3.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta' Lulju 2014

li tawtorizza lis-Slovakkja u lir-Renju Unit li jidderogaw minn ċerti regoli komuni ta' sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 4344)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/425/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Slovakkja u r-Renju Unit talbu li japplikaw ċerti derogi għar-regoli komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili li hemm fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2). Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa għal, u l-livell ta' protezzjoni li joħroġ minn, id-derogi mitluba, abbażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”).

(2)

L-ewwel deroga, mitluba mis-Slovakkja fid-29 ta' April 2013, kienet dwar ir-rekwiżit tat-tiġdid tal-privileġġi tal-kwalifika tat-titjir bl-istrumenti (“IR”) u dak li l-bdoti jerġgħu jagħmlul-eżami tal-għarfien teoretiku u t-test tal-ħiliet tal-IR, stipulati fil-punti (c) u (d) tal-FCL.625 tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Is-Slovakkja argumentat li dawk ir-rekwiżiti ma kinux xierqa meta bdot ikollu IR ekwivalenti b'liċenzja ta' pajjiż terz li tkun konformi mal-Anness 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata nhar is-7 ta' Diċembru 1944 f'Chicago (“l-Anness 1 tal-ICAO” ). Is-Slovakkja tat wkoll raġunijiet li juru li jista' jinkiseb livell ekwivalenti ta' protezzjoni jekk id-deroga proposta tingħata. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, maħruġa fl-4 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deroga tkun qed tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni komuni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

(3)

It-tieni deroga, mitluba mis-Slovakkja fid-29 ta' April 2013, kienet dwar ir-rekwiżit tat-tiġdid tal-kwalifika tal-klassi jew tat-tip, stabbilit fil-punt (b) tal-FCL.740 tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Is-Slovakkja argumentat li dan ir-rekwiżit ma kienx xieraq meta bdot ikollu kwalifika ekwivalenti tal-klassi jew tat-tip b'liċenzja ta' pajjiż terz li tkun konformi mal-Anness 1 tal-ICAO. Is-Slovakkja tat wkoll raġunijiet li juru li jista' jinkiseb livell ekwivalenti ta' protezzjoni jekk id-deroga proposta tingħata. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, maħruġa fl-4 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deroga tkun qed tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni komuni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

(4)

It-tielet deroga, mitluba mir-Renju Unit fil-21 ta' Ġunju 2013 u emendata fl-4 ta' Lulju, kienet dwar il-kundizzjonijiet ta' validazzjoni mill-ġdid tal-kwalifika tal-klassi tal-ajruplani b'magna waħda bil-pistuni u l-kwalifika tal-klassi tat-touring motor glider, stabbiliti fil-punt (b)(1)(ii) tal-FCL.740.A tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Ir-Renju Unit argumenta li dan ir-rekwiżit ma kienx xieraq għall-bdoti li jżommu l-kwalifika ta' titjir bl-istrumenti u/jew il-kwalifika ta' struttur iżda ma kellhomx kwalifiki tal-klassi jew tat-tip. Ir-Renju Unit ukoll tat raġunijiet li juru li jista' jinkiseb livell ekwivalenti ta' protezzjoni jekk id-deroga proposta tingħata. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, maħruġa fis-27 ta' Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deroga tkun qed tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni komuni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Ir-raba' deroga, mitluba mir-Renju Unit fl-10 ta' Lulju 2013, kienet dwar il-prerekwiżiti li għandhom jiġu rispettati mill-applikanti għaċ-ċertifikat tal-SFE għall-ajruplani, stabbiliti fil-punt (a) tal-FCL.1010.SFE tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011. Ir-Renju Unit argumenta li dawk il-prerekwiżiti ma kinux kompluti, peress li jkopru biss ajruplani b'aktar minn bdot wieħed, u mhux ajruplani kumplessi ta' prestazzjoni għolja bi bdot wieħed. Ir-Renju Unit ukoll tat raġunijiet li juru li jista' jinkiseb livell ekwivalenti ta' protezzjoni jekk id-deroga proposta tingħata. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, maħruġa fis-27 ta' Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deroga tkun qed tipprovdi livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni komuni, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, deroga mogħtija lil Stat Membru wieħed għandha tkun notifikata lill-Istati Membri kollha, li għandhom ikunu intitolati wkoll li japplikaw dik il-miżura. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi indirizzata lill-Istati Membri kollha. Id-deskrizzjoni tad-deroga, kif ukoll tal-kundizzjonijiet marbuta magħha, għandha tkun tali li tippermetti Stati Membri oħra li japplikaw dik il-miżura meta dawn isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta' iktar approvazzjoni mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju tal-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-derogi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, peress li jista' jkollhom effetti barra mill-Istati Membri li jkunu ingħatawlhom id-derogi.

