European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2065

17.9.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2065

tal-14 ta’ Lulju 2026

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ April 2022, il-Ġappun esprima l-interess formali tiegħu li jiġi assoċjat ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-Programm Orizzont Ewropa”).

(2)

Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2023/1081 (2) li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Ġappun għal ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni tal-Ġappun mal-Programm Orizzont Ewropa.

(3)

In-negozjati tlestew u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fit-22 ta’ Diċembru 2025.

(4)

L-objettivi tal-Ftehim huma li jiġi stabbilit qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ġappun u li jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni li jinfetħu għall-parteċipazzjoni tiegħu f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu l-programmi tal-Unjoni kif definiti fil-Ftehim. Bħala tali, l-għan tal-Ftehim huwa li jippermetti lill-Unjoni twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni mal-Ġappun skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim, il-Ġappun jista’ jipparteċipa fil-programmi u fl-attivitajiet tal-Unjoni, li huma miftuħin għall-parteċipazzjoni tiegħu, f’konformità mal-atti bażiċi u kif koperti mill-Protokolli għall-Ftehim.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-Programm Orizzont Ewropa huma stipulati fil-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) tal-Ftehim (il-“Protokoll”).

(7)

F’konformità mad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill, li waslu mingħand il-Kunsill, il-Protokoll ġie nnegozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 17(9) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu. Il-Ġappun jassoċja ruħu mal-Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” tal-Programm Orizzont Ewropa.

(8)

Il-Ġappun jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/695.

(9)

Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li jirrikjedi li l-assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa tal-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ dak il-pajjiż jew dak it-territorju fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li dak il-ftehim jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom, ma jagħtix lill-pajjiż terz kwalunkwe setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni, u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni.

(11)

Bil-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni f’waqtha bejn l-Unjoni u l-Ġappun fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni u li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-entitajiet Ġappuniżi fil-Programm Orizzont Ewropa bl-istatus ta’ entitajiet minn pajjiż assoċjat, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni (3) (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim.

Artikolu 2

1.   Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tal-Ftehim, u soġġett għan-notifiki previsti fih, sakemm jidħol fis-seħħ.

2.   Id-data li minnha l-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1081 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Ġappun għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġappun fil-programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1081/oj).

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2026/2066, 17.9.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2066/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2065/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)