Strasburgu, 26.11.2024

COM(2024) 710 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li japprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta’ Ċipru


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li japprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)Qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-UE daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3  huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.

(2)Fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika hemm il-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet iridu jiksbu riżultati fejn jidħlu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ta’ tnaqqis, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan irid ippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba’ jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan irid jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263

(3)Wara li jiġi ppreżentat il-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TA’ ĊIPRU

(5)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, Ċipru ppreżenta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti minn Ċipru. Fil-15 ta’ Novembru 2024, Ċipru ppreżenta addendum biex jirrevedi l-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta biex jirrifletti data aktar reċenti. Din ir-reviżjoni kienet meħtieġa fid-dawl ta’ bidla fir-reġistrazzjoni statistika ta’ tranżazzjoni sinifikanti li saret disponibbli wara s-sottomissjoni tal-pjan u li kellha impatt kbir fuq il-livell tan-nefqa tal-2023 u sussegwentement fuq ir-rati u l-livelli ta’ tkabbir tan-nefqa maħsuba tal-2024 u l-perjodu ta’ aġġustament 2025-2028.

Il-proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)Fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja ta’ referenza 5 għal Ċipru. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja ta’ referenza fil-15 ta’ Ottubru 2024 6 . It-trajettorja ta’ referenza hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ’l isfel jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja ta’ Ċipru turi li, fuq il-bażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk wieħed jassumi perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b’iżjed mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta’ 4,9 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lil [PAJJIŻ] fil-21 ta’ Ġunju 2024

2025

2026

2027

2028

Medja 2025-2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

5,9

5,0

4,5

4,3

4,9

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, Ċipru u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku minn Lulju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst minn Ċipru u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-output potenzjali u tad-distakk fl-output. Barra minn hekk, id-djalogi tekniċi eżaminaw it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.

(8)Skont l-informazzjoni pprovduta minn Ċipru fil-pjan tiegħu, ma sarx proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inklużi s-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(9)Il-Kunsill Fiskali Ċiprijott ta opinjoni dwar il-previżjoni makroekonomika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-abbozz tal-baġit għall-2025 u l-qafas baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien 2025-2027 fil-kuntest tal-proċess baġitarju tal-2025. Il-Kunsill iqis is-suppożizzjonijiet plawżibbli u t-tkabbir nett fin-nefqa primarja li jirrispettaw l-obbligi ta’ Ċipru skont il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE.

Proċessi oħra relatati

(10)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, Ċipru ppreżenta l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tiegħu għall-2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-[26 ta’ Novembru 2024] 7 .

(11)Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ċipru qiegħed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, Ċipru qed jiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn privat, tal-gvern u estern, li b’mod ġenerali naqsu iżda jibqgħu rilevanti, filwaqt li d-defiċit kbir fil-kont kurrenti kompla jikber.

(12)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill ta serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs, country-specific recommendations) lil Ċipru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 8 .

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(13)Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Il-kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)L-attività ekonomika f’Ċipru kibret bi 2,6 % fl-2023, xprunata mid-domanda domestika, b’mod partikolari l-konsum privat appoġġat mill-irkupru tal-pagi reali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 3,6 % fl-2024, bis-saħħa tal-investiment u l-esportazzjonijiet robusti, b’mod partikolari minħabba t-turiżmu, u fis-setturi tal-ICT u tas-servizzi tat-tbaħħir. L-infiq tal-unitajiet domestiċi huwa mistenni wkoll li jikkontribwixxi għat-tkabbir, għalkemm b’pass aktar bil-mod. Għall-2025 u l-2026, it-tkabbir tal-PDG reali huwa mistenni li jibqa’ dinamiku fil-livell ta’ 2,8 % u 2,5 % rispettivament, appoġġat minn fatturi simili. It-tkabbir potenzjali tal-PDG huwa mistenni wkoll li jibqa’ solidu matul l-istess snin, xprunat minn approfondiment tal-kapital u dinamika favorevoli tas-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 5,9 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tinżel għal 4,9 % fl-2024, 4,7 % fl-2025 u 4,5 % fl-2026. L-inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos ftit minn 3,8 % fl-2023 għal 3,5 % fl-2024, u li tilħaq 2,3 % fl-2025 u 2,2 % fl-2026.

