2012R0737 — MT — 29.05.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 737/2012

tal-14 ta’ Awwissu 2012

dwar il-protezzjoni ta’ ċerti stokkijiet fil-Baħar Ċeltiku

(ĠU L 218 15.8.2012, p. 8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/741 tat-8 ta' Mejju 2015

  L 118

1

9.5.2015




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 737/2012

tal-14 ta’ Awwissu 2012

dwar il-protezzjoni ta’ ċerti stokkijiet fil-Baħar Ċeltiku



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd ( 2 ), il-Politika Komuni tas-Sajd għandha tipprovdi għal miżuri koerenti fir-rigward tal-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttar ta’ riżorsi akkwatiċi ħajjin, inkluż miżuri speċifiċi biex jitnaqqas l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u speċijiet mhux immirati.

(2)

L-Artikolu 45(1) tar-Regolament (KE) Nru 850/98 jipprovdi li, meta l-konservazzjoni tal-istokkijiet ta’ organiżmi tal-baħar titlob azzjoni immedjata, il-Kummissjoni tista’, flimkien ma’ deroga minn dak ir-Regolament jew permezz tagħha, tadotta kwalunkwe miżuri neċessarji.

(3)

Skont il-parir mogħti f’Ġunju 2011 mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (minn issa ’l quddiem — “ICES”) ir-rati ta’ rimi lura ta’ ħut fil-Baħar Ċeltiku, partikolarment dak taż-żgħar tal-haddock u tal-merlangu, huma għolja u qegħdin jiżdiedu. Ir-rimi lura tal-ħut qabel ma dan ikun irriproduċa jnaqqas il-potenzjal tar-rendiment għas-snin li ġejjin u għalhekk jhedded is-sostenibbiltà tal-istokkijiet.

(4)

Kemm il-flotot li għandhom fil-mira l-ksampu, kif ukoll dawk li jużaw it-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni biex jimmiraw il-ħut tal-ġewnaħ imħallat għandhom livelli għolja ta’ rimi lura ta’ haddock u merlangu minħabba selettività ħażina tal-irkaptu użat. L-ICES jiddikjara wkoll li l-istokk tal-merluzz jiddependi ħafna fuq ir-reklutaġġ tal-ħut u li għandhom ikunu mħeġġa l-miżuri tekniċi sabiex jitnaqqas ir-rimi lura fil-baħar. Minħabba li dan l-aħħar kien hemm għadd kbir ta’ ħut li baqa’ jgħix kemm fl-istokkijiet tal-haddock kif ukoll f’dawk tal-merlangu fil-Baħar Ċeltiku, huwa mistenni li, din is-sena, ir-rata tar-rimi lura tkun agħar. Għalhekk, l-ICES huwa tal-parir li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu introdotti b’mod urġenti sabiex tiżdied is-selettività u jitnaqqas l-iskartar tal-haddock, tal-merlangu u tal-merluzz.

(5)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi introdott l-użu ta’ pannelli ta’ malji kwadri biex tittejjeb is-selettività tad-daqs tal-irkaptu użat u biex jiġi protett il-ħut żgħir li jkun dieħel fl-istokk, filwaqt li jinżammu kemm jista’ jkun qabdiet tal-ispeċijiet mmirati. Ġie pruvat li l-pannelli ta’ malji kwadri jnaqqsu l-mortalità mis-sajd b’mod sinifikanti billi jippermettu li l-ħut jaħrab u huma miżura effettiva li tista’ tiġi introdotta immedjatament.

(6)

F’Ottubru tal-2011, il-Kunsill Reġjonali Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Majjistral (NWWRAC) irrakomanda li l-miżuri tekniċi attwali fil-Baħar Ċeltiku għandhom jiġu mtejba biex jitnaqqas ir-rimi lura tal-ħut, speċjalment dak tal-haddock u l-merlangu, billi jkun meħtieġ l-użu ta’ pannell ta’ malji kwadri pożizzjonat kif xieraq u ta’ daqs speċifiku li jiddependi fuq it-tip ta’ rkaptu u l-qawwa tal-magna tal-bastiment.

