|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/178 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1561 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima X — Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0063/2021), |
|
A. |
billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma responsabbli lejn iċ-ċittadini Ewropej għall-użu tal-fondi pubbliċi filwaqt li jiżguraw l-akbar trasparenza sabiex jiġi żgurat kontroll demokratiku effettiv; |
|
B. |
billi l-komunikazzjoni strateġika tal-Unjoni qed issir prijorità għolja fuq l-aġenda Ewropea, li teħtieġ li l-Unjoni tipprovdi narrattivi oġġettivi u robusti fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u biex tiġi żgurata reżiljenza akbar tal-Unjoni; |
|
C. |
billi jeħtieġ li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkunu riflessi fis-sistemi organizzattivi u ta' ġestjoni interni tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, kif ukoll fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki fil-mandat tagħhom; |
L-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
|
1. |
Jinnota, b'sodisfazzjoni, li skont l-osservazzjonijiet tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri (tal-"Qorti") relatat mal-Kapitolu 9 ''Amministrazzjoni – intestatura 5 tal-QFP'', ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni speċifika fil-kampjun ta' tranżazzjonijiet li jikkonċernaw is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għat-tielet sena konsekuttiva u ma ġie identifikat l-ebda livell materjali ta' żball fir-rapport tal-attività annwali tas-SEAE; |
|
2. |
Jinnota l-osservazzjonijiet ġenerali tal-Qorti dwar iż-żieda fl-għadd ta' persunal kuntrattwali u l-approprjazzjonijiet baġitarji relatati mill-2012 sal-2018; josserva li, għas-SEAE, din iż-żieda kienet dovuta għal kompiti ġodda li jirriflettu t-tqegħid ta' responsabbiltajiet operattivi u politiċi fuq is-SEAE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni kontra d-diżinformazzjoni kif ukoll il-prijorità urġenti tat-tisħiġ tas-sigurtà fiżika u tal-IT fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; josserva, fir-rigward tas-SEAE, żieda ġenerali fil-persunal kuntrattwali minn 322 sa 444 (jiġifieri tkabbir ta' 38 %); jappoġġa l-isforzi tas-SEAE biex isaħħaħ l-amministrazzjoni tiegħu u jitlob lis-SEAE jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar ir-riżultati u l-impatt taż-żieda fl-għadd ta' persunal kuntrattwali; iħeġġeġ lis-SEAE joħloq u jikkondividi linji gwida dwar l-aħjar prattiki dwar it-twettiq tal-proċeduri ta' reklutaġġ sabiex jiġu żgurati l-ftuħ, il-ġustizzja u t-trasparenza; |
|
3. |
Jistieden lill-Qorti tesplora l-modi kif tipprovdi aktar informazzjoni dwar in-nefqa amministrattiva ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni fil-kuntest tal-kwittanza; |
|
4. |
Itenni li l-approċċ ġenerali tal-awditjar jistħoqqlu aktar ħidma ta' awditjar u valutazzjoni mmirata ulterjuri; jirrepeti s-sejħa tiegħu għal rieżami aktar dedikat tal-infiq amministrattiv u l-attivitajiet ta' appoġġ tas-SEAE u speċifikament dwar suġġetti li qed isiru ta' rilevanza akbar jew saħansitra kritiċi għas-SEAE, bħal kapaċità ta' komunikazzjoni strateġika u t-teknoloġija tal-informazzjoni (eż. iċ-ċibersigurtà), il-prestazzjoni tal-pakkett globali ta' sigurtà għad-Delegazzjonijiet, l-infrastrutturi jew il-ġestjoni finanzjarja u l-appoġġ amministrattiv tal-pjattaforma ta' sostenn għall-missjonijiet għall-politika ċivili ta' sigurtà u ta' difiża komuni; |
Riżorsi umani
|
5. |
Jinnota l-instabbiltà dejjem tikber u ż-żieda ta' sfidi bla preċedent fix-xena internazzjonali, fatti li enfasizzaw il-ħtieġa biex l-Unjoni taġixxi bħala attur globali; jenfasizza r-rwol ċentrali tas-SEAE fit-twettiq tal-politika esterna tal-Unjoni; jinnota li r-rwol imsaħħaħ tas-SEAE ma ġiex mirfud minn żieda korrispondenti ta' persunal; jappella biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed riżorsi umani sabiex l-effikaċja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali ma titpoġġiex f'riskju; |
|
6. |
Jinnota li s-SEAE għandu rwol kruċjali biex jiżgura l-koerenza tal-politika barranija tal-Unjoni; jenfasizza wkoll il-bżonn biex jiġu fornuti r-riżorsi meħtieġa għal implimentazzjoni b'suċċess ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni effiċjenti għall-Unjoni; |
|
7. |
