2004D0677 — MT — 29.01.2007 — 001.002


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

▼C1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Settembru 2004

dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari ssekondati lill-Aġenzija tad-Difiża Ewropea

(2004/677/KE)

▼B

(ĠU L 310, 7.10.2004, p.64)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Jannar 2007

  L 95

24

5.4.2007


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 051M, 24.2.2009, p. 28  (677/04)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Settembru 2004

dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari ssekondati lill-Aġenzija tad-Difiża Ewropea

(2004/677/KE)



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3)(3.2.) tagħha,

Billi:

(1)

Esperti nazzjonali ssekondati (minn hawn 'il quddiem imsejħa SNEs) u persunal nazzjonali militari ssekondat għandhom jagħmluha possibbli li l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) tibbenefika mil-livell għoli ta' l-għarfien u l-esperjenza professjonali tagħhom, b'mod partikolari f'oqsma fejn kompetenza bħal din mhix disponibbli faċilment.

(2)

L-SNEs għandhom irawmu l-iskambju ta' esperjenza u għarfien professjonali fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, ir-riċerka, l-akkwist, u l-armamenti billi jassenjaw temporanjament esperti ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' l-Istati Membri ma' l-Aġenzija.

IDDEĊIEDA KIF GEJ:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dawn ir-Regoli huma applikabbli għal SNEs issekondati lill-Aġenzija minn Stat Membru li jkun qed jipparteċipa f'dik l-Aġenzija.

2.  Il-persuni koperti minn dawn ir-Regoli għandhom jibqgħu fis-servizz ta' min jimpjegahom matul il-perijodu tas-sekondar u għandhom jibqgħu jitħallsu minn dik il-persuna li timpjegahom.

3.  L-Aġenzija għandha tirrekluta SNEs skond il-ħtiġiet u l-possibbiltajiet baġitarji. Il-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jistabbilixxi l-arranġamenti għal reklutaġġ bħal dan, bil-kunsens tal-Bord ta' Tmexxija ta' l-Aġenzija.

4.  L-SNEs għandhom ikunu ċittadini ta' Stati Membru u għandhom jiġu reklutati fuq bażi ġeografika wiesa' kemm jista' jkun fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri parteċipanti. L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw biex jiżguraw, sa fejn hu possibbli, bilanċ bejn irġiel u nisa u josservaw il-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali.

5.  Is-sekondar għandu jiġi implimentat permezz ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija u r-Rappreżentanza Permanenti ta' l-Istat Membru konċernat. Kopja tar-Regoli applikabbli għall-SNEs issekondati ma’ l-Aġenzija għandha tiġi mehmuża ma' l-Iskambju ta' Ittri.

6.  L-SNEs għandhom jittieħdu minn gvernijiet, ministeri jew aġenziji governattivi ta' l-Istati Membri.

Artikolu 2

Perijodu tas-sekondar

▼M1

1.  Il-perjodu ta' sekondar ma jistax ikun inqas minn xahrejn u lanqas ma jista' jeċċedi tliet snin u jista' jiġġedded suċċessivament sa perjodu totali li ma jeċċedix erba' snin.

▼C1

2.  Il-perijodu tas-sekondar maħsub għandu jiġi ffissat mill-bidu fl-Iskambju ta' Ittri previst fl-Artikolu 1(5). L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta' tiġdid tal-perijodu tas-sekondar.

3.  SNE li jkun diġà ġie ssekondat lill-Aġenzija jista' jerġa' jiġi ssekondat, skond ir-regoli interni li jistabbilixxu perijodi massimi li matulhom dawn il-persuni jistgħu jkunu preżenti fid-dipartimenti ta' l-Aġenzija u soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-SNE għandu jkompli jissodisfa l-kondizzjonijiet għas-sekondar;

(b) għandu jkun inqabeż perijodu ta' mhux inqas minn tliet snin bejn tmiem il-perijodu preċedenti tas-sekondar u kwalunkwe sekondar ulterjuri; din id-dispożizzjoni m'għandhiex tipprevjeni lill-Aġenzija milli taċċetta s-sekondar ta' SNE li s-sekondar inizjali tiegħu ikun dam inqas minn erba' snin, iżda f'dak il-każ is-sekondar ġdid m'għandux jeċċedi l-parti li ma skadietx tal-perijodu ta' erba' snin.

Artikolu 3

Post tas-sekondar

Il-post tas-sekondar għandu jkun is-sede ta' l-Aġenzija jew il-post fejn id-Direttorat/l-unità ta' l-Aġenzija, li fiha l-SNE jkun assenjat, jkunu jinsabu.

Artikolu 4

Dmirijiet

1.  L-SNEs għandhom jikkompletaw l-missjoni, iwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet assenjati lilhom mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija.

Id-dmirijiet imwettqin għandhom jiġu definiti bi ftehim reċiproku bejn l-Aġenzija u l-amministrazzjoni nazzjonali li tissekonda l-espert nazzjonali fl-interess ta' l-Aġenzija u waqt li jitqiesu l-kwalifiki tal-kandidat.

