qabel dik id-data. Għar-raġunijiet addizzjonali kollha msemmija taħt il-punt 7.4 ta’ hawn fuq, il-miżura hija applikabbli wara l-adeżjoni fit-tifsira tal-Att ta’ Adeżjoni.

(375)

It-tliet kategoriji ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Att ta’ Adeżjoni jinkludu:

(1)

Miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994.

Il-PPAs kollha kienu ffirmati u daħlu fis-seħħ wara l-10 ta’ Diċembru 1994.

(2)

Miżuri ta’ għajnuna li kienu inklużi fil-lista ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti mehmuża mal-Att ta’ Adeżjoni.

La l-PPAs b’mod ġenerali u lanqas xi waħda mill-PPAs individwali ma kienu inklużi fl-Appendiċi għall-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni msemmi fil-punt 1(b), Kapitolu 3, Anness IV, li fih il-lista ta’ miżuri ta’ għajnuna eżistenti.

(3)

Miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data tal-adeżjoni kienu evalwati mill-awtorità tal-għajnuna mill-istat u kienu nstabu kompatibbli mad-dritt Komunitarju u li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għalihom għaliex kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni skont il-proċedura stabbilita fl-Att ta’ Adeżjoni, l-hekk imsejħa “proċedura interim” (cf. it-tieni paragrafu, il-Kapitolu 3 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni).

L-ebda PPA ma kienet sottomessa lill-Kummissjoni taħt l-hekk imsejħa proċedura interim.

(376)

Minħabba li l-PPAs ma jappartjenux għal xi waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna eżistenti elenkati fl-Att ta’ Adeżjoni, dawn jikkostitwixxu għajnuna ġdida mid-data tal-adeżjoni.

(377)

Il-Kummissjoni tosserva li din il-kategorizzazzjoni hija wkoll f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Proċedurali. Dan l-Artikolu jgħid li meta l-miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni skont id-dritt Komunitarju (f’dan il-każ il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija skont id-Direttiva 96/92/KE, li daħlet fis-seħħ fl-Ungerija meta din ingħaqdet mal-Unjoni Ewropea), tali miżuri ma jitqisux bħala għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni, jiġifieri jridu jiġu ttrattati bħala għajnuna ġdida.

(378)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta li din l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Proċedurali m’għandhiex tapplika. L-impjant jinvoka s-sentenza (88) Alzetta Mauro, u jargumenta li għajnuna mogħtija f’suq li kien magħluq għall-kompetizzjoni qabel il-liberalizzazzjoni għandha titqies bħala għajnuna eżistenti mid-data tal-liberalizzazzjoni.

(379)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. Kif kien diġà diskuss hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat li hemm fl-Att ta’ Adeżjoni kien preċiżament biex ikun żgurat li l-miżuri kollha li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri mid-data tal-adeżjoni jkunu rriveduti mill-Kummissjoni. B’kuntrast mat-trattati ta’ adeżjoni ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-Att ta’ Adeżjoni ffirmat fl-1 ta’ Mejju 2004 huwa mfassal biex jirristrinġi l-miżuri meqjusa li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti għat-tliet każijiet speċifiċi deskritti hawn fuq. Is-sentenza Alzetta Mauro ma tikkonċernax miżura li taqa’ taħt l-ambitu tal-Att ta’ Adeżjoni u għalhekk ma tistax titqies applikabbli f’dan ir-rigward għall-PPAs li qed ikunu evalwati. Barra minn hekk, is-sentenza Alzetta Mauro tikkonċerna sitwazzjoni ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(380)

L-impjant tal-enerġija ta’ Budapest jargumenta wkoll li l-Artikolu l(b)(v) mhuwiex applikabbli għal miżuri ta’ għajnuna individwali “minħabba li miżuri ta’ għajnuna individwali ma jissemmewx b’mod espliċitu”. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din is-sottomissjoni. M’hemm l-ebda raġuni għaliex ir-referenza għal “għajnuna” u għal “ċerti miżuri” m’għandhomx jirreferu kemm għal għajnuna individwali kif ukoll għal skemi ta’ għajnuna. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 konsistentement jirreferi għal “miżuri” nnotifikati, imma l-Kummissjoni tippreżumi li l-parti interessata ma targumentax li l-Artikolu 4 b’mod esklussiv jirregola l-eżami preliminari ta’ skemi ta’ għajnuna nnotifikati.

(381)

Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni u r-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

7.6.   Ftehimiet privati konklużi b’mod validu ma jistgħux jiġu mitmuma mill-Kummissjoni (“pacta sunt servanda”) – Inċertezza ġuridika – Proporzjonalità

(382)

Il-Kummissjoni tixtieq twieġeb għal kummenti ssottomessi mill-partijiet interessati fis-sens li kuntratti tad-dritt privat ma jistgħux jiġu mitmuma mill-Kummissjoni, minħabba li dan l-eżitu, skont il-partijiet interessati, imur kontra r-regoli tal-għajnuna mill-Istat tat-Trattat KE, il-prinċipji taċ-ċertezza ġuridika u r-rekwiżit tal-proporzjonalità.

(383)

Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. Il-forma tal-għajnuna (kuntratt ta’ dritt privat fil-każ tal-PPAs) mhijiex rilevanti mill-aspett tal-għajnuna mill-Istat; l-effett tal-miżura biss huwa rilevanti għall-analiżi tal-Kummissjoni. Jekk it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ dritt privat jirriżulta f’għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli għal waħda mill-partijiet, tali termini u kundizzjonijiet iridu jiġu mitmuma mill-Istat Membru. It-terminazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli trid tkun ordnata mill-Kummissjoni, anki jekk l-għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi tali parti essenzjali mill-ftehim li t-terminazzjoni tiegħu attwalment se taffettwa l-validità tal-ftehim nnifisu.

(384)

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċertezza ġuridika, il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. Il-Ftehim tal-Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ungerija, min-naħa l-oħra, li witta t-triq għall-adeżjoni, kien iffirmat fis-16 ta’ Diċembru 1991 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1994, jiġifieri qabel il-konklużjoni tal-PPAs. Uffiċjalment l-Ungerija applikat għall-adeżjoni fil-31 ta’ Marzu 1994. Fiż-żmien meta l-partijiet ikkonkludew il-PPAs (l-1995 sal-2001), f’konformità mal-Artikolu 62 tal-Ftehim tal-Ewropa, l-Ungerija kienet diġà meħtieġa li tagħmel ir-regoli tal-kompetizzjoni konformi mat-Trattat KE. Kien ċar ukoll li l-PPAs kienu ffirmati għal tali medda ta’ żmien twil li huma ma kinux se jispiċċaw qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-UE.

(385)

Ir-Repubblika tal-Ungerija ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni fis-16 ta’ April 2003 (89). It-Trattat ta’ Adeżjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati bażiċi oriġinali u dawk tal-leġiżlazzjoni sekondarja saru vinkolanti fl-Ungerija, f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni. Konsegwentement, l-hekk imsejjaħ acquis communautaire japplika għar-relazzjonijiiet kuntrattwali kollha fl-Istati Membri l-ġodda, u kwalunkwe eċċezzjoni għal din ir-regola tista’ tirriżulta biss mill-Att ta’ Adeżjoni nnifsu. L-Att ta’ Adeżjoni anness mat-Trattat u l-Annessi tiegħu ma jipprovdu għal ebda eċċezzjoni taħt ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat li tista’ teżenta lill-PPAs jew lis-settur tal-enerġija b’mod ġenerali mill-applikazzjoni diretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

(386)

Għaldaqstant il-Kummissjoni hija marbuta li tapplika l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni għall-Ungerija bl-istess mod li tagħmel għall-Istati Membri l-oħra kollha fir-rigward tas-settur tal-enerġija. Kuntrarjament għall-argumenti tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni hija tal-fehma li fil-fatt huwa n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli rigward l-għajnuna mill-Istat għall-PPAs li jintroduċi inċertezza ġuridika fis-suq komuni tal-enerġija. L-adeżjoni ta’ Stat Membru tista’ tabilħaqq tnissel sitwazzjonijiet fejn miżura li ma tiksirx il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ qabel l-adeżjoni tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat mid-data tal-adeżjoni u, bħala tali, taqa’ taħt il-kontroll tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(387)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma sabitx argumenti validi fil-kummenti tal-partijiet interessati rigward għaliex il-proċedura attwali hija inkompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika.

7.7.   Evalwazzjoni tal-kompatibilità

(388)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE jipprevedi projbizzjoni b’mod ġenerali tal-għajnuna mill-Istat fil-Komunità.

(389)

L-Artikoli 87(2) u 87(3) tat-Trattat KE jipprevedu eżenzjonijiet għar-regola ġenerali li tali għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni kif jingħad fl-Artikolu 87(1).

(390)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat KE ma japplikaex fil-każ attwali għaliex din il-miżura m’għandhiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil konsumaturi individwali, mhijiex imfassla biex tpatti għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji u ma ngħatatx lill-ekonomija ta’ ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

(391)

Aktar eżenzjonijiet huma previsti fl-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE.

(392)

L-Artikolu 87(3)(a) jgħid li “għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg” tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. It-territorju kollu tal-Ungerija seta’ jitqies bħala reġjun tali fi żmien l-adeżjoni u l-maġġoranza tar-reġjuni tagħha għadhom jistgħu jibbenefikaw minn tali għajnuna (90).

