SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta bozza tad-dawl b’dajowds li jemettu d-dawl – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvelar tad-disinn preċedenti – L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża T‑66/24,

Lidl Vertriebs GmbH & Co. KG, stabbilita f’Anzing (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Dolde, C. Zimmer u M. Hawkins, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Liquidleds Lighting Corp., stabbilita f’Taipei (it-Tajwan), irrappreżentata minn S. Beckmann, avukata,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, W. Valasidis u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: P. Núñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Lidl Vertriebs GmbH & Co. KG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑27 ta’ Novembru 2023 (Każ R 2336/2022‑3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil‑25 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrat wara talba ppreżentata fit‑12 ta’ Jannar 2017 mill-intervenjenti, Liquidleds Lighting Corp., u li hija rrappreżentata fl-immaġini li ġejja:

Image

3

Il-prodott li għalih id-disinn imsemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, li tiegħu ntalbet l-invalidità, huwa intiż li jiġi applikat kien jaqa’ fil-klassi 26.04 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u kien jikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Bozoz tad-dawl b’dajowds li jemettu d-dawl”.

4

Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikoli 4(1) kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

5

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq id-disinn preċedenti D1 u fuq id-disinn preċedenti D2.

6

Fit‑23 ta’ Settembru 2022, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

7

Fit‑28 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Huwa qies, minn naħa, li l-iżvelar tad-disinn preċedenti D1 kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-iżvelar tad-disinn preċedenti D2.

It-talbiet tal-partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

10

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

11

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

12

Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan il-motiv huwa essenzjalment maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq tqassim ineżatt tal-oneru tal-prova, it-tieni waħda, fuq eżami żbaljat tal-provi u, it-tielet waħda, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

13

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-portata tal-motiv uniku kif ukoll mill-kontenut tal-appell kollu kemm hu u kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar id-disinn preċedenti D1, li l-iżvelar tiegħu ma tteħidx inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, b’rabta mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ żvelar tad-disinn preċedenti D2. Konsegwentement, is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa limitat għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti dwar it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-disinn preċedenti D1.

Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest legali rilevanti

14

Bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament, u, b’mod partikolari, in-novità u l-karattru individwali, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

15

Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn irreġistrat għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid jekk ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, id-data tal-prijorità.

16

Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm applikazzjoni dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità.

17

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li disinn għandu jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità, ħlief jekk dawn il-fatti, fil-kors normali tan-negozju, ma setgħux jkunu magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur industrijali kkonċernat, li joperaw fl-Unjoni Ewropea. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku fil-każ li jkun ġie żvelat biss lil persuna terza taħt kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti ta’ kunfidenzjalità.

18

Madankollu, il-premessa 20 tar-Regolament Nru 6/2002 tippreċiża li huwa wkoll neċessarju li d-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu jkun jista’ jittestja l-prodotti li jinkorporaw id-disinn fis-suq qabel ma jiddeċiedi jekk il-protezzjoni offruta mir-reġistrazzjoni tal-Unjoni hijiex mixtieqa. Għal dan l-għan huwa meħtieġ li jiġi pprovdut illi l-iżvelar tad-disinn mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu fit-titolu ma għandux jostakola l-istima tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn fil-kwistjoni.

19

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi dan li ġej:

“Żvelar ma għandux jittieħed f’kunsiderazzjoni bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6 u jekk disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a)

mid-disinjatur, is-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew persuna terza b’riżultat tat-tagħrif ipprovdut jew l-azzjoni meħuda mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu it-titolu; u

(b)

matul il-perjodu taż-żmien ta’ 12‑il xahar mid-data ta’ l-infilzar [preżentata] ta’ l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.”

20

Huwa fid-dawl ta’ din it-tfakkira tal-kuntest legali rilevanti li għandhom jiġu eżaminati t-tliet partijiet tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti, billi nibdew bit-tielet parti.

Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002

21

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 meta kkunsidra li ebda identiċità bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn żvelat ma kienet meħtieġa. Minkejja li l-Bord tal-Appell indika b’mod korrett li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet tapplika wkoll għall-eżami tal-karattru individwali, din id-dispożizzjoni ma tistax madankollu tiġi estiża għall-każijiet fejn id-disinn inizjalment żvelat ikun differenti minn dak sussegwentement irreġistrat. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi l-identiċità bejn id-disinn żvelat inizjalment u dak sussegwentement irreġistrat, u fin-nuqqas ta’ dan l-eċċezzjoni prevista fiha ma tistax tapplika. Peress li, f’dan il-każ, id-disinn inizjalment żvelat huwa differenti mid-disinn ikkontestat, iżda jipproduċi l-istess impressjoni globali tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tapplika.

