IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.8.2021
COM(2021) 468 final
2021/0262(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex jiġu emendati l-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII dwar l-approssimazzjoni regolatorja.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal titjib fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jwasslu biex gradwalment l-Ukrajna tiġi integrata fis-Suq Intern tal-UE, inkluż billi titwaqqaf Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva kif stipulat fit-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim, u li jappoġa l-isforzi tal-Ukrajna bil-għan li tlesti t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost l-oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.
2.2.Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ
Skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, il-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim għandhom jiġu indirizzati fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ. Skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII, dak il-Kumitat jista’ jieħu deċiżjoni li jimmodifika l-Anness XVII tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 465(3), dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iwettquhom. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.
2.3.L-att previst tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ
Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, għandu jadotta deċiżjoni li temenda l-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII dwar l-approssimazzjoni regolatorja (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jemenda l-Appendiċijiet imsemmija qabel tal-Anness XVII fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-acquis tal-Unjoni elenkat hemmhekk sa mill-inizjalar tan-negozjati tal-Ftehim fit-30 ta’ Marzu 2012. Dan jikkonforma mal-għan tal-approssimazzjoni regolatorja gradwali tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni kif stabbilit fil-preambolu tal-Ftehim u b’mod partikolari fl-Artikoli 114, 124 u 138 tal-Kapitolu 6 (Stabbiliment, Kummerċ fis-Servizzi u Kummerċ Elettroniku) tat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim.
L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Anness XVII, li jipprevedi li: “Il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jiddeċiedi li jimmodifika d-dispożizzjonijiet tal-Anness XVII, f’każ li jqis li dan ikun neċessarju”. Barra minn hekk, l-Artikolu 465(3) tal-Ftehim jipprevedi li: “Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim u f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ddelegalu s-setgħat. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iwettquhom. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.”
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha l-għan li temenda l-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi tal-posta u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII.
L-emenda tal-Appendiċijiet hija meħtieġa sabiex tirrifletti l-evoluzzjoni tal-acquis tal-Unjoni li seħħet fis-setturi tas-servizzi msemmija hawn fuq sa mill-inizjalar tat-test negozjat tal-Ftehim fit-30 ta’ Marzu 2012.
Din id-deċiżjoni timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn Pajjiż Sieħeb tal-Lvant, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni msemmi hawn fuq. Hija konsistenti mal-objettiv tal-approssimazzjoni regolatorja gradwali tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni kif stabbilit fil-preambolu tal-Ftehim.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-kummerċ, huwa korp stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Id-deċiżjoni li se jadotta l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-kummerċ, tikkostitwixxi atti li għandhom effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 465(3) tal-Ftehim. L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE jipprevedi l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi, bl-eċċezzjoni tas-servizzi tat-trasport, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi inklużi stipulazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju għall-provvista ta’ tali servizzi. L-Artikolu 100(2) TFUE jipprevedi bażi ġuridika rigward miżuri għat-trasport marittimu u bl-ajru.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni inklużi aspetti tat-trasport marittimu internazzjonali.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija pprovduta mill-Artikolu 100(2) TFUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi d-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni se temenda l-Ftehim, huwa xieraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
2021/0262 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 100(2), u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.
(2)Skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jista’ jaġġorna jew jemenda l-Anness XVII tal-Ftehim.
(3)Jenħtieġ li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ jadotta l-att previst dwar l-emendar tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu).
(4)Skont l-Artikoli 114, 124 u 138 tal-Ftehim, iż-żewġ partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni Ewropea. L-Ukrajna għandha tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura gradwalment isiru kompatibbli mal-acquis tal-UE.
(5)Meta jitqies li diversi atti tal-Unjoni elenkati fl-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), fl-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għal servizzi postali u ta’ kurrier) u fl-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) ġew emendati jew revokati mindu ġie inizjalat it-test tal-Ftehim fit-30 ta’ Marzu 2012, huwa meħtieġ l-appendiċijiet jiġu adattati u li ċerti skadenzi jiġu aġġustati biex jitqies il-progress li diġà sar sa issa mill-Ukrajna fil-proċess ta’ approssimazzjoni mal-acquis tal-Unjoni.
(6)Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ, peress li l-att previst rigward il-modifika tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għal servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier) u tal-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Ftehim se jkun vinkolanti għall-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-modifika tal-Appendiċi XVII-3 (Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni), l-Appendiċi XVII-4 (Regoli applikabbli għas-servizzi postali u tal-kurrier), u l-Appendiċi XVII-5 (Regoli applikabbli għat-trasport internazzjonali marittimu) tal-Anness XVII għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President