Jistieden lis-SEAE jsaħħaħ id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fis-Sħubija tal-Lvant u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u joħloq postijiet tax-xogħol għal aġenti lokali, responsabbli għar-rappurtar dwar il-ħidma leġiżlattiva sabiex jiżdied il-fehim tal-Unjoni dwar il-viċinat u l-approssimazzjoni tiegħu mal-acquis tal-Unjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' assistenza għal dawn il-pajjiżi biex ilestu r-riformi u jikkomunikaw il-politiki tal-Unjoni b'mod aktar effettiv liċ-ċittadini tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati rabtiet aktar orizzontali u titrawwem il-kooperazzjoni fost id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjuni tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti skambji regolari ta' informazzjoni u għarfien espert u metodi ta' ħidma oħra ta' suċċess, sabiex tingħata l-aħjar assistenza possibbli lill-pajjiżi ġirien involuti f'riformi favur id-demokrazija u l-Ewropa; jistieden lis-SEAE jieħu azzjoni biex isolvi l-problemi li jwasslu għal żbalji identifikati fil-qasam tal-akkwist u biex jipprevjeni l-ksur ta' regoli rilevanti fil-futur; |
|
8. |
Jinsab imħasseb dwar l-iżbilanċi ġeografiċi fil-kompożizzjoni tal-persunal tas-SEAE minħabba li hija kwistjoni rikorrenti u b'mod partikolari tikkonċerna l-pożizzjonijiet tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet, u fil-maniġment medju u għoli; jinnota disparitajiet konsiderevoli fir-rappreżentanza ta' pajjiżi b'daqsijiet ta' popolazzjoni komparabbli u bejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant; jisħaq li s-SEAE, bħall-istituzzjonijiet Ewropej kollha, irid jiżgura li l-Istati Membri kollha jkunu rrappreżentati b'mod proporzjonali filwaqt li fl-istess ħin jiġu rrispettati l-kompetenzi u l-merti tal-kandidati; iħeġġeġ lis-SEAE jtejjeb il-bilanċ ġeografiku sabiex ikun hemm rappreżentanza xierqa taċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha, li tirrifletti d-diversità tagħhom, kif indikat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali; jilqa' l-isforzi tas-SEAE biex jinforma lin-Network tar-Riżorsi Umani tal-Istati Membri tal-UE dwar il-kompożizzjoni tal-persunal, il-pubblikazzjoni tal-postijiet vakanti u l-promozzjoni tal-isforzi nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta' kandidati; jistieden lis-SEAE jirrapporta dwar id-distribuzzjoni tan-nazzjonalitajiet fil-kumitat tal-għażla responsabbli għar-reklutaġġ; jitlob lis-SEAE jipprovdi l-istatistika tal-membri tal-persunal skont in-nazzjonalità tagħhom għas-sena 2019; |
|
9. |
Josserva li l-għadd ta' esperti nazzjonali ssekondati ("SNEs") mill-Istati Membri beda jiżdied ftit wara sentejn ta' stabbilizzazzjoni, minn 449 fl-2017-2018 għal 461 fl-2019, filwaqt li jinnota evoluzzjoni lejn profili aktar speċjalizzati għall-SNEs ċivili; jinnota b'sodisfazzjon il-politika interna l-ġdida dwar l-SNEs adottata fl-2019 u d-diversi miżuri meħuda biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid is-sehem tal-SNE, minbarra li jiġi limitat il-ħolqien ta' karigi ġodda tal-SNE għal speċjalisti f'oqsma speċifiċi; |
|
10. |
Jilqa' l-isforzi li għamel is-SEAE fil-ħidma tiegħu fuq Pjan Direzzjonali dwar id-Diżabilità u l-iżvilupp tal-Politika tas-SEAE dwar id-Diżabilità, jitlob lis-SEAE jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżvilupp u l-eżekuzzjoni ta' dawn il-politiki u jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' ambjent tax-xogħol aktar inklużiv permezz ta' dawn il-politiki; |
|
11. |
Iħeġġeġ lis-SEAE jikkompleta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli eżistenti bi protezzjoni tad-dritt tal-membri tal-persunal għall-iskonnessjoni; |
Politika dwar il-ġeneru
|
12. |
Jinnota b'sodisfazzjon ix-xejra 'l fuq fir-rigward tal-proporzjon ta' nisa li jilħqu pożizzjonijiet maniġerjali bi 30,3 % (jew 81 pożizzjoni) meta mqabbla ma' 27,1 % fl-2018 u 24,5 % fl-2017; jinnota wkoll il-proporzjon li qed jiżdied ta' nisa stazzjonati bħala Kapijiet tad-Delegazzjoni minn 19.5 % fl-2015 għal 27.7 % fl-2019 (jew 38 stazzjonament minn 137); itenni l-appoġġ tiegħu lis-SEAE fit-tkomplija tal-isforzi tiegħu mal-Istati Membri biex jintroduċi aktar kandidati nisa; jinnota li b'mod ġenerali n-nisa rrappreżentaw 47.7 % tal-persunal tas-SEAE; ifakkar li l-bilanċ bejn il-ġeneri għandu jitqies ukoll fir-rigward tar-rappreżentanti speċjali tal-UE, fid-dawl tal-fatt li tnejn biss minn tmien rappreżentanti speċjali tal-UE huma nisa; |
|
13. |
Jistieden lis-SEAE jaħdem b'mod rapidu biex jilħaq l-għan ta' 50 % tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri u intermedju, kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III, inkluż permezz ta' kalendarju ċar u miżuri li jistabbilixxu meta u kif għandu jinkiseb dak l-objettiv; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jimplimenta l-impenji ddikjarati tiegħu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-rappreżentanza tan-nisa fis-servizz tiegħu stess; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
