|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1142 |
10.6.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1142
tas-27 ta’ Frar 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għal politiki u proċeduri dwar il-kunflitti ta’ interess għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u d-dettalji u l-metodoloġija għall-kontenut tal-iżvelar dwar il-kunflitti ta’ interess
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(5), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Meta jimplimentaw u jżommu l-politiki u l-proċeduri għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interess kif imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jenħtieġ li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità biex jiżguraw li l-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess ikunu biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak l-Artikolu. F’konformità mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu wkoll l-iskala, in-natura u l-firxa tas-servizzi tal-kriptoassi pprovduti. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess ikunu fl-aħjar interess tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u tal-klijenti tagħhom, jenħtieġ li dawk il-politiki u l-proċeduri jkopru sitwazzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw jew jaffettwaw, jew li jistgħu jidhru li jinfluwenzaw jew jaffettwaw, il-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tal-persuni konnessi ma’ dawk il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jeżerċitaw id-dmirijiet jew ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod oġġettiv u indipendenti, fl-interess tal-klijenti, u l-prestazzjoni tal-entità. |
|
(3) |
Meta l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jappartjeni għal grupp, jenħtieġ li jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi relatati ma’ dak il-fatt. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jkunu parti minn grupp jindirizzaw b’mod xieraq sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess minħabba l-istruttura u l-attivitajiet kummerċjali ta’ entitajiet oħra fil-grupp tagħhom. Għal dak l-għan, meta fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jipprovdi, waħdu jew ma’ entitajiet oħra tal-grupp tiegħu, servizzi tal-kriptoassi multipli u attivitajiet relatati, jenħtieġ li l-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess jipprevjenu kwalunkwe abbuż li jirriżulta minn kontroll ikkonċentrat, l-immaniġġjar ta’ tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, inklużi tranżazzjonijiet li jinvolvu kumpaniji affiljati. |
|
(5) |
Sabiex jiġi evitat kunflitt ta’ interess ta’ detriment għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u għall-klijenti tagħhom, jenħtieġ li l-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess jiżguraw il-monitoraġġ bir-reqqa ta’ sitwazzjonijiet fejn il-persuni konnessi mal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkollhom relazzjoni personali, professjonali jew politika ma’ persuna oħra. Tali relazzjonijiet għandhom il-potenzjal li jinfluwenzaw il-ġudizzju oġġettiv tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u tal-persuni konnessi. Ir-relazzjonijiet personali jenħtieġ jinkludu dawk bejn qraba bid-demm jew iż-żwieġ, jew relazzjonijiet soċjali mhux limitati għal sħubija formali jew żwieġ. Ir-relazzjonijiet politiċi jenħtieġ jinkludu sħubijiet ta’ partiti politiċi, jew relazzjonijiet mal-gvern jew uffiċjali pubbliċi oħra. Ir-relazzjonijiet professjonali jenħtieġ jikkonsistu f’relazzjonijiet f’ambjent professjonali, inkluż fuq il-post tax-xogħol jew f’kuntest ta’ negozju. |
|
(6) |
Sabiex il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess ikunu effettivi, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jkollhom struttura organizzazzjonali u maniġerjali trasparenti, li tkun konsistenti mal-istrateġija ġenerali u mal-profil tar-riskju tagħhom, u li tinftiehem sew mill-korp maniġerjali tagħhom, mill-entitajiet affiljati, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u mill-klijenti. |
|
(7) |
Il-governanza u l-immaniġġjar tajba tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi huma fundamentali biex jiġu żgurati kemm il-funzjonament kif ukoll il-fiduċja tagħhom fis-swieq finanzjarji. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess jittrattaw każijiet fejn il-kunflitti ta’ interess jistgħu jimpedixxu l-kapaċità tal-membri tal-korp maniġerjali li jieħdu deċiżjonijiet oġġettivi u imparzjali fl-aħjar interessi tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u tal-klijenti tiegħu. |