(7)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovakkja tista' tagħti approvazzjonijiet li jidderogaw minn dawn ir-regoli ta' implimentazzjoni stipulati fl-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011:

(1)

il-punti (c) u (d) tal-FCL.625 “IR — Validità, validazzjoni mill-ġdid u tiġdid” ta' dak l-Anness, favur ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I ta' din id-Deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness I ta' din id-Deċiżjoni jitħarsu;

(2)

il-punt (b) tal-FCL.740 “Validità u tiġdid tal-klassifikazzjoni tal-klassi u tat-tip” ta' dak l-Anness, favur ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness II ta' din id-Deċiżjoni jitħarsu;

Artikolu 2

Ir-Renju Unit jista' jagħti approvazzjonijiet li jidderogaw minn dawn ir-regoli ta' implimentazzjoni stipulati fl-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011:

(1)

il-punt (ii) tal-punt FCL.740 A(b)(1) “Validazzjoni mill-ġdid tal-klassifikazzjoni tal-klassi u tat-tip — ajruplani” ta' dak l-Anness, favur ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness III ta' din id-Deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness III ta' din id-Deċiżjoni jitħarsu;

(2)

il-punt (a) tal-FCL.1010.SFE “SFE — Prerekwiżiti” ta' dak l-Anness, favur ir-regoli stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness IV ta' din id-Deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness IV ta' din id-Deċiżjoni jitħarsu.

Artikolu 3

L-Istati Membri kollha għandhom ikollhom id-dritt li japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 1 u 2, kif speċifikat fl-Annessi ta' din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija, u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).


ANNESS I

Deroga mis-Slovakkja mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-validità u t-tiġdid tal-kwalifika ta' titjir bl-istrumenti.

1.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Is-Slovakkja tista', b'deroga mill-punti (c) u (d) tal-FCL.625 “IR — Validità, validazzjoni mill-ġdid u tiġdid” tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, tippermetti d-detenturi tal-liċenzja tal-Parti-FCL li kienu qed itiru dan l-aħħar bl-użu ta' IR valida b'liċenzja ta' pajjiż terz maħruġa skont l- Anness I tal-ICAO li jikkonformaw mal-kriterji ta' tiġdid tal-IR tal-Parti FCL stabbiliti fil-punt (c) tal-FCL.625 billi jissodisfaw il-kriterji tal-validazzjoni mill-ġdid stipulati fil-punt (b) tal-FCL.625. Barra minn dan, tista' tippermetti li dawn id-detenturi ta' liċenzja tal-Parti-FCL li għandhom IR ta' pajjiż terz li ma għadhiex valida aktar iżda ġiet ivvalidata mill-ġdid jew imġedda fis-seba' (7) snin preċedenti, jikkonformaw biss mal-kriterji tat-tiġdid tal-IR tal-Parti-FCL stabbiliti fil-punt (c) tal-FCL.625, mingħajr ma jkunu meħtieġa li jerġgħu jgħaddu mill-eżamijiet tal-għarfien teoretiku kif stipulat fil-punt (d) tal-FCL.625.

2.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Din id-deroga tapplika għad-detenturi ta' liċenzji skont il-Parti FCL li jinkludu IR li għandha tiġġedded. Jekk dawn id-detenturi tal-liċenzja għandhom ukoll liċenzja ta' pajjiż terz b'IR valida, id-detentur tal-kwalifika tal-Parti-FCL għandu jkun meħtieġ biss li jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza sabiex iġedded l-IR iżda ma għandux ikun meħtieġ wkoll li jwettaq ukoll taħriġ ta' tiġdid f'organizzazzjoni approvata ta' taħriġ (ATO). Barra minn hekk, dawn id-detenturi tal-liċenzja ma għandhomx ikunu meħtieġa li jerġgħu jgħaddu mill-eżamijiet tal-għarfien teoretiku jekk l-IR b'liċenzja ta' pajjiż terz ġiet ivvalidata mill-ġdid jew imġedda fis-seba' (7) snin preċedenti.