14. |
Jirrikonoxxi d-diffikultajiet operattivi li jiltaqa' magħhom is-SEAE fil-ġestjoni finanzjarja tan-Network tad-Delegazzjonijiet tal-UE minħabba diversi sitwazzjonijiet ta' kriżi; jirrikonoxxi li dawk is-sitwazzjonijiet jista' jkollhom impatt baġitarju sinifikanti, b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' ċerti nfiq u spejjeż amministrattivi bħal spejjeż ta' sigurtà u evakwazzjoni, u l-ispejjeż loġistiċi addizzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID-19; jitlob lis-SEAE biex minnufih jinforma lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-impatti baġitarji u l-ispejjeż imġarrba minħabba l-pandemija; |
|
15. |
Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2019 ammonta għal EUR 694,8 miljun (jiġifieri żieda ta' 2,4 % meta mqabbel mal-2018) bid-diviżjoni li ġejja: EUR 249,7 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 445,1 miljun għad-Delegazzjonijiet; |
|
16. |
Josserva li, għall-eżerċizzju baġitarju tas-SEAE tal-2019, ix-xejriet baġitarji ewlenin jikkonċernaw it-tisħiħ biex jiġi indirizzat l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, it-tisħiħ tan-networks tal-Uffiċjal għas-Sigurtà Reġjonali u tad-Delegazzjonijiet, persunal addizzjonali għall-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (EUMS) u d-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD), informazzjoni dwar il-kapaċità tal-IT u komunikazzjonijiet siguri; |
|
17. |
Josserva li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal madwar EUR 250 miljun li minnhom EUR 161,8 miljun (jiġifieri 64.8 %) ikkonċernaw il-ħlas tas-salarji u intitolamenti oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 32 miljun (3 %) kienu għall-bini u spejjeż assoċjati u EUR 35,3 miljun (14 %) relatati ma' sistemi tal-IT inklużi sistemi ta' informazzjoni klassifikata, tagħmir u għamara; |
|
18. |
Jinnota li l-baġit ta' EUR 445,1 miljun tad-Delegazzjonijiet ġie diviż bejn EUR 129,2 miljun (29 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 161,7 miljun (36,3 %) għall-bini u spejjeż assoċjati, EUR 71,6 miljun (16.1 %) għall-persunal estern u servizzi barranin, EUR 37,8 miljun (8.5 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 44,7 miljun (10 %) għal infiq amministrattiv ieħor; |
|
19. |
Jistieden lis-SEAE biex jiżgura li d-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Renju Unit ikollha status permanenti u stabbli li huwa konsistenti mat-Trattati u li tingħata r-riżorsi umani u materjali biex twettaq il-kompiti tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-konformità; |
|
20. |
Jinnota wkoll li kontribuzzjoni ta' EUR 215,8 miljun (meta mqabbla ma' EUR 196,4 miljun fl-2018) ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u nqasmet bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni b'EUR 49,6 miljun (b'mod simili għall-2018), il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi b'EUR 103,1 miljun (meta mqabbla ma' EUR 91,8 miljun fl-2018), u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u fondi fiduċjarji b'EUR 63,1 miljun (meta mqabbla ma’ 55 miljun fl-2018); |
|
21. |
Josserva li, fl-2019, l-ispejjeż ġenerali komuni tal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha (kera, sigurtà, tindif u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-FEŻ, ġew iffinanzjati kompletament mil-linji baġitarji tas-SEAE għar-raba' sena konsekuttiva; |
|
22. |
Jinnota b'apprezzament it-titjib ġenerali fl-implimentazzjoni tal-baġit tas-SEAE tal-2019 b'rata ta' implimentazzjoni ta' 99.94 % (meta mqabbel ma' 99.9 % fl-2018) u 87.9 % f'pagamenti (meta mqabbel ma' 84.8 % fl-2018); |
|
23. |
Jinnota li l-valur tat-trasferimenti kollha magħmula fi ħdan il-baġit amministrattiv tas-SEAE ammonta għal EUR 20,8 miljun (30,8 fl-2018), filwaqt li naqqas il-baġit tad-Delegazzjonijiet tas-SEAE b'EUR 1,6 miljun u żied il-baġit tal-Kwartieri Ġenerali b'ammont korrispondenti; |
|
24. |
Jirrikonoxxi li l-għadd ta' linji baġitarji użati biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet relatati mal-persunal tal-Kummissjoni fid-Delegazzjonijiet (34 linja differenti li joriġinaw f'diversi Intestaturi tal-baġit tal-Kummissjoni, flimkien mal-Fondi FEŻ) iżid il-kumplessità tal-ġestjoni tal-baġit; jistieden lis-SEAE jikkunsidra li jtejjeb l-istruttura tar-rappurtar baġitarju tiegħu sabiex inaqqas il-kumplessità; |