|
(8) |
Il-kunflitti ta’ interess potenzjali u attwali li għandhom jitqiesu mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jenħtieġ li jkunu dawk li jaffettwaw, jew li potenzjalment jaffettwaw, l-interessi tal-klijenti kif ukoll dawk li jaffettwaw jew potenzjalment jaffettwaw il-prestazzjoni u s-sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi bħala tali u b’hekk, indirettament, jaffettwaw ukoll l-interessi tal-klijenti. |
|
(9) |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza dwar il-miżuri meħuda sabiex jittaffew il-kunflitti ta’ interess identifikati, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-iżvelar tal-kunflitti ta’ interess stabbiliti fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-politiki u l-proċeduri tal-kunflitti ta’ interess jissodisfaw l-objettiv tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi ma jiddependux fuq is-sempliċi żvelar tal-kunflitti ta’ interess bħala mod kif jindirizzawhom. Għalhekk, jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iżvelar, iżda jiżguraw ukoll l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess. |
|
(10) |
Ir-remunerazzjoni tal-persunal involut fil-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi lill-klijenti tista’ twassal għal kunflitti ta’ interess. Filwaqt li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi huma liberi li jiddeterminaw il-politiki ta’ remunerazzjoni tagħhom b’mod ġenerali, jenħtieġ li jiżguraw li l-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni tagħhom ma joħolqux kunflitti bejn l-interessi tal-klijenti u dawk tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tal-persuni konnessi u ma jfixklux il-kapaċità tal-persuni konnessi li jwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod indipendenti u oġġettiv. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti u konsistenti tar-rekwiżiti tal-kunflitti ta’ interess fil-qasam tar-remunerazzjoni, jenħtieġ li l-kunċett ta’ remunerazzjoni jinkludi l-forom kollha ta’ pagament u benefiċċji finanzjarji jew mhux finanzjarji pprovduti direttament jew indirettament mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi lil persuni b’impatt, dirett jew indirett, fuq is-servizzi tal-kriptoassi pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jew fuq l-imġiba korporattiva tagħhom. Il-politiki ta’ remunerazzjoni implimentati fil-kuntest tal-politiki dwar il-kunflitt ta’ interess jenħtieġ li jiżguraw li l-klijenti jiġu ttrattati b’mod ġust u li l-interessi tagħhom ma jiġux imfixkla mill-prattiki ta’ remunerazzjoni adottati mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi fuq terminu qasir, medju jew twil. |
|
(11) |
Fid-dawl tal-implimentazzjoni, iż-żamma u r-rieżami xierqa tal-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li tali politiki u proċeduri jiżguraw li jkun hemm riżorsi umani adegwati u indipendenti internament għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess. Dawk ir-riżorsi umani jenħtieġ li jkollhom ukoll il-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert meħtieġa dwar il-kunflitti ta’ interess. Għal dik ir-raġuni, il-persuna responsabbli għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess jenħtieġ li tkun tista’ taċċessa u tirrapporta direttament lill-kanal ta’ rapportar intern rilevanti fil-funzjoni maniġerjali tagħha u, fejn applikabbli, fil-funzjoni superviżorja tagħha. |
|
(12) |
Sabiex jiġi żgurat li l-klijenti jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jżommu aġġornata l-informazzjoni żvelata dwar in-natura ġenerali u s-sorsi tal-kunflitti ta’ interess u l-passi meħuda biex jimmitigawhom skont l-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114. Tali żvelar jenħtieġ li jqis id-diversi tipi ta’ klijenti li huwa indirizzat lilhom, inkluż il-fatt li dawk il-klijenti għandhom livelli differenti ta’ għarfien u esperjenza. |
|
(13) |
Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi spiss jistgħu joperaw b’mod integrat vertikalment jew f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ entitajiet affiljati jew entitajiet tal-istess grupp. Sabiex ikun ċar lill-klijenti f’liema rwol u kapaċità qed jaġixxi l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-iżvelar imsemmi fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jenħtieġ li jinkludi deskrizzjoni dettaljata, speċifika u ċara biżżejjed tas-sitwazzjonijiet li jagħtu jew li jistgħu jwasslu għal kunflitti ta’ interess. Dik l-informazzjoni hija partikolarment rilevanti f’sitwazzjonijiet fejn il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkummerċjalizza lilu nnifsu b’involviment fi skambju tal-kriptoassi iżda fil-fatt jinvolvi ruħu jew jikkombina diversi funzjonijiet jew attivitajiet, inklużi l-operat ta’ pjattaforma ta’ negozjar fil-kriptoassi, il-ġenerazzjoni tas-suq, l-offerta ta’ negozjar b’marġni, l-iffaċilitar tal-kustodja, is-saldu, is-self, it-teħid b’self u n-negozjar proprjetarju. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, il-klijenti prospettivi u l-klijenti jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-iżvelar imsemmi fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 b’lingwa li jkunu familjari magħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jagħmlu disponibbli tali żvelar bil-lingwi kollha użati mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi sabiex jikkummerċjalizza s-servizzi tiegħu jew jikkomunika mal-klijenti fl-Istat Membru rilevanti. |
|
(14) |
Id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), huwa applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, inkluża l-informazzjoni miġbura permezz tal-politiki u l-proċeduri ta’ kunflitti ta’ interess tagħhom. |
|
(15) |
F’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jispeċifikaw liema kategoriji ta’ data personali se jipproċessaw sabiex jidentifikaw, jipprevjenu u jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess fil-politiki u fil-proċeduri tagħhom imsemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, filwaqt li jqisu l-iskala, in-natura u l-firxa tas-servizzi tal-kriptoassi u ta’ attivitajiet oħra pprovduti jew imwettqa mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u mill-grupp li jappartjeni għalih. |
|
(16) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fis-17 ta’ Lulju 2024. |
|
(17) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea. |
|
(18) |
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
“persuna konnessa” tfisser kwalunkwe waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 72(1), il-punti (a)(i) sa (a) (iv), tar-Regolament (UE) 2023/1114; |
|
2. |
“remunerazzjoni” tfisser kwalunkwe forma ta’ pagament jew benefiċċji finanzjarji jew mhux finanzjarji oħra pprovduti direttament jew indirettament mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi b’rabta mal-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi lill-klijenti; |
|
3. |
“grupp” ifisser grupp kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
Artikolu 2
Kunflitti ta’ interess potenzjalment detrimentali għall-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi
1. Il-politiki u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-iżvelar ta’ kunflitti ta’ interess potenzjalment detrimentali għall-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li huma kapaċi jaffettwaw direttament jew indirettament l-oġġettività u l-imparzjalità tal-persuni konnessi fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn il-politiki u l-proċeduri għandhom iqisu, tal-inqas, is-sitwazzjonijiet jew ir-relazzjonijiet fejn persuna konnessa:
|
(a) |
ikollha interess ekonomiku f’persuna, korp jew entità b’interessi kunfliġġenti ma’ dawk tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(b) |
ikollha relazzjoni preżenti ma’ persuna, korp jew entità li jkollha interessi konfliġġenti ma’ dawk tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jistgħu jkunu ta’ natura personali, professjonali jew politika jew li kellhom dik ir-relazzjoni fit-3 snin preċedenti, li jibdew minn meta ssir il-valutazzjoni; |
|
(c) |
twettaq kompiti jew attivitajiet, jew tiġi fdata b’responsabbiltajiet, f’kunflitt ma’ dawk tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tkun issorveljata b’mod ġerarkiku minn persuna inkarigata minn funzjonijiet jew kompiti f’kunflitt ma’ dawk tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi. |
2. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni, tal-korpi jew tal-entitajiet b’interessi kunfliġġenti ma’ dawk tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu, mill-inqas, jekk dik il-persuna, il-korp jew l-entità:
|
(a) |
hix probabbli li tagħmel qligħ finanzjarju, jew tevita telf finanzjarju, għad-detriment tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(b) |
ikollha interess fl-eżitu ta’ servizz tal-kriptoassi pprovdut jew ta’ attività mwettqa mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, li jkun distint mill-interess tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi f’dak l-eżitu; |
|
(c) |
