25.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/107


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/819

tal-24 ta’ Mejju 2022

dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit li jikkonċernaw id-djun li jirriżultaw min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 u l-perspettivi finanzjarji preċedenti għas-sena finanzjarja 2021

(notifikata bid-dokument C(2022) 3306)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu, flimkien mal-Artikoli 131 u 138 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”),

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u abbażi tal-kontijiet annwali sottomessi mir-Renju Unit, li magħhom intbagħtet l-informazzjoni meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet u opinjoni tal-awditjar dwar il-kompletezza, l-akkuratezza u l-veraċità tal-kontijiet u tar-rapporti stabbiliti mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni trid tapprova l-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament qabel il-31 ta’ Mejju tas-sena li tiġi wara s-sena baġitarja kkonċernata.

(2)

Skont l-Artikolu 138(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit għandu obbligu li jkompli jiżgura l-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni u l-irkupru ta’ djun li jirriżultaw minn nefqa ffinanzjata mill-FAEG taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 jew perspettivi finanzjarji preċedenti, f’konformità mal-Artikolu 54, l-Artikolu 58(1), il-punt (e), u l-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, is-sena finanzjarja agrikola tibda fis-16 ta’ Ottubru tas-sena N-1 u tispiċċa fil-15 ta’ Ottubru tas-sena N. Waqt l-approvazzjoni tal-kontijiet għas-sena finanzjarja 2021, jenħtieġ li jitqiesu r-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni u l-irkupru tad-djun mir-Renju Unit bejn is-16 ta’ Ottubru 2020 u l-15 ta’ Ottubru 2021, kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni li ssottometta r-Renju Unit u kkomunikat ir-riżultati tal-kontrolli tagħha lir-Renju Unit, flimkien mal-emendi li qed tipproponi.

(5)

Għall-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit, “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate”, “Welsh Government” u “Rural Payments Agency”, il-kontijiet annwali u d-dokumenti ta’ akkumpanjament jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali sottomessi.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ir-Renju Unit jenħtieġ iħallas 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru tal-irregolaritajiet jekk l-irkupru ma jkunx sar fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin jekk l-irkupru jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jeżiġi li flimkien mal-kontijiet annwali li jrid jissottometti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, ir-Renju Unit jenħtieġ jehmeż tabella ċċertifikata li tirrifletti l-ammonti li jridu jitħallsu mir-Renju Unit skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tar-Renju Unit li jirrappurta l-ammonti li jridu jiġu rkuprati huma stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 jistabbilixxi l-mudell tat-tabella li r-Renju Unit irid juża biex jipprovdi l-informazzjoni dwar l-ammonti li jridu jiġu rkuprati. Abbażi tat-tabelli mimlija mir-Renju Unit, il-Kummissjoni jenħtieġ tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru tal-irregolaritajiet li jmorru lura għal iżjed minn erba’ snin jew tmien snin rispettivament.

(7)

Skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal raġunijiet ġustifikati kif xieraq, ir-Renju Unit jista’ jiddeċiedi li ma jsegwix l-irkupru. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss jekk il-kostijiet li jkunu ġġarrbu diġà, u dawk li aktarx jiġġarrbu, ikunu jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat jew jekk l-irkupru ma jkunx jista’ jsir minħabba insolvenza, irreġistrata u rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni legalment responsabbli għall-irregolarità. Jekk id-deċiżjoni tittieħed fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għall-irkupru, jew fi żmien tmien snin f’każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 100 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jridu jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. L-ammonti li għalihom ir-Renju Unit iddeċieda li ma jsegwix l-irkupru u l-bażi li fuqha ħa d-deċiżjoni jinsabu fir-rapport sommarju msemmi fl-Artikolu 54(4) ta’ dak ir-Regolament flimkien mal-Artikolu 102(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(iv), ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dawn l-ammonti ma jitħallsux mir-Renju Unit iżda minflok jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, din id-Deċiżjoni jenħtieġ tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni jaf tieħu sussegwentement biex teskludi xi nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni li ma tkunx saret f’konformità mar-regoli tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tar-Renju Unit, “Department of Agriculture, Environment and Rural Affairs”, “The Scottish Government Rural Payments and Inspections Directorate”, “Welsh Government” u “Rural Payments Agency” huma b’dan approvati fir-rigward tad-djun li jirriżultaw min-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020 u l-perspettivi finanzjarji preċedenti, f’konformità mal-Artikolu 54, l-Artikolu 58(1), il-punt (e), u l-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena finanzjarja 2021.

L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-ammonti rekuperabbli mingħand ir-Renju Unit jew pagabbli lilu skont din id-Deċiżjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet futuri dwar l-approvazzjoni tal-konformità li l-Kummissjoni jaf tieħu skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex mill-finanzjament tal-Unjoni teskludi nefqa li ma tkunx saret f’konformità mar-regoli tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).


ANNESS

Approvazzjoni tal-kontijiet tal-Aġenziji tal-Pagamenti

Sena finanzjarja 2021 - FAEG

Ammont li jrid jiġi rkuprat mir-Renju Unit, jew imħallas lilu

 

 

2021 - Nefqa/Dħul Assenjat għall-Aġenziji tal-Pagamenti li għalihom il-kontijiet huma

Total ta’ a + b

Ammont li jrid jitħallas f’konformità mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-FAEG

Total

Ammont li jrid jiġi rkuprat minn (-) jew imħallas lil (+) ir-Renju Unit 1)

approvati

diżassoċjati

= nefqa / dħul assenjat iddikjarat fid-dikjarazzjoni annwali

= total tan-nefqa/tad-dħul assenjat fid-dikjarazzjonijiet mensili

 

 

a

b

c=a+b

d

e=c+d

f=e

UK

GBP

0,00

0,00

0,00

-23 104,12

-23 104,12

-23 104,12

UK

EUR

-2 397 512,90

0,00

-2 397 512,90

0,00

-2 397 512,90

-2 397 512,90


 

 

Nefqa 2)

Dħul assenjat 2)

Artikolu 54 (2) (=d)

Total (=f)

08 02 06 01

6200

6200

g

h

i

j=g+h+i

UK

GBP

0,00

0,00

-23 104,12

-23 104,12

UK

EUR

0,00

-2 397 512,90

0,00

-2 397 512,90

1)

Għall-kalkolu tal-ammont li jrid jiġi rkuprat mir-Renju Unit jew imħallas lilu, l-ammont li jitqies hu t-total tad-dikjarazzjoni annwali għan-nefqa approvata (kol.a) jew, it-total tad-dikjarazzjonijiet mensili għan-nefqa diżassoċjata (kol.b). Rata tal-kambju applikabbli: it-tieni sentenza tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014.

2)

BL 08 02 06 01 għandu jinqasam bejn il-korrezzjonijiet negattivi li jsiru dħul assenjat f'BL 62 00 u dawk pożittivi favur ir-Renju Unit li issa se jiġu inklużi fin-naħa tan-nefqa 08 02 06 01 skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

NB:

Nomenklatura 2022 : 08 02 06 01 , 6200