(393)

Il-Kummissjoni adottat linji gwida għall-evalwazzjoni ta’ tali għajnuna. Meta l-Ungerija ngħaqdet mal-UE, il-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali (91) nazzjonali (“il-Linji Gwida ta’ Għajnuna Reġjonali preċedenti”) kienu fis-seħħ. Dawn il-linji gwida rregolaw ukoll l-evalwazzjoni tal-għajnuna reġjonali fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE. Għall-perjodu wara l-1 ta’ Jannar 2007, linji gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali kienu adottati mill-Kummissjoni (92) (“il-Linji Gwida ta’ Għajnuna Reġjonali ġodda”).

(394)

Taħt il-Linji Gwida ta’ Għajnuna Reġjonali, l-għajnuna mill-Istat tista’ fil-prinċipju tkun awtorizzata biss għall-ispejjeż (93) tal-investiment. Skont iż-żewġ Linji Gwida:

(395)

“Għajnuna reġjonali immirata lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż attwali ta’ ażjenda (għajnuna għall-operat) normalment hija pprojbita. B’mod eċċezzjonali, madankollu, tali għajnuna tista’ tingħata f’reġjuni eliġibbli taħt id-deroga fl-Artikolu 87(3)(a) sakemm (i) hija ġġustifikata fit-termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u (ii) il-livell tagħha huwa pproporzjonat għall-problemi li tfittex li ttaffi. Huwa l-Istat Membru li jrid juri l-eżistenza u l-importanza ta’ kwalunkwe problema.” (94)

(396)

L-għajnuna ma tistax titqies bħala għajnuna għall-investiment. L-għajnuna għall-investiment hija ddefinita bl-użu ta’ lista ta’ spejjeż eliġibbli potenzjali li huma indikati fiż-żewġ Linji Gwida Reġjonali. Huwa ċar li l-ħlasijiet taħt il-PPAs ikopru spejjeż oħra wkoll. L-eżempju l-aktar ovvju huwa li l-PPAs jiggarantixxu l-ispejjeż tal-fjuwils assoċjati mal-operat tal-impjanti tal-enerġija. L-ispejjeż tal-impjegati huma wkoll koperti mill-PPAs. Huwa ċar li dawn l-ispejjeż mhumiex eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment. Kuntrarjament, jikkorrispondu għall-ispejjeż attwali tal-operatur u bħala tali jridu jkunu inklużi fl-ispejjeż operattivi kif iddefiniti miż-żewġ Linji Gwida Reġjonali.

(397)

Safejn hija kkonċernata l-għajnuna għall-operat, matul il-proċedura la l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-partijiet interessati ma wrew problemi reġjonali rrelatati ma’ reġjuni speċifiċi mmirati mill-PPAs, u lanqas urew il-proporzjonalità tal-livell tal-għajnuna għal tali problemi.

(398)

Barra minn hekk, iż-żewġ Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali jipprevedu li l-għajnuna għall-operat għandha fi kwalunkwe każ titnaqqas u tkun illimitata progressivament maż-żmien. L-għajnuna mogħtija permezz tal-PPAs ma titnaqqasx progressivament u l-medda taż-żmien ta’ 15 sa 27 sena tmur ħafna lil hinn minn dak li jista’ jkun permess taħt iż-żewġ Linji Gwida. Barra minn hekk, il-PPAs lanqas jidħlu f’xi eżenzjoni speċifika fil-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali u la l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-partijiet interessati ma qatt argumentaw f’dak is-sens.

(399)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE.

(400)

L-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE jgħid li “għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

(401)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna msemmija mhijiex imfassla biex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew.

(402)

Il-Kummissjoni lanqas sabet xi evidenza li l-għajnuna hija mfassla biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Ungeriża. Il-Kummissjoni tagħraf li l-elettriku huwa prodott importanti għall-ekonomija ta’ kwalunkwe Stat Membru, u li kien hemm ħtieġa li fl-Ungerija dan is-settur ikun immodernizzat fis-snin 90.

(403)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kunċett ta’ “taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” jirreferi għal każijiet ħafna aktar gravi u ma jistax ikun applikat għal ftehimiet li jipprevedu l-provvista normali tal-elettriku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li dan il-kunċett jinvolvi aspett ta’ urġenza li huwa inkompatibbli mal-PPAs.

(404)

La l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-partijiet interessati ma argumentaw li l-PPAs huma kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE.

(405)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tikkwalifikax għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE.

(406)

L-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE jgħid li l-għajnuna li tippromwovi l-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mat-Trattat KE jekk tali għajnuna ma taffettwax il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità safejn huwa kuntrarju għall-interess komuni. Dan l-Artikolu ovvjament ma japplikax għall-PPAs.

(407)

L-Artikolu 87(3)(c) jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna biex tħaffef l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat diversi linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif se tapplika d-deroga li tinsab f’dan l-Artikolu.

(408)

Għal dak li jirrigwarda kemm il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali qodma kif ukoll dawk ġodda, l-inkompatibbiltà tal-PPAs ma’ dawk il-Linji Gwida tintwera fil-premessi 393 sa 398 ta’ hawn fuq.

(409)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Linji Gwida Ambjentali applikabbli fiż-żmien tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-UE (95), bħal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali, primarjament jippermettu l-għajnuna għall-investiment. L-għajnuna għall-operat hija limitata għal objettivi speċifiċi. L-ewwel hija għajnuna għall-ġestjoni tal-iskart u l-iffrankar tal-enerġija (Sezzjoni E.3.1), li hija limitata għal perjodu massimu ta’ 5 snin. It-tieni hija għajnuna f’forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa (Sezzjoni E.3.2). It-tielet hija għajnuna għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (Sezzjoni E.3.3). Huwa ċar li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tapplika fil-każ attwali.

(410)

Ir-raba’ u l-aħħar tip ta’ għajnuna għall-operat li jista’ jkun awtorizzat hija għajnuna għall-produzzjoni kkombinata tal-enerġija u s-sħana (Sezzjoni E.3.4). Xi wħud mill-ġeneraturi kkonċernati jipproduċu s-sħana u l-enerġija. Madankollu, il-kundizzjonijiet tal-punt 66 u b’hekk il-kundizzjonijiet tal-għażliet taħt il-punti 58 sa 65 tal-Linji Gwida Ambjentali ma kinux issodisfati mill-PPAs. Waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 66 hija li l-miżura ta’ appoġġ tkun ta’ benefiċċju rigward il-protezzjoni tal-ambjent minħabba li l-effiċjenza tal-konverżjoni tkun partikolarment għolja, minħabba li l-miżura se tippermetti li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija jew minħabba li l-proċess tal-produzzjoni se jkun ta’ inqas ħsara għall-ambjent. M’hemm xejn fl-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni li jindika li din il-kundizzjoni hija ssodisfata.

(411)

It-tliet għażliet li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jagħtu għajnuna għall-operat għall-koġenerazzjoni huma dawn li ġejjin:

—

għażla 1: għajnuna bħala kumpens għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impjant tal-koġenerazzjoni u l-prezz tas-suq tal-enerġija prodotta;

—

għażla 2: l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi tas-suq bħaċ-ċertifikati ekoloġiċi jew is-sejħiet għall-offerti;

—

għażla 3: għajnuna bħala kumpens għall-ispejjeż esterni evitati, li huma l-ispejjeż ambjentali li s-soċjetà jkollha ġġorr kieku l-istess kwantità ta’ enerġija ma kinitx prodotta permezz tal-koġenerazzjoni;

—

għażla 4: għajnuna limitata għal 5 snin, digressiva jew limitata għal 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(412)

Huwa ovvju li l-PPAs ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-għażla 2 u l-għażla 3. Il-kundizzjonijiet tal-għażla 1 mhumiex issodisfati lanqas, minħabba li l-prezz tas-suq tal-enerġija prodotta mhuwiex użat fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. L-ammonti ta’ għajnuna ttrasferiti taħt PPA partikolari jiddependu mhux fuq il-prezzijiet offruti minn kwalunkwe ġeneratur tal-enerġija ieħor, imma unikament mill-ispejjeż tal-investiment u tal-operat magħmula mill-ġeneratur fil-kwistjoni.

(413)

Barra minn hekk, la l-Ungerija u lanqas kwalunkwe wieħed mill-produtturi kkonċernati attwalment ma argumentaw il-kompatibbiltà fuq il-bażi ta’ dawn l-Artikoli jew qatt urew li l-impjanti jissodisfaw il-kriterji tal-Linji Gwida Ambjentali għal għajnuna għall-operat għall-koġenerazzjoni.

(414)

Fit-23 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat linji gwida ġodda rigward l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien (96) ambjentali. Dawn il-Linji Gwida ġodda jippermettu wkoll l-għajnuna għall-operat biss fil-każijiet ta’ ffrankar tal-enerġija, il-koġenerazzjoni, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa. Kif isemma hawn fuq, ebda waħda minn dawn ma tapplika għall-PPAs.

(415)

Għal dak li jirrigwarda l-koġenerazzjoni, hemm tliet għażliet li minnhom jistgħu jagħżlu l-Istati Membri meta jagħtu tali għajnuna:

—

għażla 1: għajnuna bħala kumpens għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impjant tal-koġenerazzjoni u l-prezz tas-suq tal-enerġija prodotta;

—

għażla 2: l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi tas-suq bħaċ-ċertifikati ekoloġiċi jew sejħiet għall-offerti;

—

għażla 3: għajnuna limitata għal 5 snin, digressiva jew limitata għal 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ dawn l-għażliet mhija sodisfatta mill-PPAs. La l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-ġeneraturi tal-enerġija ma pprovdew xi tip ta’ evidenza rigward il-konformità ma’ dawn il-kriterji tal-Linji Gwida Ambjentali ġodda.

