|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3919 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Estonja
(C/2026/3919)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tal-Estonja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lill-Estonija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Estonja. Dan evalwa l-progress li għamlet l-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-RRP mill-Estonja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Estonja. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamlet l-Estonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Estonja (4). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 7,1 % fl-2025, 5,1 % fl-2026, 3,6 % fl-2027, u 3,2 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 9,2 % fl-2025, 14,8 % fl-2026, 18,9 % fl-2027 u 22,6 % fl-2028. |
|
(7) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (5) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Estonja, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Estonja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (6). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lill-Estonja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b'mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(8) |
Fit-30 ta' April 2026, l-Estonja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (7) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Estonja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,6 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 4,8 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 1,6 % fl-2026 u 1,7 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 4,4 % fl-2026 u 2,9 % fl-2027. |
|
(10) |
Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (8), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja żdied minn 1,1 % tal-PDG fl-2024 għal 2,0 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment dinamika tan-nefqa aktar b'saħħitha, b'mod partikolari l-investiment pubbliku fuq proġetti infrastrutturali kbar, bħal Rail Baltica. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 4,5 % tal-PDG fl-2026 u 4,8 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fid-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment tnaqqis fid-dħul b'mod partikolari minħabba r-riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali (tranżizzjoni lejn sistema universali ta' eżenzjoni mit-taxxa) u żieda fin-nefqa prinċipalment minħabba l-infiq fid-difiża li jilħaq 5 % tal-PDG, u proġetti ta' investiment bħal Rail Baltica. Iż-żieda tad-defiċit fl-2027 tirrifletti prinċipalment dinamiki tad-dħul aktar batuti. |
|
(11) |
Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (9), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'0,5 % tal-PDG fl-2025. Hija pprojettata li tkun espansjonarja, bi 2,8 % tal-PDG fl-2026, u li tkun restrittiva, b'0,3 % tal-PDG fl-2027. |
|
(12) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (10), id-dejn tal-gvern estiż tal-Estonja żdied minn 23,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 24,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-gvern. Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 26,9 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 30,5 % sa tmiem l-2027. Iż-żidiet fl-2026 u l-2027 jirriflettu prinċipalment defiċits baġitarji għoljin u sostnuti u aġġustamenti pożittivi bejn l-istokk u l-flussi fl-2027. |
|
(13) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat, in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fl-Estonja ammontat għal 4,2 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 2,1 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 5,0 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 3,0 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (11). |
|
(14) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, l-Estonja adottat miżura ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (12). Jiġifieri, ipposponiet iż-żidiet fir-rata tat-taxxa tas-sisa fuq il-fjuwil u l-elettriku mill-2026 għall-2027. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' din il-miżura huwa pprojettat li jammonta għal madwar 0,1 % tal-PDG fl-2026. |
|