22

L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti.

23

Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 19 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jindika, qabel kollox, li, “[ż]velar ma għandux jittieħed f’kunsiderazzjoni bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6” [ta’ dan ir-regolament] jekk il-kundizzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu ssodisfatti. Sussegwentement, huwa jippreċiża li hija kkonċernata s-sitwazzjoni fejn “disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku”. Fl-aħħar nett, huwa jindika li dan l-iżvelar għandu jsir “mid-disinjatur” jew “is-suċċessur tiegħu fit-titolu” (Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002) u “matul il-perjodu taż-żmien ta’ 12‑il xahar mid-data ta’ l-infilzar [preżentata] ta’ l-applikazzjoni” (Artikolu 7(2)(b) tal-istess regolament) (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ grazzja”).

24

Għaldaqstant, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-eċċezzjoni li huwa jipprevedi fil-qasam tal-iżvelar tapplika kemm fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament dwar in-“novità” ta’ disinn kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament dwar il-“karattru individwali” ta’ disinn.

25

Fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, għandu jitfakkar li, fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, minn naħa, in-novità ta’ disinn timplika li ebda disinn identiku ma ġie żvelat lill-pubbliku u, min-naħa l-oħra, il-karattru individwali ta’ disinn jimplika li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent avżat hija differenti minn dik mogħtija minn kull disinn żvelat lill-pubbliku.

26

Għalhekk, għalkemm l-assenza ta’ novità fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 tfisser li disinn identiku ġie żvelat, l-assenza ta’ karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament tfisser li disinn li jipproduċi l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat ġie żvelat.

27

Għalhekk, mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, jirriżulta li, jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvelar ta’ disinn identiku (għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament) jew ta’ disinn li jipproduċi l-istess impressjoni globali (għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament).

28

Konsegwentement, huwa inerenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, b’rabta mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, li l-iżvelar li jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali jikkonċerna disinn preċedenti li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, huwa biss meta l-eċċezzjoni inkwistjoni tiġi applikata b’rabta mal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament fil-kuntest tal-eżami tan-novità li l-iżvelar li jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni jikkonċerna disinn preċedenti identiku għad-disinn ikkontestat.

29

Barra minn hekk, l-assenza ta’ karattru individwali tista’ tirriżulta wkoll, konkretament, mill-iżvelar ta’ disinn preċedenti identiku, peress li tali disinn ma jistax jipproduċi impressjoni globali differenti. Fil-fatt, l-issodisfar tal-kundizzjoni tal-karattru individwali jeħtieġ differenzjazzjoni ikbar tad-disinn ikkontestat meta mqabbel ma’ kull disinn preċedenti milli l-issodisfar tal-kundizzjoni tan-novità, b’tali mod li disinn li ma huwiex ġdid ma jistax, iktar u iktar, ikollu karattru individwali (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Group Nivelles vs EUIPO – Easy Sanitary Solutions (Kanal tad-Drain tad-Doċċa), T‑327/20, EU:T:2022:263, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, minkejja li l-assenza ta’ novità tirriżulta deċiżiva għall-assenza ta’ karattru individwali (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Kanal tad-Drain tad-Doċċa,T‑327/20, EU:T:2022:263, punt 171), xorta jibqa’ l-fatt li, bħala tali, il-kundizzjoni marbuta mal-karattru individwali ma teħtieġx l-assenza ta’ żvelar ta’ disinn preċedenti identiku, iżda ta’ disinn preċedenti li jipproduċi l-istess impressjoni globali.

30

Għaldaqstant, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, b’rabta mal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvelar ta’ disinn preċedenti li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat.

31

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni, meta tirreferi għas-sitwazzjoni fejn “disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku”, ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li d-disinn żvelat lill-pubbliku (li l-iżvelar tiegħu jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni jekk iż-żewġ kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti) għandu jkun “identiku” għad-disinn ikkontestat jew għandu jkun l-“istess” disinn bħal dak ikkontestat, mingħajr kunsiderazzjoni tal-formulazzjoni iktar wiesgħa tiegħu, tal-kuntest tiegħu u tal-għan tiegħu.

