IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2023
COM(2023) 582 final
2023/0355(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2014/62/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2023
COM(2023) 582 final
2023/0355(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2014/62/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” ( 1 ), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu bi spejjeż minimi. Għalhekk hija impenjat ruħha għal spinta ġdida biex tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rappurtar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.
Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u monitoraġġ xieraq tal-leġiżlazzjoni. Il-kostijiet tagħhom huma kumplessivament ikkumpensati sew mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u fl-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji, anke minħabba l-iżviluppi organizzattivi u teknoloġiċi li jitolbu li r-rekwiżiti ta’ rappurtar oriġinali jiġu aġġustati. L-akkumulazzjoni tagħhom maż-żmien tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, duplikati, jew obsoleti, frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi ta’ ġbir inadegwati.
Għalhekk, is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma prijorità. F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika inizjattiva inkluża fl-ambizzjoni l-kbira “Ekonomija għas-servizz tan-nies” fil-qasam ta’ politika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Il-proposta se tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rappurtar billi tneħħi rapporti li m’għadhomx meħtieġa.
Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar jikkonċernaw l-awtoritajiet pubbliċi. Din il-proposta tabolixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jittrażmettu data statistika lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ reati ta’ kontrafazzjoni u dwar l-għadd ta’ persuni mixlija u misjuba ħatja ta’ reati ta’ kontrafazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/62/UE 2 . Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom diffikultajiet biex jiġbru u jittrażmettu data affidabbli sabiex jikkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni speċifika, huma ma għandhomx rwol kruċjali fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-att legali speċifiku.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rappurtar. Dan huwa pass fi proċess li jħares b’mod komprensiv lejn ir-rekwiżiti ta’ rappurtar eżistenti, bil-ħsieb li tiġi vvalutata r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex isiru aktar effiċjenti.
Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta minn dawn il-miżuri mhix se taffettwa l-kisba tal-objettivi fil-qasam tal-politika, għar-raġunijiet li ġejjin:
L-objettiv primarju tad-Direttiva 2014/62/UE huwa li tipproteġi l-euro u muniti oħrajn mill-kontrafazzjoni bid-dritt kriminali.
Hija tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-kontrafazzjoni tal-euro u muniti oħrajn kif ukoll dispożizzjonijiet komuni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawk ir-reati u biex tittejjeb l-investigazzjoni tagħhom u biex tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar kontra l-kontrafazzjoni.
L-elementi ewlenin tad-Direttiva jinkludu l-kriminalizzazzjoni tal- “produzzjoni” u d- “distribuzzjoni” ta’ muniti foloz kif ukoll “reati preparatorji” bħall-produzzjoni tal-element tas-sigurtà, id-dispożizzjonijiet dwar il-pieni, u l-prinċipju tat-territorjalità u l-ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali. Hija tinkludi wkoll dispożizzjoni dwar l-użu ta’ ċerti għodod investigattivi, u dispożizzjoni li tiżgura li ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi (NACs) u ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti (CNACs) ikunu jistgħu janalizzaw il-flus foloz tal-euro matul il-proċedimenti ġudizzjarji li jkunu għaddejjin. It-traspożizzjoni effettiva ta’ dawn l-elementi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva.
Barra minn hekk, id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jittrażmettu lill-Kummissjoni data statistika rilevanti relatata mal-għadd ta’ reati li jikkonċernaw karti u muniti foloz u l-għadd ta’ persuni mixlija u kkundannati.
Fil-prinċipju, din id-data tgħin biex tinkiseb stampa aktar kompluta tal-problema tal-kontrafazzjoni fil-livell tal-Unjoni u b’hekk tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta’ rispons aktar effettiv.
Madankollu, l-esperjenza wriet li d-data statistika dwar il-proċedimenti kriminali tal-kontrafazzjoni tal-euro prodotta mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni mhijiex komparabbli u spiss tkun imxerrda, inkompluta u impreċiża. Għalhekk, fil-prattika, l-obbligu ma jikkontribwix b’mod effettiv għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ jekk id-Direttiva laħqitx l-objettiv tagħha.
In-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar tad-data statistika ġeneralment ma jistax jiġġustifika li l-Istati Membri jinħelsu minn dawk l-obbligi. Għall-kuntrarju, jenħtieġ li dan iwassal għal sforzi għall-konformità, inkluż billi jiġu ttestjati approċċi differenti u/jew billi jiġu ffaċilitati standards u formati komuni ta’ rapportar mill-Kummissjoni bħala bażi għall-obbligi ta’ rapportar fuq l-Istati Membri.
Madankollu, b’mod speċifiku, fir-rigward tal-kontrafazzjoni tal-euro, diġà hemm fis-seħħ obbligi ta’ rappurtar dwar l-għadd ta’ muniti u karti tal-flus foloz ikkonfiskati. L-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE jridu jibagħtu karti u muniti foloz liċ-ċentri ta’ analiżi nazzjonali tagħhom għall-analiżi u l-identifikazzjoni. Il-banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn għandhom jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti tal-euro kollha li jissuspettaw li jkunu foloz u jgħadduhom lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.
B’hekk, id-daqs u t-tendenzi tal-fenomenu fih innifsu huma dokumentati sew u magħrufin mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti 3 . Għalhekk, għal dan il-qasam speċifiku tal-kriminalità, l-obbligu li tiġi rrappurtata data statistika dwar il-proċedimenti kriminali mhuwiex essenzjali biex jiġi żgurat li l-objettivi tad-Direttiva jinkisbu u jiġu mmonitorjati.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha tkun adattata għall-iskop tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u timminimizza l-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Din il-proposta hija għalhekk parti mill-programm REFIT, li jnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet tar-rappurtar li jirriżultaw mill-ambjent legali tal-UE.
Filwaqt li ċerti rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali, jeħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piżijiet mhux meħtieġa u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.
Il-proposta attwali tirrazzjonalizza r-rekwiżiti ta’ rappurtar u b’hekk tikseb l-objettivi ta’ leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u inqas ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 83(1) dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li huwa kompatibbli mad-Direttiva 2014/62/UE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għalhekk issir l-aħjar fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-konsistenza tar-rappurtar. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE, li se jkunu qed jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li jirriżultaw minn dawn il-miżuri.
•Proporzjonalità
Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Il-proposta hija għalhekk limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rappurtar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.
•Għażla tal-istrument
Meta jitqies li l-emendi jikkonċernaw biss it-tħassir ta’ obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu data, li ma jirrikjedi l-ebda traspożizzjoni mill-Istati Membri, Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 83(1) TFUE titqies bħala l-aktar strument legali xieraq.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux Applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mhux Applikabbli
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Din il-proposta ġiet identifikata wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rappurtar eżistenti u bbażata fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iskrutinju ta’ tali piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rappurtar. Hija bbażata fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. In-natura mmirata tagħha u n-nuqqas ta’ opzjonijiet ta’ politika rilevanti ifissru li mhix meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati.
Hija se tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-awtoritajiet kompetenti billi telimina rekwiżit żejjed ta’ rappurtar statistiku.
•Drittijiet fundamentali
Mhux Applikabbli
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Mhux Applikabbli
5.ELEMENTI OĦRA
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux Applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-proposta tħassar l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/62/UE dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi partikolari rilevanti għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni tal-muniti u tal-euro. B’hekk hija tabolixxi r-rekwiżiti żejda ta’ rappurtar statistiku stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni speċifika.
2023/0355 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2014/62/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ xieraq u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li kienu maħsuba għalih u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.
(2)L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jitlob li l-Istati Membri jittrażmettu data statistika lill-Kummissjoni, mill-inqas kull sentejn, dwar l-għadd ta’ reati li jikkonċernaw karti u muniti foloz u l-għadd ta’ persuni mixlija u kkundannati b’rabta ma’ dawk ir-reati.
(3)Fir-rigward tal-kontrafazzjoni tal-euro, diġà hemm fis-seħħ obbligi ta’ rappurtar dwar l-għadd ta’ muniti u karti tal-flus foloz ikkonfiskati, jiġifieri fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 6 . Id-daqs u t-tendenzi tal-fenomenu fih innifsu huma dokumentati sew u magħrufin mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għalhekk, għal dan il-qasam speċifiku tal-kriminalità, l-obbligu li tiġi rrappurtata data statistika dwar il-proċedimenti kriminali mhuwiex essenzjali biex jiġi żgurat li l-objettivi tad-Direttiva 2014/62/UE jinkisbu u jiġu mmonitorjati.
(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/62/UE jiġi abolit, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 7 .
(5)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(6)[“F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni” JEW “F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.” ].
(7)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/62/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/62/UE jitħassar.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President