1977L0504 — MT — 03.09.2008 — 009.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DIRETTIVA TAL-KUNSILL tal-25 ta’ Lulju 1977 fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 206, 12.8.1977, p.8) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 62 |
5 |
13.3.1979 |
||
|
L 362 |
8 |
31.12.1985 |
||
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 85/586/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 |
L 372 |
44 |
31.12.1985 |
|
|
L 85 |
37 |
5.4.1991 |
||
|
L 178 |
66 |
12.7.1994 |
||
|
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003 |
L 122 |
36 |
16.5.2003 |
|
|
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/73/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-15 ta’ Lulju 2008 |
L 219 |
40 |
14.8.2008 |
|
Emendat bi:
|
L 291 |
17 |
19.11.1979 |
||
|
C 241 |
21 |
29.8.1994 |
|
(*) |
Dan l-att qatt ma ġie ppubblikat bil-Malti. |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Lulju 1977
fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil
(77/504/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 );
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),
Billi l-produzzjoni ta’ l-ifrat tokkupa post importanti ħafna fl-agrikoltura tal-Komunità, u riżultati tajbin jiddependu sa ċertu punt fuq l-użu ta’ l-annimali ta’ razza pura;
Billi bosta mill-Istati Membri s’issa fittxew, bħala parti mill-politika tat-trobbija nazzjonali, li jippromwovu l-produzzjoni tal-bhejjem ta’ numru limitat ta’ razez li jilħqu livelli żootekniċi speċifiċi; billi r-razez u l-livelli jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; billi dawn id-differenzi jfixklu l-kummerċ fil-Komunità;
Billi, biex dawn id-differenzi jitneħħew u b’hekk titkabbar il-produttività agrikola f’dan is-settur, il-kummerċ fil-Komunità fl-annimali kollha ta’ razza pura għandu jkun liberalizzat progressivament; billi l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ għandha bżonn armonizzazzjoni addizzjonali aktar tard partikolarment rigward l-approvazzjoni għat-trobbija;
Billi għandu jkun possibbli għall-Istati Membri biex jinsistu għal ċertifikati ta’ l-arblu tar-razza mħejji skond il-proċedura tal-Komunità li qed tiġi preżentata;
Billi għandhom jittieħdu miżuri ta’ implimentazzjoni f’ċerti oqsma tekniċi; billi, għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, għandha tkun provduta proċedura biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti taż-Żooteknika; billi, sa l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni, id-dispożizzjonijiet li bħalissa huma fis-seħħ fis-setturi in kwestjoni m’għandhomx jinbidlu;
Billi għandu jkun żgurat li l-importazzjoni ta’ l-annimali tal-fart ta’ razza pura minn pajjiżi li mhumiex membri ma tkunx tista’ ssir taħt kondizzjonijiet li huma inqas stretti minn dawk applikati fil-Komunità,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) annimal tal-fart ta’razza pura: kull annimal tal-fart ►M4 inkluż il-buflu ◄ li l-ġenituri u n-nanniet tiegħu jiddaħħlu jew jiġu reġistrati f’reġistru tal-merħla ta’ l-istess razza, u li hu nnifsu jkun imdaħħal jew reġistrat u eliġibbli għad-dħul ta’ dan il-ktieb tal-merħla;
(b) ir-reġistru tal-merħla: kull ktieb, reġistru, fajl jew mezz li jiġbor fih informazzjoni
— li hi miżmuma minn organizzazzjoni ta' dawk li jrabbu jew assoċjazzjoni uffiċjalment magħrufa fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni ta' dawk li jrabbu kienet ikkostitwita, jew minn dipartiment uffiċjali ta' l-Istat Membru kkonċernat, u
— li fih l-annimali ta’ razza pura għat-trobbija ta’ razza partikolari tal-fart jiddaħħlu u jkunu reġistrati b’referenza għall-antenati tagħhom.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan li ġej ma jkunx projbit, ristrett jew imfixkel minħabba raġunijiet żootekniċi:
— il-kummerċ Komunitarju intern fl-annimali tal-fart ta’ razza pura,
— il-kummerċ Komunitarju intern fis-semen u ►M5 ova u embrijoni ◄ ta’ l-annimali tal-fart ta’ razza pura,
— it-twaqqif ta’ reġistri tal-merħla, diment li jħarsu l-kondizzjonijiet meħtieġa skond l-Artikolu 6,
— ir-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jżommu reġistru tal-merħla, skond l-Artikolu 6, u
— soġġetti għall-Artikolu 3, il-kummerċ fil-Komunità fil-barrin użati għall-inseminazzjoni artifiċjali.
Iżda, il-Portugall qiegħed b'hekk jiġi awtorizzat biex iżomm mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1990, restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' l-annimali ta' l-ispeċi tal-fart, kif deskritt fl-ewwel inċiż tal-paragrafu ta' qabel, fejn ir-razez konċernati ma jidhrux fil-lista tar-razez awtorizzati fil-Portugall. Il-Portugall għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-lista tar-razez awtorizzati.