|
25. |
Iħeġġeġ għalhekk lis-SEAE jkompli jiddiskuti mal-Kummissjoni l-modi kif jiġu ssimplifikati n-nomenklatura u l-linji baġitarji meta jkun possibbli sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-baġit globali tas-SEAE; huwa tal-fehma li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (il-"QFP") u l-evoluzzjoni relatata fit-tfassil u l-istruttura tan-nomenklatura u l-linji tal-baġit għandhom iħaffu dan il-proċess ta' simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni baġitarji; iqis li evoluzzjoni bħal din x'aktarx ittejjeb il-kontroll tal-ispejjeż baġitarji u timminimizza r-riskju ta' żball; jirrikonoxxi l-proposta li saret mis-SEAE fil-bidu tal-2020 għal simplifikazzjoni estensiva; jirrikonoxxi li din il-proposta ġiet posposta għall-2022 minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, iżda li f'Settembru 2020 is-SEAE ppreżenta proposta oħra ta' simplifikazzjoni lill-Kummissjoni; |
|
26. |
Jinnota b'apprezzament l-inizjattivi kollha meħuda biex titjieb b'mod progressiv il-ġestjoni ta' diversi proċessi amministrattivi tas-SEAE, li hija riflessa wkoll fl-adattament tal-organigramma tas-SEAE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva "Innovative 2019" u jħeġġeġ ukoll lis-SEAE jkompli jirfina l-eżerċizzji varji tiegħu ta' mmappjar tar-riskju u l-azzjonijiet relatati ta' mitigazzjoni, kif ukoll l-immappjar tal-bażijiet legali eżistenti kollha bil-għan li jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi aktar effiċjenti; |
|
27. |
Jistieden lis-SEAE juri aħjar il-qafas ta' ġestjoni tiegħu bbażat fuq ir-riżultati fir-rapport tal-attività annwali li jmiss, abbażi ta' sett ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni adegwati għall-oqsma amministrattivi differenti tiegħu, inkluż l-għadd relatat ta' riżorsi umani, sabiex jiġu vvalutati aħjar il-kisbiet tal-objettivi tal-politika tas-SEAE; |
|
28. |
Josserva li s-SEAE ddeċieda li jerġa' jiċċentralizza l-immaniġġjar ta' ċerti proċessi għal skopijiet ta' uniformità tal-applikazzjoni fost id-Delegazzjonijiet u biex itaffi d-dgħufijiet operattivi rikorrenti u jottimizza l-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji; jilqa' dawn l-isforzi u l-inizjattivi pragmatiċi u r-reazzjonijiet tas-SEAE, b'reazzjoni għat-tħassib preċedenti espress mill-awtorità baġitarja; |
|
29. |
Iqis li, fuq kollox, it-twaqqif ta' entità ċentrali li tittratta proċeduri ta' akkwist ta' valur għoli u l-użu ta' akkwist globali għad-Delegazzjonijiet huma mudelli u reazzjonijiet ta' ġestjoni xierqa, meta wieħed iqis l-ammont kbir ta' xogħol f'ċerti Delegazzjonijiet b'persunal limitat disponibbli u b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa li tingħata attenzjoni lix-xogħol politiku; |
|
30. |
Jemmen li d-diġitalizzazzjoni tal-akkwist u l-ġestjoni tal-baġit huma ta' importanza kruċjali; ifakkar li ‘l-ġestjoni tad-dokumenti’, waħda mill-aktar komponenti dgħajfa identifikati fl-istħarriġ ta' kontroll intern preċedenti, jistħoqqilha attenzjoni regolari mill-partijiet ikkonċernati kollha tas-SEAE għall-benefiċċju tal-memorja istituzzjonali u t-traċċabbiltà tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni; għaldaqstant, jappella lis-SEAE jtejjeb is-sistemi diġitali u l-ġestjoni tad-dokumenti tiegħu, jintroduċi għodod avvanzati ta' ġestjoni u arkivjar, kif ukoll, fejn possibbli, proċessi ta' ġestjoni tad-dokumenti bla karti; |
|
31. |
Jilqa' l-fatt li s-SEAE juża software b'xejn u b'sors miftuħ kull meta jkun possibbli; |
|
32. |
Jinkoraġġixxi lill-SEAE ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS biex terġa' tinnegozja l-Ftehim Interistituzzjonali Dwar il-Liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmat bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali; |
|
33. |
Jappoġġa l-isforzi tas-SEAE biex jottimizza l-ġestjoni finanzjarja tiegħu fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju; jifhem il-ħtieġa ta' ċerti flessibbiltajiet operattivi, fir-rigward tal-ġestjoni tad-Delegazzjonijiet sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskontinwità fit-tmexxija tad-Delegazzjonijiet; ifakkar, madankollu, li kwalunkwe arranġament temporanju operattiv, jiġifieri l-possibbiltà li deputati kapijiet ta' Delegazzjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega sabiex jiżguraw kontinwità tan-negozju effettiva fid-Delegazzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-baġit operattiv tal-Kummissjoni, għandu madankollu jibqa' taħt superviżjoni stretta mill-Kwartieri Ġenerali; |