2.  SNE għandu jieħu sehem f'missjonijiet u laqgħat biss:

(a) jekk ikun qed jakkumpanja il-Kap ta' l-Aġenzija jew membru tal-persunal temporanju, jew

(b) bħala osservatur jew biss għal finijiet ta' informazzjoni, jekk waħdu.

Il-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jista' jidderoga minn din ir-regola abbażi ta' mandat mogħti lill-SNE, wara li jkun ivverifikat li m'hemm l-ebda konflitt ta' interess potenzjali. Sakemm ma jingħatax mandat speċjali, taħt l-awtorità tal-Kap ta' l-Aġenzija, mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija, l-SNE ma jistax jobbliga lill-Aġenzija esternament.

3.  L-Aġenzija għandha żżomm responsabbiltà unika għall-approvazzjoni tar-riżultati ta' kompiti mwettqin mill-SNE.

4.  L-Aġenzija, min jimpjega ta' l-SNE u l-SNE għandhom jagħmlu kull sforz biex jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess jew dehra ta' konflitt bħal dan fir-rigward tad-dmirijiet a' l-SNE matul is-sekondar. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha, fi żmien tajjeb, tinforma lill-SNE u lil min jimpjega bid-dmirijiet maħsubin u għandha titlob lil kull wieħed minnhom biex jikkonferma bil-miktub li ma jaf bl-ebda raġuni li għaliha l-SNE m'għandux jingħata dawk id-dmirijiet. L-SNE għandu jintalab b'mod partikolari biex jiddikjara kwalunkwe konflitt potenzjali bejn iċ-ċirkostanzi tal-familja tiegħu (partikolarment l-attivitajiet professjonali ta' membri tal-familja viċini jew kwalunkwe interess finanzjarju importanti tiegħu, jew ta' membri tal-familja viċini) u d-dmirijiet proposti waqt is-sekondar.

Min jimpjega u l-SNE għandhom jimpenjaw ruħhom biex jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar kwalunkwe tibdil fiċ-ċirkostanzi matul is-sekondar li jista' jikkawża kwalunkwe konflitt bħal dan.

5.  Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li n-natura tal-kompiti fdati lill-SNE teħtieġ prekawzjonijiet tas-sigurtà partikolari, għandha tinkiseb clearance tas-sigurtà qabel l-SNE jiġi ssekondat.

6.  Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2,3 u 4 ta' dan l-Artikolu, l-Aġenzija tista' ttemm is-sekondar ta' l-SNE taħt it-termini ta' l-Artikolu 8.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi

1.  Matul il-perijodu tas-sekondar:

(a) SNE għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu u għandu jaġixxi biss bl-interessi ta' l-Aġenzija f'moħħu;

(b) SNE għandu jastjeni minn kwalunkwe azzjoni, u b'mod partikolari kwalunkwe espressjoni pubblika ta' opinjoni, li tista' tirrifletti fuq il-pożizzjoni tiegħu fl-Aġenzija;

(c) kwalunkwe SNE li, fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu, jintalab jagħti deċiżjoni dwar it-trattament jew ir-riżultat ta' materja li għandu interess personali fiha, li jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu, għandu jinforma lill-Kap tad-dipartiment fejn huwa assenjat;

(d) SNE m'għandux, kemm jekk waħdu kif ukoll jekk flimkien ma' oħrajn, jippubblika jew jikkawża li jiġi ppubblikat kwalunkwe test li jittratta x-xogħol ta' l-Aġenzija jew ta' l-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun kiseb permess skond il-kondizzjonijiet u r-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija. Il-permess għandu jiġi miċħud biss fejn il-pubblikazzjoni maħsuba tista' tkun ta' preġudizzju għall-interessi ta' l-Aġenzija jew ta' l-Unjoni Ewropea;

(e) id-drittijiet kollha fi kwalunkwe xogħol magħmul minn SNE fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu għandhom ikunu l-proprjetà ta' l-Aġenzija;

(f) SNE għandu jirresjedi fil-post tas-sekondar jew mhux 'il bogħod aktar minn kif inhu kompatibbli mal-prestazzjoni xierqa ta' l-attivitajiet tiegħu;

(g) SNE għandu jassisti u jagħti parir lis-superjur li għalih huwa assenjat u għandu jkun responsabbli għas-superjur tiegħu għall-prestazzjoni tal-kompiti fdati lilu;

(h) SNE m'għandu, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu, jaċċetta l-ebda istruzzjonijiet minn min jimpjegah jew mill-gvern nazzjonali tiegħu. Huwa m'għandu jimpenja ruħu fl-ebda attività għal min jimpjegah, u lanqas għal gvernijiet, u lanqas għal kwalunkwe persuna, kumpannija privata jew korp pubbliku ieħor.

