SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 10(1) – Ġurisdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjonijiet – Residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu li tinsab fi Stat terz – Kriterju tal-post fejn jinsabu beni tas-suċċessjoni fi Stat Membru – Mument deċiżiv – Evalwazzjoni fil-mument tal-mewt”

Fil-Kawża C‑291/23 [Hantoch] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

LS

vs

PL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Hohenecker u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza ta’

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LS u PL dwar is-suċċessjoni ta’ persuna li mietet fl-Eġittu.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 7, 23, 30 u 37 tar-Regolament Nru 650/2012 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(23)

Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. Sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali, l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni għandha twettaq valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-ħajja tad-deċedut fis-snin qabel mewtu u fil-mument ta’ mewtu, filwaqt li tieħu kont tal-elementi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kondizzjonijiet u r-raġunijiet għal dik il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk determinata għandha tiżvela rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat ikkonċernat b’kont meħud tal-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(30)

Sabiex ikun żgurat li l-qrati tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu, għall-istess raġunijiet, jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ persuni b’residenza mhux abitwali fi Stat Membru fil-mument tal-mewt, dan ir-Regolament għandu jelenka b’mod eżawrjenti, f’ordni ġerarkika, ir-raġunijiet li għalihom tista’ tiġi eżerċitata tali ġuriżdizzjoni sussidjarja.

[…]

(37)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.”

4

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 10 tiegħu.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

6

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni sussidjarja”, jipprovdi:

“1.   Meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru fejn ikun hemm assi tal-patrimonju għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha dment li:

(a)

id-deċedut kellu ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tiegħu; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(b)

id-deċedut kellu r-residenza abitwali preċedenti tiegħu f’dak l-Istat Membru, dment li, filwaqt li l-qorti tkun ġiet invokata, ma jkunx għadda aktar minn perijodu ta’ ħames snin minn meta dik ir-residenza abitwali tkun inbidlet.

2.   Fejn l-ebda qorti fi Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qrati ta’ Stat Membru li fih ikun hemm assi tal-patrimonju, għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawk l-assi.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

7

Id-deċedut, imwieled fl-Eġittu, għex u ħadem għal diversi snin fil-Ġermanja, fejn waqqaf ukoll familja. Fid-data tal-mewt tiegħu fl-Eġittu, fit‑18 ta’ Marzu 2017, huwa kellu ċittadinanza doppja Ġermaniża u Eġizzjana.

8

Wara t-tmiem tal-attività professjonali tiegħu fil-Ġermanja, id-deċedut irrisjeda primarjament fl-Eġittu. Huwa kien jibbenefika minn assigurazzjoni għall-mard kif ukoll minn pensjoni tal-irtirar Ġermaniża, li l-benefiċċji tagħhom huwa ttrasferixxa, permezz ta’ ordni ta’ trasferiment permanenti, f’kont ma’ bank fil-Ġermanja, miżmum għal dan l-għan biss, lejn il-kont bankarju tiegħu fl-Eġittu. Minħabba l-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu taħt l-iskema Ġermaniża tat-tobba, huwa kien ukoll suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja.

9

LS u PL huma d-dixxendenti tad-deċedut. PL hija l-unika eredi skont it-testment.

10

LS adixxiet lil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, b’talba intiża għall-ksib minn PL ta’ ċerta informazzjoni kif ukoll għall-ħlas ta’ somma flus abbażi ta’ dritt għal riżerva ereditarja. Hija tqis li dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tagħha. Hija ssostni li, fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, id-deċedut kellu beni tas-suċċessjoni fil-Ġermanja li jikkonsistu, minbarra l-assi miżmuma mal-bank Ġermaniż, b’mod partikolari fi krediti mal-amministrazzjoni fiskali u ma’ kumpannija privata tal-assigurazzjoni għall-mard.

11

PL tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju.

12

Skont din tal-aħħar, id-deċedut kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, fl-Eġittu. Madankollu, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tkun ibbażata, sussidjarjament, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, fuq il-preżenza ta’ beni tas-suċċessjoni fil-Ġermanja. Minkejja dan, hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

13

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-duttrina Ġermaniża hija maqsuma fuq il-kwistjoni dwar f’liema mument għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni dwar il-preżenza ta’ beni ta’ suċċessjoni fl-Istat Membru tal-qorti adita, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012. Għal xi wħud, huwa l-mument tal-mewt li huwa determinanti, filwaqt li oħrajn jikkunsidraw li huwa dak tat-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja.