|
34. |
Jisħaq fuq l-importanza li jkompli t-titjib tar-razzjonalizzazzjoni u tal-modernizzazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva; jilqa' d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar is-simplifikazzjonijiet tal-baġit tas-SEAE; jirrimarka f'dan ir-rigward il-ħtieġa li s-SEAE jkompli bl-isforzi tiegħu sabiex jikseb is-simplifikazzjoni tal-linji baġitarji; jappella għall-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-amministrazzjoni tas-SEAE, inkluż permezz ta' implimentazzjoni sħiħa tal-proġett "Innovative 2019"; |
Effikaċja tal-kontroll fir-rigward tal-legalità u r-regolarità
|
35. |
Jinnota r-rata ta' anomaliji identifikati f'verifiki ex ante ta' impenji u pagamenti (rispettivament, 308 żball minn 1 193 u 394 minn 2 119); jinsab imħasseb li fiż-żewġ każijiet l-iżbalji huma ta' natura amministrattiva, jiġifieri ammonti skorretti għal impenji jew in-nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn għal pagamenti ppreżentati għal verifika finanzjarja ex ante; jirrikonoxxi l-implimentazzjoni, minn Jannar 2020, ta' lista riveduta ta' kodiċijiet ta' anomaliji maħsuba biex jiddefinixxu aħjar it-tipoloġija tal-iżbalji; jistieden lis-SEAE jinvestiga u jsolvi każijiet ta' żbalji amministrattivi u jirrapporta lura għand il-Parlament dwar il-kisbiet tiegħu; jappella għall-implimentazzjoni ta' miżuri li jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-livell ta' żbalji f'termini ġenerali; |
|
36. |
Jirrikonoxxi l-progress u l-irfinar kontinwu tal-metodoloġija ex post tas-SEAE żviluppata mill-2018 abbażi ta' teħid ta' kampjuni aleatorji interni, kif ukoll il-provvediment ta' rati ta' żbalji skont id-dominju ewlieni tal-kostijiet operazzjonali relatati mal-infiq għall-persunal, jiġifieri l-infrastruttura u nfiq operattiv ieħor, is-sigurtà, l-IT u t-telekomunikazzjonijiet; |
|
37. |
Jinnota li għad hemm varjazzjoni fl-interpretazzjoni bejn is-SEAE u l-Qorti dwar il-kwantifikazzjoni tal-iżbalji proċedurali fl-akkwist; iqis li din għandha tiġi segwita aktar fis-sena finanzjarja li jmiss sabiex tiġi rfinata l-valutazzjoni tal-materjalità finanzjarja tal-iżbalji li seħħew fil-ġestjoni tal-baġit amministrattiv tas-SEAE; |
|
38. |
Jitlob lis-SEAE jkompli jipprovdi rapport ta' segwitu għas-sena finanzjarja 2019 f'konformità mal-Artikolu 262 tar-Regolament Finanzjarju; |
Attivitajiet ta' komunikazzjoni strateġika
|
39. |
Jinnota b'apprezzament it-tisħiħ tal-kapaċità ta' komunikazzjoni strateġika u s-sett ta' għodod tas-SEAE sabiex jiġu indirizzati t-theddid ta' diżinformazzjoni u t-theddid ibridu, bit-twaqqif ta' tliet task forces għal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u n-Nofsinhar u l-parteċipazzjoni tas-SEAE fis-sistema ta' twissija bikrija stabbilita fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri; jistieden lis-SEAE jkompli jiżviluppa politika bħal din mal-kumitat speċjali l-ġdid tal-Parlament dwar l-indħil barrani sabiex jirfina r-rispons tiegħu għall-kapaċità; jagħraf u jilqa' l-kooperazzjoni bejn is-SEAE u diversi Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni matul il-kampanja elettorali Ewropea; |
|
40. |
Jissottolinja l-fatt li t-tixrid ta' diżinformazzjoni sistematika, intenzjonata u fuq skala kbira huwa sfida strateġika akuta għad-diplomazija pubblika tal-Unjoni li għaliha għandhom jiġu ddedikati riżorsi finanzjarji, umani u tal-IT adegwati fuq terminu ta' żmien qasir; jappoġġa t-tisħiħ tar-rabta bejn it-tfassil tal-politika, id-diplomazija pubblika u l-komunikazzjoni strateġika; |
|
41. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni strateġika, sabiex tiġi miġġielda l-interferenza malizzjuża inklużi l-propaganda barranija u d-diżinformazzjoni; jissottolinja l-importanza tat-Task Force tas-SEAE għall-Komunikazzjoni Strateġika, u jappella għall-ħolqien ta' Task Forces għall-Komunikazzjoni Strateġika ddedikati għall-indħil miċ-Ċina u mil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari mill-Iran, u li dawn jingħataw aktar riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa; jisħaq li l-komunikazzjoni strateġika trid tinkludi l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-COVID-19; |
|
42. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-kultura ta' sigurtà u sikurezza fl-entitajiet kollha billi jiġi żgurat li s-SEAE jkollu persunal, proċeduri, infrastruttura, għodod (inkluż l-IT) u baġit adegwati biex iwettaq il-funzjonijiet kritiċi u essenzjali tiegħu f'każ ta' sitwazzjonijiet mhux mistennija jew ta' kriżi; jappella għat-tnaqqis tar-riskji għas-sigurtà, speċjalment dawk relatati maċ-ċibersigurtà permezz taż-żieda tal-miżuri ta' sikurezza li jipproteġu l-infrastruttura diġitali tas-SEAE minn theddid u attakki esterni; |
