31987R1638



Official Journal L 153 , 13/06/1987 P. 0007 - 0007
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0021
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0021


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1638/87

tad-9 ta' Ġunju 1987

li jistabbilixxi d-daqs minimu tat-toqob ta' gangmi pelaġiċi użati fis-sajd ta' msell ikħal f'dik il-parti taż-żona koperta bil-Konvenzjoni ta' Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal li testendi 'l hinn mill-ibħra marittimi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità għall-konversjoni u l-immaniġġar tar-riżorsi tas-sajd [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 170/83, il-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-miri mniżżla fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament għandhom jiġu formulati mill-Kunsill fid-dawl tal-parir xjentifiku disponibbli;

Billi l-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Konvenzjoni", ġiet approvata bid-Deċiżjoni 81/608/KEE [2]; billi daħħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982;

Billi l-Kummissjoni mwaqqfa taħt il-Konvenzjoni addottat, fl-20 ta' Novembru 1986, kull rakkomandazzjoni għad-daqs minimu tat-toqob ta' gangmi pelagiċi użati fis-sajd għall-imsell ikħal f'dik il-parti taż-żona tal-Konvenzjoni li testendi 'l hinn miż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti, u din ir-rakkomandazzjoni saret torbot fuq il-Komunità mis-7 ta' Frar 1987;

Billi l-Komunità għandha issa tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità ma' dik ir-rakkomandazzjoni mill-bastimenti tal-Komunità,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

L-Artikolu 1

1. Bastimenti li jtajru l-bandiera ta' kull Stat Membru jew li huma rreġistrat f' kull Stat Membru huma b'dan projbiti milli jużaw gangmi pelagiċi b'daqs tat-toqob anqas minn 35 millimetres meta jistadu għall-insell ikħal f'dik il-parti taż-żona tal-Konvenzjoni li testendi 'l hinn mill-ibħra li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni.

Iż-żona koperta bil-Konvenzjoni hija definita fl-Anness li jinsab mar-Regolament (KEE) Nru 1899/85 [3].

2. Kull bastiment għandu jitqies li jkun qiegħed jistad għall-imsell ikħal jekk ikollu abbord kwantità ta' msell ikħal li tkun teċċedi 50 % tal-piż tal-kwantità totali ta' msell ikħal u speċi oħra abbord.

Kull gangmu pelagiku qiegħed b'dan jiġi definit bħala xibka rmunkata maħsuba biex taqbad speċi ta' ħut li jkun jinsab fi kwantità f'livelli ta' nofs ilma, inkluż l-ilmijiet viċin il-wiċċ.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta' Ġunju 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

H. De Croo

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1.

[2] ĠU L 227, tat-12.8.1981, p. 21.

[3] ĠU L 179, tal-11.7.1985, p. 2.

--------------------------------------------------