14

Skont din il-qorti, ir-risposta għal din id-domanda hija ta’ importanza determinanti, peress li, f’dan il-każ, fid-data tal-mewt tiegħu, il-kont tad-deċedut miżmum ma’ bank Ġermaniż, bħala beni tas-suċċessjoni li jinsab fil-Ġermanja, kellu bilanċ pożittiv, iżda li, fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali, dan il-kont kien diġà ġie llikwidat.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 650/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk kinux jeżistu assi tal-patrimonju fl-Istat Membru tal-qorti adita għandha tkun ibbażata fuq il-mument tas-suċċessjoni jew fuq il-mument tal-preżentata tar-rikors?”

Fuq id‑domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sussidjarja, sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, tal-qrati tal-Istat Membru li fih jinsabu l-beni tas-suċċessjoni, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-beni jibqgħux jinsabu f’dan l-Istat Membru fil-mument li jiġu aditi dawn il-qrati jew fil-mument tal-mewt.

17

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet mfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni li tipprevedi li, meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati tal-Istat Membru li fih jinsabu l-beni tas-suċċessjoni għandhom madankollu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha jekk id-deċedut kellu ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, jekk kellu r-residenza abitwali preċedenti tiegħu f’dan l-Istat Membru.

19

Filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprovdi l-ebda preċiżjoni fir-rigward tal-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk beni tas-suċċessjoni jinsabux fi Stat Membru, l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament espliċitament jipprevedi li l-“mument tal-mewt” jikkostitwixxi d-data rilevanti kemm sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih tinsab ir-residenza abitwali tal-persuna ikkonċernata kif ukoll sabiex tiġi evalwata ċ-ċittadinanza tal-istess persuna. Fir-rigward tal-Artikolu 10(1)(b) tal-imsemmi regolament, dan jobbliga li ttieħed inkunsiderazzjoni, meta d-deċedut ma jkollux, fil-mument tal-mewt tiegħu, iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru kkonċernat, ir-residenza abitwali “preċedenti” tiegħu.

20

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għalhekk jibbaża l-ġurisdizzjoni sussidjarja tal-Istat Membru tal-post fejn jinsabu l-beni tas-suċċessjoni fuq kundizzjonijiet li jitwettqu mhux iktar tard mill-mument tal-mewt.

21

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012, kemm mill-Artikoli 4 u 10 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-premessi 23 u 30 tiegħu, jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kriterji ta’ implimentazzjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali jew ta’ waħda mill-ġurisdizzjonijiet sussidjarji humiex issodisfatti, l-imsemmi regolament jikkunsidra, b’mod ġenerali, il-mument tal-mewt.

22

Din iċ-ċirkustanza turi wkoll li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, huwa dan il-mument li għandu jintuża sabiex jiġi evalwat jekk wieħed mill-kriterji ta’ ġurisdizzjoni, f’dan il-każ, dak dwar l-eżistenza ta’ beni tas-suċċessjoni fl-Istat Membru tal-qorti adita, previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012, huwiex issodisfatt.

23

Barra minn hekk, l-imsemmija kriterji ta’ ġurisdizzjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu r-rabtiet tad-deċedut mal-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa loġiku li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-beni fil-mument tal-mewt tad-deċedut li kien proprjetarju tagħhom.

24

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 37 tiegħu, jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom, b’ċertezza legali u b’mod prevedibbli kif ukoll li jiġu ggarantiti b’mod effettiv id-drittijiet tal-eredi u tal-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut u tal-kredituri tas-suċċessjoni.

25

Fil-fatt, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ikun kompromess jekk il-ġurisdizzjoni setgħet tiddependi fuq ċirkustanzi sussegwenti għall-mewt, bħal-likwidazzjoni jew it-trasferiment lejn Stat Membru ieħor tal-beni tas-suċċessjoni wara l-mewt.

26

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, il-ġurisdizzjoni sussidjarja tal-qorti adita fir-rigward tal-eżistenza ta’ beni tas-suċċessjoni fl-Istat Membru ta’ dik il-qorti tistax tiġi eżerċitata, hemm lok li wieħed ipoġġi lilu nnifsu mhux fil-mument li tiġi adita l-imsemmija qorti, iżda fil-mument tal-mewt.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sussidjarja, sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, tal-qrati tal-Istat Membru li fih jinsabu l-beni tas-suċċessjoni, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-beni jinsabux f’dan l-Istat Membru mhux fil-mument li jiġu aditi dawn il-qrati, iżda fil-mument tal-mewt.

Fuq l‑ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sussidjarja, sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha, tal-qrati tal-Istat Membru li fih jinsabu l-beni tas-suċċessjoni, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-beni jinsabux f’dan l-Istat Membru mhux fil-mument li jiġu aditi dawn il-qrati, iżda fil-mument tal-mewt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.