(416)

Mil-linji gwida u l-komunikazzjonijiet li l-Kummissjoni żviluppat biex tispjega eżattament kif se tapplika d-deroga li tinsab fl-Artikolu 87(3)(c), l-unika waħda li tista’ tapplika fil-każ attwali hija l-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Ma Jistgħux Jiġu Rkuprati (ara l-premessa 26 ta’ hawn fuq).

(417)

Il-Metodoloġija tikkonċerna għajnuna mogħtija lill-kumpaniji stabbiliti li investew f’impjanti tal-enerġija qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku u li jista’ jkollhom diffikultajiet biex jirkupraw l-ispejjeż tal-investiment tagħhom f’suq liberalizzat. Minħabba li wieħed mill-aspetti essenzjali tal-PPAs hija li jippermettu ċerti kumpaniji li investew f’assi ta’ ġenerazzjoini tal-enerġija qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku biex ikomplu jibbenefikaw minn garanzija ta’ dħul li jiżgura dħul fuq l-investiment, il-Metodoloġija għandha titqies bħala bażi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-PPAs.

(418)

Il-Kummissjoni tinnota li la l-awtoritajiet Ungeriżi u lanqas il-ġeneraturi tal-enerġija kkonċernati ma argumentaw fil-kummenti tagħhom li l-PPAs kienu kompatibbli mal-kriterji tal-Metodoloġija. Il-maġġoranza tal-ġeneraturi attwalment jikkonkludu li l-PPAs huma ftehimiet kummerċjali stabbiliti ħafna qabel l-eżistenza tal-Metodoloġija, u l-kriterji tal-mekkaniżmu ta’ kumpens sempliċiment mhumiex adattati biex ikunu evalwati l-PPAs.

(419)

L-għan ewlieni tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Li Ma Jistgħux Jiġu Rkuprati huwa li tgħin it-tranżizzjoni tas-settur tal-enerġija għal suq liberalizzat billi tippermetti lill-impriżi tal-elettriku li hemm fil-post jadattaw għad-dħul tal-kompetizzjoni (97).

(420)

Il-Metodoloġija tispjega l-prinċipji applikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna mfassla bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ obbligi jew garanziji li jista’ jkun li m’għadux aktar possibbli li jkunu onorati minħabba l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku. Tali obbligi jew garanziji jissejħu “spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati” u jistgħu jieħdu diversi forom, notevolment investimenti mwettqa b’garanzija impliċita jew espliċita ta’ bejgħ.

(421)

Minħabba li l-PPAs infushom jikkostitwixxu garanzija espliċita ta’ bejgħ minn qabel il-liberalizzazzjoni, l-impjanti tal-enerġija taħi il-PPAs jistgħu jitqiesu li jidħlu fl-ambitu tal-Metodoloġija.

(422)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li diversi elementi tal-prinċipji ewlenin li jikkostitwixxu l-PPAs ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-Sezzjoni 4 tal-Metodoloġija. L-ewwel, ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 4.2 tal-Metodoloġija, li tirrikjedi li l-arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna jridu jqisu l-iżvilupp potenzjali fil-kompetizzjoni. Il-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-prezz tal-PPAs huma mfassla b’tali mod li jqisu parametri speċifiċi biss tal-impjant tal-enerġija kkonċernat biex jistabbilixxu l-prezz. Il-prezzijiet offruti mill-ġeneraturi li jikkompetu u l-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tagħhom m’għandhomx għalfejn jitqiesu.

(423)

Skont il-punt 4.9 tal-Metodoloġija, il-Kummissjoni għandha l-aktar dubji serji meta l-ammont tal-għajnuna probabbilment ma jkunx se jiġi aġġustat biex jitqiesu d-differenzi bejn il-preżunzjonijiet ekonomiċi u tas-suq li jkunu saru inizjalment meta saret l-istima tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati u t-tibdil reali fihom fuq medda ta’ żmien. Il-PPAs jidħlu f’din il-kategorija, minħabba li ma ntużat l-ebda premessa tas-suq fit-tfassil tal-miżura ta’ għajnuna. Barra minn hekk, il-fatt li l-prinċipji ewlenin tal-PPAs baqgħu ma nbidlux minkejja l-ftuħ gradwali tas-suq tal-elettriku u għaldaqstant jinvolvu l-obbligu tal-MVM li tixtri enerġija aktar milli teħtieġ u li tirrilaxxaha fis-suq ħieles, juri b’mod ċar li l-PPAs ma jqisux l-iżviluppi attwali tas-suq.

(424)

Barra minn hekk, kif jidher taħt il-Kapitolu 3 ta’ hawn fuq, wieħed mill-vantaġġi ewlenin tal-PPAs għall-ġeneraturi tal-enerġija huwa l-obbligu ta’ xiri mill-MVM ta’ kapaċitajiet fissi u kwantitajiet iggarantiti bi prezz li jkopri l-ispejjeż fissi, varjabbli u tal-kapital, fuq medda ta’ żmien li tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għaż-żmien ta’ utilità jew iż-żmien ta’ deprezzament tal-assi. Bħala konsegwenza, il-PPAs għandhom l-effett li jobbligaw waħda mill-partijiet biex tixtri l-elettriku tagħha mingħand il-parti l-oħra, irrispettivament mill-iżvilupp attwali ta’ offerti mill-kompetituri.

(425)

Diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ kumpens li bihom ammont massimu ta’ għajnuna jkun stabbilit bil-quddiem fuq il-bażi ta’ analiżi tas-suq kompetittiv potenzjali u b’mod partikolari tal-prezzijiet tas-suq potenzjali li jirriżultaw mill-konfrontazzjoni bejn il-provvista u d-domanda. Jekk id-dħul attwali miksub mill-ġeneraturi kkonċernati jirriżulta li jkun ogħla mit-tbassir, l-għotjiet attwali jkunu kkalkulati mill-ġdid u stabbiliti f’livell aktar baxx mill-ammont massimu. L-impatt tal-kumpens fuq is-suq ikun għaldaqstant illimitat għall-minimu, notevolment minħabba li ma jiżgurax livell minimu ta’ produzzjoni u bejgħ għall-benefiċjarji.

(426)

F’dan ir-rigward, minflok jgħinu t-tranżizzjoni għal suq kompetittiv, il-PPAs fil-fatt joħolqu ostaklu għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni reali f’parti sostanzjali tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Għaldaqstant, l-arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna ma jippermettux li jitqies l-iżvilupp potenzjali fil-kompetizzjoni u l-ammont ta’ għajnuna mhuwiex kondizzjonali fuq l-izvilupp ta’ kompetizzjoni ġenwina.

(427)

Bħala konsegwenza, dawn jikkontradixxu wkoll il-prinċipji stabbiliti f’Sezzjoni 5 tal-Metodoloġija fejn l-arranġamenti tal-iffinanzjar m’għandhomx ikunu f’kunflitt mal-interess Komunitarju, notevolment il-kompetizzjoni. Taħt Sezzjoni 5, l-arranġamenti tal-iffinanzjar ma jridx ikollhom l-effett li jiskoraġġixxu impriżi esterni jew atturi ġodda milli jidħlu f’ċerti swieq nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, kif huwa enfasizzat inter alia fil-premessa 220, is-sistema ta’ riżerva tal-kapaċità u tariffa tal-kapaċità għandhom it-tendenza li jiskoraġġixxu lill-MVM – li hija l-akbar xerrej fis-suq bl-ingrossa – milli tibdel għal produtturi li huma differenti minn dawk taħt il-PPAs. Barra minn hekk, il-ftuħ tas-suq u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-PPAs jinkoraġġixxu lill-MVM biex tixtri aktar elettriku milli teħtieġ u jwassluha biex terġa’ tbiegħ dak l-elettriku fis-suq ħieles permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rilaxx. Dan minnu nnifsu jxekkel milli jidħlu atturi ġodda fis-suq bl-ingrossa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-PPAs jinvolvu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku fl-Ungerija fuq medda ta’ żmien li b’mod ġenerali taqbeż iż-żmien meħtieġ għal tranżizzjoni raġonevoli għal suq kompetittiv.

(428)

Ir-regoli li jikkostitwixxu l-PPAs ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4.5 tal-Metodoloġija, minħabba li l-ammont massimu ta’ għajnuna li jrid jitħallas lill-ġeneraturi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-iskadenza tal-PPAs mhuwiex speċifikat bil-quddiem.

(429)

Barra minn hekk, il-punt 4.8 tal-Metodoloġija jindika li l-Kummissjoni għandha l-aktar dubji serji rigward l-għajnuna li hija intenzjonata li tissalvagwardja d-dħul kollu jew parti minnu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE (98), mingħajr ma tqis b’mod strett l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati eliġibbli li jistgħu jirriżultaw mill-ftuħ tas-suq.

(430)

Il-fatt li l-PPAs inżammu meta l-Ungerija ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea kien maħsub preċiżament bħala salvagwardja tal-parti l-kbira tad-dħul miksub mill-ġeneraturi tal-enerġija kkonċernati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE. Barra minn hekk, l-impjanti taħt PPA ikopru sehem importanti ħafna mis-suq u għal medda twila ħafna ta’ żmien, u jaqbżu konsiderevolment iż-żmien meħtieġ għal tranżizzjoni raġonevoli għas-suq.

(431)

Barra minn hekk, fid-dispożizzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu l-PPAs, il-Kummissjoni ma tistax tiżola sett ta’ elementi li tista’ bħala kompatibbli mas-suq komuni taħt il-Metodoloġija. B’mod partikolari, tnaqqis fit-tul tal-PPAs ma jkunx biżżejjed biex il-PPAs isiru kompatibbli, minħabba li l-metodu tal-iffinanzjar, li huwa bbażat fuq kapaċitajiet irriżervati u teħid ta’ kwantitajiet iggarantiti, xorta jxekkel l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġenwina. Il-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-prezzijiet ukoll ikomplu jikkontradixxu l-objettiv ta’ promozzjoni tat-tnissil ta’ suq verament kompetittiv fejn il-prezzijiet jitnisslu mill-interazzjoni bejn il-provvista u d-domanda.