32

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni fejn dan il-kunċett jidher, iżda wkoll il-kuntest li fih jinsab u l-għanijiet imfittxija tal-leġiżlazzjoni li tagħha dan il-kunċett ikun parti (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus București,C‑283/10, EU:C:2011:772, punt 32).

33

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma tużax il-kelma “identika”, u lanqas ma tirreferi għall-kunċett ta’ “identità”, u li l-espressjoni “l-istess disinn” lanqas ma tinsab fiha. Issa, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni għall-iżvelar ta’ disinn “identiku” jew tal-“istess” disinn, huwa kien jindika dan espressament, kif għamel, f’kuntest ieħor, fl-Artikolu 41(1) ta’ dan l-istess regolament, billi jirreferi għall-“istess disinn”.

34

Min-naħa l-oħra, billi rrefera b’mod iktar ġenerali għall-iżvelar ta’ disinn irreġistrat, il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li sempliċement stabbilixxa rabta, ċertament stretta, bejn disinn irreġistrat u disinn preċedentement żvelat mill-persuni msemmija fl-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmi regolament, matul il-perijodu ta’ grazzja msemmi fl-Artikolu 7(2)(b) ta’ dan l-istess regolament. Madankollu, bħala tali, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma tippermettix li jiġi eskluż li tali rabta tista’ teżisti b’mod validu kemm fil-każ fejn dawn id-disinni jkunu identiċi kif ukoll fil-każ fejn jipproduċu l-istess impressjoni globali, fid-dawl ukoll tal-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni u, b’mod iktar globali, tal-għan tagħha.

35

Fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni inkwistjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 24 sa 28 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-istess bħall-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, jirreferi kemm għall-Artikolu 5 kif ukoll għall-Artikolu 6 tal-istess regolament u, għaldaqstant, għall-eżami kemm tan-novità kif ukoll tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. L-istess japplika għall-premessa 20 tar-Regolament Nru 6/2002, li l-portata tagħha tfakkret fil-punt 18 iktar ’il fuq. Issa, għall-finijiet tal-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, l-iżvelar li jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, jirrigwarda disinn li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat.

36

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan tagħha, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 hija intiża li tipproteġi l-interessi tad-disinjatur u tas-suċċessur tiegħu fit-titolu (sentenza tas‑26 ta’ April 2023, Activa - Grillküche vs EUIPO – Targa (Apparat għall-grilja), T‑757/21, EU:T:2023:216, punt 28). Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa li joffri lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu l-possibbiltà li jippreżenta disinn fis-suq, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, qabel ma jipproċedi bil-formalitajiet tal-preżentata. Għalhekk, matul dan il-perijodu, id-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu jista’ jiżgura s-suċċess kummerċjali tad-disinn ikkonċernat qabel jinkorri l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni, mingħajr biża’ li l-iżvelar li seħħ f’din l-okkażjoni jista’ jiġi invokat b’suċċess fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija wara r-reġistrazzjoni eventwali tad‑disinn ikkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs UASI – Punch (Sinjal imwaħħal ma’ ċinga), T‑68/10, EU:T:2011:269, punti 24 u 25).

37

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, is-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni Komunitarji hija intiża sabiex tiffavorixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

38

Issa, it-tfittxija tal-għanijiet imfakkra fil-punti 18, 36 u 37 iktar ’il fuq tiġi ppreġudikata jekk, wara li jkun ittestja disinn fis-suq, id-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu li jkun jixtieq jibbenefika mill-perijodu ta’ grazzja kien, fil-każijiet kollha, obbligat li japplika għar-reġistrazzjoni tad-disinn kif inizjalment ittestjat fis-suq, mingħajr ma jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati konkreti ta’ dan it-test, sabiex jagħmel lill-imsemmi disinn l-aġġustamenti eventwali neċessarji sabiex jiżgura s-suċċess kummerċjali tiegħu, u għalhekk mingħajr ma jkun jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ disinn li, mingħajr ma jkun identiku, jipproduċi l-istess impressjoni globali bħal dik ittestjata inizjalment fis-suq.

39

Fil-fatt, l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti timplika li, bir-reġistrazzjoni ta’ disinn li ma jkunx identiku għad-disinn ittestjat fis-suq, id-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu jista’ jiġi kkontestat, fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-iżvelar, minnu nnifsu, matul il-perijodu ta’ grazzja, ta’ dan id-disinn preċedenti.