(15) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Estonja kibret bi 2,0 % fl-2025 u b'5,7 % b'mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(16) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Estonja hija pprojettata li tikber bi 12,0 % fl-2026, u bi 18,4 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 2,8 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv projettata tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,5 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża. |
|
(17) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE (13). Dak ir-rapport evalwa s-sitwazzjoni tal-Estonja fid-dawl tal-kriterju tad-defiċit, billi fl-2026 id-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha kif xieraq, il-kriterju tad-defiċit mhuwiex imħares mill-Estonja. Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ma hemmx każ biex tinfetaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Estonja, peress li l-Kunsill attiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għall-Estonja u d-defiċit ipprojettat lil hinn mill-valur referenzjarju fl-2026 huwa spjegat bis-sħiħ miż-żieda fin-nefqa fid-difiża mill-2021 'l hawn, abbażi tat-Tbassir tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2026. Fid-dawl ta' dan u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni ma pproponietx li tinfetaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv. |
|
(18) |
Minħabba ħtiġijiet akbar ta' sigurtà, l-infiq għad-difiża qed jiżdied fl-Estonja. Żdied minn 2 % tal-PDG fl-2021 għal 4,2 % fl-2025 u huwa mistenni li jaqbeż il-5 % tal-PDG mill-2026. Għalhekk, huwa importanti li l-Estonja ssib sorsi stabbli ta' dħul jew strumenti li jnaqqsu n-nefqa, li jsostnu mhux biss l-infiq fid-difiża imma kull bżonn ta' nfiq strutturali, inklużi l-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, fuq terminu medju sa twil. |
|
(19) |
Id-dħul mit-taxxa tal-gvern estiż għadu erba' punti perċentwali taħt il-medja tal-UE, b'35,2 % tal-PDG fl-2024, meta mqabbel ma' 39,4 % fl-UE. Mill-2024, ġew introdotti diversi miżuri biex jiżdied id-dħul: ir-rata tal-VAT żdiedet darbtejn, u laħqet 24 % fl-2025; ir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiv żdiedu għal 22 %; id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol, it-tabakk u l-enerġija huma mistennija li jiżdiedu kull sena sal-2027/28; u fl-2025 ġiet introdotta taxxa ġdida fuq il-vetturi bil-mutur. Filwaqt li dawn ir-riformi jnaqqsu d-diskrepanza fid-dħul mal-medja tal-UE, huma jkomplu jżidu d-dipendenza fuq it-taxxi fuq ix-xogħol u fuq il-konsum, li diġà huma ogħla mill-medja tal-UE bħala sehem mill-PDG. Dawn jirriskjaw ukoll li jpoġġu piż sproporzjonat fuq gruppi b'introjtu aktar baxx u jaggravaw l-inugwaljanza fl-introjtu. Ikun ta' benefiċċju li titwessa' l-bażi tat-taxxa permezz ta' taxxi li jagħmlu inqas ħsara lit-tkabbir. Pereżempju, billi tiġi sfruttata t-tassazzjoni fuq il-proprjetà, li għadha mhux utilizzata biżżejjed. Id-dħul mit-tassazzjoni fuq il-proprjetà fl-2024 ammonta għal 0,3 % biss tal-PDG, ferm taħt il-medja tal-UE ta' 1,8 %, li jirrifletti l-enfasi tal-Estonja fuq it-tassazzjoni tal-art aktar milli tal-proprjetà. L-introduzzjoni gradwali ta' taxxa fuq proprjetà residenzjali vakanti twessa' l-bażi tat-taxxa filwaqt li tnaqqas in-nuqqas ta' akkomodazzjoni. L-Estonja għamlet sforzi notevoli biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq fil-qafas tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni. Madankollu, ir-rabta bejn ir-rieżamijiet tal-infiq, it-titjib fl-effiċjenza u r-riallokazzjoni tar-riżorsi tista' tittejjeb. It-tisħiħ tagħha jkun jeħtieġ rieżamijiet aktar frekwenti u l-iżgurar li l-iffrankar li jirriżulta jiġi rifless b'mod ċar fil-baġit u jiġi dirett lejn oqsma ta' prijorità. |
|
(20) |
L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(21) |
Fl-Estonja, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. L-Estonja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar tisħiħ, inklużi dawk relatati ma' disparitajiet territorjali persistenti, diversifikazzjoni ekonomika u tranżizzjoni ġusta. Filwaqt li hemm xejriet ġeneralment tajbin, l-implimentazzjoni effettiva għadha qed tbati mid-disponibbiltà u l-użu limitati tad-data reġjonali. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Estonja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (14), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(22) |