(432)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs huma inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti fil-Metodoloġija.

(433)

Ċerti partijiet interessati argumentaw ukoll li l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE jista’ japplika għall-PPAs anki meta ma jissodisfawx il-kriterji tas-sentenza Altmark.

(434)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 255 sa 275 fir-rigward tal-kriterji tas-sentenza Altmark jwasslu wkoll għall-konklużjoni li l-Artikolu 86(2) ma jistax japplika għall-PPAs.

(435)

L-Artikolu 86(2) jista’ japplika biss għall-kumpaniji li jipprovdu servizzi ddefiniti b’mod speċifiku ta’ interess ekonomiku ġenerali, li mhuwiex il-każ f’din l-istanza partikolari, kif jidher fil-premessi 256 sa 267 ta’ hawn fuq. Barra minn hekk, il-kumpens għall-forniment tal-SGEI irid ikun proporzjonat mal-ispejjeż addizzjonali involuti; fi kliem ieħor, irid ikun possibbli li jkun iddefinit l-ambitu tal-SGEIs biex ikunu ikkalkulati l-ispejjeż assoċjati. Dan mhuwiex il-każ hawnhekk, kif intwera fil-premessi 268 sa 270 ta’ hawn fuq.

(436)

L-għajnuna li qed tkun evalwata għaldaqstant tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

7.8.   Irkupru

(437)

Skont it-Trattat KE u l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat irid jabolixxi jew ibiddel għajnuna (99) meta jinstab li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Qorti konsistentement ikkonkludiet ukoll li l-obbligu fuq l-Istat li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni hija intiża biex tistabbilixxi mill-ġdid il-qagħda (100) li kienet teżisti qabel. F’dan l-ambitu, il-Qorti stabbiliet li dak l-objettiv jinkiseb meta r-reċipjent ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, biex b’hekk jintilef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u l-qagħda qabel il-ħlas tal-għajnuna tkun ġiet irrestawrata (101).

(438)

B’segwitu ta’ dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 stabbilixxa li “meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fir-rigward ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq il-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. Il-Kummissjoni m’għandhiex tirrikjedi l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal xi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

(439)

Ċerti partijiet interessati argumentaw li t-terminazzjoni ta’ kuntratti tad-dritt privat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika minħabba li l-PPAs huma kuntratti tad-dritt privat li l-ġeneraturi għamlu b’rieda tajba fiċ-ċirkustanzi tas-suq li kienu prevalenti dak iż-żmien. Huma argumentaw ukoll li tali deċiżjoni tkun f’kunflitt mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 382-287.

(440)

Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-Qorti kkonkludiet li l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment bil-għan li tkun irrestawrata l-qagħda li kienet teżisti qabel ma jistax fil-prinċipju jitqies bħala sproporzjonat għall-objettivi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (102).

(441)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li hemm bażi suffiċjenti biex tirkupra l-għajnuna mogħtija permezz tal-PPAs biex ikunu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

Kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li jrid ikun irkuprat

(442)

Taħt il-premessi 176 sa 236 intwera li l-vantaġġ li rriżulta mill-PPAs imur ferm lil hinn minn differenza pożittiva bejn il-prezzijiet PPA u l-prezzijiet li setgħu nkisbu fis-suq mingħajr il-PPAs.

(443)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-valur ġenerali tal-kundizzjonijiet kollha tal-obbligi ta’ xiri tal-MVM fuq medda twila ta’ żmien, kif stabbilit fil-premessi 174 sa 236, għall-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-terminazzjoni tal-PPAs, ma jistax ikun ikkalkulat bi preċiżjoni. Konsegwentement, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni se tillimita l-ordni tal-irkupru tagħha għad-differenza li setgħet eżistiet bejn id-dħul tal-ġeneraturi tal-enerġija taħt il-PPAs tagħhom u d-dħul li setgħu kisbu fis-suq mingħajr PPAs f’dik il-medda ta’ żmien.

(444)

Biex tiddetermina l-ammont li jrid ikun irkuprat, il-Kummissjoni tagħraf li kalkolu preċiż tal-ammont ta’ għajnuna mill-Istat li attwalment ibbenefikaw minnha l-benefiċjarji huwa kemmxejn kumpless, minħabba li jiddependi fuq x’setgħu jkunu l-prezzijiet u l-ammonti ta’ enerġija prodotta u mibjugħa fis-suq bl-ingrossa Ungeriż bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tat-terminazzjoni tal-PPAs kieku l-ebda PPA ma kienet fis-seħħ matul dak il-perjodu. Minħabba li l-PPAs ikopru l-maġġoranza tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni Ungeriża, is-suq kien ikun drastikament differenti taħt “ix-xenarju kontrofattwali” (103) milli kien fir-realtà.

(445)

Aspett speċifiku tal-elettriku huwa li ma jistax jinħażen b’mod ekonomiku meta jkun ġie prodott. Biex tkun żgurata l-istabbiltà ta’ netwerk, il-provvista u d-domanda tal-elettriku jridu jkunu bbilanċjati l-ħin kollu. Konsegwentement, l-ammont ta’ enerġija li l-ġeneraturi u l-importaturi tal-enerġija jistgħu jbiegħu fis-suq bl-ingrossa matul ċertu żmien u l-prezz li jistgħu jiksbu għal dik l-enerġija ma jiddependux fuq l-ammont ġenerali tal-enerġija mitlub mix-xerrejja f’dak il-perjodu, imma fuq l-ammont ta’ enerġija mitlub f’kull punt ta’ żmien (104). Barra minn hekk, id-domanda għall-elettriku tvarja b’mod sinifikanti matul il-jum u skont l-istaġuni, li jfisser li l-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni u l-importazzjoni li jeħtieġ li jissodisfaw id-domanda f’kull punt ta’ żmien ivarjaw ukoll u li ċerti unitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jfornu l-enerġija matul perjodi ta’ domanda għolja (105) biss. Konsegwentement, l-operat tas-suq ma jistax ikun evalwat b’eżatezza sħiħa fuq il-bażi tal-konsum, il-produzzjoni u d-dejta dwar il-prezzijiet annwali disponibbli għall-Kummissjoni.

(446)

Madankollu, skont il-każistika tal-Qorti, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma jirrikjedi lill-Kummissjoni, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, biex tiffissal-ammont eżatt tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata. Huwa biżżejjed għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi informazzjoni li tagħti s-setgħa lir-reċipjent li jikkalkula l-ammont innifsu mingħajr diffikulta (106) kbira.

(447)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipprovdi linji gwida dwar kif l-ammont tal-irkupru għandu jkun ikkwantifikat. Kif isemma hawn fuq, il-PPAs ikopru tali parti importanti mis-suq tal-ġenerazzjoni Ungeriż li l-prezzijiet mingħajr PPAs kienu jkunu differenti ħafna mill-prezzijiet attwalment osservati fis-settur kompetittiv. Konsegwentement, il-prezz li l-ġeneraturi setgħu kisbu fin-nuqqas tal-PPAs jista’ jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ simulazzjoni tas-suq li tikkonsisti fl-analiżi tal-operat tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku taħt ix-“xenarju kontrofattwali”. L-għan tas-simulazzjoni huwa li jkun stmat x’kienu jkunu l-bejgħ u l-prezzijiet taħt ix-xenarju kontrofattwali bil-għan li jkunu stabbiliti stimi kredibbli tal-ammonti li l-MVM setgħet ħallset lill-ġeneraturi kkonċernati għall-enerġija mixtrija mingħandhom taħt dak ix-xenarju. Is-simulazzjoni trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-premessi li ġejjin.

(448)

L-ewwel nett, minħabba li l-elettrriku għandu elastiċità tad-domanda mal-prezz li hija baxxa ħafna, is-simulazzjoni għandha titwettaq bil-premessa li f’kull punt ta’ żmien il-konsum fis-sistema tax-xenarju kontrofattwali huwa identiku mal-konsum attwalment osservat f’dak iż-żmien.

(449)

It-tieni, kif kien innotat fil-premessa 196, l-elettriku bi kwantità jinbiegħ fis-swieq bl-ingrossa kompetittivi permezz ta’ kuntratti fis-suq u bil-quddiem. L-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija wriet li l-livell tal-prezzijiet bil-quddiem jiddependi fuq l-aspettattivi individwali fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq. Kuntrarjament għall-prezzijiet fis-suq, li għalihom it-teorija ekonomika tissuġerixxi li f’kundizzjonijiet kompetittivi perfetti l-prezz huwa f’kull punt ta’ żmien l-ogħla spiża marġinali fuq medda qasira ta’ żmien tal-unitajiet tal-ġenerazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda (107), mhemmx punt ta’ referenza għall-prezz b’mod espliċitu għas-swieq bil-quddiem li jista’ jkun stmat bl-użu tat-teorija ekonomika. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li ssir simulazzjoni tal-impatt tal-istrateġiji żviluppati kemm mill-bejjiegħa kif ukoll mix-xerrejja fir-rigward tal-arbitraġġ bejn il-kuntratti fis-suq u bil-quddiem. Dan il-fatt huwa spjegat aħjar mill-varjetà kbira ta’ sitwazzjonijiet osservati fis-swieq bl-ingrossa fl-Ewropa. L-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija wriet li l-proporzjon bejn il-volumi nnegozjati f’forma ta’ prodotti fis-suq u l-konsum nazzjonali tal-elettriku varja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri (108).

