31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/33


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Lulju 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE li tissospendi temporanjament l-importazzjonijiet mill-Bangladexx ta' oġġetti tal-ikel li fihom il-weraq betel (“Piper betle”) jew li jikkonsistu minnu, fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

(notifikata bid-dokument C(2014) 5327)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/510/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(i) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/88/UE (2) ġiet adottata wara għadd kbir ta' notifiki maħruġa bis-Sistema ta' Allarm Malajr għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) minħabba l-preżenza ta' firxa wiesgħa ta' razez tas-salmonella, inkluża s-salmonella typhimurium, misjuba f'oġġetti tal-ikel. Dan huwa t-tieni serotip l-aktar irrappurtat f'każijiet fil-bniedem u nstabu prevalenzi għolja f'oġġetti tal-ikel li fihom jew jikkonsistu minn weraq betel (“Piper betle”, magħrufa komunement bħala “Paan leaf” jew “Betel quid”) mill-Bangladexx. Mill-2011, ir-Renju Unit irrapporta bosta tifqigħat ta' avvelenament tas-salmonella minn weraq Betel. Barra minn hekk, huwa probabbli li mhux il-każijiet kollha jiġu rrapurtati fl-Unjoni.

(2)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE tipprojbixxi l-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti tal-ikel li fihom jew jikkonsistu minn weraq betel mill-Bangladexx sal-31 ta' Lulju 2014.

(3)

Fi Frar 2014, il-Bangladexx ppreżenta aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tiegħu biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati matul awditu mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni Ewropea fl-2013. Dan indika li l-implimentazzjoni għadha għaddejja u għadha ma tlestietx.

(4)

Għalhekk, għad baqa' għadd ta' kwistjonijiet pendenti li jridu jiġu indirizzati. B'mod partikolari, il-programm ta' esportazzjoni mressaq mill-industrija għall-esportazzjoni ta' weraq Betel għadu ma daħalx fis-seħħ. Il-projbizzjoni awtoimposta fuq l-esportazzjoni tal-weraq Betel introdotta mill-Bangladexx f'Mejju 2013 tibqa' fis-seħħ. Madankollu, din ma tatx prova li hi effettiva għal kollox u mill-adozzjoni tagħha ir-RASFFirċiviet rapporti għal disa' każijiet ta' tentattiv ta' importazzjoni ta' weraq betel fl-Unjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-garanziji mogħtija mill-Bangladexx huma biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji serji għas-saħħa tal-bniedem. Il-miżuri ta' emerġenza stabbiliti bid-Deċiżjoni 2014/88/UE għandhom għalhekk jibqgħu fis-seħħ.

(5)

Il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE għandu għalhekk jiġi estiż sat-30 ta' Ġunju 2015.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2015.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/88/UE tat-13 ta' Frar 2014 tissospendi temporanjament l-importazzjonijiet mill-Bangladexx ta' oġġetti tal-ikel li fihom jew jikkonsistu minn weraq betel (“Piper betle”) (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 34).