Id-disparitajiet reġjonali persistenti jfixklu l-konverġenza u t-tkabbir fl-Estonja. L-attività ekonomika, is-servizzi pubbliċi ta' valur għoli u l-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati huma kkonċentrati madwar ir-reġjun kapitali. Ir-reġjuni remoti u rurali qed jiltaqgħu ma' sfidi strutturali marbuta ma' popolazzjoni skarsa, tnaqqis demografiku, kwistjonijiet ta' konnettività u aċċess għal servizzi pubbliċi bażiċi. Bħala pajjiż fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, l-Estonja qed tiffaċċa sfidi addizzjonali li jxekklu l-prospetti tagħha għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali peress li l-isfidi strutturali eżistenti huma aggravati. Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna żżid il-pressjoni fuq is-sigurtà, tfixkel l-attività ekonomika transfruntiera u tnaqqas l-attraenza tal-investiment u tkompli tillimita l-aċċess għall-finanzjament. It-tħassib dwar is-sigurtà tan-nies u tal-infrastruttura kritika jirrikjedi investimenti fil-protezzjoni ċivili, il-preparatezza u l-mobbiltà militari, li jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-ekonomiji tar-reġjuni, filwaqt li jżidu aktar pressjoni fuq il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi. L-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika u t-tisħiħ tar-reżiljenza tar-reġjun huma partikolarment importanti fil-kontea ta' Ida-Viru, li għaddejja minn trasformazzjoni industrijali, ekonomika u soċjali kbira hekk kif l-industrija bbażata fuq l-iskist keroġenuż qed tispiċċa bil-mod. |
|
(23) |
L-Estonja qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċess għal finanzjament, l-effiċjenza enerġetika fil-bini, l-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà tal-enerġija, it-trasport sostenibbli, il-provvista tal-ħaddiema u tal-ħiliet u l-protezzjoni soċjali. |
|
(24) |
Għalkemm il-prestazzjoni ġenerali tal-innovazzjoni tal-Estonja tjiebet b'mod kostanti mill-2017, l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) tan-negozji bħala sehem tal-PDG għadu taħt il-medja tal-UE. Fl-istess ħin, l-appoġġ għar-R&Ż tan-negozji żdied b'mod sinifikanti, b'appoġġ pubbliku dirett li laħaq 0,15 % tal-PDG fl-2023, ogħla mill-medja tal-UE. Dan jinkludi inizjattivi ġodda bħaċ-ċentru nazzjonali tar-riċerka applikata, il-programm TemTA għar-riċerka applikata u l-iżvilupp tat-teknoloġija, inċentivi bbażati fuq il-prestazzjoni għall-kollaborazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozji, u miżuri biex jissaħħu l-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment tat-teknoloġija. Madankollu, il-privattivi naqsu u l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u n-negozji għadha limitata, li jindika li l-investiment pubbliku fir-R&I għadu mhuwiex ingranat biżżejjed. Il-frammentazzjoni bejn l-appoġġ għall-innovazzjoni u inizjattivi ta' appoġġ usa' għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) tnaqqas l-effettività tal-politika u ddgħajjef l-applikazzjoni tar-riċerka f'output tas-suq. Jekk dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati, inkluż billi jiġu żgurati oqfsa ta' appoġġ aktar integrati u investiment sostnut fir-riċerka applikata u f'oqsma b'impatt għoli bħall-intelliġenza artifiċjali, dan jista' jsaħħaħ il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni. |
|
(25) |
Id-disponibbiltà tal-finanzjament hija ostaklu kbir għall-investiment għal 19 % tal-kumpaniji fl-Estonja, u s-sehem ta' ditti b'limitazzjonijiet ta' finanzjament huwa ogħla b'mod sinifikanti mill-medja tal-UE. In-negozji Estonjani jiddependu ħafna fuq il-finanzjament intern, li jirrifletti karatteristiċi strutturali bħas-sistema fiskali, il-prevalenza tal-SMEs u bażi modesta ta' investituri istituzzjonali. Lakuni persistenti fl-aċċess tal-SMEs għal finanzjament għadhom qed iżommu lura l-innovazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka u l-adozzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fir-riżorsi. Għalkemm l-integrazzjoni tal-infrastruttura