(450)

Kif spjegat fil-premessa 198, il-prezzijiet fis-suq, notevolment dawk osservati fil-kambji tal-enerġija fis-suq, normalment jiffissaw ir-referenzi għas-suq bl-ingrossa kollu, inkluż dak għax-xiri bil-quddiem tal-prodotti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li biex tistabbilixxi l-ammonti ta’ għajnuna li jridu jkunu rkuprati, is-suq bl-ingrossa għandu jkun simulat taħt il-premessa li l-elettriku kollu jkun innegozjat permezz ta’ kuntratti fis-suq, bl-eċċezzjoni tal-elementi partikolari msemmija fil-premessi 453 sa 456.

(451)

Is-simulazzjoni għandha titwettaq fuq il-bażi tal-ispejjeż marġinali fuq medda qasira ta’ żmien tal-unitajiet tal-ġenerazzjoni kkonċernati. Konsegwentement, is-simulazzjoni għandha tqis id-dejta speċifika rilevanti għal kull unità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija operata fl-Ungerija (109) bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data attwali tat-terminazzjoni tal-PPAs notevolment fir-rigward tal-kapaċità installata, l-effiċjenza termali, l-ispejjeż tal-fjuwil u komponenti ewlenin oħra tal-ispejjeż varjabbli, u perjodi ta’ qtugħ tal-elettriku ppjanati u mhux previsti. Barra minn hekk, is-simulazzjoni għandha titwettaq taħt il-premessa fundamentali li f’kull punt taż-żmien hemm prezz uniku fis-suq tas-suq issimulat li jirriżulta mill-mekkaniżmi tal-provvista u d-domanda. Dan il-prezz uniku jvarja maż-żmien minħabba l-varjazzjoni fid-domanda u l-ispejjeż varjabbli.

(452)

Is-simulazzjoni għandha tqis il-fatt li taħt ix-xenarju kontrofattwali, l-MVM ma kienx ikollha tixtri enerġija aktar milli tkun teħtieġ biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur (110) ta’ servizz pubbliku. Konsegwentement, il-mekkaniżmi ta’ rilaxx imsemmija fil-premessa 226 ma jkunux jeżistu taħt ix-xenarju kontrofattwali u l-ħtiġijiet tal-MVM kienu jkunu llimitati għall-ammonti meħtieġa biex tkun issodisfata d-domanda fis-settur ta’ servizz pubbliku.

(453)

Is-simulazzjoni għandha tqis ukoll ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, iġġustifikati kif jixraq li jistgħu jinvolvu devjazzjoni mill-prinċipju ta’ spejjeż marġinali sottostanti s-simulazzjoni kollha. Tali sitwazzjonijiet speċifiċi jistgħu jinstabu fl-unitajiet ta’ koġenerazzjoni. Skont l-obbligi kuntrattwali jew statutorji tagħhom fir-rigward tal-provvista tas-sħana, dawn l-unitajiet jista’ jkollhom ibiegħu l-enerġija bi prezz aktar baxx mill-ispejjeż marġinali tagħhom fuq medda qasira ta’ żmien

(454)

Tali sitwazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw ukoll l-unitajiet ta’ ġenerazzjoni li jibbenefikaw minn skema ta’ appoġġ pubbliku minħabba li huma bbażati fuq teknoloġiji li jħarsu l-ambjent. Dan huwa l-każ fl-Ungerija fejn il-leġiżlazzjoni timponi fuq l-MVM u l-kumpaniji tal-provvista tal-elettriku reġjonali t-teħid mandatorju ta’ elettriku ġġenerat f’koġenerazzjoni jew mill-iskart jew mill-enerġija rinnovabbli bi prezzijiet irregolati b’mod uffiċjali ġeneralment aktar għolja mill-prezzijiet osservati fis-settur kompetittiv tas-suq bl-ingrossa. Is-simulazzjoni trid tqis li taħt ix-xenarju kontrofattwali, din l-iskema ta’ teħid mandatorju xorta kienet tkun fis-seħħ. Għaldaqstant, il-kwantitajiet mixtrija mill-MVM taħt is-sistema ta’ teħid mandatorju u l-prezzijiet imħallsa għal dik l-enerġija kienu jkunu identiċi għal dawk osservati taħt ix-xenarju (111) attwali.

(455)

Is-simulazzjoni għandha tqis ukoll il-fatt li ċerti kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni fiżikament disponibbli mhumiex disponibbli għall-provvista tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa, minħabba li huma rriżervati għall-provvista ta’ servizzi bħala bilanċ għall-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni. Taħt ix-xenarju attwali, is-servizzi ta’ bilanċ kienu pprovduti kemm mill-ġeneraturi ngaġġati f’PPA kif ukoll minn ġeneraturi oħra. Is-simulazzjoni għandha titwettaq taħt il-premessa li taħt “ix-xenarju kontrofattwali” il-kapaċitajiet irriżervati għall-provvista ta’ servizzi ta’ bilanċ lit-TSO, l-enerġija pprovduta fuq il-bażi ta’ dawn il-kapaċitajiet u l-prezz miksub għaliha kienu l-istess bħal dak taħt ix-xenarju attwali.

(456)

Taħt ix-xenarju kontrofattwali, il-kwantitajiet ta’ elettriku importat u esportat u l-prezzijiet miksuba għalihom jistgħu jkunu differenti minn dawk taħt ix-xenarju attwali. Madankollu, ma jkunx possibbli li wieħed jevalwa b’mod preċiż dak l-effett mingħajr ma jestendi l-firxa tas-simulazzjoni għas-swieq tal-pajjiżi li jesportaw u jimportaw, għax id-deċiżjonijiet tal-atturi fis-suq fir-rigward tal-esportazzjoni jew l-importazzjoni minn pajjiż għal ieħor huma influwenzati mill-kundizzjonijiet fis-suq li jkunu prevalenti kemm fil-pajjiż li jesporta kif ukoll fil-pajjiż li jimporta. Meta wieħed iqis li l-volumi importati fl-Ungerija u esportati minnha huma limitati meta mqabbla ma’ dawk iġġenerati u kkonsmati internament u meta wieħed iqis li terz tal-importazzjoni totali huwa kopert minn kuntratti (112) ta’ medda twila ta’ żmien, il-Kummissjoni tqis li tali estensjoni tal-firxa tas-simulazzjoni tista’ tirrikjedi sforzi sproporzjonati. L-Ungerija b’hekk tista’ tikkunsidra li taħt ix-xenarju kontrofattwali, il-kwantitajiet importati u esportati u l-prezzijiet korrispondenti kienu l-istess bħal dawk taħt ix-xenarju attwali.

(457)

Il-Kummissjoini tagħraf li ċerti ġeneraturi mhux ingaġġati f’PPA mal-MVM ikkonkludew kuntratti ta’ provvista tal-enerġija fuq medda twila jew medja medja ta’ żmien ma’ klijenti oħra. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali kuntratti m’għandhomx jitqiesu għall-fini ta’ din is-simulazzjoni minħabba li t-terminazzjoni tal-PPAs fl-1 ta’ Mejju 2004 jew qabel, li hija l-premessa bażika tax-xenarju kontrofattwali, bilfors tkun immodifikat l-istrateġiji kummerċjali tal-ġeneraturi kollha minħabba l-proporzjon kbir ta’ kapaċitajiet installati rriżervati taħt il-PPAs. Kif issostanzjat fil-premessa 449, mhuwiex possibbli li wieħed jistma l-proporzjon tal-elettriku mibjugħ f’forma ta’ prodotti fis-suq jew bil-quddiem. Għaldaqstant, mhuwiex raġonevoli li jitqies li l-ġeneraturi kollha jbiegħu il-produzzjoni kollha tagħhom f’forma ta’ prodotti fis-suq, sakemm ma jidħlux f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-premessi 453 sa 456.

(458)

L-aktar mod preċiż ta’ simulazzjoni ta’ suq tal-enerġija bl-ingrossa huwa li ssir fuq il-bażi ta’ siegħa b’siegħa, waqt li jitqiesu l-parametri speċifiċi kollha għal kull siegħa. Madankollu, il-Kummissjoni se taċċetta li s-simulazzjoni tkun illimitata għal kampjuni taż-żmien rappreżentattivi u li r-riżultati tas-simulazzjonijiet imwettqa fuq kull kampjun taż-żmien rappreżentattiv ikunu estrapolati għall-perjodu kollu li qed ikun evalwat.

(459)

Is-simulazzjoni għandha tagħti stimi kredibbli tal-ammont ta’ enerġija fornut minn kull unità ta’ ġenerazzjoni u l-prezz miksub għaliha taħt ix-xenarju kontrofattwali. Il-proporzjon bejn l-enerġija meħtieġa mill-MVM biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur (113) irregolat u l-ammont ġenerali ta’ enerġija fornuta fis-suq bl-ingrossa f’kull punt ta’ żmien għandu jkun stmat fuq il-bażi ta’ dejta storika li tikkonċerna l-konsum ġenerali tal-konsumaturi fis-settur irregolat u l-konsum ġenerali tal-konsumaturi kollha taħt ix-xenarju attwali.

(460)

Dan il-proporzjon għandu jintuża għall-istima tal-ammonti tal-enerġija li kull ġeneratur ikun biegħ lill-MVM f’kull punt ta’ żmien taħt ix-xenarju kontrofattwali. Fuq il-bażi ta’ dawn l-istimi, l-ammonti ġenerali li l-MVM kienet tkun ħallset lil kull ġeneratur għall-enerġija mixtrija biex tkun issodisfata d-domanda fis-settur irregolat taħt ix-xenarju kontrofattwali għandu jkun stmat fuq il-perjodu kollu li qed ikun evalwat (114).