2.  Kemm matul u wara l-perijodu tas-sekondar, SNE għandu jeżerċita l-ogħla diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha li jiġu mgħarrfa lilu matul jew f'konnessjoni mal-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu. Huwa m'għandux jiżvela, fi kwalunkwe forma, lil kwalunkwe persuna mhux awtorizzata kwalunkwe dokument jew informazzjoni li għadhom mhux magħmulin pubbliċi b'mod legali, u lanqas m'għandu jużahom għal vantaġġ personali.

3.  Meta jintemm is-sekondar SNE għandu jkompli jkun marbut bl-obbligu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fl-eżerċiżju ta' dmirijiet ġodda assenjati lilu u fl-aċċettazzjoni ta' ċerti pożizzjonijiet jew vantaġġi.

Għal dak il-għan, fit-tliet snin wara l-perijodu tas-sekondar, SNE għandu jinforma lill-Aġenzija minnufih bi kwalunkwe dmirijiet jew kompiti li għandu jwettaq għal min jimpjegah li x'aktarx jikkawżaw konflitt ta' interess fir-rigward tal-kompiti li wettaq matul is-sekondar.

4.  SNE għandu jkun soġġett għar-regoli ta' sigurtà fis-seħħ fl-Aġenzija.

5.  Nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu matul il-perijodu tas-sekondar għandu jintitola lill-Aġenzija biex ittemm is-sekondar ta' l-SNE taħt it-termini ta' l-Artikolu 8.

Artikolu 6

Livell, esperjenza professjonali u għarfien ta' ilsna

1.  Sabiex jikkwalifika għal sekondar għall-Aġenzija, SNE għandu jkollu mill-inqas tliet snin esperjenza full-time ta' funzjonijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, konsultattivi jew ta' superviżjoni ekwivalenti għal dawk tal-grad AD5-AD16 u AST5-AST11 kif definiti fir-Regolamenti tal-Persunal ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' impjegati oħrajn tal-Komunitajiet kif stabbilit fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 2 ), minn hawn 'il quddiem imsejħin ir-“Regolamenti tal-Persunal”. Qabel is-sekondar, min jimpjega ta' l-SNE għandu jagħti lill-Aġenzija dikjarazzjoni ta' l-impjieg ta' l-espert li jkopri t-tnax-il xahar preċedenti.

2.  SNE għandu jkollu għarfien tajjeb ta' waħda mill-ilsna Komunitarji u għarfien sodisfaċjenti ta' ilsien Komunitarju ieħor għall-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu.

Artikolu 7

Sospensjoni tas-sekondar

1.  L-Aġenzija tista' tawtorizza sospensjonijiet tas-sekondar u tispeċifika t-termini applikabbli. Matul dawn is-sospensjonijiet:

(a) l-allowances imsemmijin fl-Artikoli 15 u 16 ma jkunux jistgħu jitħallsu;

(b) l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikoli 18 u 19 għandhom jitħallsu biss jekk is-sospensjoni tkun fuq it-talba ta' l-Aġenzija;

2.  L-Aġenzija għandha tinforma lil min jimpjega ta' l-SNE.

Artikolu 8

Terminazzjoni ta' perijodi ta' sekondar

1.  Soġġett għall-paragrafu 2, sekondar jista' jintemm fuq it-talba ta' l-Aġenzija jew ta' min jimpjega ta' l-SNE, dment li tingħata notifika ta' tliet xhur. Jista' wkoll jintemm fuq it-talba ta' l-SNE dment li l-istess notifika tingħata u soġġett għall-qbil ta' l-Aġenzija.

2.  F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali s-sekondar jista' jintemm mingħajr notifika:

(a) minn min jimpjega ta' l-SNE, jekk l-interessi essenzjali ta' min jimpjega jeħtieġu hekk;

(b) permezz ta' ftehim bejn l-Aġenzija u min jimpjega, fuq it-talba ta' l-SNE liż-żewġ partijiet, jekk l-interessi essenzjali personali jew professjonali ta' l-SNE jeħtieġu hekk;

(c) mill-Aġenzija fil-każ li l-SNE jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-regoli. L-SNE għandu l-ewwel jingħata opportunità biex jippreżenta d-difiża tiegħu.

3.  Fil-każ ta' terminazzjoni taħt il-paragrafu 2(c), l-Aġenzija għandha tinforma immedjatament lil min jimpjega.



KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

Artikolu 9

Sigurtà soċjali

1.  Qabel ma jibda l-perijodu tas-sekondar, min jimpjega li mingħandu għandu jiġi ssekondat l-espert nazzjonali, għandu jiċċertifika lill-Aġenzija li, matul il-perijodu tas-sekondar, l-SNE ser jibqa' soġġett għal-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika li timpjega lill-SNE u li għandha tassumi responsabbiltà għal spejjeż li jsiru barra l-pajjiż.

2.  Mill-bidu tas-sekondar tiegħu, l-SNE għandu jiġi kopert mill-Aġenzija kontra r-riskju ta' inċident. L-Aġenzija għandha tipprovdih b'kopja tat-termini ta' din il-kopertura fil-jum li fih hu jirrapporta lit-taqsima tad-Direttorat/unità rilevanti biex jikkompleta l-formalitajiet amministrattivi relatati mas-sekondar.