tas-suq kapitali tal-Baltiku mill-2017 u l-appoġġ minn istituzzjonijiet nazzjonali u supranazzjonali kkontribwew għall-iżvilupp tas-suq kapitali, tal-ekwità privata u tal-kapital ta' riskju, għad hemm restrizzjonijiet ta' finanzjament, aggravati mir-riforma tal-pensjonijiet tal-2021, li naqqset id-daqs tas-swieq kapitali domestiċi u l-investiment istituzzjonali. Għalkemm strumenti bħar-reġim tal-kont tal-investiment, skemi ta' garanzija mmirati, u ftehimiet ġodda ta' finanzjament, b'mod partikolari mal-Fond Ewropew tal-Investiment, espandew l-aċċess għall-finanzjament, id-domanda għadha ogħla mill-provvista, kif muri mis-sottoskrizzjoni żejda rapida ta' sejħiet ta' appoġġ reġjonali. It-titjib tal-aċċess għal finanzjament, speċjalment għall-SMEs barra miċ-ċentri urbani ewlenin, inkluż permezz ta' garanziji mmirati u qafas aktar integrat ta' appoġġ għall-innovazzjoni u n-negozju, jgħin biex jimmobilizza l-investiment, jappoġġa l-espansjoni, u jaċċellera l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(26) |
Il-bini huwa responsabbli għal 46,1 % tal-użu tal-enerġija fil-pajjiż, b'titjib fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur residenzjali li waqaf fl-Estonja bejn l-2019 u l-2024. Effiċjenza enerġetika baxxa tal-istokk tad-djar tirriżulta f'kostijiet tat-tisħin li jikkunsmaw sehem għoli mill-introjtu disponibbli, li jaffettwa lill-gruppi vulnerabbli b'mod partikolarment iebes. Żieda fid-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji minbarra l-iskemi ta' appoġġ eżistenti bbażati fuq għotjiet tista' tavvanza d-dekarbonizzazzjoni u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni permezz ta' kostijiet tat-tisħin aktar baxxi f'abitazzjonijiet rinnovati. L-istabbiliment ta' triq ċara lejn stokk tal-bini dekarbonizzat u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ser jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-ħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima u biex tiżdied ir-reżiljenza ġenerali għall-kriżijiet. |
|
(27) |
It-taħlita tal-enerġija tal-Estonja nbidlet b'mod partikolari lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u żdiedet minn 35 % fl-2023 għal 40 % fl-2024. Madankollu, għalkemm is-sehem tiegħu fit-taħlita tal-enerġija naqas minn 30 % fl-2023 għal 25 % fl-2024, l-iskist keroġenuż miksub domestikament jibqa' s-sors ewlieni tal-enerġija tal-Estonja, u dan ixekkel it-tranżizzjoni ekoloġika. Għalkemm il-prezzijiet ta' binhar naqsu f'dawn l-aħħar snin minħabba ż-żieda fil-penetrazzjoni tal-enerġija solari fit-taħlita tal-elettriku (67,9 % tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni netta tal-elettriku fl-2025, waħda mill-ogħla fl-UE), l-Estonja għadha vulnerabbli għal żidiet qawwija fil-prezzijiet matul perjodi ta' domanda għolja. Filwaqt li l-grilja tal-elettriku tal-Estonja ġiet sinkronizzata b'suċċess mal-grilja tal-UE fi Frar 2025, għad iridu jitlestew proġetti oħra ta' sinkronizzazzjoni, b'mod partikolari mal-Latvja u mal-Finlandja, biex jappoġġaw it-tranżizzjoni u jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija. Għalkemm l-ewwel sistema fuq skala kbira tal-Estonja ta' ħżin tal-enerġija fil-batteriji bdiet topera fl-2025, il-kostruzzjoni ta' aktar sistemi bħal dawn hija essenzjali biex tiżdied il-flessibbiltà tal-enerġija tal-pajjiż. Irid ikompli wkoll ix-xogħol biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija kritika b'mod partikolari rigward iċ-ċibersigurtà u s-sorveljanza tal-infrastruttura. |
|
(28) |
Il-produttività tar-riżorsi fl-Estonja hija mrażżna mill-prominenza tal-industriji intensivi fir-riżorsi u d-dipendenza konsiderevoli fuq l-iskist keroġenuż (52,5 % tal-enerġija grossa disponibbli fl-Estonja fl-2023). Fl-2024, l-Estonja ġġenerat EUR 1,15/kg ta' materjal meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' EUR 2,99. F'termini ta' produttività tar-riżorsi mkejla bħala prodott domestiku gross (PDG) fuq il-konsum tal-materjal domestiku (DMC), l-Estonja għadha fost dawk bl-agħar prestazzjoni fl-UE u turi xejra li sejra kemxejn għall-agħar - il-valur tal-indiċi fl-2023 kien ta' 127,7 u 124,7 fl-2024. Biex tagħti spinta lill-produttività tar-riżorsi, l-Estonja jeħtieġ li titbiegħed mill-iskist keroġenuż, tkompli tappoġġa l-innovazzjoni b'bażi bijoloġika biex ir-riżorsi jinbidlu f'applikazzjonijiet ta' valur ogħla kif ukoll l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fir-riżorsi u ttejjeb iċ-ċirkolarità, li teħtieġ investiment sostanzjali. |