(15)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 is-surplus tal-gvern estiż ta’ Ċipru ammonta għal 2,0 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Eweopea, huwa mistenni li jilħaq 3,5 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, li jibqa’ dil-livell ta’ 2,7 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni jinkludi l-abbozz tal-baġit ta’ Ċipru għall-2025 li l-gvern adotta f’Ottubru 2024 u l-parlament nazzjonali huwa mistenni jivvota dwaru f’Diċembru 2024. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 73,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 66,4 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jonqos għal 61,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 56,7 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm jintrifdu minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(16)Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ Ċipru fuq terminu medju jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba’ snin.

(17)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta’ 5,2 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fl-21 ta’ Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG se jonqos gradwalment, minn 3,9 % fl-2024 għal 3,1 % sal-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tibqa’ elevata fl-2024, l-aktar minħabba d-deflatur għoli pprojettat tal-gvern estiżi, li jirrifletti l-implimentazzjoni sħiħa mistennija tal-mekkaniżmu ta’ indiċjar awtomatiku. Għas-snin sussegwenti, id-deflatur tal-PDG huwa mistenni li jikkonverġi gradwalment lejn 2 %.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan ta’ Ċipru

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2025-2028

Tkabbir fin-nefqa netta
(annwali, %)

2,7

6,0

5,0

5,4

4,3

5,2

Tkabbir fin-nefqa netta
(kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

2,7

8,9

14,3

20,5

25,7

m.a.

Tkabbir potenzjali tal-PDG (%)

3,9

3,6

3,3

3,3

3,1

3,3

Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,8

2,4

2,0

2,0

2,0

2,1

Sors: Il-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju ta’ Ċipru u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

L-implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 66 % fl-2024 għal 47,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Il-proporzjon tad-dejn huwa pprojettat li jonqos bi kważi 19-il punt perċentwali tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament, sal-2028. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa pprojettat li jkompli jonqos skont il-pjan, u jilħaq 27,9 % tal-PDG sal-2038 9 .

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan ta’ Ċipru

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Id-dejn tal-gvern

(% tal-PDG)

77,4

68,9

64,2

58,8

53,3

47,4

27,9

Bilanċ tal-gvern

(% tal-PDG)

3,3

3,9

2,7

2,6

2,1

2,1

0,8

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta’ Ċipru

Għalhekk, skont il-pjan u l-addendum tiegħu, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG sa tmiem l-2026. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, u d-dejn huwa ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżiti għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

L-implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(20)Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, is-surplus tal-gvern estiż ikun ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2025, 2,6 % fl-2026 u 2,1 % fl-2027 u fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jkunx jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżiti għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Il-konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(21)Jekk is-suppożizzjonijiet u l-impenji tal-pjan jimmaterjalizzaw, id-defiċit strutturali jibqa’ taħt 1,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-marġni ta’ reżiljenza komuni msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 se jkompli jiġi rispettat, u għalhekk it-titjib addizzjonali fil-bilanċ primarju strutturali msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263 mhuwiex meħtieġ.

Il-konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(22)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż se jkun bejn 60 % u 90 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025 skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b’mill-inqas 0,5 punti perċentwali bħala medja fis-sena sakemm jaqa’ taħt is-60 %. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkulat matul il-perjodu 2024-2026 u jammonta għal 5,1 punti perċentwali (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan ikun konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(23)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lil Ċipru fil-21 ta’ Ġunju 2024. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal sitt varjabbli, bħall-punt tat-tluq tal-bilanċ strutturali primarju fl-2024, l-elastiċità tad-dħul għall-PDG, u s-suppożizzjonijiet tat-tkabbir (f’termini ta’ tkabbir reali u potenzjali, kif ukoll l-għeluq tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni). Valutazzjoni ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull suppożizzjoni kkunsidrata b’mod iżolat.

·Il-punt tat-tluq huwa aktar favorevoli peress li l-bilanċ strutturali primarju fl-2024 fil-pjan huwa ogħla b’mod sinifikanti milli fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-pjan juża data aktar aġġornata u jipprojetta s-surplus primarju strutturali ta’ 4,2 % tal-PDG fl-2024, meta mqabbel ma’ surplus ipprojettat ta’ 3,5 % tal-PDG fil-gwida preċedenti. Dan huwa dovut għal dħul mit-taxxa ferm ogħla milli mistenni bbażat fuq data tal-eżitu. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija debitament ġustifikata.