(7)

Għalhekk, il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-haddock u l-merlangu fil-Baħar Ċeltiku teħtieġ azzjoni immedjata.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni fil-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), id-Diviżjonijiet VIIf, VIIg u l-parti ta’ VIIj li tinsab fit-Tramuntana tal-latitudni 50° N u fil-Lvant ta’ 11° W (minn issa ’l quddiem — il-“Baħar Ċeltiku”), fejn:

(a) xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni jkollhom malji singoli ta’ 100 millimetru jew aktar (minn issa ’l quddiem — “bastimenti TR1”);

(b) xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni jkollhom malji singoli ta’ 70 millimetru jew aktar u anqas minn 100 millimetru (minn issa ’l quddiem — “bastimenti TR2”); jew

(c) fejn il-bastiment li jkun qed juża xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni jkollu qawwa tal-magna li tkun anqas minn 112-il kilowatt (minn issa ’l quddiem — “bastimenti b’qawwa baxxa”).

2.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd li joperaw bi xbieki tat-tkarkir bit-travu.

Artikolu 2

Miżuri tekniċi

▼M1

1.  B'deroga minn punt (a) tal-Artikolu 7(1) tar- Regolament (KE) Nru 850/98, il-bastimenti tas-sajd bl-użu ta' daqs tal-malji tat-tarf magħluq ta' bejn 70 u 119 mm għandhom jużaw panew ta' toqob kwadri b'daqs tat-toqob ta' mill-inqas 120 millimetru.

▼B

2.  B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 850/98, il-pannell ta’ malji kwadri hekk kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqiegħed fil-pannell ta’ fuq tal-manka. It-tarf ta’ wara nett tal-pannell ta’ malji kwadri, li hija l-aktar parti qrib tal-manka, ma għandhiex tkun aktar minn 9 metri ’l bogħod mill-manka.

▼M1

3.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, panew b'toqob kwadri jista' jitqiegħed aktar' il bogħod mill-manka jekk kombinazzjoni differenti ta' rkaptu u apparat jiġu vvalutati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) li għandhom selettività tal-istess livell jew ogħla ta' karatteristiċi għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu.

4.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti tas-sajd bl-użu ta' daqs tal-malji tat-tarf magħluq ta' bejn 70 u 119 mm jistgħu jużaw, minflok panew ta' toqob kwadri ta' daqs tat-toqob ta' mill-inqas 120 millimetru, tagħmir jew apparat ivvalutat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) li għandu l-istess livell jew ogħla ta' karatteristiċi ta' selettività għall-merluzz, il-bakkaljaw u l-merlangu.

5.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti li jużaw malji ta' daqs ta' bejn 70 u 119 mm fejn il-qabda fi kwalunkwe sajda fiż-żona Lvant ta' 8° Punent tal-Baħar Ċeltiku jkun fiha mill-inqas 55 % merlangu jistgħu jużaw panew ta' toqob kwadri b'daqs tat-toqob ta' mill-inqas 100 millimetru jekk huma jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni ta' daqs singolu ta' xibka ugwali għal jew akbar minn 100 millimetru.

6.  Bastimenti tas-sajd li qed jagħmlu użu mid-derogi msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom ikunu ġew maħruġa flimkien ma' awtorizzazzjoni tas-sajd speċifika mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom qabel ma jmorru fuq il-baħar. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jeżamina kwalunkwe sottomissjoni għal tali awtorizzazzjoni b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ( 3 ) u mal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 ( 4 ).

▼B

Artikolu 3

Programm tal-osservatur abbord

1.  Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 ( 5 ), kull Stat Membru li l-bastimenti tiegħu huma kkonċernati mill-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 2, għandu jistabbilixxi b’mod immedjat programm tal-osservatur abbord biex l-effettività ta’ dawk il-miżuri tiġi rreġistrata. B’mod partikolari, il-programm tal-osservatur għandu jagħti stima tal-qabdiet tal-haddock, il-merlangu u l-merluzz kif ukoll tar-rimi lura bi preċiżjoni ta’ mhux anqas minn 20 %.

2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni selettiva tal-irkaptu, li tinkludi l-ammont totali ta’ qabdiet u rimi min-naħa ta’ bastimenti soġġetti għall-programm tal-osservatur sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena li fiha jiġi implimentat il-programm.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mis-26 ta’ Settembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.

( 2 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

( 5 ) ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3.