|
(29) |
Is-settur tat-trasport tal-Estonja għadu emittent kbir ta' gassijiet serra. It-trasport bit-triq huwa responsabbli għal 48 % tal-emissjonijiet tal-qsim tal-isforzi tal-Estonja fl-2024, wara li żdied b'27 % mill-2005. Dan minħabba li l-Estonja għandha flotta ta' karozzi li hija l-eqdem fl-UE kif ukoll rata ta' sjieda tal-karozzi ogħla mill-medja tal-UE. Biex tindirizza dan u timplimenta l-Pjan ta' Żvilupp tat-Trasport u tal-Mobbiltà 2021–2035 tagħha stess, l-Estonja trid timplimenta miżuri biex tħeġġeġ it-tranżizzjoni lejn l-użu ta' trasport pubbliku sostenibbli. Għalhekk huwa essenzjali appoġġ għat-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet integrati u t-titjib tal-konnessjoni u s-servizzi multimodali għall-passiġġieri, kif inhi wkoll l-elettrifikazzjoni ferrovjarja ulterjuri u t-tlestija ta' Rail Baltica. L-infrastruttura tat-trasport tal-Estonja hija vulnerabbli għall-impatt tat-tibdil fil-klima; dan għandu jitqies fl-ippjanar ta' investimenti ġodda fis-settur. |
|
(30) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Estonja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(31) |
L-Estonja tkompli tiffaċċa sfidi fit-tisħiħ tal-provvista tal-ħiliet tagħha u fit-titjib tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. It-tluq bikri mill-iskola (aktar minn 10 % fl-2025) ikompli jkun ta' piż fuq il-livell edukattiv milħuq, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ (aktar minn 20 % fl-2025) u sehem għoli ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (11,2 % fl-2025) jindikaw diffikultajiet persistenti fit-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol. Il-grupp ta' età ta' bejn it-18 u l-24 sena huwa partikolarment espost għall-faqar fost dawk li jaħdmu. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni għolja għandhom rwol importanti fit-titjib tal-ħiliet f'setturi li qed jikbru b'domanda għolja għall-ħaddiema. Madankollu, inġenerali, il-VET għadhom mhumiex attraenti biżżejjed, filwaqt li l-edukazzjoni għolja qed tiffaċċa nuqqas ta' gradwati f'oqsma ewlenin bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Id-disparitajiet kbar fl-aċċess għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, skont l-età, l-isfond soċjoekonomiku u l-livell tal-edukazzjoni, ikomplu jillimitaw il-bażi tal-ħiliet, b'mod partikolari fir-reġjuni li għaddejjin mit-tranżizzjoni lejn attivitajiet b'valur miżjud ogħla. L-iskejjel dejjem qed jiltaqgħu ma' bżonnijiet diversi tal-istudenti, inkluż domanda dejjem akbar għal appoġġ addizzjonali għall-apprendiment, filwaqt li nuqqas sinifikanti ta' għalliema, speċjalment fis-suġġetti STEM u bl-Estonjan bħala t-tieni lingwa, joħloq riskji għall-kwalità tal-edukazzjoni u huwa partikolarment sever fiż-żoni rurali. Għalkemm il-ħiliet diġitali huma ġeneralment fl-istess livell bħall-medja fl-UE, l-Estonja għadha ma laħqitx il-mira tal-UE ta' 80 %, u ħafna ħaddiema għad ma għandhomx ħiliet adegwati fl-ICT u fis-software, filwaqt li d-domanda għall-IA u l-kompetenzi diġitali hija mistennija li tiżdied. Il-ħiliet rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika għadhom skarsi wkoll peress li għadu kmieni wisq biex wieħed jara l-impatt ta' miżuri reċenti, inklużi dawk appoġġati permezz tal-RRF. It-tisħiħ tat-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol, l-espansjoni ta' inizjattivi mmirati għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid (inkluż il-ħidma biex jintlaħqu l-adulti b'livell baxx ta' ħiliet u l-adulti akbar fl-età), u l-appoġġ għall-integrazzjoni bikrija fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ jistgħu jtejbu l-eżiti tal-impjiegi. Il-kopertura tan-negozjar kollettiv u d-densità tat-trade unions huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea, u d-djalogu soċjali tripartitiku ddgħajjef fl-aħħar snin. It-tisħiħ tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv, inkluż permezz ta' involviment tripartitiku, jista' jgħin biex jindirizza dawn l-isfidi. |