twettaq l-istess negozju bħall-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tkun klijent, konsulent, konsulent, delegat, appaltatur, fornitur ta’ servizzi jew fornitur ieħor (inklużi sottokuntratturi) tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u jkun hemm raġunijiet dimostrabbli li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess mal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi. |
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu sitwazzjonijiet fejn il-persuna konnessa li tkun membru tal-korp maniġerjali, impjegat tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew azzjonist jew membru li jkollu parteċipazzjoni kwalifikanti fil-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi:
|
(a) |
ikollha ishma, tokens (inklużi tokens ta’ governanza), drittijiet oħra ta’ sjieda jew sħubija f’dik il-persuna, korp jew entità; |
|
(b) |
ikollha strumenti ta’ dejn ta’ jew ikollha arranġamenti oħra ta’ dejn ma’ dik il-persuna, korp jew entità; |
|
(c) |
ikollha kwalunkwe forma ta’ arranġament kuntrattwali relatat mal-attivitajiet irregolati skont ir-Regolament (UE) 2023/1114 ma’ dik il-persuna, korp jew entità. |
Artikolu 3
Kunflitti ta’ interess potenzjalment detrimentali għall-klijenti
Għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw meta jiġu pprovduti servizzi tal-kriptoassi u li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi tal-klijenti, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu jekk il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew kwalunkwe persuna konnessa:
|
(a) |
hix probabbli li tagħmel qligħ finanzjarju, tevita telf finanzjarju, jew tirċievi benefiċċju ieħor, għad-detriment tal-klijent; |
|
(b) |
ikollha interess fl-eżitu ta’ servizz tal-kriptoassi pprovdut lill-klijent jew ta’ tranżazzjoni mwettqa f’isem il-klijent, li jkun distint mill-interess tal-klijent f’dak l-eżitu; |
|
(c) |
għandha inċentiv finanzjarju jew inċentiv ieħor biex tiffavorixxi l-interess ta’ klijent wieħed jew aktar fuq l-interessi ta’ klijent ieħor; |
|
(d) |
twettaq l-istess negozju bħall-klijent; |
|
(e) |
tirċievi jew tkun se tirċievi minn persuna li ma tkunx il-klijent inċentiv fir-rigward ta’ servizz ipprovdut lill-klijent, fil-forma ta’ benefiċċji jew servizzi monetarji jew mhux monetarji. |
Artikolu 4
Il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess imsemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114
1. Il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess għandhom jiġu stabbiliti bil-miktub u għandhom iqisu:
|
(a) |
l-iskala, in-natura u l-firxa ta’ servizzi tal-kriptoassi u attivitajiet oħra pprovduti jew imwettqa mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(b) |
meta l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun membru ta’ grupp, kwalunkwe ċirkostanza li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess minħabba l-istruttura u l-attivitajiet kummerċjali ta’ entitajiet oħra fil-grupp. |
2. Il-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jkun responsabbli għad-definizzjoni, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki u l-proċeduri. Huwa għandu jivvaluta u jirrieżamina perjodikament l-effettività tagħhom u jindirizza kwalunkwe nuqqas f’dak ir-rigward.
3. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jistabbilixxu mezzi interni effettivi biex jinfurmaw u jipprovdu aċċess kontinwu lill-impjegati u lill-membri tal-korp maniġerjali dwar il-politiki u l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess tagħhom u jipprovdu taħriġ aġġornat xieraq dwar dawk il-politiki u l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess.
4. Il-politiki u l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess għandhom jinkludu:
|
(a) |
fir-rigward ta’ kwalunkwe servizz jew attività tal-kriptoassi pprovduta mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew imwettqa f’ismu minn konsulent, persuna li tagħti parir, delegat jew appaltatur, deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess kif imsemmi fl-Artikoli 2 jew 3; |
|
(b) |
il-proċessi li għandhom jiġu applikati sabiex jiġu identifikati, ipprevenuti, immaniġġjati u żvelati l-kunflitti ta’ interess imsemmija fl-Artikoli 2 u 3; |
|
(c) |
referenza ċara għall-istruttura organizzazzjonali u maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi. |
5. Il-politiki u l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess għandhom iqisu r-riskju ta’ ħsara għall-interessi ta’ klijent wieħed jew aktar jew għall-interessi tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi.