·Il-pjan jimplika elastiċità differenti tad-dħul għall-PDG mill-Kummissjoni, li tassumi elastiċità tad-dħul strutturali tal-unità għall-PDG potenzjali. Id-dħul aktar baxx bħala perċentwal tal-PDG fil-pjan isegwi suppożizzjoni aktar prudenti, bi dħul li jikber f’konformità mal-iżviluppi fil-prezzijiet u fl-introjtu. Hija tassumi wkoll li ma jkun hemm l-ebda dħul addizzjonali mis-saldu ta’ każijiet ta’ taxxa pendenti u titjib possibbli fl-amministrazzjoni tat-taxxa. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija debitament ġustifikata. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx tan-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

·Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG reali se jonqos minn madwar 3,7 % fl-2024 għal 3,1 % fl-2025, u li jkompli jaċċellera minn hemm ’il quddiem, u jilħaq l-ogħla livell ta’ 3,3 % fl-2027. Il-gwida preċedenti tal-Kummissjoni tipprojetta tkabbir aktar baxx, li jibda minn 2,8 % fl-2024 u jilħaq l-ogħla livell ta’ 3,0 % fl-2025, qabel ma gradwalment jonqos għal 1,5 % fl-2027. B’mod ġenerali, il-profil tat-tkabbir tal-PDG reali preżunt fil-pjan huwa aktar favorevoli mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ aġġustament. Dan juri wkoll profil aktar volatili. Lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, il-pjan jassumi profil simili għall-gwida preċedenti tal-Kummissjoni. Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG jibqa’ ogħla minn 3 % matul il-perjodu ta’ aġġustament, li huwa ogħla mit-tkabbir potenzjali medju ta’ madwar 2 % preżunt fil-gwida preċedenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-pjan ma jallinjax mas-suppożizzjoni ta’ perkors ta’ tkabbir potenzjali li jagħlaq il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni sal-2028, li mhuwiex konsistenti mal-qafas tad-DSA.

Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien jistgħu jwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla milli fit-trajettorja referenzjarja, mingħajr impatt fuq il-konformità tal-pjan mar-rekwiżit tar-Regolament (UE) 2024/1263. Madankollu, Ċipru għażel perkors tan-nefqa f’konformità mat-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Ġunju 2024 aġġustata biss għall-impatt tal-bidla fit-trattament statistiku ta’ tranżazzjoni sinifikanti, il-pagament tal-Istat lill-iskema l-ġdida tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil. Dan wassal għal tkabbir medju fin-nefqa netta li huwa ogħla b’madwar 0,3 pp mit-trajettorja referenzjarja tal-Kummissjoni minħabba l-punt tat-tluq il-ġdid tal-2024. Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f’valutazzjonijiet futuri tal-konformità ma’ din ir-rakkomandazzjoni.

Strateġija fiskali tal-pjan

(24)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta se jitwettqu prinċipalment permezz ta’ politiki eżistenti. Il-pjan iqis l-impatt tal-miżuri adottati tad-dħul u n-nefqa bħaż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku approvati fl-2024, il-miżuri li jappoġġaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli, it-tneħħija gradwali tat-tnaqqis fir-rati tat-taxxa u n-nuqqas ta’ indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa fuq l-introjtu personali. Il-pjan ma jassumi l-ebda dħul addizzjonali mill-akkumulazzjoni ta’ każijiet ta’ taxxa, li jistgħu jkomplu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għat-tkabbir tad-dħul f’konformità mal-iżviluppi fis-snin reċenti. Il-pjan jinkludi wkoll l-impatt ta’ pagament retroattiv tal-istat lill-fond tal-pensjoni tal-impjegati taċ-ċivil b’impatt kemm fuq id-dħul kif ukoll fuq l-infiq fl-2024. Il-pjan jenfasizza li l-miri stabbiliti se jintlaħqu mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri baġitarji addizzjonali. L-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2025 jafferma mill-ġdid din il-pożizzjoni u jikkonferma li l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 se jinkiseb mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri baġitarji addizzjonali 10 .

L-intenzjonijiet ta’ riforma u investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.

(25)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw riformi u investimenti b’rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (speċjalment fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi), u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi lista estensiva ta’ madwar 50 riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom 26 huma appoġġati finanzjarjament mill-RRF u 24 mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni.