Aċċertament tal-ġestjoni
|
43. |
Jinnota li żewġ Delegazzjonijiet biss ipprovdew riżervi motivati, jiġifieri d-Delegazzjoni għas-Sirja (mill-2017) u d-Delegazzjoni fil-Djibouti fir-rigward tal-ġestjoni tal-infiq amministrattiv tagħhom, b'mod partikolari marbut ma' kwistjonijiet ta' akkwist; jistieden lis-SEAE jieħu l-passi meħtieġa biex jeżamina dawn il-kwistjonijiet; |
|
44. |
Jistieden lis-SEAE jipprovdi aktar informazzjoni fir-rapport tal-attività annwali tas-SEAE dwar il-Programm ta' Spezzjonijiet sabiex tinkiseb stampa ġenerali tal-prestazzjoni u l-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; iqis ukoll li jkun utli li tiġi indikata aħjar l-artikolazzjoni tal-ispezzjonijiet tad-Delegazzjonijiet mal-qafas ta' aċċertament tas-SEAE u li jintwera kif l-użu tal-eżiti u r-rakkomandazzjonijiet tal-ispezzjonijiet ikkontribwixxa għal koerenza, omoġeneità u effiċjenza akbar fil-metodi ta' ħidma tad-Delegazzjonijiet; jenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-effettività u l-korrettezza tal-ġestjoni finanzjarja fid-Delegazzjonijiet rispettivi; |
Prevenzjoni u sejbien ta' frodi
|
45. |
Jilqa' l-fatt li s-SEAE qed jadatta kontinwament l-istrateġija tiegħu kontra l-frodi flimkien mad-direttorati ġenerali kollha tar-RELEX u permezz ta' format dedikat mal-OLAF; jisħaq fuq il-fatt li għandhom isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex l-informazzjoni dwar l-isfidi operattivi tagħhom tiġi kondiviża u skambjata biex jiġu identifikati aħjar oqsma riskjużi fl-attivitajiet u l-programmi tagħhom; jistieden lis-SEAE jidentifika kwalunkwe qasam ta' politika speċifiku possibbli fejn jaf tkun meħtieġa kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-OLAF biex tiġi żgurata prevenzjoni effettiva tal-frodi; |
|
46. |
Jinnota b'apprezzament id-definizzjoni ta' linji gwida komuni li ġew formalizzati fi strateġija speċifika kontra l-frodi għar-relazzjonijiet esterni, li tikkostitwixxi titjib importanti; ifakkar li dawn il-linji gwida għandhom jitqassmu lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet kollha u jiġu vvalutati regolarment fi ħdan l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni attwali tal-qafas ta' kontroll intern u l-immappjar tar-riskji fil-fond; jinnota li fl-2019 ma kien hemm l-ebda każ irrapportat ta' allegat żvelar ta' informazzjoni protetta; |
|
47. |
Josserva li s-SEAE nnotifika żewġ każijiet lill-OLAF u ġie infurmat dwar ir-riżultati ta' ħames investigazzjonijiet tal-OLAF fl-2019; jistieden lis-SEAE jidentifika b'mod ċar l-oqsma ta' politika f'riskju u l-possibilità ta' kunflitt ta' interess u jissensibilizza l-Kap tad-Delegazzjonijiet fir-rigward tagħhom; jinnota li 12 % tad-Delegazzjonijiet irrapportaw li sabu bidliet fir-rigward tar-riskju ta' frodi u li kien hemm domanda dejjem tikber għal taħriġ dwar is-sejbien tal-frodi (46 % tad-delegazzjonijiet u 35 % tad-diviżjonijiet tal-Kwartieri Ġenerali); |
|
48. |
Jistieden lis-SEAE jibda jibni l-kooperazzjoni bilaterali futura tiegħu mal-UPPE u jintegrah bħala komponent tal-istrateġija ġenerali tiegħu kontra l-frodi; ifakkar li l-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi l-istabbiliment ta' kumitat tal-progress tal-awditjar intern biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awditur intern tas-SEAE, il-monitoraġġ tal-funzjoni tal-awditjar intern kif ukoll is-segwitu effettiv tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa; |
Qafas etiku
|
49. |
Jistieden lis-SEAE jtejjeb is-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal dwar il-qafas u l-kultura etiċi tiegħu permezz ta' komunikazzjoni adegwata dwar kwistjonijiet ta' etika; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari dwar jekk il-membri tal-persunal humiex infurmati dwar kif għandhom jirrappurtaw kwistjonijiet relatati ma' mġiba mhux etika, kif ukoll biex iżidu s-sens ta' sigurtà tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati, ivvalutati u ġestiti r-riskji relatati mal-etika fl-eżerċizzju annwali tiegħu tal-ġestjoni tar-riskji; |
|
50. |
Jinkoraġġixxi lis-SEAE biex b'mod urġenti jiddedika sforzi biex jorganizza għall-persunal tiegħu, taħriġ sistematiku u sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni fil-qasam tal-kondotta xierqa (rigward l-etika, il-ġlieda kontra l-frodi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-fastidju, il-livelli ta' kunfidenzjalità); jemmen li dawn is-sessjonijiet għandhom ikunu parti minn taħriġ ta' orjentazzjoni obbligatorju għall-persunal ġdid li ġie rreklutat; |