40

Għalhekk, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u, b’mod iktar wiesa’, tas-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni Komunitarji, intiż sabiex jippermetti lid-disinjatur jittestja disinn fis-suq u jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-prodotti.

41

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li huwa allegat mir-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, b’rabta mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, ma teżiġix li d-disinn preċedenti, li l-iżvelar tiegħu jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni, ikun identiku għad-disinn ikkontestat.

42

Għaldaqstant it-tielet parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq tqassim ineżatt tal-oneru tal-prova

43

Ir-rikorrenti ssostni li hija l-parti li tinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 li għandha tipprova li din tapplika u li l-kundizzjonijiet relatati magħha huma ssodisfatti. Madankollu, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ittrasferixxa l-oneru tal-prova kollu fuq ir-rikorrenti. Peress li l-intervenjenti ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova tagħha, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata tikkonfuta l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

44

L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti.

45

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità tinvoka l-motiv ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, hija għandha tipprovdi l-elementi ta’ natura li juru li d-disinn ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 60).

46

B’mod partikolari, il-provi invokati għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt li d-disinn preċedenti ġie effettivament żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Haverkamp IP vs EUIPO – Sissel (Mudell tal-wiċċ tal-bajja taċ-ċagħaq), T‑228/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:369, punt 27).

47

Għall-kuntrarju, sabiex l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ikun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-proprjetarju tad-disinn imsemmi fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jistabbilixxi li huwa jew id-disinjatur tad-disinn invokat sabiex jibbaża l-imsemmija talba, jew is-suċċessur fit-titolu ta’ dan id-disinjatur (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga, T‑68/10, EU:T:2011:269, punt 26), li dan id-disinn ġie żvelat minnu stess jew minn terz abbażi ta’ informazzjoni pprovduta jew ta’ atti mwettqa minnu u li dan l-iżvelar seħħ matul il-perijodu ta’ grazzja.

48

Fid-deċiżjoni kkontestata, qabelxejn, fil-punti 32 u 33 tiegħu, il-Bord tal-Appell indika li l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu juru l-iżvelar tad-disinn preċedenti D1, żvelar li, barra minn hekk, ma kienx ikkontestat mill-intervenjenti.

49

Sussegwentement, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża li l-intervenjenti kienet madankollu sostniet li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kellha tapplika. F’dan ir-rigward, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li kienet il-parti li invokat l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni li kellha tipproduċi l-provi rilevanti. Fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żied li, jekk il-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità kellha l-intenzjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija kellha tipproduċi provi insostenn.

50

Fl-aħħar nett, abbażi ta’ dawn il-premessi, fil-punti 38 sa 42 u 44 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina kemm il-provi prodotti mill-intervenjenti insostenn tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonkluda, fil-punti 43 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li l-eċċezzjoni invokata mill-intervenjenti kienet applikabbli f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kienet ipproduċiet ebda element li jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

51

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, hija qabelxejn ir-rikorrenti li għandha turi li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni u, b’mod partikolari, minn qabel, li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat lill-pubbliku. Sussegwentement, fir-rigward tal-iżvelar tad-disinn preċedenti, hija, jekk ikun il-każ, l-intervenjenti li għandha tinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u li turi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha huma ssodisfatti.

52

Issa, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 50 iktar ’il fuq, huwa b’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji li, wara li kkonstata li d-disinn preċedenti D1 kien ġie żvelat lill-pubbliku, fatt li ma kienx ikkontestat mill-intervenjenti, il-Bord tal-Appell eżamina l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 invokata mill-intervenjenti fid-dawl tal-provi prodotti minnha.

53

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell eżamina wkoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni.

54

Issa, meta eżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati għal dan l-għan mir-rikorrenti u l-eventwali provi prodotti minnha insostenn tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Bord tal-Appell ma ttrasferiex l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti, iżda applika l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, li jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi jew provi li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Hasbro vs EUIPO – Kreativni Dogadaji (MONOPOLY), T‑663/19, EU:T:2021:211, punt 119). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma invokatx il-ksur la tal-imsemmi prinċipju u lanqas tal-imsemmija dispożizzjoni.