6. Il-proċessi msemmija fl-Artikolu 4(4), il-punt (b), għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
miżuri biex jiġi rrapportat u kkomunikat minnufih lill-kanal ta’ rapportar intern deżinjat kwalunkwe kwistjoni li tista’ tirriżulta, jew li rriżultat, f’kunflitt ta’ interess; |
|
(b) |
miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn persuni konnessi involuti f’attivitajiet li jinvolvu riskju ta’ kunflitt ta’ interess fejn l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ klijent wieħed jew aktar; |
|
(c) |
is-sorveljanza interna separata ta’ persuni konnessi li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom jinvolvu t-twettiq ta’ attivitajiet f’isem klijenti jew il-forniment ta’ servizzi lill-klijenti li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ xulxin jew mal-interessi tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(d) |
it-tneħħija ta’ kwalunkwe rabta diretta bejn ir-remunerazzjoni pprovduta lill-impjegati, delegati, appaltaturi, sottokuntratturi jew membri tal-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi involuti prinċipalment f’attività waħda u r-remunerazzjoni ta’, jew id-dħul iġġenerat minn, impjegati, delegati, appaltaturi, sottokuntratturi jew membri tal-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi involuti prinċipalment f’attività oħra, meta jkun hemm raġunijiet dimostrabbli li jista’ jinħoloq kunflitt ta’ interess fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet; |
|
(e) |
miżuri sabiex jiġi żgurat li l-persuni konnessi li jwettqu attivitajiet kummerċjali esterni relatati mal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi ma jitħallewx ikollhom influwenza mhux xierqa fi ħdan il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet; |
|
(f) |
miżuri għall-prevenzjoni jew għall-kontroll tal-involviment simultanju jew sekwenzjali ta’ persuna konnessa f’servizzi jew f’attivitajiet tal-kriptoassi separati fejn tali involviment jista’ jfixkel l-immaniġġjar xierqa tal-kunflitti ta’ interess; |
|
(g) |
miżuri li jiżguraw li attivitajiet jew tranżazzjonijiet konfliġġenti jiġu fdati lil persuni differenti; |
|
(h) |
miżuri biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-membri tal-korp maniġerjali li jinfurmaw membri oħra u jastjenu milli jivvutaw dwar kwalunkwe kwistjoni li fiha membru jkollu jew jista’ jkollu kunflitt ta’ interess; |
|
(i) |
miżuri li jipprevjenu lill-membri tal-korp maniġerjali milli jkollhom pożizzjonijiet maniġerjali f’fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi kompetituri barra mill-istess grupp; |
|
(j) |
miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn persuni konnessi involuti f’attivitajiet li jinvolvu riskju ta’ kunflitt ta’ interess fejn l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni jista’ jaffettwa t-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ tali persuna konnessa lill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi. |
7. Il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jiżgura li l-politiki u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), jipprovdu riassigurazzjoni raġonevoli li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-fornitur tal-kriptoassi jew tal-klijenti tiegħu se jiġu evitati jew mitigati b’mod xieraq.
8. Il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitti ta’ interess għandhom jiżguraw li jiġu ddedikati riżorsi adegwati, inklużi riżorsi umani adegwati u indipendenti mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għall-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u r-rieżami tagħhom, inkluża l-ħatra ta’ persuna li tkun responsabbli għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interess.
Dik il-persuna għandu jkollha l-awtorità meħtieġa biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b’mod xieraq u indipendenti u għandha tirrapporta direttament lill-korp maniġerjali.
Meta dik il-persuna tkun ġiet fdata bi rwoli jew funzjonijiet oħra, dawk għandhom ikunu xierqa minħabba l-iskala, in-natura u l-firxa ta’ servizzi tal-kriptoassi u attivitajiet oħra tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, u ma għandhomx jikkompromettu l-indipendenza u l-oġġettività ta’ dik il-persuna.
Il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess għandhom jiddefinixxu l-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert meħtieġa għall-persunal inkarigat mir-responsabbiltajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u għandhom jipprevedu li tali persunal ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu.
Artikolu 5
Politiki u proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess fil-kuntest tar-remunerazzjoni
1. Fil-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess tagħhom imsemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw politiki u proċeduri ta’ remunerazzjoni filwaqt li jqisu l-interessi tal-klijenti kollha tagħhom.
2. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiżguraw li l-politiki u l-proċeduri ta’ remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:
|
(a) |
ma joħolqux kunflitt ta’ interess jew inċentiv li jista’ jwassal lill-persuni li għalihom japplikaw biex jiffavorixxu l-interessi tagħhom stess jew l-interessi tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għad-detriment potenzjali ta’ kwalunkwe klijent jew li jista’ jwassal lill-persuni li għalihom japplikaw biex jiffavorixxu l-interessi tagħhom stess għad-detriment tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(b) |
jimmitigaw b’mod xieraq il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jiġu kkawżati mill-għoti ta’ remunerazzjoni varjabbli u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sottostanti u mekkaniżmi ta’ allinjament tar-riskju, inkluż il-ħlas ta’ strumenti lill-impjegati jew lill-korp maniġerjali bħala parti mir-remunerazzjoni varjabbli jew fissa. |
3. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiżguraw li l-politiki u l-proċeduri ta’ remunerazzjoni tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal dawn kollha li ġejjin:
|
(a) |
l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni u taħt il-kontroll tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u li tkun involuta fil-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi; |
|
(b) |
il-membri tal-korp maniġerjali tagħhom; |
|
(c) |
kwalunkwe persuna fiżika involuta direttament fil-forniment ta’ servizzi lill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi taħt arranġament ta’ esternalizzazzjoni għall-fini tal-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi. |
4. Il-proċeduri, il-politiki u l-arranġamenti ta’ remunerazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom japplikaw għall-persuni msemmija fil-paragrafu 3 li jkollhom impatt, dirett jew indirett, fuq is-servizzi tal-kriptoassi pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jew fuq l-imġiba korporattiva tiegħu, irrispettivament mit-tip ta’ klijenti, u sal-punt li r-remunerazzjoni ta’ tali persuni u inċentivi rilevanti oħra jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess li jħeġġiġhom jaġixxu kontra l-interessi ta’ kwalunkwe wieħed mill-klijenti tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew jiffavorixxu l-interessi tagħhom stess għad-detriment tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi.
Artikolu 6
Politiki u proċeduri dwar kunflitti ta’ interess fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet personali
1. Il-politiki u l-proċeduri dwar il-kunflitt ta’ interess għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet li jirriżultaw f’pożizzjoni jew skopertura għal kriptoassi effettwati minn jew f’isem persuna konnessa jkunu soġġetti għal skrutinju u monitoraġġ mill-qrib meta jiġi ssodisfat mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
il-persuna konnessa tkun qed taġixxi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet li l-persuna konnessa twettaq fil-kapaċità professjonali tagħha; |
|
(b) |
it-tranżazzjoni titwettaq f’isem kwalunkwe waħda mill-persuni li ġejjin:
|
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b)(ii), persuna li magħha persuna konnessa għandha relazzjoni familjari għandha tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-konjuġi tal-persuna konnessa jew is-sieħeb/sieħba ta’ dik il-persuna kkunsidrata mil-liġi nazzjonali bħala ekwivalenti għal konjuġi; |
|
(b) |
wild jew wild minn relazzjoni oħra, dipendenti, tal-persuna konnessa; |
|
(c) |
kwalunkwe qarib ieħor tal-persuna konnessa li jkun qasam l-istess unità domestika bħal dik il-persuna għal mill-inqas sena matul il-5 snin ta’ qabel id-data tat-tranżazzjoni personali kkonċernata. |
2. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-politiki u l-proċeduri għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
fir-rigward tad-deċiżjoni li jiġu eżegwiti tali tranżazzjonijiet:
|
|
(b) |
jiġu stabbiliti l-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet għad-dħul f’dawk it-tranżazzjonijiet u li jiġu stabbiliti limiti, espressi bħala l-volum tat-tranżazzjoni, li jekk jinqabżu tranżazzjoni bħal din tkun teħtieġ l-approvazzjoni mill-korp maniġerjali; |
|
(c) |
l-impjegati u l-membri tal-korp maniġerjali jkunu konxji tar-regoli applikati fuq dawk it-tranżazzjonijiet, u tal-miżuri stabbiliti mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi fir-rigward tagħhom; |
|
(d) |
il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jiġi infurmat minnufih bi kwalunkwe waħda minn dawk it-tranżazzjonijiet; |
|
(e) |
jinżamm rekord tat-tranżazzjoni identifikata jew notifikata lill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, li jispeċifika d-data u l-ħin tat-tranżazzjoni, il-kundizzjonijiet, il-volum tagħha, il-kontroparti u kwalunkwe awtorizzazzjoni jew projbizzjoni b’rabta ma’ dik it-tranżazzjoni. |
Artikolu 7
Żvelar mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi kif imsemmi fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114
1. L-iżvelar magħmul f’konformità mal-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata, speċifika u ċara ta’:
|
(a) |
is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi li jwasslu, jew li jistgħu jwasslu, għal kunflitti ta’ interess kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1), inkluż ir-rwol u l-kapaċità li fihom il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun qed jaġixxi meta jipprovdi s-servizz tal-kriptoassi lill-klijent; |
|
(b) |
in-natura tal-kunflitti ta’ interess identifikati; |
|
(c) |
ir-riskji identifikati fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess imsemmija fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1); |
|
(d) |
il-passi u l-miżuri meħuda biex jittaffew il-kunflitti ta’ interess identifikati. |
2. L-iżvelar imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jitqies bħala mod suffiċjenti għall-immaniġġjar u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta’ interess.
3. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jagħmlu disponibbli lill-klijenti tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’kull ħin f’post prominenti fuq is-sit web tagħhom u f’formati disponibbli fuq kwalunkwe apparat li permezz tiegħu jiġi pprovdut is-servizz tal-kriptoassi lill-klijent. Meta l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jagħmel tali żvelar dwar l-apparat rilevanti, il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jipprovdi wkoll link għall-istess żvelar magħmul fuq is-sit web tiegħu.
4. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 aġġornata f’kull ħin.
5. Għall-finijiet tal-iżvelar imsemmi fil-paragrafu 2, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iżommu rekords aġġornati tas-sitwazzjonijiet kollha li jwasslu għal kunflitti ta’ interess attwali u potenzjali, inklużi s-servizzi jew l-attivitajiet tal-kriptoassi rilevanti, u tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni jew għall-immaniġġjar ta’ tali kunflitti fis-sitwazzjonijiet rilevanti. Ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 5 snin.
6. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jagħmlu l-iżvelar disponibbli bil-lingwi kollha użati minnhom sabiex jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom u jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom fl-Istat Membru rilevanti.
Artikolu 8
Rekwiżiti addizzjonali relatati mat-tqegħid
1. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni tat-tipi ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżultaw meta l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jipprovdi servizzi ta’ tqegħid, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iqisu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, is-sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun qed joffri wkoll servizzi tal-ipprezzar fir-rigward tal-offerta ta’ kriptoassi; |
|
(b) |
il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun qed jipprovdi wkoll l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti u s-servizzi ta’ riċerka; |
|
(c) |
il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun qed iqiegħed kriptoassi li huwa stess jew entità mill-grupp tiegħu tkun l-emittent. |
2. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu arranġamenti interni biex jiżguraw dan kollu li ġej:
|
(a) |
li l-ipprezzar tal-offerta ma jippromwovix l-interessi ta’ klijenti oħra tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tal-interessi proprji tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, b’mod li jista’ jkun f’kunflitt mal-interessi tal-klijent emittent; |
|
(b) |
li l-ipprezzar tal-offerta ma jippromwovix l-interessi tal-klijent tal-emittent, tal-interessi proprji tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jew tal-interessi ta’ persuna konnessa, b’mod li jista’ jkun f’kunflitt mal-interessi ta’ klijenti oħra; |
|
(c) |
il-prevenzjoni ta’ sitwazzjoni fejn persuni responsabbli għall-forniment ta’ servizzi lill-klijenti ta’ investiment tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, jew li jiddeċiedu liema prodotti jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta’ prodotti offruti jew rakkomandati mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, ikunu involuti direttament fid-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar lill-klijent emittent; |
|
(d) |
il-prevenzjoni ta’ sitwazzjoni fejn persuni responsabbli għall-forniment ta’ servizzi lill-klijenti ta’ investiment tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkunu direttament involuti f’deċiżjonijiet dwar rakkomandazzjonijiet lill-klijent emittent dwar l-allokazzjoni; |
|
(e) |
il-prevenzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ “staking” mingħajr il-kunsens minn qabel tal-klijent tal-investiment. |
3. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom ikollhom fis-seħħ proċedura ċentralizzata biex jidentifikaw l-operazzjonijiet kollha ta’ tqegħid tagħhom, inkluża d-data li fiha l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun ġie infurmat dwar it-tqegħid potenzjali tal-operazzjonijiet.
Artikolu 9
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
(5) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1142/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)