(461)

L-aħħar pass tal-kalkolu tal-ammonti ta’ rkupru għandha tqis il-fatt li taħt ix-xenarju attwali, il-ġeneraturi ma biegħux il-produzzjoni kollha tal-blokok ta’ ġenerazzjoni koperti mill-PPAs lill-MVM imma użaw il-kapaċitajiet mhux irriżervati tagħhom għal bejgħ lil klijenti barra l-MVM. Għal kull blokk ta’ ġenerazzjoni kkonċernat l-ammont ta’ għajnuna li jrid ikun irkuprat għandu jinħadem fuq bażi annwali skont id-differenza bejn id-dħul miksub mill-bejgħ tal-enerġija lill-MVM taħt il-PPAs (115) taħt ix-xenarju attwali u l-ammonti li kienu jitħallsu mill-MVM taħt ix-xenarju kontrofattwali, kif ikkalkulat skont il-prinċipji spjegati hawn fuq.

(462)

Madankollu, il-Kummissjoni tagħraf li taħt ix-xenarju kontrofattwali, il-ġeneraturi kkonċernati setgħu kisbu dħul ogħla mingħand klijenti barra l-MVM minn dak miksub mingħand dawk il-klijenti taħt ix-xenarju attwali. Dan b’mod partikolari minħabba l-fatt li taħt ix-xenarji kontrofattwali l-ebda kapaċità mhija rriżervata mill-MVM, li toffri lill-ġeneraturi opportunitajiet addizzjonali biex ibiegħu il-produzzjoni tagħhom lil klijenti barra l-MVM. Konsegwentement, l-Ungerija tista’ tnaqqas mill-ammonti kkalkulati f’konformità mal-premessa 461 id-differenza bejn id-dħul li l-ġeneraturi kienu jiksbu mill-klijenti barra l-MVM taħt ix-xenarju kontrofattwali u d-dħul li kienu jiksbu mill-klijenti barra mill-MVM taħt ix-xenarju attwali, jekk dik id-differenza hija pożittiva.

(463)

L-imgħax li jrid ikun irkuprat skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandu jkun ikkalkulat ukoll fuq bażi annwali.

(464)

Biex il-Kummissjoni tevalwa l-preċiżjoni u l-kredibbiltà tas-simulazzjoni mwettqa mill-Ungerija, din tal-aħħar għandha tipprovdiha b’deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġija sottostanti u tas-sett tad-dejta mdaħħla fis-simulazzjoni.

(465)

Il-Kummissjoni tagħraf l-eżistenza ta’ għodda adattati li kapaċi jwettqu s-simulazzjoni meħtieġa. Tali għodda kienet attwalment użata mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-Inkjesta dwar is-Settur tal-Enerġija biex tevalwa l-istruttura u l-prestazzjoni ta’ sitt swieq (116) bl-ingrossa Ewropej. Tali għodda jintużaw ukoll minn għadd ta’ ġeneraturi u kummerċjanti tal-enerġija biex iwettqu tbassir dwar l-elettriku fuq medda twila ta’ żmien, iwettqu studji ta’ ppjanar dwar ir-riżorsi u jottimizzaw id-dispaċċ tal-ġenerazzjoni. Barra minn hekk, kif kien spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni hija lesta taċċetta ċerti simplifikazzjonijiet, notevolment l-użu ta’ kampjuni taż-żmien rappreżentattivi minflok simulazzjoni fuq bażi ta’ siegħa b’siegħa. Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Ungerija hija meħtieġa li twettaq simulazzjoni f’konformità mal-prinċipji spjegati hawn fuq u li tikkalkula l-ammont ta’ għajnuna li trid tkun irkuprata fuq il-bażi ta’ dik is-simulazzjoni f’qafas ta’ żmien raġonevoli.

Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni

(466)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li Stat Membru li jiltaqa’ ma’ diffikulatjiet mhux previsti jew mhux prevedibbli jew li jipperċepixxi konsegwenzi li ma tqisux mill-Kummissjoni jista’ jissottometti dawk il-problemi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni flimkien ma’ proposti għal emendi adattati. F’tali każ, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat iridu jaħdmu flimkien b’rieda tajba bil-għan li jegħlbu d-diffikultajiet waqt li josservaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet (117) tat-Trattat KE.

(467)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tistieden lill-Ungerija biex tissottometti lill-Kummissjoni għall-kunsiderazzjoni, kwalunkwe problema li tista’ tiltaqa’ magħha fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

8.   KONKLUŻJONI

(468)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs jagħtu għajnuna mill-Istat illegali lill-ġeneraturi tal-enerġija fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE u li din l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(469)

Kif spjegat fil-punt 7.3, l-element ta’ għajnuna mill-Istat previst fil-PPAs jikkonsisti fl-obbligu ta’ xiri mill-MVM ta’ ċertu kapaċità u kwantità minima ggarantita ta’ elettriku bi prezz li jkopri l-kapital, l-ispejjez fissi u varjabbli fuq parti sinifikanti tal-ħajja tal-unitajiet ta’ ġenerazzjoni, li b’hekk jiggarantixxu dħul minn investiment.

(470)

Minħabba li din l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mat-Trattat KE, din trid tiġi mwaqqfa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-obbligi ta’ xiri kif stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Xiri tal-Enerġija bejn Magyar Villamos Művek Rt. u Budapesti Erőmű Rt., Dunamenti Erőmű Rt., Mátrai Erőmű Rt., AES-Tisza Erőmű Kft, Csepeli Áramtermelő Kft., Paksi Atomerőmű Rt. u Pécsi Erőmű Rt. (firmatarja tal-PPA inizjali u l-predeċessur ta’ Pannon Hőerőmű Rt.) (118) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) hija inkompatibbli mas-suq komuni.

3.   L-Ungerija għandha żżomm lura mill-għoti tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   L-ammonti li għandhom ikunu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħaxijiet mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sa meta jkunu attwalment irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (119) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (120).

Artikolu 3

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni rigward miżuri li diġà ttieħdu u miżuri ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, u notevolment il-passi meħuda biex titwettaq simulazzjoni adattata tas-suq bl-ingrossa biex ikunu stabbiliti l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-metodoloġija ddettaljata li hija maħsuba li tiġi applikata u deskrizzjoni ddettaljata tas-sett tad-dejta li għandha l-ħsieb li tuża għal dak il-għan.

2.   L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni informata rigward il-progress tal-miżuri nazzjonali li jitwettqu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tissottometti minnufih, wara sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri mwettqa u ppjanati biex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. L-Ungerija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata rigward l-ammont ta’ għajnuna u ta’ imgħax tal-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 4

1.   L-ammont eżatt ta’ għajnuna li trid tkun irkuprata għandu jkun ikkalkulat mill-Ungerija fuq il-bażi ta’ simulazzjoni adattata ta’ kif kien ikun is-suq bl-ingrossa tal-elettriku kieku l-ebda wieħed mill-Ftehimiet ta’ Xiri tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 1(1) ma kien fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004.

2.   Fi żmien sitt xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tikkalkula l-ammonti li jridu jiġu rkuprati fuq il-bażi tal-metodu msemmi fil-paragrafu 1 u tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tas-simulazzjoni, notevolment ir-riżultati tagħha, deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġija applikata, u s-sett tad-dejta użata biex titwettaq is-simulazzjoni.

Artikolu 5

L-Ungerija għandha tiżgura li l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun implimentat fi żmien għaxar xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indrizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 324, 21.12.2005, p. 12.

(2)  Id-Digriet tal-Gvern 183/2002 (VIII.23.) dwar regoli dettaljati għad-definizzjoni u l-ġestjoni tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati (stranded costs).

(3)  L-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi datata 4 ta’ Ġunju 2004, irreġistrata fl-istess ġurnata u tal-20 ta’ Ottubru 2004, irreġistrata fil-21 ta’ Ottubru 2004.

(4)  L-ittra datata 21 ta’ Diċembru 2004 mill-ġeneratur tal-enerġija AES-Tisza Erőmű Kft.

(5)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(6)   ĠU C 324, 21.12.2005, p. 12.

(7)  Talba tal-14 ta’ Diċembru 2005 aċċettata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2005.

(8)  Talbiet irreġistrati fid-9 ta’ Jannar 2006 (Budapesti Erőmű), fis-16 ta’ Jannar 2006 (AES-Tisza, […] (*1)), fis-17 ta’ Jannar 2006 (Electrabel), fid-19 ta’ Jannar 2006 […] u fl-20 ta’ Jannar 2006 (Csepeli Erőmű), aċċettati mill-Kummissjoni f’ittri datati 13, 18, 20, 24 ta’ Jannar u 27 ta’ Frar 2006.

(*1)  Id-dejta koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali hija indikata fit-test tad-Deċiżjoni b’sinjal […].

(9)  L-ittra rreġistrata fit-3 ta’ April 2006.

(10)  2080/2007 (V.11.) Korm. Határozat a villamos energia iparban kötött hosszú távú szerződések rendezéséről.

(11)  Att LXXXVI tal-2007.

(12)  Bl-eċċezzjoni tal-ittri tas-7 ta’ Diċembru 2007 u tal-14 ta’ Jannar 2008.

(13)  Adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2001. Il-Metodoloġija tista’ tinstab fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html

(14)  Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37).

(15)  Sottomissjonijiet tal-20 ta’ Lulju 2005, irreġistrati fil-25 ta’ Lulju 2005.

(16)  F’xi każijiet kien hemm PPAs separati għall-blokok tal-produzzjoni differenti tal-impjanti tal-produzzjoni, bħal fil-każ ta’ Mátra u Dunament.

(17)  Bħall-ibbilanċjar tal-enerġija, riżervi terzjarji, kapaċità ta’ black start, eċċ.