55

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-possibbiltà għaliha li tippreżenta b’mod utli osservazzjonijiet ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-ispjegazzjonijiet u l-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jissodisfaw livell partikolari ta’ kredibbiltà u ta’ koerenza. Għall-kuntrarju, huwa permezz tal-osservazzjonijiet tagħha li r-rikorrenti għandha l-possibbiltà li tiġbed l-attenzjoni tal-istanzi tal-EUIPO għar-raġunijiet li abbażi tagħhom, fil-fehma tagħha, l-imsemmija spjegazzjonijiet u provi tal-intervenjenti la huma kredibbli u lanqas koerenti. Konsegwentement, l-allegata ċirkustanza li, fil-fehma tagħha, l-ispjegazzjonijiet u l-provi tal-intervenjenti ftit kienu kredibbli u inkoerenti ma pprekludithiex milli tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha, u lanqas ma tat lok għal inverżjoni tal-oneru tal-prova għad-detriment tagħha.

56

Ċertament, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell deher li jissuġġerixxi li l-parti li kellha l-intenzjoni tirrifjuta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kellha tipproduċi provi insostenn tagħha. Madankollu, din l-indikazzjoni, għalkemm sfortunatament ftit ċara, ma tistax tinftiehem bħala li teżiġi li tali parti, bħal f’dan il-każ ir-rikorrenti, tipproduċi neċessarjament provi insostenn tal-osservazzjonijiet tagħha, peress li din tista’ tillimita ruħha, jekk ikun il-każ, li tifformula osservazzjonijiet dwar l-ispjegazzjonijiet u l-provi prodotti mill-parti li tinvoka l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni.

57

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell eżamina kemm l-ispjegazzjonijiet u l-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-applikazzjoni tagħhom.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li huwa allegat mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi fit-tqassim tal-oneru tal-prova, u lanqas ma ttrasferixxa indebitament dan l-oneru fuq ir-rikorrenti.

59

Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv uniku tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq eżami żbaljat tal-provi

60

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta bbaża ruħu fuq il-provi prodotti mill-intervenjenti, li huma inkoerenti. L-ewwel nett, id-disinn allegatament żvelat waqt il-fiera ta’ Marzu 2016 (li jinsab fl-Anness R8 fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO) u d-disinn ikkontestat ma humiex identiċi, peress li jippreżentaw diversi differenzi dwar il-quċċata tal-filament, in-numru ta’ linji, l-għoli tal-virga tal-ħġieġ u l-pożizzjoni tat-terminazzjoni tal-filament. It-tieni nett, id-dikjarazzjoni tax-xhud (prodotta fl-Anness R10 tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO) tinkludi informazzjoni żbaljata, peress li l-immaġni tal-bozza li tinsab fl-Anness 1 tagħha ma hijiex identika għad-disinn ikkontestat, peress li hija tippreżenta differenzi evidenti fir-rigward tat-trej tal-linja, tal-mogħdija tal-filament, tal-pożizzjoni finali tal-filament u tal-għoli totali tal-linji. It-tielet nett, id-disinn preċedenti D1 u d-disinn ikkontestat ma humiex identiċi. Minn naħa, il-vireg tal-ħġieġ għandhom tul differenti u l-pożizzjoni kif ukoll il-mogħdija tal-parti ta’ fuq tal-linja huma differenti. Min-naħa l-oħra, id-differenzi fil-forma tal-filament ma jistgħux jiġu spjegati mill-fatt li l-bozoz jittellgħu u li d-dawl jipprovoka riflessjoni fuq il-ħġieġ. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, peress li mill-provi jirriżulta li jeżistu erba’ bozoz differenti b’filament spirali (dawk irrappreżentati fid-disinn ikkontestat, fid-disinn preċedenti D1, fl-Anness R8 u fl-Anness R10), il-Bord tal-Appell kellu jikkonkludi li l-provi kienu inkoerenti u ftit konklużivi.

61

L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti.

62

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni għalhekk, essenzjalment, minn naħa, li d-disinn preċedenti D1 u d-disinn ikkontestat ma humiex identiċi u, min-naħa l-oħra, li l-bozoz li jinsabu fl-Annessi R8 u R10 huma differenti minn dik irrappreżentata fid-disinn ikkontestat.

63

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ identiċità bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti D1 huwa f’kontradizzjoni manifesta mal-kontenut tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li r-rikorrenti stess ressqet quddiem l-EUIPO, li fil-kuntest tagħha hija kienet sostniet li l-imsemmija disinni kienu identiċi. Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li, fil-fehma tagħha, dawn id-disinni kienu identiċi biss fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-identità taż-żewġ disinni ma tistax tvarja skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament meħuda inkunsiderazzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, b’rabta mal-Artikolu 6 tal-istess regolament.