Artikolu 10

Ħinijiet tax-xogħol

1.  SNE għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol. Dawn ir-regoli jistgħu jiġu mmodifikati mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija fejn il-ħtiġijiet tad-dipartiment jeħtieġu hekk.

2.  SNE għandu jaħdem fuq bażi full-time matul il-perijodu tas-sekondar.

3.  SNE jista' jaħdem sigħat flessibbli biss jekk ikun awtorizzat mid-dipartiment ta' l-Aġenzija fejn huwa assenjat. L-awtorizzazzjoni għandha tintbagħat għall-informazzjoni lill-unità rilevanti ta' l-Aġenzija.

4.  L-allowances fis-seħħ fl-Aġenzija għal xogħol bix-xift jistgħu jingħataw lill-SNEs.

Artikolu 11

Assenza għal raġunijiet ta' mard jew inċident

1.  Fil-każ ta' assenza minħabba raġunijiet ta' mard jew inċident, SNE għandu jinnotifika lis-superjur tiegħu malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jiddikjara l-indirizz preżenti tiegħu. Huwa għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal aktar minn tliet ijiem u jista' jintalab jagħmel eżami mediku mħejji mill-Aġenzija.

2.  Jekk assenza minħabba mard jew inċident ta' mhux aktar minn tliet ijiem taqbeż total ta' tnax-il jum matul perijodu ta' tnax-il xahar, SNE għandu jintalab jipproduċi ċertifikat mediku għal kwalunkwe assenza ulterjuri minħabba mard.

3.  Fejn il-perijodu ta' sick leave jaqbeż xahar jew il-perijodu tas-servizz imwettaq mill-SNE, skond liema wieħed hu l-itwal, l-allowances imsemmijin fl-Artikolu 15(1) u (2) għandhom jiġu sospiżi awtomatikament. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika fil-każ ta' mard konness mat-tqala. Is-sick leave ma jistax jiġi estiż lil hinn mit-tul ta' żmien tas-sekondar tal-persuna konċernata.

4.  Madankollu, SNE li hu vittma ta' korriment relatat max-xogħol li jseħħ matul is-sekondar għandu jkompli jirċievi, fl-intier tagħhom, l-allowances previsti fl-Artikolu 15(1) u (2) matul il-perijodu li matulu huwa mhuwiex fi stat tajjeb għax-xogħol sa tmiem il-perijodu tas-sekondar.

Artikolu 12

Leave annwali, leave speċjali u vaganzi

1.  SNE għandu jkun intitolat għal jumejn u nofs ta' leave għal kull xahar sħiħ ta' servizz (30 jum għal kull sena kalendarja).

2.  Il-leave hu soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mid-Direttorat/unità fejn huwa assenjat l-SNE.

3.  SNE jista', b'applikazzjoni raġunata, jingħata leave speċjali fil-każijiet li ġejjin:

— żwieġ ta' l-SNE: jumejn;

— mard serju tal-konjuġi: sa tliet ijiem;

— mewt tal-konjuġi: erbat ijiem;

— mard serju ta’ qarib fil-linja axxendenti: sa jumejn kull sena;

— mewt ta’ qarib fil-linja axxendenti: jumejn;

— twelid ta’ tifel/tifla: jumejn;

— mard serju ta’ tifel/tifla: sa jumejn kull sena;

— mewt ta’ tifel/tifla: erbat ijiem.

4.  Fuq talba debitament iġġustifikata minn min jimpjega ta' l-SNE, jistgħu jingħataw sa jumejn leave speċjali f'perijodu ta' 12-il xahar mill-Aġenzija fuq bażi ta' każijiet individwali.

5.  Il-jiem ta' leave annwali li ma jkunux ittieħdu sa l-aħħar tal-perijodu tas-sekondar għandhom jintilfu.

Artikolu 13

Leave tal-maternità

1.  SNE li hija tqila għandha tingħata leave tal-maternità ta' sittax-il ġimgħa, matul liema perijodu hija għandha tirċievi l-allowances previsti fl-Artikolu 15.

2.  SNE li qed tredda' tista' fuq talba, abbażi ta' ċertifikat mediku li jivverifika l-fatt, tingħata leave speċjali għal massimu ta' erba' ġimgħat li jibdew mit-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha, matul liema perijodu hija għandha tirċievi l-allowances stabbiliti fl-Artikolu 15.

3.  Fejn il-leġislazzjoni nazzjonali ta' min jimpjega ta' l-SNE tagħti leave tal-maternità itwal, is-sekondar għandu jiġi sospiż għall-perijodu li jaqbeż dak mogħti mill-Aġenzija. F'dak il-każ, għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għas-sospensjoni fi tmiem is-sekondar jekk l-interessi ta' l-Aġenzija jiġġustifikawh.

