|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1992 |
6.10.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1992
tat-2 ta’ Ottubru 2025
dwar l-adegwatezza tal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2025) 6589)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l--Artikolu 47(3), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar approvati minnhom, kif ukoll it-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni li jirrigwardaw l-awditi inkwistjoni, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fihom. Fost dawk il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 47(1), il-punti (c) u (d) ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi li dawk l-awtoritajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti li jkunu ġew iddikjarati adegwati mill-Kummissjoni u li jkun hemm arranġamenti ta’ ħidma fuq il-bażi ta’ reċiproċità bejn dawk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. L-istess rekwiżit jeżisti fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”). Minn dan isegwi li t-trasferiment ta’ tali dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn jirrikjedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza u ta’ arranġamenti ta’ ħidma miż-żewġ naħat. Ir-Renju Unit diġà ta deċiżjonijiet ta’ adegwatezza lil kull wieħed mill-Istati Membri. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tissodisfax ir-rekwiżiti li huma adegwati għal dawk il-finijiet. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma tindirizzax rekwiżiti speċifiċi oħrajn għat-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, kif ukoll għat-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni, bħalma huwa l-ftehim dwar arranġamenti ta’ ħidma fuq il-bażi ta’ reċiproċità bejn l-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 47(1), il-punt (d), tad-Direttiva 2006/43/KE, jew ir-rekwiżiti għat-trasferiment ta’ data personali stabbiliti fl-Artikolu 47(1), il-punt (e), ta’ dik id-Direttiva. |
|
(3) |
Il-kooperazzjoni dwar it-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, kif ukoll it-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifletti l-interess pubbliku sostanzjali fit-twettiq ta’ sorveljanza pubblika indipendenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, jiżguraw li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tuża kull dokument ittrasferit lilha f’konformità mal-Artikolu 47(1) ta’ dik id-Direttiva biss biex teżerċita l-funzjonijiet tagħha għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità esterna u għall-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ta’ ditti tal-awditjar. |
|
(4) |
Meta jitwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, jenħtieġ li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar ma jitħallewx jagħtu aċċess, jew jittrażmettu d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn tagħhom, lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, skont xi kundizzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(5) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma rikjesti mill-Artikolu 47(1), il-punt (d), tad-Direttiva 2006/43/KE għat-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, kif ukoll għat-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni, bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit jiġu miftiehma fuq il-bażi ta’ reċiproċità u jinkludu l-protezzjoni ta’ kull sigriet professjonali u ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva li tinsab f’tali dokumenti relatata mal-entitajiet awditjati, inkluża l-proprjetà industrijali u intellettwali tagħhom, jew mal-awdituri statutorji u mad-ditti tal-awditjar li jkunu awditjaw lil dawk l-entitajiet. |
|
(6) |
Meta trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, jew it-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew investigazzjoni, lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit jinvolvi t-trasferiment ta’ data personali, tali trasferiment ikun skont il-liġi biss jekk jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti tat-trasferimenti internazzjonali ta’ data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, l-Artikolu 47(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-trasferiment ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jikkonforma ma’ kull prinċipju u regola applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu previsti salvagwardji xierqa għat-trasferiment ta’ data personali, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 (“deċiżjoni ta’ adegwatezza dwar il-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit”) (3). Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit ma jiżvelawx aktar data personali li tinsab fid-dokumenti trasferiti mingħajr il-ftehim minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. |
|
(7) |
Il-Kunsill għar-Rappurtar Finanzjarju huwa l-awtorità kompetenti għas-sorveljanza tal-awditjar fir-Renju Unit. Huwa regolatur indipendenti li jissorvelja l-awdituri, il-kontabilisti u l-attwarji. |
|
(8) |
Il-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar ivvaluta mill-ġdid il-qafas legali tar-Renju Unit. Filwaqt li titqies il-valutazzjoni teknika, imsemmija fl-Artikolu 30(7), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tal-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar, il-Kunsill għar-Rappurtar Finanzjarju jissodisfa r-rekwiżiti li jenħtieġ li jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(10) |
Kull konklużjoni dwar l-adegwatezza tar-rekwiżiti issodisfati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz skont l--Artikolu 47(3), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/43/KE ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni li l-Kummissjoni tista’ tadotta dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità, l-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 46(2) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dik tar-Renju Unit. L-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawk l-awtoritajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet u, fl-istess waqt, biex tħares id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati. Meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tidħol f’arranġamenti ta’ ħidma fuq il-bażi ta’ reċiproċità mal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex tippermetti t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar u ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, kif ukoll it-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jikkomunika lill-Kummissjoni l-arranġamenti ta’ ħidma reċiproċi konklużi bejn dawk l-awtoritajiet biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk tali kooperazzjoni tikkonformax mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar, se timmonitorja fuq bażi regolari l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-oqfsa superviżorji u regolatorji kif ukoll l-effettività u l-esperjenza tal-kooperazzjoni superviżorja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku ta’ din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin qabel tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha fil-każ li żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja rivalutazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ adegwatezza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Tali rivalutazzjoni tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(13) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni fit-28 ta’ April 2025. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill għar-Rappurtar Finanzjarju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu kkunsidrati adegwati skont it-tifsira tal-Artikolu 47(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2006/43/KE għall-finijiet tat-trasferimenti ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, kif ukoll tat-trasferiment ta’ rapporti ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 47(1) ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 2
1. Meta d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar jinżammu esklużivament minn awditur statutorju jew minn ditta tal-awditjar irreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat l-awditur tal-grupp u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba mingħand l-awtorità msemmija fl-Artikolu 1, tali dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti rikjedenti biss f’każ meta l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.
2. Kwalunkwe arranġament ta’ ħidma bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Maria Luís ALBUQUERQUE
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE ( ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).
(5) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE ( ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1992/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)