32000R2550



Official Journal L 292 , 21/11/2000 P. 0007 - 0008


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2550/2000

tas-17 ta' Novembru 2000

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1626/94 li jistabbilixxi xi miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' riżorsi marini fil-Mediterran

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1626/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jistabbilixxi xi metodi tekniċi għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd fil-Mediterran [1] u, b'mod partikolari, l-Artikolu 3(1)u l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1626/94 stabbilixxa xi metodi tekniċi ta' konservazzjoni li kienu soġġetti għal kondizzjonijiet ta' derogi sal-31 ta' Mejju 2000 dwar xi sajd tradizzjonali jew attivitajiet tas-sajd.

(2) L-attivitajiet tas-sajd li bħalissa qed igawdu taħt id-derogi msemmija jikkostitwixxu kontribuzzjoni importanti ħafna lejn l-ekonomija sħiħa ta' numru kbir ta' industriji relatati mas-sajd.

(3) L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1448/1999 ta' l-24 ta'Ġunju 1999 li jintroduċi miżuri tansitorji għall-ġestjoni ta' xi sajd fil-Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1626/94 [2] jistabbilixxi li, skond l-informazzjoni xjentifika kollha rilevanti, il-Kummissjoni trid tippreżenta lill-Kunsill proposta li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet tas-sajd koperti mill-kondizzjonijiet ta' derogi fuq imsemmija jistgħux jitkomplew u l-kondizzjonijiet tekniċi li għandhom jirregolawhom.

(4) Il-kumitat xjentifiku, tekniku u ekonomiku għas-sajd (STECF) ta l-opinjoni tiegħu fuq l-impatt bijoloġiku tas-sajd fuq imsemmi matul il-laqgħa plenarja tiegħu tat-3 sas-7 ta'April tas-sena 2000. Fuq il-bażi ta'l-informazzjoni disponibbli mis-STECF, wieħed jista' jikkonkludi li l-impatt ħażin ta'xi sajd fuq ir-riżorsi jista jittejjeb taħt ċerti kondizzjonijiet tekniċi.

(5) Id-dibattitu fuq il-politka komuni tas-sajd li ser isir fis-sena 2002 wara r-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jwaqqaf sistema Komunitarja għas-sajd u għall-akwakultura [3] għandu jagħti bażi ta' soluzzjoni għal żmien twil għal din il-problema u għal oħrajn ta' ċertu sajd fil-Meditterran.

(6) Huwa għalhekk xieraq li jitkomplew id-derogi eżistenti għall-Artikoli 3(1) u 6(1) sal-31 ta' Diċembru 2002, taħt kondizzjonijiet tekniċi li jnaqqsu l-impatt tas-sajd fuq ir-riżorsi.

(7) L-Istati Membri għandhom jirregolaw permezz ta' leġislazzjoni nazzjonali l-kondizzjonijiet tekniċi msemmija hawn fuq skond il-linji gwida stabbiliti fuq il-bażi tal-parir tas-STECF.

(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 għandu għalhekk ikun emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nu 1626/94 qiegħed hawnhekk ikun emendat kif ġej:

1. fl-Artikolu 3(1), it-tieni sotto-paragrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Madankollu, kull apparat tas-sajd li jintuża f'distanza mix-xatt ta' inqas minn dak stipulat fl-ewwel paragrafu u użat skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994 jista jintuża sal-31 ta' Diċembru 2002, sakemm il-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi mod ieħor fid-dawl ta' tagħrif xjentifiku li juri li l-użu tiegħu m'għandux impatt negattiv fuq ir-riżorsi.";

2. fl-Artikolu 3, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. L-użu ta'apparat tas-sajd taħt il-kondizzjonijiet tat-tieni sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 mhux permess, bl-eċċezzjoni tas-sajd li jsir bil-"gangui"., sakemm l-Istat Membru involut ma jkunx daħħal miżuri li jiżguraw li għal dan is-sajd:

- il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 mhix f'periklu,

- is-sajd ma jfixkilx l-attivitajiet ta' bastimenti li jużaw apparat ieħor mhux karkaruni, seines jew xbieki simili rmunkati,

- is-sajd hu ristrett għal speċi speċifiċi li mhumiex soġġetti għal daqs ta' ħatt minimu skond l-Artikolu 8,

- is-sajd hu ristrett b'mod li l-qbid ta' speċi msemmija fl-Anness IV ikun minimu,

- il-bastimenti huma soġġetti għal permessi speċjali tas-sajd maħruġa skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta' Ġunju 1994 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar permessi ta' sajd speċjali [4]

Dawn il-miżuri għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2000.".

3. fl-Artikolu 6(1), id-data "31 ta' Mejju 2000" għandha tinbidel b' "31 ta' Diċembru 2002";

4. fl-Artikolu 6, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. L-użu ta' apparat tas-sajd taħt il-kondizzjonijiet tat-tieni sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 mhux permess sakemm l-Istat Membru involut ma jkunx daħħal miżuri li jiżguraw li għal dan is-sajd:

- is-sajd hu ristrett għal speċi speċifiċi li mhumiex soġġetti għal daqs ta' ħatt minimu skond l-Artikolu 8,

- is-sajd hu ristrett b'mod li l-qbid ta'speċi msemmija fl-Anness IV ikun minimu,

- il-bastimenti huma soġġetti għal permessi speċjali tas-sajd maħruġa skond ir-Regolament (KE) Nru 1627/94.

Dawn il-miżuri għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2000."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil — Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2000

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Novembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU L 171, tas-6.7.1994, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 812/2000 (ĠU L 100, ta' l-20.4.2000, p. 3).

[2] ĠU L 167, tat-2.7.1999, p. 7.

[3] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1181/98 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, p. 1).

[4] ĠU L 171, tas-6.7.1994, p. 7.

--------------------------------------------------