4.  SNE tista', alternattivament, tapplika għal sospensjoni tas-sekondar biex jiġi kopert l-intier tal-perijodi permessi għal leave tal-maternità u biex tredda'. F'dak il-każ, għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għas-sospensjoni fi tmiem is-sekondar jekk l-interessi ta' l-Aġenzija jiġġustifikawh.

Artikolu 14

Ġestjoni u kontroll

Il-ġestjoni u l-kontroll ta' leave għandhom ikunu r-responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni ta' l-Aġenzija. Il-kontroll tal-ħin tax-xogħol u l-assenzi għandhom ikunu r-responsabbiltà tad-Direttorat/unità fejn huwa assenjat l-SNE.



KAPITOLU III

ALLOWANCES U SPEJJEŻ

Artikolu 15

Allowances ta' sussistenza

1.  SNE għandu jkun intitolat għal allowance ta' sussistenza ta' kuljum matul il-perijodu tas-sekondar, li għandha tkun ekwivalenti għall-allowance mogħtija lil espert nazzjonali li jkun issekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

2.  Jekk l-SNE ma jkunx irċieva l-ispejjeż tal-ġarr mill-Agenzija jew min jimpjega, għandha titħallas allowance addizzjonali ta' kull xahar, li għandha tkun ekwivalenti għall-allowance mħallsa lil espert nazzjonali li jkun issekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Din l-allowance għandha titħallas kull xahar b’lura.

3.  Dawn l-allowances għandhom ikunu pagabbli għal perijodi ta' missjoni, leave annwali, leave tal-maternità, leave speċjali u vaganzi mogħtija mill-Aġenzija.

4.  L-SNEs li matul it-tliet snin li jtemmu sitt xhur qabel is-sekondar, kellhom ir-residenza tas-soltu jew komplew l-attività professjonali prinċipali tagħhom f'post li jinstab 150 km jew inqas mill-post tas-sekondar għandhom jirċievu allowance ta' sussistenza ta' kuljum kif imniżżel fil-paragrafu 1. Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, ċirkostanzi li jirriżultaw minn xogħol magħmul minn SNEs għal Stat barra minn dak tal-post tas-sekondar jew għal organizzazzjoni internazzjonali m'għandux jiġi kkunsidrat.

5.  Meta SNE jibda s-sekondar, huwa għandu jirċievi ammont minn qabel ekwivalenti għal 75 jum ta' l-allowance ta' sussistenza, u wara dan għandu jieqaf l-intitolament għal kwalunlkwe allowance bħal din ulterjuri matul il-perijodu korrispondenti. Jekk is-sekondar għall-Aġenzija jintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu meqjus għall-kalkolu ta' l-ammont mogħti minn qabel, l-SNE hu obbligat irodd lura l-ammont korrispondenti għall-parti li tibqa’ ta' dak il-perijodu.

6.  Fil-ħin ta' l-Iskambju ta' Ittri previst fl-Artikolu 1(5), l-Aġenzija għandha tiġi informata bi kwalunkwe pagament simili għal dak imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu rċevut mill-SNE. Kwalunkwe ammont bħal dan għandu jitnaqqas mill-allowance mħallsa mill-Aġenzija skond l-imsemmi paragrafu 1.

7.  Allowances ta' kuljum u ta' kull xahar għandhom jiġu aġġustati kull sena mingħajr effett retroattiv abbażi ta' l-adattament tas-salarji bażiċi ta' uffiċjali Komunitarji fi Brussell u l-Lussemburgu.

8.  Għal SNEs issekondati għal Uffiċċju ta' Kollegament ta' l-Aġenzija, l-allowances ta' sussistenza msemmijin f'dan l-Artikolu jistgħu jinbidlu f'allowance għall-akkomodazzjoni fejn dan hu ġġustifikat miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż tas-sekondar, soġġett għal deċiżjoni raġunata mill-Kapijiet Eżekuttivi ta' l-Aġenzija.

Artikolu 16

Allowance addizzjonali b'rata fissa

1.  Ħlief fejn il-post ta’ residenza ta’ SNE huwa 150 km jew inqas bogħod mill-post tas-sekondar, huwa għandu, fejn ikun xieraq, jirċievi allowance addizzjonali b’rata fissa li tkun daqs id-differenza bejn is-salarju gross annwali (mingħajr allowances tal-familja) imħallas minn min jimpjega miżjud ma' l-allowance ta’ sussistenza mħallsa mill-Aġenzija u s-salarju bażiku pagabbli lil uffiċjal fi skala 1 tal-grad AD7 jew AST5, skond il-kategorija li għaliha huwa assimilat.

2.  Din l-allowance għandha tiġi aġġustata darba fis-sena mingħajr effett retroattiv abbażi ta' l-adattament tas-salarji basiċi ta' uffiċjali Komunitarji.