|
(32) |
In-nefqa soċjali baxxa u l-lakuni fil-kopertura tal-protezzjoni soċjali jikkontribwixxu għal riskji għoljin ta' faqar għall-gruppi vulnerabbli. L-appoġġ għall-introjtu minimu għadu relattivament baxx, filwaqt li n-nefqa ġenerali fuq il-benefiċċji soċjali għadha taħt il-medja tal-UE (17,8 % tal-PDG fl-2024, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 27,3 %), u dan jillimita l-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar. Il-persuni b'diżabilità, inklużi dawk f'impjieg, jiffaċċjaw riskji ta' faqar sostanzjalment ogħla mill-popolazzjoni ġenerali (popolazzjoni fl-età tax-xogħol b'diżabilità ta' 32,5 %, meta mqabbla ma' 15 % għall-persuni mingħajr diżabilità), li parzjalment jirriflettu benefiċċji tad-diżabilità relattivament baxxi. L-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed huma wkoll partikolarment esposti għall-pressjonijiet tal-faqar u tal-kostijiet tal-akkomodazzjoni. Stokk limitat ta' akkomodazzjoni soċjali u sfidi ta' affordabbiltà tal-akkomodazzjonijiet ikomplu jaggravaw ir-riskji tal-faqar, speċjalment fost il-gruppi vulnerabbli. Filwaqt li l-politika tal-akkomodazzjoni ppjanata tal-Estonja għall-2025-2035 hija pass pożittiv, l-implimentazzjoni tagħha jenħtieġ li tiġi mmonitorjata biex jiġi vvalutat l-impatt tagħha fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. Ir-riformi tas-sistema tal-introjtu minimu għandhom l-għan li jtejbu l-adegwatezza u l-effiċjenza tal-benefiċċji ta' sussistenza, iżda billi dawn ir-riformi għadhom fi stadju bikri, l-impatt tagħhom għad irid jidher. Minkejja r-riformi reċenti, l-adegwatezza tal-pensjonijiet fl-Estonja għadha sfida, u r-riskju ta' faqar fost il-persuni akbar fl-età għadu fost l-ogħla fl-UE. Ir-riskju huwa partikolarment għoli għan-nisa u għall-persuni akbar fl-età li jgħixu waħedhom, b'dawn tal-aħħar jirreġistraw l-ogħla riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE. Dan huwa marbut mal-istennija tal-għomor itwal, max-xejriet ta' kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi u mal-kopertura limitata tal-pensjoni tas-superstiti, li jirriżultaw f'ħafna nisa akbar fl-età li jgħixu waħedhom bi dħul relattivament baxx. It-tisħiħ tal-adegwatezza tal-benefiċċji u aċċess akbar għall-protezzjoni soċjali, kif ukoll it-titjib tal-parteċipazzjoni f'pilastri tal-pensjoni addizzjonali jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-faqar. |
|
(33) |
L-Estonja għadha qed tiffaċċa sfidi rigward l-aċċess u l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, partikolarment f'reġjuni barra miż-żoni urbani ewlenin u fost gruppi vulnerabbli. Filwaqt li l-Estonja wettqet riformi u investimenti biex tindirizza n-nuqqas ta' forza tax-xogħol tas-saħħa, biex issaħħaħ il-kura primarja u n-network tal-isptarijiet kif ukoll biex tippromwovi l-integrazzjoni tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi soċjali, l-aċċess għadu sfida. In-nefqa pubblika fuq is-saħħa u l-kura fit-tul hija ferm taħt il-medja tal-UE, li jwassal għal ħtiġijiet sinifikanti mhux issodisfati, ħlasijiet għoljin mill-but u disponibbiltà limitata ta' servizzi tal-kura fit-tul, b'mod partikolari l-kura fid-dar, li jwassal għal dipendenza kontinwa fuq il-kura informali, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi b'introjtu aktar baxx u jżid ir-riskju tal-faqar fost dawk li jeħtieġu l-kura. Minkejja l-linji gwida dwar il-kwalità, l-aċċess għas-servizzi soċjali jvarja b'mod konsiderevoli bejn il-muniċipalitajiet, u listi ta' stennija itwal qed ikomplu joħolqu pressjoni. Għad hemm inugwaljanzi sinifikanti fl-istennija tal-għomor u fis-snin ta' ħajja fi stat tajjeb ta' saħħa fl-Estonja, marbuta mill-qrib mal-istatus soċjoekonomiku, l-edukazzjoni, l-introjtu u l-post ta' residenza. Il-mudell attwali tal-assigurazzjoni tas-saħħa soċjali mhuwiex finanzjarjament sostenibbli fit-tul, peress li n-nefqa hija pprojettata li tikber b'rata aktar mgħaġġla mid-dħul minħabba t-tixjiħ, iż-żieda fid-domanda u l-bidliet fis-suq tax-xogħol. Jibqa' kruċjali li jkomplu jiġu implimentati riformi biex jiġu integrati aħjar il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, tingħata prijorità lill-prevenzjoni u jiġi żgurat finanzjament sostenibbli, biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' forza tax-xogħol u jitnaqqsu d-disparitajiet fl-aċċess u l-affordabbiltà. |