64

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

65

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tal-motiv uniku, imwettaq fil-punti 23 sa 41 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, b’rabta mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, ma teżiġix li d-disinn preċedenti (li l-iżvelar tiegħu jista’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni) ikun identiku għad-disinn ikkontestat. Għall-kuntrarju, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn jirreferu wkoll għall-iżvelar ta’ disinn preċedenti li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat.

66

Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jsostnu li d-disinni kunfliġġenti, filwaqt li jipproduċu l-istess impressjoni globali, jippreżentaw differenzi li ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li huma identiċi, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

67

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar l-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma hijiex biss kwistjoni essenzjali, iżda hija wkoll kwistjoni preliminari li r-riżoluzzjoni tagħha hija neċessarja għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2018, Mamas and Papas vs EUIPO – Wall-Budden (Bumper tas-sodda tat-tfal), T‑672/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:707, punt 30). Għalhekk, skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jsir paragun bejn disinn u ieħor sabiex jiġi kkonstatat il-karattru ġdid kif ukoll il-karattru individwali tal-ewwel wieħed biss jekk it-tieni wieħed ikun ġie żvelat lill-pubbliku (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 127) u jekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-iżvelar ma huwiex eskluż skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament.

68

Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinn preċedenti D1 fl-ebda każ ma jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li l-iżvelar tad-disinn preċedenti D1 kien sar minn terz abbażi ta’ informazzjoni pprovduta jew ta’ atti mwettqa mid-disinjatur, u dan matul il-perijodu ta’ grazzja, konformement mal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, tali evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jikkonċernaw il-kuntest tal-iżvelar tad-disinn preċedenti D1 u ma jirrigwardawx il-kwistjoni dwar jekk id-disinni kunfliġġenti humiex identiċi jew jipproduċux l-istess impressjoni globali fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

69

Fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO fl-Annessi R8 u R10 huma inkoerenti, peress li jirrappreżentaw bozoz differenti minn dik irrappreżentata fid-disinn ikkontestat għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala ineffettivi f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, l-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward ma kienx intiż sabiex jiddetermina jekk il-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO kinux jirrappreżentaw disinni identiċi jew li jipproduċu l-istess impressjoni globali tad-disinn ikkontestat, iżda, pjuttost, jekk dawn il-provi kinux juru li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

70

Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, abbażi tal-eżami tal-provi prodotti mill-intervenjenti, il-Bord tal-Appell, fil-punti 42 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkluda li dawn il-provi kienu juru li l-iżvelar tad-disinn preċedenti D1 kien twettaq, minn impriża terza, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-intervenjenti u li, konsegwentement, peress li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet applikabbli, l-iżvelar tad-disinn preċedenti D1 ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni.

71

Ċertament, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għal argument tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell indika li mill-Anness R8 kien jirriżulta li “d-disinn ippreżentat waqt il-fiera fil-Ġermanja [kien] jippreżenta l-istess impressjoni globali bħad-[disinn] ikkontestat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma kien obbligat iwettaq tali evalwazzjoni, li barra minn hekk ma kellhiex impatt fuq l-eżami tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, il-provi prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma kinux jirrigwardaw id-disinn ikkontestat, iżda l-kuntest tal-iżvelar tad-disinn preċedenti D1.

72

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti b’mod vag jew mhux sostnut, il-paragun tal-bozoz li jinsabu fl-Annessi R8 u R10 mad-disinn ikkontestat bl-ebda mod ma jista’ juri l-karattru allegatament ineżatt jew falz tal-informazzjoni pprovduta mill-intervenjenti fir-rigward tal-kuntest tal-iżvelar tad-disinn preċedenti D1.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw l-eżami tal-provi mwettaq mill-Bord tal-Appell, u lanqas b’mod iktar globali l-evalwazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar dwar is-sodisfazzjon, f’dan il-każ, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002.

74

Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tieni parti tal-motiv uniku tiġi miċħuda.

75

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, peress li l-uniku motiv tar-rikorrenti ma huwiex fondat, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

76

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77

Peress li saret seduta u peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Lidl Vertriebs GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Marcoulli

Valasidis

Spangsberg Grønfeldt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Marzu 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.