Artikolu 17

Post tar-residenza

1.  Għall-finijiet ta' dawn ir-Regoli, il-post tar-residenza għandu jkun il-post fejn l-SNE wettaq id-dmirijiet tiegħu għal min jimpjegah immedjatament qabel is-sekondar. Il-post tas-sekondar għandu jkun il-post fejn id-Direttorat/unità ta' l-Aġenzija, li lilhom l-SNE jkun assenjat, ikun jinstab. Iż-żewġ postijiet għandhom jiġu identifikati fl-Iskambju ta' Ittri msemmi fl-Artikolu 1(5).

2.  Jekk, mas-sekondar bħala SNE, espert nazzjonali jkun diġà fuq sekondar f'isem min jimpjega f'post barra minn dak li fih ikun jinstab l-uffiċju prinċipali ta' dan ta' l-aħħar, il-post tar-residenza għandu jkun kwalunkwe wieħed mit-tnejn li hu l-aktar viċin għall-post tas-sekondar.

3.  Il-post tar-residenza għandu jitqies li jkun il-post tas-sekondar fejn:

(a) matul it-tliet snin li jintemmu sitt xhur qabel is-sekondar, l-SNE kellu r-residenza tas-soltu jew wettaq l-attività professjonali prinċipali tiegħu f'post li jinstab 150 km jew inqas bogħod mill-post tas-sekondar; jew

(b) fiż-żmien tat-talba ta' l-Aġenzija għas-sekondar, il-post tas-sekondar ikun ir-residenza prinċipali tal-konjuġi ta' l-SNE jew ta' kwalunkwe mit-tfal dipendenti tiegħu jew tagħha.

Għal dak il-għan, residenza fi 150 km jew inqas bogħod mill-post tas-sekondar għandha titqies bħala residenza f'dak il-post.

4.  Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, ċirkostanzi li jirriżultaw minn xogħol magħmul minn SNEs għal Stat barra minn dak tal-post tas-sekondar m'għandhomx jitqiesu.

Artikolu 18

Spejjeż ta' l-ivvjaġġar

1.  SNE li l-post tar-residenza tiegħu jkun aktar minn 150 km bogħod mill-post tas-sekondar huwa intitolat għal rimbors ta' spejjeż ta' l-ivvjaġġar:

(a) għalih/għaliha:

— mill-post tar-residenza għall-post tas-sekondar fil-bidu tal-perijodu tas-sekondar;

— mill-post tas-sekondar għall-post tar-residenza fi tmiem il-perijodu tas-sekondar;

(b) għall-konjuġi tiegħu jew tagħha u t-tfal dipendenti, kemm-il darba jkunu jgħixu ma' l-SNE u l-ġarr ikun rimborsat mill-Aġenzija:

— fil-bidu tas-sekondar, mal-ġarr mill-post tar-residenza għall-post tas-sekondar;

— fi tmiem is-sekondar, mill-post tas-sekondar għall-post tar-residenza.

2.  Sakemm il-vjaġġ ma jkunx bl-ajru, l-ammont għandu jiġi rimborsat b'rata fissa, limitata għall-ispiża tal-ħlas ta' ferrovija tat-tieni klassi, mingħajr supplimenti. Dan għandu japplika wkoll għal vjaġġi magħmulin bil-karozza. Fejn il-vjaġġ bil-ferrovija jaqbeż 500 km jew fejn ir-rotta standard tinvolvi qsim bil-baħar, il-vjaġġ bl-ajru jista' jiġi rimborsat sa l-ispiża attwali ta' biljett bi prezz imnaqqas (PEX jew APEX), mal-produzzjoni tal-biljetti u l-karti ta' l-imbark.

3.  B'deroga mill-paragrafu 1, SNEs li juru evidenza li bidlu l-post fejn ser ikomplu l-attività prinċipali tagħhom wara s-sekondar għandhom jiġu intitolati għal rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar għal dak il-post fil-limiti msemmijin hawn fuq. Ir-rimbors ma jistax jinvolvi pagament ta' somma ogħla minn dik li għaliha l-SNE huwa intitolat fil-każ ta' ritorn għall-post tar-residenza.

4.  Jekk SNE ikun ġarr mill-post tar-residenza tiegħu għall-post tas-sekondar tiegħu, huwa għandu jkun intitolat kull sena għal pagament b'rata fissa daqs l-ispiża ta' vjaġġ ta' ritorn mill-post tas-sekondar tiegħu għall-post tar-residenza għalih innifsu, il-konjuġi tiegħu jew tagħha u t-tfal dipendenti abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Aġenzija.