|
51. |
Iqis ukoll li l-istandards etiċi għandhom jitqiesu biex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali u l-kxif ta' informazzjoni sensittiva interna dwar ix-xogħol; jappoġġa d-definizzjoni tas-SEAE tal-linji gwida dwar l-etika, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tal-ħidma fid-Delegazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju għar-reputazzjoni tal-Unjoni u s-SEAE, b'mod partikolari għall-Kapijiet tad-Delegazzjoni; |
|
52. |
Jirrakkomanda bis-sħiħ li s-SEAE jissieħeb fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, abbażi ta' ftehim dwar il-livell ta' servizz; |
|
53. |
Jenfasizza l-ħtieġa li s-SEAE jikkonforma bis-sħiħ mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Iżvelar ta' Informazzjoni Protetta, b'mod partikolari biex jipproteġi lill-informaturi in bona fide kontra kwalunkwe forma ta' preġudizzju; |
Kunflitt ta' interessi
|
54. |
Jissottolinja li sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku u ''revolving doors'' huma kwistjoni rikorrenti fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jappella li s-SEAE japplika r-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari l-Artikolu 16 u regoli applikabbli oħra tagħhom b'mod effikaċi u konsistenti, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, b'mod partikolari – iżda mhux biss – fir-rigward ta' uffiċjali għolja u tal-SNEs; jinsab imħasseb dwar il-każijiet "revolving door" riċenti u jistieden lis-SEAE jirrieżamina sistematikament it-tranżizzjonijiet potenzjalment problematiċi lejn is-settur privat jew lejn organizzazzjonijiet ta' pajjiżi terzi u biex ikompli jimmonitorja l-okkupazzjoni ta' ex uffiċjali għolja sa tmiem il-perjodu obbligatorju ta' preklużjoni; |
|
55. |
Jiddispjaċih ħafna li għal sitt snin is-SEAE ma ppubblika ebda waħda mid-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja, inkluż fl-2019, bi ksur tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal; jilqa' l-fatt li fl-2020 beda jippubblikahom, inkluż il-pubblikazzjoni retrospettiva ta' deċiżjonijiet tas-snin preċedenti; jinsisti, f'dan ir-rigward, li minn issa 'l quddiem is-SEAE jippubblika fuq bażi annwali d-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja u li jimmonitorja fuq bażi kontinwa jekk jikkonformawx mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom u, jekk ikun xieraq, jieħu azzjoni deċiżiva biex jinforza l-konformità ma' dawn il-kundizzjonijiet; |
|
56. |
Jinnota li s-SEAE japplika projbizzjoni għall-ewwel tnax-il xahar tal-perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn għall-maniġment superjuri wara li tintemm il-kariga tagħhom; ifakkar li l-obbligu tal-kunfidenzjalità huwa prinċipju ewlieni li għandu jiġi rrispettat mill-ex persunal; |
|
57. |
Jissottolinja li l-Artikolu 16 jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiċħdu talba ta' ex uffiċjal li jibda impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jibża' li ħafna drabi ma jkunx possibbli li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta' wara l-impjieg fis-servizz pubbliku; iħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni jikkunsidraw il-firxa sħiħa tal-għodod disponibbli bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal; |
Politika tal-bini
|
58. |
Jilqa' x-xejra pożittiva fir-rigward tal-kolokazzjoni, li tilħaq 7 % tas-superfiċje totali tal-uffiċċji tad-Delegazzjonijiet; jinnota b'apprezzament il-fatt li s-SEAE stabbilixxa 22 proġett ġdid ta' kolokazzjoni fl-2019 li jikkonċernaw 68 Delegazzjoni, (li jirriżultaw f'total ta' 115-il ftehim ta' kolokazzjoni); jinnota li attwalment il-kolokazzjonijiet jikkonċernaw prinċipalment lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab (43), lid-DĠ ECHO (20), aġenziji oħra tal-Unjoni, eż. il-EUIPO, l-EASA u l-Frontex (17) (), lill-BEI (15), lir-RSUE (10) u lill-missjonijiet tal-PSDK - EUBAM u EUCAP- (10); |
|
59. |
Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli fid-direzzjoni li jiġbor flimkien il-mezzi mal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-bini u biex jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni lokali, b'attenzjoni speċifika li għandha tingħata għall-aħjar valur għall-flus, il-kwistjonijiet ta' sigurtà u r-reputazzjoni u l-viżibbiltà tal-Unjoni, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-baġit; |
|
60. |