Artikolu 3
Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet tal-Komunità għall-approvazzjoni ta’ l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-trobbija qabel l-1 ta’ Lulju 1980.
Sakemm jidħlu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet, l-approvazzjoni ta’ l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat trobbija u l-approvazzjoni tal-barrin għall-inseminazzjoni artifiċjali kif ukoll l-użu tas-semen u ►M5 ova u embrijoni ◄ għandhom jibqgħu soġġetti għall-liġi nazzjonali, bil-fehma li dik il-liġi ma tistax tkun aktar ristretta minn dik applikabbli għall-annimali tal-fart ta’ razza pura, is-semen u ►M5 ova u embrijoni ◄ fl-Istat Membru fejn ikunu sejrin.
Artikolu 4
L-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu rikonoxxuti uffiċjalment minn Stat Membru ma jistgħux jopponu d-dħul fir-reġistri tal-merħla tagħhom ta’ annimali tal-fart ta’ razza pura minn Stati Membri oħra diment li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa mniżżla skond l-Artikolu 6.
Artikolu 4a
1. L-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista ta’ korpi kif imsemmi fl-Artikolu 1 (b), l-ewwel inċiż, li huma rikonoxxuti uffiċjalment għall-għan li jżommu jew jistabbilixxu r-reġistri tal-merħla u jqegħduha għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra u tal-pubbliku.
2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).
Artikolu 5
L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-annimali tal-fart ta’ razza pura u s-semen u ►M5 ova u embrijoni ◄ minn dawn l-annimali jkunu akkumpanjati, fil-kummerċ Komunitarju intern, minn ċertifikat ta’ l-arblu tar-razza li jaqbel ma’ kampjun imħejji skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8, partikolarment rigward il-kapaċità żooteknika.
Artikolu 6
1. Dan li ġej għandu jkun stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8:
— il-metodi tal-monitoraġġ tal-progress u l-metodi sabiex jiġi evalwat il-valur ġenetiku ta’ l-ifrat,
— il-kriterji li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjoniet u l-assoċjazzjoniet ta’ min irabbi,
— il-kriterji li jirregolaw it-twaqqif tar-reġistri tal-merħla,
— il-kriterji li jirregolaw id-dħul fir-reġistri tal-merħla,
— id-dettalji li għandhom jidru fiċ-ċertifikat ta’ l-arblu tar-razza.
2. Sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet provduti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-paragrafu 1:
(a) l-ispezzjonijiet uffiċjali li ssir referenza għalihom fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 imwettqa f’kull Stat Membru u r-reġistru tal-merħla li jeżistu bħalissa għandhom ikunu rikonoxxuti mill-Istati Membri l-oħra;
(b) ir-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ikomplu jkunu regolati mir-regoli li bħalissa hemm fis-seħħ f’kull Stat Membru;
(c) l-introduzzjoni ta’ reġistri tal-merħla ġodda għandha tkompli tilħaq mal-kondizzjonijiet li bħalissa hemm fis-seħħ f’kull Stat Membru.
Artikolu 7
Sa meta jiġu implimentati r-regoli tal-Komunità fuq dan is-suġġett, il-kondizzjonijiet applikabbli għall-importazzjoni ta’ l-annimali tal-fart ta’ razza pura minn pajjiżi mhux membri m’għandhomx ikunu iktar favorevoli minn dawk li jirregolaw il-kummerċ fil-Komunità.
L-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ annimali tal-fart ta’ razza pura minn pajjiżi li mhumiex membri jekk ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat ta’ l-arblu tar-razza li jiċċertifika li huma mdaħħlin jew reġistrati fir-reġistru tal-merħla tal-pajjiż li mhux membru li qed jesporta. Għandha tkun provduta evidenza li l-annimali jew kienu mdaħħla jew reġistrati jew eliġibbli biex jiddaħħlu fil-ktieb tal-merħla fil-Komunità.
Artikolu 8
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti taz-Zooteknika istitwit bid-Deċiżjoni 77/505/KEE ( 3 ).
2. Meta jsir riferiment għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 4 ).
Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.
3. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.
Artikolu 9
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex:
(a) Ikunu konformi ma din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 7, l-aktar tard sa l-1 ta' Jannar 1979;
(b) Ikunu konformi mal-Artikolu 7, fir-rigward ta' kull wieħed mill-punti li din tkopri, fl-istess dati bħal dawk li għandhom ikunu konformi mad-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli fil-kummerċ intra-komunitarju, u partikolarment id-deċiżjonijiet li huma adottati b'suċċess permezz ta' l-Artikolu 6.
Huma għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Artikolu 10
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
( 1 ) ĠU C 76, tat-3.7.1974, p. 52.
( 2 ) ĠU C 116, tat-30.9.1974, p. 33.
( 3 ) ĠU L 206, tat-12.8.1977, p. 11.
( 4 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.