|
(34) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Estonja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjonijiet (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:
|
1. |
Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ il-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll tadatta gradwalment il-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tiżgura finanzjament sostenibbli għall-ħtiġijiet ta' nfiq, inkluża d-difiża, billi twessa' l-bażi tat-taxxa, tisfrutta t-taxxi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, inkluża t-tassazzjoni fuq il-proprjetà, u tidderieġi l-infiq lejn oqsma prijoritarji fuq il-bażi ta' rieżamijiet tal-infiq pubbliku. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. Tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi, tas-sigurtà u tal-preparatezza ċivili uniċi li jaffettwaw lir-reġjuni fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, inkluż il-ħtieġa li jsir investiment f'infrastruttura b'użu doppju. |
|
3. |
Tisfrutta aħjar l-investiment pubbliku fir-R&I u tindirizza ostakli għall-kummerċjalizzazzjoni tar-R&I. Ittejjeb l-aċċess għal finanzjament, inkluż għall-iskalar, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u kumpaniji li jinsabu barra miż-żoni urbani ewlenin, inkluż billi tintegra l-oqfsa ta' għajnuna għall-innovazzjoni u għan-negozji. |
|
4. |
Tkompli tinvesti f'rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji, biex tnaqqas id-domanda għall-enerġija u ttejjeb l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u s-sehem tal-iskist keroġenuż fit-taħlita tal-enerġija billi tinvesti fl-enerġija rinnovabbli u billi tippromwovi l-ħżin tal-enerġija. Iżżid is-sigurtà tal-enerġija u r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu, pereżempju billi tiżgura l-kapaċità suffiċjenti tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku u billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-grilja. Iżżid l-użu ta' trasport sostenibbli u li jniġġes inqas, billi tagħti spinta lit-tlestija ta' Rail Baltica, u billi tiffaċilita l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport pubbliku. Iżżid il-produttività tar-riżorsi billi tappoġġa l-adozzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fir-riżorsi. |
|
5. |
Ittejjeb il-ħiliet billi tespandi l-opportunitajiet għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet u anzjani u ssaħħaħ l-edukazzjoni STEM fil-livelli kollha. Tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola billi tindirizza n-nuqqas ta' għalliema u tappoġġa lill-istudenti bi bżonnijiet speċjali. Ittejjeb l-impjieg taż-żgħażagħ permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol aktar effettivi, filwaqt li tindirizza b'mod speċjali d-disparitajiet reġjonali. Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali biex jonqos ir-riskju tal-faqar fost il-gruppi vulnerabbli billi ttejjeb l-adegwatezza u l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji. Ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, inkluż l-indirizzar tad-disparitajiet reġjonali, billi tiżgura l-finanzjament. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Estonja (ĠU C/2025/655, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/655/oj).
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Estonja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3964, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3964/oj).
(7) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(8) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.
(9) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) l-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(10) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2026.
(11) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(12) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(13) Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 3.6.2026, COM(2026) 302 final.
(14) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3919/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)