(18)  Dawn ir-rati huma bbażati fuq il-kalkolu tar-riżervi ta’ kapaċità tal-produzzjoni (MW) u mhux fuq il-volum ta’ bejgħ tal-elettriku (MWh). Huma kienu sottomessi lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi b’L-ittra tal-4 ta’ Ġunju 2004. L-istess figuri jidhru fir-rapport dwar l-istudju tas-suq tal-elettriku Ungeriż imwettaq mill-Awtorità Ungeriża għall-Kompetizzjoni (15 ta’ Mejju 2006).

(*2)  Itterminat bi qbil komuni f’Marzu 2008.

(19)  Lista bbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi fl-20 ta’ Ottubru 2004 u fuq il-linji gwida tal-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż għall-implimentazzjoni ta’ reviżjoni tal-ispejjeż bil-għan tal-iffissar tal-prezzijiet ta’ Jannar 2001 (A Magyar Energia Hivatal irányelve a 2001. januári ármegállapítás előkészítését célzó költség-felülvizsgálat végzéséhez).

(20)  L-L-ittra datata 20 ta’ Lulju 2005, irreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2005.

(21)  L-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006, irreġistrata fid-29 ta’ Ġunju 2006.

(22)  Ara wkoll ir-rapport dwar l-istudju tas-settur tal-elettriku Ungeriż imwettaq mill-Awtorità Ungeriża għall-Kompetizzjoni (15 ta’ Mejju 2006).

(23)  (Att XXXV tal-2006 dwar emendi li jikkonċernaw ir-regolazzjoni tal-prezz tal-elettriku).

(24)  Il-figuri tat-tabella huma bbażati fuq l-istatistiċi ppubblikati fil-Yearbook Statistiku għall-Elettriku (Villamosenergia Statisztikai Évkönyv). Ara wkoll l-L-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi sottomessa fil-21 ta’ April 2008.

(25)  Il-kapaċità totali installata ta’ produzzjoni (Beépített teljesítőképesség): il-kapaċità nominali ta’ produzzjoni f’MW tal-makkinarju fl-impjanti tal-enerġija Ungeriżi. Tista’ titbiddel biss b’espansjoni jew tneħħija.

(26)  Il-kapaċità grossa disponibbli (Rendelkezésre álló állandó teljesítőképesség): il-kapaċità attwali disponibbli tal-impjant tal-enerġija meta jitqiesu l-overlowd permanenti permissibbli u t-telf permanenti. Il-kapaċità installata wara tnaqqis għal raġunijiet ta’ natura permanenti u wara żieda tal-overlowds permissibbli.

(27)  Il-kapaċità netta disponibbli (Igénybe vehető teljesítőképesség): il-kapaċità attwalment disponibbli wara t-tnaqqis tax-xogħlijiet ippjanati ta’ manutenzjoni.

(28)  Il-figuri tat-tabella huma bbażati fuq il-PPAs kif sottomessi lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi. Ara wkoll l-L-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrata fil-21 ta’ April 2008.

(29)  Il-kapaċità medja disponibbli kuntrattata (Rendelkezésre álló átlag teljesítősépesség szerződött értéke).

(1)  Bejn 400 u 700 MW (in-noti tal-qiegħ indikati b’ittri żgħar ma jidhrux fil-verżjoni awtentika tad-Deċiżjoni iżda ġew inklużi fil-verżjoni pubblika biex jindikaw medda ta’ daqs ta’ ċerta informazzjoni koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali).

(2)  Bejn 600 u 900 MW.

(3)  Bejn 4 057 u 4 357 MW.

(4)  Bejn 4 725,9 u 5 025,9 MW.

(5)  Bejn 4 749,6 u 5 049,6 MW.

(6)  Bejn 4 724,7 u 5 024,7 MW.

(30)  Il-figuri tat-tabella huma bbażati fuq il-PPAs kif sottomessi mill-awtoritajiet Ungeriżi, l-istatistiċi ppubblikati mill-Uffiċċju Ungeriż għall-Enerġija fuq il-websajt tiegħu: www.eh.govshu, u l-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi datata 21 ta’ April 2008. Il-kwantitajiet tax-xiri ggarantit stipulati fil-ftehimiet kummerċjali annwali jistgħu jvarjaw kemxejn mill-kwantitajiet maħsuba fil-PPAs infushom. Il-figuri attwali tax-xiri jkopru l-bejgħ kollu tal-impjant tal-enerġija kkonċernat lil MVM.

(*3)  L-informazzjoni dwar l-elettriku totali ġġenerat u l-konsum mill-impjant innifsu tkopri wkoll il-blokki ta’ dawn l-impjant li mhumiex taħt PPA.

(31)  L-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea; ĠU L 236, 23.9.2003.

(32)   ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(33)  Kawża C-482/99 Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2002] Ġabra I-04397. Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002.

(34)  Saret referenza għall-Kawża T-366/00, Scott S.A.

(35)   ĠU C 34, 7.2.2004, p. 8.

(36)  Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht [2003] Ġabra I-07747.

(37)  Id-Direttiva 2003/54/KE.

(38)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000 fil-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98.

(39)  L-ittra rreġistrata fid-19 ta’ Diċembru 2006.

(40)   ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(41)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000 fil-kawża ta’ Alzetta Mauro ċċitata mill-impjant tal-enerġija ta’ Budapest tikkonferma wkoll li l-miżura trid tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-ġodda tas-suq wara l-liberalizzazzjoni meta jiġi rikonoxxut li l-miżura li setgħet ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna Statali qabel il-liberalizzazzjoni ssir għajnuna (eżistenti jew ġdida).

(42)  Il-Ftehim tal-Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Ungerija, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta’ Diċembru 1991.

(43)  Kwotazzjoni mill-punt 3 tal-kummenti tal-ġeneratur.

(44)  Irrispettivament minn jekk il-prezz huwiex ibbażat fuq il-formula tal-prezz kontenuta fil-PPAs jew fuq id-digrieti dwar il-prezzijiet, minħabba li t-tnejn huma bbażati fuq prinċipji simili għar-regolazzjoni tal-prezzijiet.

(45)  Kawżi magħquda C-328/99 u C-399/00 Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-4035, paragrafu 83.

(46)  F’Ġunju 2005 il-Kummissjoni fetħet inkjesta dwar l-operat tas-swieq Ewropej tal-gass u l-elettriku. Ir-rapport finali ta’ dan l-Istħarriġ dwar is-Settur tal-Enerġija, li ġie ppubblikat fl-10 ta’ Jannar 2007, huwa użat f’din id-Deċiżjoni bħala sors ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet u l-prattiċi kummerċjali fis-swieq tal-elettriku Ewropej li diġà kienu prevalenti meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Dan ir-rapport jinsab fuq http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/others/sector_inquiries/energy/

(47)  L-ispejjeż marġinali għal żmien qasir huma l-ispejjeż li l-produtturi tal-enerġija jistgħu jevitaw billi jieqfu jipproduċu l-elettriku għal żmien qasir. Dawn l-ispejjeż huma ftit jew wisq ugwali għall-ispejjeż varjabbli, billi t-tnejn huma influwenzati mill-prezzijiet tal-fjuwil.

(48)  Il-fatt li l-fornitur jintrabat li jikkonsenja l-kwantità ffissata fil-kuntratt jista’ jitqies bħala ekwivalenti għar-riżerva ta’ kapaċità.

(49)  15 % tal-kapaċitajiet kuntrattati fl-2005.

(50)  Minħabba l-offerti annwali, l-ammont ta’ kapaċità li tista’ tiġi offruta lit-TSO u l-prezz miksub ivarjaw fuq bażi annwali u jistgħu jonqsu jekk il-ħtiġijiet tat-TSO jonqsu u/jew jekk fornituri oħra joffru prezzijiet aktar baxxi jew ammonti akbar.

(51)  Il-leġislazzjoni Ungeriża teħtieġ li MVM u l-kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali jixtru l-elettriku prodott f’koġenerazzjoni jew minn sorsi tal-enerġija mill-iskart jew rinnovabbli, bi prezzijiet regolati.

(52)  Ara fost l-oħrajn il-websajt http://www.mvm.hu

(53)  Li jirriżultaw mit-tariffi regolati, li jiddependu fuq il-livell tal-konsum.

(54)  Id-Direttiva 2003/54/KE.

(55)  Id-Digriet tal-Gvern 183/2002.

(56)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrata fl-4 ta’ Ġunju 2004.

(57)  Irkanti tal-kapaċità, offerti għall-kapaċità u s-Suq ta’ MVM.

(58)  Il-figuri fit-tabella huma bbażati fuq l-ittri mill-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrati fl-24 ta’ Settembru 2007 u fis-16 ta’ Jannar 2008. Hemm xi differenzi żgħar (ta’ anqas minn 5 %) bejn il-figuri pprovduti fiż-żewġ ittri ta’ informazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet għall-2006. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-aktar informazzjoni riċenti (l-ittra tas-16 ta’ Jannar 2008).

(59)  Informazzjoni bbażata fuq l-L-ittra mill-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrata fl-24 ta’ Settembru 2007. Il-kumpanija E.ON DKCE biegħet ukoll elettriku lis-suq ħieles fl-2005 u fl-2006. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi bl-ittra rreġistrata fit-22 ta’ April 2008, l-ammont mibjugħa kienu minuri, għalhekk l-awtoritajiet Ungeriżi ma kellhomx id-data korrispondenti dwar il-prezzijiet.

(*4)  L-ammonti mibjugħa kienu inqas minn 1 000 MWh. Il-Kummissjoni tqis li l-prezz għal ammonti daqshekk limitati ma jikkostitwix bażi adegwata għal tqabbil mal-prezzijiet tal-PPAs.