Artikolu 19

Spejjeż ta' ġarr

1.  Kemm-il darba t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 15(4) tkun tapplika, SNE jista' jġorr l-affarijiet personali tiegħu mill-post tar-residenza għall-post tas-sekondar, bi spejjeż għall-Aġenzija, wara li jikseb awtorizzazzjoni minn qabel, skond ir-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija fiż-żmien tar-rimbors ta' l-ispejjeż tal-ġarr, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-perjodu inizjali tas-sekondar għandu jkun għal tliet snin;

(b) il-post tar-residenza ta' l-SNE għandu jkun 100 km jew aktar bogħod mill-post tas-sekondar;

(c) il-ġarr għandu jsir f'sitt xhur mid-data tal-bidu tas-sekondar;

(d) għandha tintalab awtorizzazzjoni mill-inqas xahrejn qabel id-data maħsuba għall-ġarr;

(e) l-ispejjeż tal-ġarr mhumiex qed jiġu rimborsati minn min jimpjegah;

(f) l-SNE għandu jibgħat l-oriġinali ta' stimi, irċevuti u fatturi lill-Aġenzija u ċertifikat minn min jimpjegah li jikkonferma li min jimpjegah mhux qed iħallas spejjeż ta' ġarr.

2.  Soġġett għall-paragrafi 3 u 4, fejn il-ġarr għall-post tas-sekondar jkun ġie rimborsat mill-Aġenzija, l-SNE għandu jkun intitolat fi tmiem is-sekondar, wara awtorizzazzjoni minn qabel, għal rimbors ta' l-ispejjeż ta' ġarr mill-post tas-sekondar għall-post tar-residenza, skond ir-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija fiż-żmien tar-rimbors ta' l-ispejjeż ta' ġarr, soġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fil-paragrafu 1(d), (e) u (f) u l-kondizzjonijiet ulterjuri li ġejjin:

(a) il-ġarr ma jistax iseħħ qabel tliet xhur minn tmiem is-sekondar;

(b) il-ġarr għandu jsir fi żmien sitt xhur wara tmiem is-sekondar.

3.  SNE li s-sekondar tiegħu jiġi terminat fuq it-talba tiegħu jew fuq it-talba min jimpjegah fi żmien sentejn mill-bidu tas-sekondar m'għandux ikun intitolat għal rimbors ta' l-ispejjeż tal-ġarr għall-post tar-residenza.

4.  Fejn SNE juri evidenza li l-post fejn hu ser ikompli l-attività prinċipali tiegħu wara s-sekondar inbidel, l-ispejjeż ta' ġarr għal dak il-post ġdid jistgħu jiġu rimborsati, iżda biss sa l-ammont li kien ikun imħallas fil-każ ta' ġarr għall-post tar-residenza.

Artikolu 20

Missjonijiet u spejjeż ta' missjoni

1.  SNE jista' jintbagħat fuq missjoni soġġett għall-Artikolu 4.

2.  L-ispejjeż ta' missjoni għandhom jiġu rimborsati skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 21

Taħriġ

SNE għandu jkun intitolat biex jattendi korsijiet ta' taħriġ organizzati mill-Aġenzija, jekk l-interessi ta' l-Aġenzija jeħtieġu dan. Filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod partikolari l-karriera professjonali tiegħu wara s-sekondar, l-interessi raġonevoli ta' l-SNE għandhom jiġu kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni dwar il-permess biex jattendi korsijiet.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet amministrattivi

1.  SNE għandu jirrapporta lid-Direttorat/unità rilevanti fl-ewwel jum tas-sekondar biex jikkompleta l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Huwa għandu jibda d-dmirijiet tiegħu fl-ewwel jew fis-16-il jum tax-xahar.

2.  SNE assenjat lill-Uffiċju ta' Kollegament ta' l-Aġenzija għandu jirrapporta lid-Direttorat/unità rilevanti fil-post tas-sekondar tiegħu.

3.  Il-ħlasijiet għandhom isiru mid-Direttorat/unità xierqa ta' l-Aġenzija, f'euro, għal ġo kont tal-bank li jkun infetaħ f'istituzzjoni bankarja fil-post tas-sekondar.



KAPITOLU IV

APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI GĦAL PERSUNAL MILITARI NAZZJONALI SSEKONDAT

Artikolu 23

Regoli li japplikaw għal persunal militari ssekondat

Bla ħsara għall-Artikoli 24 sa 33, dawn ir-Regoli għandhom japplikaw ukoll għal persunal militari ssekondat lill-Aġenzija.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet

Il-persunal militari ssekondat għandu jkun fuq servizz imħallas fil-forzi armati ta' Stat Membru parteċipanti matul is-sekondar tiegħu.

Artikolu 25

Impenji esterni

Il-persunal militari ssekondat ma jistax jinvolvi lill-Aġenzija f'impenn estern, ħlief taħt mandat speċjali mogħti taħt l-awtorità tal-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija.

Artikolu 26

Clearance tas-sigurtà

B'deroga mill-Artikolu 4(5), il-livell xieraq ta' clearance tas-sigurtà tal-membru tal-persunal militari ssekondat, li ma jistax ikun aktar baxx minn SECRET, għandu jiġi stipulat fl-Iskambju ta' Ittri imsemmi fl-Artikolu 1(5).