Jinnota b'apprezzament li din iż-żieda fil-kolokazzjonijiet kienet akkumpanjata minn konsolidazzjoni u standardizzazzjoni tas-sistema tal-irkupru tal-ispejjeż permezz ta' ċentralizzazzjoni ulterjuri tad-dħul tal-kolokazzjonijiet u l-applikazzjoni tal-miżati amministrattivi fil-ftehimiet maqbula dwar il-livell ta' servizz; josserva li fl-2019 ġie ġġenerat dħul ta' madwar EUR 10 miljun; jistieden lis-SEAE jippreżenta deskrizzjoni ġenerali tal-allokazzjoni ta' dan id-dħul biex jiżgura t-trasparenza; |
|
61. |
Jiddispjaċih dwar is-sejbiet tal-Qorti li huwa biss għadd żgħir ta' Delegazzjonijiet tal-Unjoni li huma kompletament aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u jitlob lis-SEAE jikkunsidra, fejn teknikament u finanzjarjament possibbli u fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni lokali, l-adattament tal-uffiċini tiegħu biex itejjeb l-aċċessibbiltà għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa; |
|
62. |
Jinnota li s-sehem tal-uffiċċji tas-SEAE baqa' stabbli fil-livell ta' 19 % tal-uffiċċji tad-Delegazzjonijiet tiegħu bi prospetti ulterjuri ta' xiri fl-Arġentina u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jinnota li EUR 72,8 miljun jintefqu fil-kiri ta' bini għall-uffiċċji u residenzi fin-network tad-Delegazzjonijiet u EUR 19,1 miljun għall-kiri ta' uffiċċji fil-Kwartieri Ġenerali; |
|
63. |
Jilqa' r-rieżami tal-politika tad-djar u jitlob li l-Parlament jiġi infurmat fi żmien debitu dwar l-eżitu ewlieni tiegħu f'termini ta' valutazzjoni komparattiva mġedda meta mqabbla ma' dawk eżistenti tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; |
|
64. |
Jinnota b'apprezzament li l-pjan ta' azzjoni stabbilit mis-SEAE biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fir-rapport speċjali tal-Qorti tal-2016 dwar il-politika tal-proprjetà immobbli tas-SEAE ppermetta li jsir progress, u dan il-progress ġie rikonoxxut mill-Qorti; |
|
65. |
Jistieden lis-SEAE jagħmel aktar progress fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet pendenti li fadal rigward il-ħtieġa li tinkiseb ħarsa ġenerali tal-portafoll permezz tal-monitoraġġ tar-rati tas-suq għall-uffiċċji u r-residenzi u biex jibda jfassal pjan fuq terminu ta' żmien medju u twil flimkien mad-Dokument ta' Ħidma Annwali attwali tiegħu; itenni li l-ispazju għall-uffiċċji ta' 35m2 għal kull membru tal-persunal għandu jibqa' u jservi bħala punt ta' riferiment rikorrenti u li l-aċċess għal dawk b'diżabilità għandu jiġi vvalutat b'mod sistematiku fl-ippjanar tal-bini jew fir-rilokazzjonijiet li ġejjin; jistieden lis-SEAE jżomm lill-Parlament infurmat dwar kwalunkwe titjib ulterjuri; |
|
66. |
Jiddispjaċih li rakkomandazzjoni waħda biss minn tmienja fformulati fir-rapport tal-2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar kif is-SEAE jiġġestixxi l-bini tiegħu madwar id-dinja ġiet implimentata bis-sħiħ filwaqt li tliet rakkomandazzjonijiet ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u rapida tar-rakkomandazzjonijiet kollha li fadal; |
Ambjent tax-xogħol
|
67. |
Jinnota l-fatt li hemm żieda fil-każijiet irrappurtati lis-servizz ta' medjazzjoni li jikkonċernaw jew nuqqas ta' qbil mhux solvut dwar drittijiet u obbligi jew tipi differenti ta' kunflitti fuq il-post tax-xogħol u li dawn laħqu 183 każ fl-2019 (meta mqabbla ma' 135 każ fl-2018); jifhem li ż-żieda tal-każijiet imressqa quddiem is-servizz ta' medjazzjoni tindika l-funzjonament xieraq; jirrikonoxxi l-adozzjoni ta' Deċiżjoni ġdida dwar is-Servizz ta' Medjazzjoni tas-SEAE fl-2020 sabiex jissaħħu l-mekkaniżmi fis-seħħ; |
|
68. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li għad hemm trainees mhux imħallsa fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; iħeġġeġ lis-SEAE jieħu passi biex jiżgura li t-trainees ikollhom mezzi biex isostnu lilhom infushom; iħeġġeġ lis-SEAE jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew biex it-trainees kollha jitħallsu allowance xierqa, li mill-inqas tkopri l-ispejjeż tal-ħajja; jirrakkomanda li jiġu allokati aktar flus biex jitħallsu t-trainees; |
Dimensjoni ambjentali
|
69. |
Jinnota b'apprezzament li fl-2019 is-SEAE adotta mandat biex jistabbilixxi sistema ta' ġestjoni ambjentali għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE bil-ħsieb li tiġi estiża għan-network tad-Delegazzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqas l-impronta tal-karbonju tal-Kwartieri Ġenerali u tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni billi jimplimenta proċessi bla karti u b'enfasi fuq it-taħlita tal-enerġija fuq il-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; |