(60)  Informazzjoni bbażata fuq l-ittri tal-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrati fl-24 ta’ Settembru 2007 u s-16 ta’ Jannar 2008. Hemm differenzi żgħar (ta’ inqas minn 2 %) bejn il-figuri pprovduti fiż-żewġ ittri ta’ informazzjoni. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-iżjed informazzjoni riċenti (l-ittra tas-16 ta’ Jannar 2008). L-importazzjonijiet minn MVM huma bbażati wkoll fuq ftehimiet fuq perjodu fit-tul; dawk il-ftehimiet mhumiex koperti mill-proċedura preżenti.

(*5)  L-isem tal-kumpanija msieħba tal-importazzjoni.

(*6)  Il-prezz medju peżat tal-importazzjonijiet kollha tal-elettriku koperti f’din it-tabella kien 9.14 HUF/kWh fl-2004, 10.41 HUF/kWh fl-2005, u 11.49 HUF/kWh fl-2006.

(61)  Ara l-premessa 32 ta’ din id-deċiżjoni.

(62)  Il-prezzijiet medji jirrappreżentaw prezzijiet pezati indikattivi.

(*7)  L-ammonti mibjugħa huma bejn 25 000 u 2 000 000 MWh għal kull tip ta’ prodott (meta l-konsum ikun l-aktar baxx/bażi/meta l-konsum ikun l-aktar għoli).

(63)  Skont l-Awtoritajiet Ungeriżi, fin-nuqqas ta’ PPAs id-diversi ġeneraturi attwalment taħt il-PPAs jiksbu qligħ massimu b’dan il-mod: l-impjanti tal-enerġija ta’ Paks u Pécs ibiegħu 100 % tal-produzzjoni tagħhom f’forma ta’ prodotti ta’ konsum bażi, l-impjanti tal-enerġija ta’ Mátra, Dunament G2, Kelenfold, Ujpest u Kispest ibiegħu madwar 50 % tal-elettriku prodott minnħhom bħala prodotti bażi u 50 % bħala prodotti tal-ogħla konsum, waqt li l-impjanti tal-enerġija ta’ Csepel, Dunament blokk F u Tisza II ibiegħu prinċipalment elettriku tal-ogħla konsum (madwar 70 %).

(64)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet N 34/99 (ĠU C 5, tat-8.1.2002, p. 2), NN 49/99 (ĠU C 268, tat-22.9.2001, p. 7), N 6/A/2001 (ĠU C 77, tat-28.3.2002, p. 25) u C 7/2005 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(65)  Dawn attwalment huma t-tieni u t-tielet kriterji tas-sentenza Altmark.

(66)  Kawża T-55/99 tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, paragrafi 40 u 52.

(67)  Kawża 203/82 tal-Qorti tal-14 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana, paragrafu 4.

Kawża 173/73 tal-Qorti tat-2 ta’ Lulju 1973, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni, paragrafu 18.

(68)  Kawża C-379/98 tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001.

(69)  Kawża C-482/99 tas-16 ta’ Marzu 2002 tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(70)  Ara pereżempju l-L-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2005.

(71)  Paġna 5 tal-kummenti.

(72)  L-ittra rreġistrata tal-25 ta’ Lulju 2005.

(73)   “ A szerződés mintegy átemelte a Kormányhatározatban szereplő képleteket, meghatározásokat.” L-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi rreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2005.

(74)  L-ittra ddatata l-20 ta’ Lulju 2005 rreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2005.

(75)  It-test tal-Linji Gwida Konġunti kien sottomess lill-Kummissjoni bl-Ingliż biss.

(76)  Mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ungeriżi fl-20 ta’ Ottubru 2004 u, fir-rigward ta’ Dunament, fil-25 ta’ Lulju 2005.

(77)  Anness 3 tas-sottomissjonijiet ta’ […].

(*8)  Isem il-ġeneratur tal-enerġija.

(78)  Ara b’mod partikulari s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2000 fil-Każijiet Magħquda T-204/97 u T-270/97 EPAC vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-02267.

(79)   ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(80)  Ippubblikat fil-15 ta’ Mejju 2006.

(81)  Punt 24 tal-Konklużjonijiet (Összefoglalás) tar-Rapport.

(82)  Ippubblikat f’Novembru 2006. It-titlu oriġinali huwa “A hosszú távú áramvásárlási szerződések megszűnésének hatása a villamos energia nagykereskedelmi árára”.

(83)  Kwotazzjoni mill-punt 2 tal-Istudju: “összeegyeztethetetlen a versenypiaci működés elveivel.”

(84)  L-10 ta’ Jannar 2007; http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/others/sector_inquiries/energy/

(85)  L-informazzjoni hija disponibbli fil-websajt tal-Uffiċċju tal-Enerġija Ungeriż: www.eh.gov.hu

(86)  Studju minn Dr. Theon van Dijk, Marzu 2006.

(87)  Pereżempju ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2004 rigward l-għajnuna mill-Istat, CZ 14/2003 – Ir-Repubblika Ċeka “Česka spořitelna, a.s.”.

(88)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(89)   ĠU L 236, 23.9.2003.

(90)  Mappa tal-għajnuna reġjonali tal-Ungerija, approvata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembru 2006 u ppubblikata fil-ĠU C 256, 24.10.2006, p. 7.

(91)   ĠU C 74, tal-10.3.1998, p. 9.

(92)   ĠU C 54, tal-4.3.2006, p. 13.

(93)  Punt 4.15 tal-Linji Gwida l-qodma u l-punt 5 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali l-ġodda.

(94)  Il-kwotazzjoni hija mill-punt 5 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali ġodda.

(95)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(96)   ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(97)  Ara d-dispożizzjonijiet introdutorji tal-Metodoloġija.

(98)  Id-data tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija elettrika, li għall-Ungerija kien l-1 ta’ Mejju 2004.

(99)  Kawża C-70/72, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, [1973] Ġabra 00813, punt 13.

(100)  Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, [1994] Ġabra I-4103, punt 75.

(101)  Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, [1999] Ġabra I-030671 punti 64-65.

(102)  Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummisjoni, [1999] Ġabra I-030671 punt 68, il-Kawża C-142/87 Il-Belġju vs Il-Kummisjoni, Ġabra I-00959 [1990] punt 66, u l-Kawżi Magħquda C-278/92 sa C-280/92 Spanja vs Il-Kummisjoni, [1994] Ġabra I-04103, punt 75.

(103)  Iddefinit bħala xenarju fittizju fejn ebda PPA ma kienet fis-seħħ bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tat-terminazzjoni tal-PPAs. Ix-“xenarju attwali” huwa dak li attwalment seħħ minħabba l-eżistenza tal-PPAs.

(104)  Dan il-parametru huwa espress f’MW u komunament jissejjaħ “lowd tas-sistema”.

(105)  Perjodi ta’ domanda għolja komunament jissejħu perjodi ta’ “konsum għoli”, b’kuntrast mal-perjodi ta’ “konsum bażi”.

(106)  Ara, b’mod partikulari, il-Kawża C-480/98 Spanja vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-8717, punt 25, u l-Kawża C-415/03, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, [2005] Ġabra I-3875, punt 39.

(107)  F’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni perfetta, l-unitajiet kollha ta’ ġenerazzjoni meħtieġa biex tkun issodisfata d-domanda f’kull żmien huma dawk li għandhom l-inqas spejjeż marġinali fuq medda qasira ta’ żmien u huma kapaċi jfornu lin-netwerk bl-enerġija kollha meħtieġa biex tkun issodisfata d-domanda. L-unitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jistgħu jkunu kklassifikati skont l-ispejjeż marġinali tagħhom fuq medda qasira ta’ żmien. L-aċċess tagħhom għas-suq f’kull żmien jiddependi fuq il-klassifikazzjoni f’dan “l-ordni tal-mertu”, fuq il-konsum tas-sistema u fuq l-enerġija fornuta mill-unitajiet ta’ ġenerazzjoni li għandhom klassifikazzjoni aktar għolja fl-ordni tal-mertu.

(108)  Pereżempju l-proporzjon huwa 5 % fi Franza, 11 % fir-Renju Unit, 44 % fl-Italja u 84 % fi Spanja.

(109)  Kemm taħt PPA kif ukoll le.

(110)  Meta jitqies b’mod adattat it-telf fin-netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni.

(111)  Ix-xenarju attwali jikkorrispondi għas-suq kif sar mill-1 ta’ Mejju 2004 bl-eżistenza tal-PPAs.

(112)  Li kienu jibqgħu fis-seħħ skont ix-xenarju kontrofattwali.

(113)  Dan l-ammont jikkorrispondi għall-enerġija attwalment ikkonsmata mill-konsumaturi fuq is-segment irregolat u ammont addizzjonali meħtieġ minħabba t-telf fin-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

(114)  Bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-terminazzjoni attwali tal-PPAs.

(115)  Dan id-dħul irid jinħadem fuq il-bażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa mill-MVM. Għall-perjodu meta l- prezzijiet irregolati kienu superjuri għall-formuli tal-prezzijiet tal-PPAs (bejn id-9 ta’ Diċembru 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007), għal dak il-kalkolu għandhom jitqiesu l-prezzijiet irregolati.

(116)  L-Istati Membri kkonċernati kienu l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, Spanja u r-Renju Unit, li huma fost l-akbar swieq bl-ingrossa fl-Ewropa.

(117)  Ara l-Kawża C-94/87 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1989] Ġabra-175, punt 9 u l-Kawża C-348/93 Il-Kummissjoni vs L-Italja [1995] Ġabra-673, punt 17.

(118)  L-ismijiet tal-kumpaniji elenkati huma dawk li applikaw fi żmien l-iffirmar tal-PPAs.

(119)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(120)   ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.