Artikolu 27

Esperjenza professjonali

B'deroga mill-Artikolu 6(1), membru tal-persunal militari li jaħdem fil-livell amministrattiv jew konsultattiv u li juri grad għoli ta' kompetenza għad-dmirijiet li għandhom jitwettqu jista' jiġi ssekondat lill-Aġenzija.

Artikolu 28

Sospensjoni u terminazzjoni tas-sekondar

1.  L-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 għal membru tal-persunal militari ssekondat għandha tingħata mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija.

2.  B'deroga mill-Artikolu 8, is-sekondar jista' jintemm jekk l-interessi ta' l-Aġenzija jew ta' l-amministrazzjoni nazzjonali tal-membru tal-persunal militari ssekondat jeħtieġu hekk jew għal kwalunkwe kawża suffiċjenti oħra.

Artikolu 29

Nuqqas serju ta' konformità ma' l-obbligi

1.  B'deroga mill-Artikolu 8(3), sekondar jista' jintemm mingħajr notifika f'każijiet serji ta' nuqqas volontarju jew negliġenti tal-membru tal-persunal militari ssekondat milli jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu. Id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija wara li l-persuna konċernata jkollha opportunità tippreżenta d-difiża tagħha. Qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-Kap Eżekuttiv għandu jinnotifika lir-Rappreżentant Permanenti ta' l-Istat Membru li tiegħu l-membru tal-persunal militari ssekondat hu ċittadin. Ulterjorament għal dik id-deċiżjoni, l-allowances imsemmijin fl-Artikoli 18 u 19 m'għandhomx jinagħtaw aktar.

Qabel id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, membru tal-persunal militari ssekondat jista' jiġi sospiż jekk nuqqas milli jħares l-obbligi tiegħu ikun allegat kontrih mill-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija wara li l-persuna konċernata tkun ingħatat opportunità tippreżenta d-difiża tagħha. L-allowances imsemmijin fl-Artikoli 15 u 16 m'għandhomx jitħallsu matul din is-sospensjoni, li ma tistax taqbeż tliet xhur.

2.  Il-Kap Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jista' jġib għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kwalunkwe ksur minn membru tal-persunal militari fuq sekondar tar-Regoli mniżżlin jew imsemmijin f'din id-Deċiżjoni.

3.  Membru tal-persunal militari fuq sekondar għandu jkompli jkun soġġett għar-regoli dixxiplinarji nazzjonali tiegħu.

Artikolu 30

Leave speċjali

B'deroga mill-Artikolu 12(4), jista' jingħata leave speċjali addizzjonali mhux imħallas mill-Aġenzija għal taħriġ minn min jimpjega soġġett għal talba debitament raġunata minn min jimpjegah.

Artikolu 31

Allowances

B'deroga mill-Artikoli 15(1) u 16, l-Iskambju ta' Ittri msemmi fl-Artikolu 1(5) jista' jistipula li l- allowances previsti fih m'għandhomx jitħallsu.

Artikolu 32

Post tar-residenza

1.  Il-membru tal-persunal militari ssekondat hu kkunsidrat bħala li għandu l-post tar-residenza tiegħu fil-kapitali ta' l-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin, meta, skond l-Artikolu 17(1), (2) u (3)(a), il-post tar-residenza tiegħu jkun jinstab 150 km jew inqas bogħod mill-post tas-sekondar.

2.  Il-membru tal-persunal militari ssekondat hu kkunsidrat li għandu l-post tar-residenza tiegħu fil-kapitali ta' l-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin meta l-post tar-residenza prinċipali tal-konjuġi jew tat-tifel jew tifla (tfal) imsemmijin fl-Artikolu 17(3)(b) ikun jinstab fi Stat Membru barra minn dak tas-sekondar.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 33

Emendi u Regoli Implimentattivi

Id-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli dwar l-Artikoli 4, 5, 8, 10, 12 sa 14, 21 sa 32, jistgħu jiġu emendati, safejn ikun meħtieġ, mill-Bord ta' Tmexxija ta' l-Aġenzija, f'konformità ma' l-Artikolu 9(1)(1.10) u l-Artikolu 11(3)(3.2) ta' l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK. Kwalunkwe tali emenda proposta għandha tiġi trasmessa lill-Kunsill. Dawn l-emendi għandhom jitqiesu bħala approvati sakemm il-Kunsill, fi żmien xahrejn u b'maġġoranza kwalifikata, ma jiddeċidix li jimmodifikahom.

Emendi għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dawn ir-Regoli, b’mod partikolari dawk dwar ir-remunerazzjoni, l-allowances u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, b’unanimità, fuq proposta mill-Bord ta’ Tmexxija ta' l-Aġenzija.

Artikolu 34

Evalwazzjoni

Fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni jew mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, skond liema waħda tiġi l-ewwel, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jagħmel evalwazzjoni u jemenda dawn ir-Regoli jew jieħu deċiżjoni dwar l-iskadenza tagħhom, kif ikun xieraq.

Artikolu 35

Effett

Din id-Deċiżjoni għandu jibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2004.



( 1 ) ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17.

( 2 ) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1).