(26)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riformi u investimenti ffinanzjati minn fondi nazzjonali u tal-UE. Il-maġġoranza tal-miżuri tat-tranżizzjoni ekoloġika deskritti fil-pjan huma inkorporati wkoll fil-Pjan Nazzjonali Ċiprijott għall-Enerġija u l-Klima. Biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2024 relatata mat-tisħiħ tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-pjan jinkludi riforma li tirrevedi u taġġorna l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Ċipru dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2023 relatata mal-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tal-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, il-pjan jinkludi d-diġitalizzazzjoni tal-grilja tal-elettriku biex tissaħħaħ il-penetrazzjoni ulterjuri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (fondi tal-politika ta’ koeżjoni) u l-“Interkonnettur Kbir tal-Baħar” (inkluż fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, recovery and resilience plan)). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2023 relatata mal-effiċjenza enerġetika, il-pjan jinkludi investimenti biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-iskejjel (fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni) u l-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u miżuri individwali tal-effiċjenza enerġetika fl-abitazzjonijiet (inklużi fl-RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2023 relatata mal-bidla lejn trasport sostenibbli, il-pjan jinkludi l-appoġġ għax-xiri ta’ Vetturi Elettriċi (inklużi fl-RRP) u proġetti ta’ infrastruttura dwar il-Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (inklużi fl-RRP u fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mat-titjib tal-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart, il-pjan jinkludi sistema nazzjonali għall-ġbir separat tal-iskart muniċipali (fondi tal-politika ta’ koeżjoni) u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għal Ekonomija Ċirkolari (inklużi fl-RRP u fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2019 relatata mal-iffaċilitar tat-titjib tal-ħiliet diġitali, il-pjan jinkludi pjan ta’ azzjoni dwar il-Ħiliet Elettroniċi (inkluż fl-RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mad-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku, il-pjan jinkludi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi (inklużi fl-RRP u fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni) u l-introduzzjoni tal-Identità Elettronika. Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mat-titjib tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-pjan jinkludi l-operat tal-Fond ta’ Ekwità ta’ Ċipru (inkluż fl-RRP), li jżid id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament, b’mod partikolari għal kumpaniji innovattivi u negozji ġodda. Il-pjan ma jinkludi l-ebda miżura biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2019 relatata mal-iffaċilitar tat-tnaqqis ta’ Self Improduttiv, peress li Ċipru għadda pakkett ta’ emendi leġiżlattivi f’Diċembru 2023.

(27)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ reżilienza soċjali u ekonomika, inklużi il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riformi u investimenti ffinanzjati minn fondi nazzjonali u tal-UE. Biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2024 relatata mat-titjib tal-governanza tal-entitajiet tal-Istat f’konformità mal-istandards internazzjonali, il-pjan jinkludi pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi erba’ pilastri ta’ azzjoni. Sabiex jiġu indirizzati s-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mat-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-aċċess għall-finanzi, il-pjan jinkludi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għal proġetti ta’ żvilupp strateġiku (inklużi fl-RRP), l-istabbiliment ta’ Aġenzija Promozzjonali Nazzjonali (inkluża fl-RRP) u l-operat tal-Fond ta’ Ekwità ta’ Ċipru (inkluż fl-RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata maż-żieda fl-effettività, l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa, il-pjan jinkludi sett ta’ riformi relatati mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa (inkluż fl-RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mal-forniment minn qabel ta’ proġetti maturi ta’ investiment pubbliku, il-pjan jinkludi proġetti ta’ infrastruttura dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli, ir-rinnovazzjoni tal-impjanti tat-trattament tal-ilma u l-installazzjoni u t-tħaddim ta’ infrastruttura ta’ kejl intelliġenti (inklużi fl-RRP). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2024 relatata mat-tisħiħ tal-edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, il-pjan jinkludi sistema ġdida ta’ Evalwazzjoni tax-Xogħol tal-Edukazzjoni u tal-Edukaturi (inkluża fl-RRP), ir-riforma tal-Kurrikula fl-Edukazzjoni Teknika u Ġenerali Sekondarja (inkluża fl-RRP), azzjonijiet ta’ żvilupp tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali Tekniċi (fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni), id-diġitalizzazzjoni u t-titjib tal-effettività tas-servizzi tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (inklużi fl-RRP), l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Ċipru għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2021-2027 u l-iżvilupp ta’ Kontijiet Individwali tat-Tagħlim (ILAs, Individual Learning Accounts) (fondi tal-politika ta’ Koeżjoni). Biex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mal-promozzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli, il-pjan jinkorpora wkoll diversi skemi (fondi tal-politika ta’ koeżjoni). Sabiex jiġu indirizzati s-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mal-għoti ta’ edukazzjoni u kura affordabbli tat-tfal u sostituzzjoni adegwata tal-introjtu u aċċess għall-protezzjoni soċjali għal kulħadd, il-pjan jinkludi miżuri bħal riforma fl-Edukazzjoni Preprimarja, l-Azzjonijiet għall-Iskejjel u l-Inklużjoni Soċjali (DRA.S.E.+) u l-Istabbiliment ta’ Strutturi tad-Djar għat-Tfal, l-Adolexxenti b’Diżordnijiet ta’ Kondotta, Persuni b’Diżabilità u Persuni li jeħtieġu Kura fit-Tul (inklużi fl-RRP u l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni) u l-Introjtu Minimu Garantit (fondi tal-politika ta’ Koeżjoni). Sabiex tiġi indirizzata s-CSR tal-2020 relatata mat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità tas-sistema tal-kura tas-saħħa, il-pjan jinkludi investimenti fl-espansjoni, fl-aġġornament, jew fil-bini ta’ sptarijiet (inklużi fl-RRP). Il-pjan ma jinkludix miżuri biex jiġu indirizzati s-CSRs tal-2019 relatati mal-aċċellerazzjoni tar-riformi kontra l-korruzzjoni, it-titjib tad-dixxiplina tal-pagamenti, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ superviżjoni fis-settur finanzjarju mhux bankarju u t-titjib tal-effiċjenza u d-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja.