ANNESS II

Deroga mis-Slovakkja mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-validità u t-tiġdid tal-kwalifika tal-klassi u tat-tip.

1.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Is-Slovakkja tista', b'deroga mill-punt (b) tal-FCL.740 “Validità u tiġdid tal-klassifikazzjoni tal-klassi u tat-tip” tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, tippermetti d-detenturi ta' liċenzja tal-Parti-FCL li kienu qed itiru dan l-aħħar bl-użu ta' kwalifika ekwivalenti valida tal-klassi jew tat-tip b'liċenzja ta' pajjiż terz maħruġa skont l- Anness I tal-ICAO li jikkonformaw mal-kriterji tat-tiġdid billi jgħaddu l-kontroll tal-profiċjenza iżda ma jkunux meħtieġa jgħaddu minn taħriġ ta' tiġdid ieħor.

2.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Din id-deroga tapplika għad-detenturi ta' liċenzji skont il-Parti FCL li jinkludu kwalifika tal-klassi jew tat-tip li għandha tiġġedded. Jekk dawk id-detenturi tal-liċenzja jkollhom ukoll liċenzja ta' pajjiż terz bi kwalifika valida għall-istess klassi jew tip tal-inġenju tal-ajru, id-detentur tal-kwalifika tal-Parti-FCL għandu jkun meħtieġ biss li jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza sabiex iġedded il-kwalifika tal-klassi jew tat-tip iżda ma għandux ikun meħtieġ ukoll li jattendi taħriġ ta' tiġdid f'ATO.


ANNESS III

Deroga mir-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-validazzjoni mill-ġdid tal-kwalifika tal-klassi ta' ajruplan b'magna waħda bil-pistuni (SEP) jew touring motor glider (TMG).

1.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista', b'deroga mill-punt (ii) tal-punt FCL. 740.A(b)(1) “Validazzjoni mill-ġdid ta' klassifikazzjoni tal-klassi u tat-tip — ajruplani” tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jippermetti d-detenturi ta' liċenzja ta' bdot li jivvalidaw mill-ġdid il-kwalifika tal-klassi ta' ajruplan b'magna waħda bil-pistuni jew ta' touring motor glider mingħajr ma jagħmlu t-titjira speċifika ta' taħriġ ma' struttur tat-titjir jew ma' struttur ta' kwalifika tal-klassi, sakemm id-detentur tal-liċenzja ma jkunx għadda, fit-12-il xahar qabel l-iskadenza tal-kwalifika, minn:

(a)

test tal-ħiliet jew kontroll tal-profiċjenza għal kull kwalifika ta' klassi, tip, strument jew titjir fil-muntanji inkluża fil-liċenzja tal-bdot; jew

(b)

valutazzjoni ta' kompetenza għal kwalunkwe ċertifikat ta' struttur tat-titjir, struttur tal-kwalifika tal-klassi jew struttur tal-kwalifika tat-titjir bl-istrumenti inkluż fil-liċenzja tal-bdot.

2.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Din id-deroga tapplika għad-detenturi ta' liċenzji skont il-Parti FCL bi kwalifika tal-klassi ta' ajruplan b'magna waħda bil-pistuni wieħed jew touring motor glider. It-titjira ta' taħriġ ma' struttur tista' tinbidel biss jekk id-detentur ikun lesta test tal-ħiliet, kontroll tal-profiċjenza jew valutazzjoni tal-kompetenza għal kwalifika jew ċertifikat ta' ajruplan.


ANNESS IV

Deroga mir-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-Eżaminaturi tat-Titjir Sintetiku (SFEs) li jwettqu testijiet f'simulaturi tal-ajruplani.

1.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista', b'deroga mill-punt (a) tal-FCL.1010.SFE “SFE — Prerekwiżiti” tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jippermetti l-SFIs li japplikaw għal ċertifikat tal-SFE fuq ajruplani kumplessi ta' prestazzjoni għolja bi bdot wieħed u jiddefinixxi l-prerekwiżiti speċifiċi għal din il-kategorija ta' ajruplani.

2.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

M'hemmx aktar kondizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti.