Brussell, 18.6.2021

COM(2021) 332 final

2021/0160(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu

{SWD(2021) 159 final}


2021/0160 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Lussemburgu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tal-Lussemburgu. Fl-2019, il-prodott domestiku gross (PDG) per capita tal-Lussemburgu kien 328 % tal-medja tal-UE. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2021, il-PDG reali tal-Lussemburgu naqas b’1,3 % fl-2020 u mistenni li jiżdied bi 3,1 %, b’mod kumulattiv, fl-2020 u l-2021. L-isfidi fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju huma relatati b’mod partikolari ma’ rati ta’ attività relattivament baxxi, b’mod partikolari għal ħaddiema akbar fl-età, u nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, aggravati mill-prezzijiet tal-proprjetà li qed jogħlew, li jipprevjeni lin-negozji milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex jiddiversifikaw l-ekonomija.

(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lil-Lussemburgu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li (i) jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru li jirriżulta, u meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, jiġu segwiti politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment; tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi tiżgura d-disponibbiltà xierqa tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, u tħaffef ir-riformi biex ittejjeb il-governanza tas-sistema tas-saħħa u tas-Saħħa elettronika; (ii) jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, b’kunsiderazzjoni speċjali għal persuni f’pożizzjoni diffiċli fis-suq tax-xogħol. (iii) jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jappoġġaw il-likwidità tan-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk li jaħdmu għal rashom, jantiċipaw proġetti ta’ investiment pubbliku maturi, jippromwovu l-investiment privat biex irawmu l-irkupru ekonomiku, jiffukaw l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trasport u l-bini sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nodfa u effiċjenti, jikkontribwixxu għal dekarbonizzazzjoni progressiva tal-ekonomija, u jrawmu l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b’mod partikolari fis-settur tan-negozju; (iv) jiżguraw superviżjoni u infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward tal-professjonisti li jipprovdu servizzi ta’ fiduċja u ta’ kumpanija, u servizzi ta’ investiment, kif ukoll iżidu l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari permezz ta’ pagamenti ’l barra mill-pajjiż. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni ssib li r-rakkomandazzjoni li jittieħdu, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, il-miżuri meħtieġa kollha biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnutal-ekonomija u jingħata appoġġ lill-irkupru li jirriżulta, twettqet totalment. Inkiseb progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar l-appoġġ tal-likwidità tan-negozji u r-rakkomandazzjoni dwar il-forniment minn qabel ta’ proġetti ta’ investimenti pubbliċi maturi biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku.

(3)[Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro 2 rrakkomanda lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex, fost l-oħrajn, jiżguraw pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru u biex ikomplu jtejbu l-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill irrakkomandat ukoll it-tisħiħ tal-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, l-iżgurar tal-istabbiltà makrofinanzjarja u l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika Monetarja u t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.] [Jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiġix adottata saż-żmien tal-adozzjoni tas-CID, jekk jogħġbok neħħi l-premessa].

(4)Fit-30 ta’ April 2021, il-Lussemburgu ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din il-preżentazzjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza qed tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali u l-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

(5)Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument ta’ Rkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Huma għandhom jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat ta’ investiment u riformi madwar l-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni kkoordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u l-investimenti u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, dawn ir-riformi u l-investimenti se jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.

Rispons bilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha kemm huma msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.

(8)Il-Lussemburgu jippreżenta firxa wiesgħa ta’ investimenti u riformi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Barra minn hekk, il-Lussemburgu qed jippjana li jikkomplementa l-appoġġ skont ir-Regolament (UE) 2021/241 permezz tal-użu ta’ fondi nazzjonali addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan. Din l-istruttura li tinvolvi fondi nazzjonali addizzjonali tippermetti lil-Lussemburgu jinkludi miżuri li jikkontribwixxu b’mod raġonevoli għas-sitt pilastri kollha tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament minkejja l-kontribuzzjoni finanzjarja massima limitata tiegħu.

(9)L-għażla tal-miżuri tal-Lussemburgu tpoġġi enfasi qawwija fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’kontribuzzjoni klimatika ta’ 60,9 % u kontribuzzjoni diġitali ta’ 31,6 %, ferm ogħla mill-allokazzjonijiet minimi korrispondenti ta’ 37 % u 20 % rispettivament. Il-komponenti ekoloġiċi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma wkoll ġeneralment konsistenti mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (National Energy and Climate Plan, NECP) tal-Lussemburgu, filwaqt li xi proġetti proposti fil-pjan huma wkoll parti minn strateġiji usa’, bħal waħda ddedikata għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għandu wkoll dimensjoni soċjali relattivament b’saħħitha (il-ħiliet, is-saħħa u l-akkomodazzjoni), biex b’hekk tittejjeb il-koeżjoni ekonomnika, soċjali u territorjali.

L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi

(10)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha, jew parti sinifikanti mill-isfidi (Klassifikazzjoni A), identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, indirizzati lil-Lussemburgu jew l-isfidi identifikati f’dokumenti relevanti oħra uffiċjalment adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(11)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza tal-Lussemburgu, minkejja l-fatt li l-Lussemburgu ġeneralment irreaġixxa b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li l-ekonomija tiġi appoġġata permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u l-2021, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawsola Liberatorja Ġenerali.

(12)Il-pjan jinkludi ġabra estensiva ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li huma ta’ kontribut għall-indirizzar effettiv tal-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha, jew parti sinifikanti tagħhom, imfissra fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lejn il-Lussemburgu mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020 dwar (i) il-politiki tas-suq tax-xogħol (l-indirizzar tan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, it-titjib tal-impjegabbiltà ta’ ħaddiema akbar fl-età), (ii) ir-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa, (iii) iż-żieda fl-akkomodazzjoni disponibbli, (iv) it-tranżizzjoni ekoloġika ( l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-trasport sostenibbli, l-ambjent naturali u l-bijodiversità), (v) it-tranżizzjoni diġitali (it-titjib tal-konnettività u tal-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni, u t-trawwim tad-diġitalizzazzjoni tad-ditti u tal-amministrazzjoni pubblika), (vi) is-supervizjoni u l-infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus;

(13)Kontribuzzjoni kbira għall-iżvilupp tal-ħiliet hija pprovduta minn investimenti fi programmi ta’ taħriġ vokazzjonali għal dawk li qed ifittxu impjieg u għall-ħaddiema mqiegħda fuq skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, rispettivament. Dawn il-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll biex itaffu l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi. Il-pjan jinkludi wkoll riforma kumplimentari li għandha tfassal aktar programmi ta’ taħriġ vokazzjonali għall-profili tal-impjiegi l-aktar promettenti.

(14)Ir-reżiljenza u l-governanza tas-sistema tas-saħħa huma mistennija li jissaħħu permezz ta’ riformi u investimenti mmirati biex jindirizzaw uħud mill-problemi strutturali tas-settur tas-saħħa fil-Lussemburgu - in-nuqqas ta’ professjonisti tas-saħħa u l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tas-saħħa - b’mod partikolari permezz tad-diġitalizzazzjoni tagħha. Ir-riforma li għandha l-għan li tagħmel riformulazzjoni leġiżlattiva tal-kompetenzi ta’ għadd ta’ professjonisti tas-saħħa se żżid l-attrazzjoni tal-professjonijiet tas-saħħa u twieġeb għan-nuqqas ta’ prattikanti tal-kura f’kuntest ta’ domanda dejjem tikber għall-kura. L-investimenti jenħtieġ li jkunu wkoll ta’ għajnuna fl-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa bil-ħsieb tal-interoperabbiltà. Ir-reġistru diġitali uniku għall-professjonijiet tas-saħħa se jippermetti l-ġestjoni tad-data dwar il-professjonisti tas-saħħa fil-Lussemburgu, filwaqt li jippermetti proġettazzjonijiet demografiċi fuq terminu qasir sa medju u jidentifika aħjar il-ħtieġa għat-tobba skont il-qasam tal-għarfien espert, u ż-żoni ġeografiċi. Dan għandu jikkontribwixxi biex jiġu antiċipati n-nuqqasijiet ta’ professjonisti. L-iżvilupp tat-telekonsultazzjonijiet huwa wkoll mod kif tiġi limitata l-pressjoni fuq il-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li titnaqqas il-ħtieġa għall-ivvjaġġar fiżiku fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

(15)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà tat-trasport. Dan jinkludi riforma biex jiġi promoss ix-xiri ta’ vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi mill-awtoritajiet u l-entitajiet tal-akkwist, u investiment biex ikompli jiġi skjerat network ta’ punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi madwar il-pajjiż.

(16)Il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità hija segwita permezz ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-muniċipalitajiet jinvestu fit-titjib tal-ambjent naturali u l-istatus tal-bijodiversità taż-żoni urbani, miftuħa, akkwatiċi u tal-foresti tagħhom.

(17)Iż-żieda fil-provvista tal-akkomodazzjoni għandha tiġi appoġġata permezz ta’ investimenti u riformi, b’mod partikolari billi jiżdiedu l-inċentivi u jitneħħew l-ostakli għall-bini. Ir-riformulazzjoni leġiżlattiva tal-Patt dwar l-Akkomodazzjoni se tinċentiva lill-muniċipalitajiet biex joħolqu akkomodazzjoni affordabbli. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli bħala parti mill-proġett ta’ investiment “Neischmelz” għandha tappoġġa l-ħolqien ta’ distrett ġdid tad-djar, kif ukoll tikkontribwixxi għall-produzzjoni nadifa tal-enerġija.

(18)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni u jservi t-tranżizzjoni diġitali. Il-programmi ta’ taħriġ FutureSkills u Ħiliet Diġitali jpoġġu l-enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. L-investimenti f’reġistru diġitali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u t-telemediċina se jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa. Il-miżuri għall-promozzjoni ta’ ekonomija bbażata fuq id-data se jsaħħu s-sigurtà tad-data personali permezz tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ komunikazzjoni quantum ultra-sigura innovattivi ħafna. L-effettività u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi tagħhom se jiżdiedu permezz tad-diġitalizzazzjoni tagħhom.

(19)Il-pjan jinkludi wkoll għadd ta’ riformi li jappoġġaw l-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li jitolbu lil-Lussemburgu jiżgura superviżjoni u infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward tal-professjonisti li jipprovdu servizzi ta’ fiduċja u ta’ kumpanija, u servizzi ta’ investiment. Dawn ir-riformi huma mfassla biex isaħħu l-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-infurzar tiegħu, biex jużaw aħjar id-data rreġistrata dwar persuni ġuridiċi, biex jifhmu aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala bażi għal miżuri ta’ mitigazzjoni mmirati, kif ukoll biex jiċċaraw is-sanzjonijiet applikabbli. Barra minn hekk, ir-reġim applikabbli għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji u tal-kumpaniji se jiġi rieżaminat u msaħħaħ permezz ta’ modifika tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

(20)Il-pjan jinkludi miżura leġiżlattiva li tipprojbixxi d-deduċibbiltà ta’ royalties u pagamenti ta’ mgħax lil ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021. Madankollu, din il-miżura tikkorrispondi mal-implimentazzjoni ta’ ftehim milħuq fil-livell tal-Kunsill tal-UE f’Diċembru 2019, li japplika għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk ikunux ingħataw rakkomandazzjoni biex jindirizzaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Kontribut għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(c) u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Lussemburgu li għalihom huwa kruċjali li jkun hemm suq intern jaħdem tajjeb, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq it-taffija tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(22)Is-simulazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tal-Lussemburgu b’bejn 0,5 % u 0,8 % 3 sal-2026. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi għadd sinifikanti ta’ riformi u investimenti li se jindirizzaw l-impatt tal-kriżi, isaħħu l-potenzjal tat-tkabbir tal-Lussemburgu kif ukoll ir-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tiegħu. L-investimenti u r-riformi tal-pjan huma mistennija jippromwovu rkupru konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Huma mistennija wkoll li jikkontribwixxu biex jissolva n-nuqqas persistenti ta’ ħaddiema tas-sengħa, fattur li jillimita t-tkabbir u l-investiment, b’mod partikolari fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u s-saħħa. B’mod partikolari, il-pjan jinkludi diversi miżuri biex jipprovdu lil dawk li qed ifittxu impjieg programmi online kontinwi mfassla biex jiżviluppaw ħiliet diġitali u oħrajn orjentati lejn il-futur, żviluppati mill-Aġenzija għall-Iżvilupp tal-Impjiegi (ADEM) riformata biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg. Miżuri oħra tal-istrateġija usa’ ta’ governanza diġitali se jikkontribwixxu biex titrawwem l-integrazzjoni diġitali fis-settur privat, b’mod partikolari billi l-esperjenza tal-utenti titqiegħed fiċ-ċentru. Il-miżuri inklużi fil-pjan jappoġġaw ukoll aċċessibbiltà mtejba għad-djar, sistemi ta’ trasport aktar nodfa u aktar effiċjenti u aċċessibbiltà u kwalità mtejba tas-sistema tas-saħħa.

(23)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedi investimenti sinifikanti biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u titjieb il-koeżjoni soċjali, u l-integrazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli. B’mod partikolari, miżura fil-pjan tinkludi mira għall-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età biex titħajjar il-parteċipazzjoni tagħhom u biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li x’aktarx ma jkollhomx ħiliet diġitali aġġornati. Il-pjan għandu l-għan li jilħaq waħda mill-miri ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għall-UE sal-2030, jiġifieri li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom ikunu qed jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena sal-2030. Barra minn hekk, l-investimenti fil-pjan biex tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa huma mistennija li jkunu ta’ benefiċċju għall-persuni l-aktar vulnerabbli. Dan huwa mistenni wkoll li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-koeżjoni soċjali permezz tat-titjib tal-aċċessibbiltà għall-kura tas-saħħa f’żoni li mhumiex moqdijin tajjeb.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(d) u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta' investiment inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(25)Il-pjan tal-Lussemburgu għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi valutazzjoni sistematika ta’ kull miżura kontra l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. L-informazzjoni pprovduta tippermetti li jiġi vvalutat li l-miżuri se jikkonformaw mal-prinċipju, pereżempju, billi jipprovdu ġustifikazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE u tal-Lussemburgu biex tiġi evitata kwalunkwe ħsara sinifikanti.

Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(26)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(e) u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 60,9 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(27)Il-pjan tal-Lussemburgu għall-irkupru u r-reżiljenza jpoġġi enfasi qawwija fuq it-tranżizzjoni ekoloġika. Parti sinifikanti mill-investimenti se tkun iddedikata għal proġetti f’dak il-qasam. Il-pjan jinkludi miżura li tikkonsisti fl-użu ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’sit speċifiku, b’mod innovattiv. Il-Lussemburgu se jistabbilixxi skema ta’ appoġġ għall-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Se tappoġġa wkoll azzjonijiet ta’ protezzjoni u restawr tal-bijodiversità permezz ta’ konvenzjonijiet bejn il-gvern u l-muniċipalitajiet. Sfidi oħra, bħar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, ma għandhomx post prominenti fl-ebda miżura ta’ investiment u huma spjegati l-aktar fil-kuntest tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima baxxa. Dan huwa wkoll il-każ għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport pubbliku, li, madankollu, il-Lussemburgu qed iwettaq indipendentement mill-appoġġ ipprovdut skont ir-Regolament (UE) 2021/241.

(28)B’mod ġenerali, il-miżuri deskritti fil-pjan huma mistennija li jkollhom impatt dejjiemi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika. Huma mistennija jagħtu kontribut sinifikanti għall-avvanz tal-objettivi nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija kif stabbilit fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Lussemburgu, li jirrikjedi miżuri addizzjonali. Huma mistennija wkoll li jikkontribwixxu għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u għall-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) u t-taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 31,6 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/241.

(30)Sett ta’ miżuri inklużi fil-pjan ta’ rkupru u reżiljenza tal-Lussemburgu jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali. Għadd ta’ investimenti għandhom l-għan li jiddiġitalizzaw l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pprovduti kif ukoll is-sistema tas-saħħa, bil-ħsieb li jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tagħhom. Il-pjan jinkludi wkoll investimenti għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati. Dan għandu għax jippromwovi d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni u jikkontribwixxi biex tintlaħaq id-domanda fis-suq tax-xogħol.

(31)Il-pjan tal-Lussemburgu għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi wkoll miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali. Wieħed mill-investimenti inkluż huwa l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni ultra sigura bbażata fuq it-teknoloġija quantum, li se tikkontribwixxi għas-sigurtà tad-data personali, waħda mill-isfidi kbar li joħorġu mit-tranżizzjoni. Il-pjan għandu l-għan ukoll li jiddiġitalizza l-Aġenzija għall-Iżvilupp tal-Impjiegi (ADEM) biex ittejjeb l-effiċjenza tal-awtoritajiet pubbliċi fl-iżgurar tas-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Impatt dejjiemi

(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(g) u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jkollu fil-biċċa l-kbira impatt dejjiem fuq il-Lussemburgu (Klassifikazzjoni A).

(33)L-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi previsti mil-Lussemburgu fil-pjan tiegħu tfasslet bħala lieva addizzjonali biex tappoġġa lil-Lussemburgu fil-kisba tal-objettivi fit-tul tiegħu. Il-miżuri ppreżentati fil-pjan jiffukaw fuq attivitajiet ekonomiċi innovattivi u sostenibbli b’potenzjal ta’ sfruttament sinifikanti. Permezz ta’ ħafna proġetti innovattivi, il-Lussemburgu qed jiddiversifika l-attività ekonomika tiegħu, joħloq opportunitajiet ġodda ta’ investiment, u jibda triq ta’ tkabbir aktar reżiljenti. Barra minn hekk, il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza għandu l-għan li jipprovdi rispons adegwat għall-kriżi tas-saħħa attwali, li x’aktarx taggrava l-inugwaljanzi eżistenti. L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra, inklużi dawk iffinanzjati mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni.

(34)It-tliet pilastri kollha tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jimmiraw lejn bidliet strutturali fil-politiki. L-inizjattivi li jippromwovu l-ħiliet diġitali għandhom l-għan li jsaħħu u jiddiversifikaw il-ħiliet professjonali ta’ dawk li qed ifittxu impjieg u tal-impjegati fuq skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, b’enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. F’perspettiva aktar fit-tul, ir-riformi inklużi fil-pjan biex jitrawwem it-tagħlim tul il-ħajja u titjieb l-adegwatezza tat-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandhom jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar reżiljenti. Il-miżuri inklużi fil-pjan għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tar-reżiljenza u l-prestazzjoni tas-settur tas-saħħa billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ professjonisti u ħiliet tas-saħħa, jippromwovu governanza aħjar u d-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa, inkluża t-telemediċina. Il-miżuri biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għat-tranżizzjoni ekoloġika billi jippromwovu l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u billi joħolqu impjiegi “ekoloġiċi” ġodda. Barra minn hekk, sabiex tiġi promossa ekonomija aktar trasparenti u ġusta, ir-riformi inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jsaħħu l-qafas superviżorju legali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li r-riformi u l-investimenti huma mistennija li jġibu bidla strutturali dejjiema fil-politiki rilevanti.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

(35)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(h) u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.

(36)Il-Lussemburgu ppreżenta sistema robusta ta’ awditjar u kontrolli bi struttura istituzzjonali ċara, allokazzjoni tal-kompiti u mekkaniżmi ta’ rappurtar li għandhom jiżguraw monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-istadji importanti u l-miri. Id-Direttorat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Baġitarji fil-Ministeru tal-Finanzi għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-pjan u jaġixxi bħala punt uniku ta’ kuntatt għall-Kummissjoni. Dan is-servizz, li għandu jaġixxi bħala dipartiment ta’ ġestjoni, huwa responsabbli wkoll għat-tfassil tat-talba għal pagament u d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni u għandu jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Id-dipartiment maniġerjali huwa responsabbli mill-aggregazzjoni tal-informazzjoni kollha relatata mal-indikaturi li għalihom iwettaq ukoll kontrolli tal-konsistenza u, b’mod aktar ġenerali, il-kontroll tal-kwalità. Il-Lussemburgu indika li qed tiġi żviluppata sistema tal-IT għall-ġestjoni u r-rappurtar tal-istadji importanti u tal-miri sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti speċifiċi ta’ ġestjoni u rappurtar deskritti fil-pjan. Skont l-Artikolu 20(5)(e) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Lussemburgu għandu jimplimenta din il-miżura sabiex jikkonforma mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, billi jikkonferma l-istatus tal-implimentazzjoni tagħha mal-ewwel talba għall-ħlas. Għandu jsir awditjar dedikat fuq is-sistema. Ir-rapport jenħtieġ li janalizza kwalunkwe dgħufija relatata misjuba u azzjonijiet korrettivi meħuda jew ippjanati. Dan għandu jiżgura b’mod partikolari li l-Lussemburgu jkollu sistema li tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. Għaldaqstant, ġie introdott stadju importanti sabiex jiġi żgurat li s-sistema tiġi implimentata qabel ma ssir l-ewwel talba għall-pagament.

(37)L-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi (Inspection Générale des Finances — “IGF”), li huwa wkoll l-awtorità tal-awditjar għall-fondi ta’ ġestjoni kondiviża, għandu jaġixxi bħala l-awtorità tal-awditjar għall-implimentazzjoni tal-pjan. Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Lussemburgu li jippreżenta talba waħda għall-pagament kull sena, l-awtorità tal-awditjar għandha twettaq verifika annwali tal-operat u tas-sistema kull sena, li tirriżulta f’rapport annwali tal-awditjar. F’dan ir-rapport, se tivvaluta jekk is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll hijiex qed taħdem b’mod effettiv, sabiex tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli li l-istadji importanti u l-miri ddikjarati fit-talbiet għal pagament ippreżentati lill-Kummissjoni huma korretti. L-awtorità tal-awditjar hija indipendenti mid-dipartiment maniġerjali, li jiżgura segregazzjoni xierqa tar-responsabbiltajiet.

(38)L-istadji importanti u l-miri huma rilevanti wkoll għall-miżuri li diġà tlestew u li huma eliġibbli skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament. It-twettiq sodisfaċenti ta’ dawn l-istadji importanti u l-miri maż-żmien huwa meħtieġ biex tiġi ġġustifikata talba ta’ żborż.

(39)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom.

Estimi tal-prezzijiet

(40)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(i) u t-taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija moderatament raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(41)Għal kull riforma u investiment fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Lussemburgu pprovda spjegazzjoni u ppreżenta dokumentazzjoni biex jissostanzja l-istimi tal-ispejjeż. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż li waslet ġeneralment titqies kompluta u li tinftiehem, anki jekk għal xi miżuri, setgħet ingħatat aktar evidenza u spjegazzjoni aħjar tas-suppożizzjonijiet sottostanti sabiex tinkiseb Klassifikazzjoni A. L-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi (IGF) ivverifika l-miżuri kollha koperti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiżgura li l-ispejjeż stmati jkunu raġonevoli u plawżibbli. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza dokumentarja ta’ din il-verifika. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet, l-ispejjeż stmati huma “raġonevoli” sa ċertu punt medju għal maġġoranza kbira tar-riformi u l-investimenti. Il-Lussemburgu b’mod ġenerali pprovda informazzjoni limitata dwar l-ispejjeż storiċi u komparattivi biex jivvaluta l-plawżibbiltà tal-istimi tal-ispejjeż. Għall-miżuri li bdew mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, ġew ipprovduti fatturi, dokumenti tal-offerti u pjanijiet ta’ proġetti tal-investimenti ppjanati. Għalhekk, l-ispejjeż stmati huma “raġonevoli” sa ċertu punt medju għal maġġoranza kbira tar-riformi u l-investimenti. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u huwa proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(42)Il-Lussemburgu pprovda biżżejjed informazzjoni u evidenza li l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li għandu jiġi ffinanzjat skont ir-Regolament (UE) 2021/241 mhuwiex kopert minn finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni;

Ħarsien tal-interessi finanzjarji

(43)Skont l-Artikolu 19(3)(j) u t-Taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju minn dak ir-Regolament u minn programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(44)Fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet serji, il-Pjan jiddeskrivi l-istruttura organizzattiva nazzjonali li tkopri l-kompiti li għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ mmappjar tar-riskji, responsabbiltajiet u kif dawn għandhom jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess kull fejn iseħħu. L-użu tal-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-punteġġ tar-riskju li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni huwa kkonfermat ukoll. Jenħtieġ li r-riżultati tal-kontrolli jinġabru fil-qosor f’rapport imħejji matul il-kontroll tan-nefqa. Madankollu, mhux il-proċeduri kollha għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni deskritti fil-pjan diġà huma fis-seħħ u dawn mistennija li jkunu kompluti sar-raba’ kwart tal-2021. Skont l-Artikolu 20(5)(e) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Lussemburgu għandu jimplimenta dawn il-proċeduri sabiex jikkonforma mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, billi jikkonferma l-istatus tal-implimentazzjoni tagħha mal-ewwel talba għall-ħlas. Dan għandu jiżgura b’mod partikolari li l-Lussemburgu jkollu sistema li tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. Għaldaqstant, ġie introdott stadju importanti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni qabel ma ssir l-ewwel talba għall-pagament.

(45)Jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli relatati mal-akkwist pubbliku, biex tiġi evitata l-korruzzjoni u biex jitħarsu l-interessi finanzjarji. L-approċċ tal-awditjar tal-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi għandu jkun ibbażat fuq awditu annwali tas-sistema (li jkopri s-sistema stabbilita għar-rappurtar tal-istadji importanti u l-miri u li jkopri wkoll is-sistema ta’ kontroll intern għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni u l-finanzjament doppju) u awditi annwali tal-operazzjonijiet (fuq il-bażi ta’ kampjun adegwat).

Koerenza tal-pjan

(46)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(k) u t-Taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.

(47)Il-pjan tal-Lussemburgu għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonsisti fi tmien komponenti b’taħlita bbilanċjata ta’ investimenti u riformi. Kull komponent huwa mibni bħala kombinazzjoni koerenti ta’ miżuri u għandu wkoll sinerġiji mal-bqija tal-pjan. B’dan il-mod, l-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan, jew fl-istess komponent jew f’komponenti differenti, isaħħu jew jikkumplimentaw lil xulxin, u l-ebda miżura ma tikkontradixxi jew timmina l-effettività ta’ oħra.

Ugwaljanza

(48)L-opportunitajiet indaqs fil-forma ta’ aċċess ugwali għal kulħadd għall-proċeduri u t-taħriġ tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll l-inklużjoni diġitali ġew ikkunsidrati prinċipalment fit-tfassil tal-Komponenti 1A (“Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet”) u 3B (“Modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika”). Persuni b’ħiliet diġitali aktar baxxi, persuni anzjani, u dawk li ma għandhomx smartphone ingħataw kunsiderazzjoni speċjali fit-tfassil tal-miżuri li jiffurmaw dawk il-komponenti. Barra minn hekk, l-investiment fit-telemediċina bħala parti mill-Komponent 1B (“Inżidu r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa”) jiżgura d-disponibbiltà tas-servizz permezz tat-telefon u l-email biex jipprovdi għall-inklużjoni diġitali ta’ persuni b’ħiliet diġitali aktar baxxi u persuni anzjani. Fl-aħħar nett, ir-riforma tal-Patt tal-Akkomodazzjoni 2.0 fil-Komponent 1C (“Inżidu l-provvista ta’ akkomodazzjoni pubblika affordabbli u sostenibbli”) għandha l-għan li twessa’ l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal familji bi dħul baxx li jesperjenzaw diffikultajiet biex jakkwistaw jew jikru dar fis-suq privat.

Awtoevalwazzjoni ta’ sigurtà

(49)Ma ġietx ipprovduta awtoevalwazzjoni tas-sigurtà peress li ma tqisitx xierqa mil-Lussemburgu, skont l-Artikolu 18(4) punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed

(50)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jalloka ammont sostanzjali għal investiment fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni tal-kwantum, li jaqa’ taħt l-Inizjattiva Ewropea għall-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni Quantum (EuroQCI). Dan il-finanzjament u l-investiment immirati huma mmirati lejn qasam strateġiku, kif identifikat fl-istrateġija industrijali Ewropea aġġornata u se jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità u l-istabbiliment ta’ pedamenti biex tiżdied ir-reżiljenza. Se tibni ekosistema ġdida fil-Lussemburgu li toħloq għarfien espert u impjiegi bi kwalifiki għolja f’teknoloġija diġitali avvanzata. Dan se jinkludi wkoll l-iżvilupp u l-użu ta’ konnessjonijiet transkonfinali bejn netwerks ta’ komunikazzjoni kwantum nazzjonali ġirien.

Proċess ta’ Konsultazzjoni

(51)L-abbozz tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ġie ppreżentat lill-Kumitat Parlamentari għall-Finanzi u l-Baġit, li l-feedback tiegħu informa l-finalizzazzjoni tal-pjan. Wara l-adozzjoni tiegħu mill-gvern, il-pjan ġie ppreżentat lill-kumitati parlamentari kkonċernati, kif ukoll lill-plenarja. Il-Membri tal-Parlament esprimew il-fehmiet tagħhom fid-dibattitu sussegwenti qabel il-preżentazzjoni formali. Is-sħab soċjali ġew ippreżentati l-abbozz tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-prijoritajiet li għandhom jiġu riflessi fil-pjan. Wara l-adozzjoni tal-pjan mill-Gvern, saret preżentazzjoni ġdida lill-imsieħba soċjali. Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.

Valutazzjoni pożittiva

(52)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu bis-sejba li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, skont l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ self li ma jitħallasx lura.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(53)L-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu hija ta’ EUR 93 354 077. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa aktar baxx mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għal-Lussemburgu, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu tkun ugwali għall-ammont totali tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(54)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal-Lussemburgu irid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għal-Lussemburgu għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.

(55)L-appoġġ li għandu jingħata għandu jiġi ffinanzjat mill-għoti b’self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 5 . L-appoġġ jenħtieġ li jitħallas bin-nifs ladarba l-Lussemburgu jkun wettaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza;

(56)Il-Lussemburgu talab prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Jenħtieġ li l-ammont ikun għad-dispożizzjoni tal-Lussemburgu soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(57)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Lussemburgu fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Lussemburgu kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura li jammonta għal EUR 93 354 077. Ammont ta’ EUR 76 625 886 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022 6 . Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkola ammont għal-Lussemburgu li jkun ugwali għal dan l-ammont jew ogħla minnu, ammont ieħor ta’ EUR 16 728 191 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għal-Lussemburgu fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness. Ammont ta’ EUR 12 136 030 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 fil-mija tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Lussemburgu jkun laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex wieħed ikun eliġibbli għal pagament, l-istadji importanti u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċijoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75.
(2)    Sakemm issir l-adozzjoni finali mill-Kunsill, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew. It-test miftiehem mill-Grupp tal-Euro fis-16 ta’ Diċembru 2020 jinsab fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14356-2020-INIT/en/pdf
(3)    Simulazzjonijiet bħal dawn jirriflettu l-impatt ġenerali tal-NGEU, li jinkludi wkoll finanzjament għal ReactEU, u aktar finanzjament għal Horizon, InvestEU, JTF, Żvilupp Rurali u RescEU. Simulazzjonijiet bħal dawn ma jinkludux l-impatt pożittiv possibbli tar-riformi strutturali, li jista’ jkun sostanzjali
(4)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(5)    ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(6)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-ammont disponibbli għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022 wara t-tnaqqis tas-sehem proporzjonali tal-Lussemburgu tal-ispejjeż tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.