(28)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi miżuri biex jiġu aġġornati u estiżi l-grilja u l-ħżin biex jakkomodaw sehem dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, biex jiġu estiżi u aċċellerati l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika. Biex jiġu żviluppati interkonnessjonijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi ġirien, il-pjan jinkludi l-“Interkonnettur Kbir tal-Baħar”, proġett ta’ infrastruttura tal-enerġija li għandu l-għan li jgħaqqad il-grilja elettrika ta’ Ċipru ma’ tal-Greċja u fi stadju aktar tard ma’ tal-Iżrael.

(29)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan ma jinkludi l-ebda miżura.

(30)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta’ investiment pubbliku ta’ Ċipru b’rabta mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi ħtiġijiet ta’ investimenti pubbliċi u privati li jammontaw għal EUR 21,6 biljun kif identifikati fil-Pjan Nazzjonali ta’ Ċipru għall-Enerġija u l-Klima biex jintlaħqu l-miri l-ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika fl-isptarijiet pubbliċi u l-introduzzjoni ta’ Sistema ġdida ta’ Akkwist elettroniku. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jinkludi l-ħtiġijiet ta’ investimenti biex tittejjeb is-sistema tal-kura tas-saħħa bħall-iżvilupp ta’ bank tad-data uniku ta’ fajls elettroniċi mill-Awtorità Nazzjonali tas-Saħħa elettronika. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi l-ħtiġijiet ta’ investiment biex jiġu estiżi u aġġornati l-unitajiet tal-infrastruttura eżistenti, biex jiġu kofinanzjati Proġetti Ewropej Konġunti tar-Riċerka u l-Iżvilupp u biex jiġu ffinanzjati Proġetti Nazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp fil-qasam tad-difiża.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ Ċipru jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI

(31)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan jenħtieġ li jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil Ċipru.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI ĊIPRU:

(1)Jara li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lil Ċipru biex jiżgura t-twettiq tal-investimenti u riformi li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.

ANNESS I

Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)

Ċipru

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta’ tkabbir (%)

Annwali

6,0

5,0

5,4

4,3

Kumulattiv (*)

8,9

14,3

20,5

25,7

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi 2023.

Magħmul fi Strasburgu,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj .
(4)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri nefqa tal-gvern netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(5)    Il-gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji b’estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament u mingħajrha (li tkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni Ewropea. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkulata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2023 tal-Kummissjoni Ewropea (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Hija bbażata fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-kostijiet tat-tixjiħ huma konformi mar-Rapport tal-2024 konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill dwar it-Tixjiħ ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en ).
(6)    https://economy-finance.ec.europa.eu/document/download/20a00b2c-4847-446b-a103-192958a1e11a_en?filename=Commission_prior_guidance-cyprus_en.pdf
(7)    L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju ta’ Ċipru, 26.11.2024, C (2024) 9050 final.
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta’ Ċipru, għadha ma ġietx ippubblikata.
(9)    Il-pjan ġie ppreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2024, iżda jieħu f’kunsiderazzjoni – permezz tal-addendum tiegħu – il-bidla fit-trattament statistiku tal-pagament ta’ EUR 360 miljun mill-Istat għall-iskema l-ġdida tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil, li ġiet rilaxxata fit-22 ta’ Ottubru 2024 peress li kellha impatt maġġur fuq il-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta.
(10)    Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju ta’ Ċipru, 26.11.2024, C(2024)9050 final.