11.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/937

tal-10 ta’ Mejju 2023

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 fir-rigward tal-inklużjoni tal-in“fosfat tad-diammid iffosfatat prodott mil-lamtu tal-qamħ” fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, sal-1 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid awtorizzat jew innotifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid awtorizzat jew innotifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 ġiet stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (3).

(3)

Il-Kummissjoni identifikat żball fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Biex ikun hemm ċarezza u ċertezza legali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u b’hekk ikun hemm lok għall-implimentazzjoni u għall-użu kif suppost tal-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid, tenħtieġ korrezzjoni.

(4)

L-ikel il-ġdid “Fosfat tad-diammid iffosfatat prodott mil-lamtu tal-qamħ” (lamtu tal-qamħ iffosfatat) ġie awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet tal-użu mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit f’Mejju 2014 f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97. Meta ġiet stabbilita l-lista oriġinali tal-Unjoni, l-ikel il-ġdid tħalla barra minnha bi żball. Għalhekk jixraq li l-“Fosfat tad-diammid iffosfatat prodott mil-lamtu tal-qamħ” jiżdied mal-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi kkoreġut.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja bejn l-entrata tal-“Lamtu tal-qamħirrum iffosfatat” u l-entrata tal-“Fosfatidilserina mill-fosfolipidi tal-ħut”:

“Lamtu tal-qamħ iffosfatat

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Lamtu tal-qamħ iffosfatat’.”

 

Prodotti tal-furnara moħmija

15  %

Għaġin

Ċereali għall-kolazzjon

Bars taċ-ċereali

(b)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja bejn l-entrata tal-“lamtu tal-qamħirrum iffosfatat” u l-entrata tal “Fosfatidilserina mill-fosfolipidi tal-ħut”:

“Lamtu tal-qamħ iffosfatat

Deskrizzjoni:

Il-fosfat tad-diammid iffosfatat prodott mil-lamtu tal-qamħ (lamtu tal-qamħ iffosfatat) huwa lamtu reżistenti mmodifikat kimikament idderivat mil-lamtu tal-qamħ billi jiġu kkombinati trattamenti kimiċi biex jinħolqu ħoloq inkroċjati tal-fosfat fil-molekuli individwali tal-lamtu u bejniethom.

L-ingredjent il-ġdid tal-ikel huwa trab ġieri abjad jew kważi abjad.

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

Nru CAS: 11120-02-8

Formula kimika: (C6H10O5)n [(C6H9O5)2PO2H]x [(C6H9O5)PO3H2]y

n = għadd ta’ unitajiet ta’ glukożju; x, y = gradi ta’ sostituzzjoni

Parametru

Forma ta’ trab 1

Forma ta’ trab 2

Fosfat tad-Diammid Iffosfatat (Bażi niexfa)

≥ 85  %

≥ 75  %

Lamtu tal-qamħ mhux immodifikat (niexef)

≤ 15  %

≤ 25  %

Indewwa

9 -12  %

Fibra totali (materja niexfa)

≥ 76,0  %

≥ 66,0  %

Irmied

≤ 3  %

Proteina

≤ 0,5  %

Xaħam totali

≤ 0,50  %

≤ 0,34  %

Fosfru residwu marbut

≤ 0,4  % (fl-għamla ta’ fosfru)

pH (25 % sospensjoni magħquda)

4,5 /6,5

Metalli tqal:

Arseniku: ≤ 1  mg/kg

Ċomb: ≤ 2  mg/kg

Merkurju: ≤ 0,1  mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali tal-batterji aerobiċi vijabbli: ≤ 10 4 CFU/g

Għadd totali tal-ħmira u tal-moffa: ≤ 200 CFU/g

Escherichia coli: Test negattiv

Salmonella spp.: Test negattiv

CFU: Unitajiet li jiffurmaw il-kolonji”.