KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑10 ta’ Novembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑651/21
М. Ya. M.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Dritt tas-suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 13 – Dikjarazzjoni ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni magħmula minn werriet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu – Reġistrazzjoni ulterjuri, fuq talba ta’ werriet ieħor, ta’ din id-dikjarazzjoni quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor”
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju hija adita b’talba ta’ werriet intiża għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni li tirrigwarda r-rinunzja tas-suċċessjoni magħmula minn werriet ieħor quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor fejn dan il-werriet imsemmi l-aħħar għandu r-residenza abitwali tiegħu. |
|
2. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprekludix it-talba għal reġistrazzjoni ċċitata iktar ’il fuq. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3. |
L-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġuriżdizzjoni”. |
|
4. |
Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”: “Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.” |
|
5. |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat”, huwa fformulat kif ġej: “Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista’ tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti”. |
|
6. |
L-Artikoli 21 u 22 tal-istess regolament jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Il-liġi applikabbli”. |
|
7. |
L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Regola ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.” |
|
8. |
L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.” |
Id‑dritt Bulgaru
Il‑Liġi dwar is‑Suċċessjoni
|
9. |
Iz-zakon za nasledstvo (il-Liġi dwar is-Suċċessjoni, DV Nru 22, tad‑29 ta’ Jannar 1949), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suċċessjoni”), tipprovdi, fl-Artikolu 48 tagħha, li s-suċċessjoni tiġi akkwistata bl-aċċettazzjoni tagħha u li l-aċċettazzjoni tipproduċi l-effetti tagħha sa mill-ftuħ tas-suċċessjoni. |
|
10. |
Skont l-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi, l-aċċettazzjoni tista’ ssir b’dikjarazzjoni bil-miktub indirizzata lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tal-ġurisdizzjoni fejn infetħet is-suċċessjoni u, f’dan il-każ, l-aċċettazzjoni tiġi rreġistrata f’reġistru previst għal dan il-għan. |
|
11. |
L-Artikolu 51(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li, fuq talba ta’ kull persuna interessata, ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tistabbilixxi għall-persuna intitolata għas-suċċessjoni, wara li tkun sejħitilha, terminu sabiex tiddikjara taċċettax jew tirrinunzjax għas-suċċessjoni. Meta tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontra l-werriet, dan it-terminu jiġi ddeterminat mill-qorti adita bit-tilwima. L-Artikolu 51(2) tal-istess liġi jipprovdi li jekk il-werriet ma jweġibx fit-terminu mogħti, huwa jitlef id-dritt tiegħu li jaċċetta s-suċċessjoni. Skont l-Artikolu 51(3) tal-Liġi dwar is-Suċċessjoni, id-dikjarazzjoni tal-werriet tiġi rreġistrata fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 49(1) ta’ din il-liġi. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 52 tal-imsemmija liġi, ir-rinunzja tas-suċċessjoni ssir skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 49(1) ta’ din l-istess liġi; hija tiġi rreġistrata skont dawn l-istess modalitajiet. |
Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili
|
13. |
L-Artikolu 26(1) tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) (DV Nru 59, tal‑20 ta’ Lulju 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi li l-partijiet f’kawża ċivili huma l-persuni li għan-nom tagħhom u kontra tagħhom issir il-kawża. L-Artikolu 26(2) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi, l-ebda persuna ma tista’ tinvoka d-drittijiet ta’ ħaddieħor f’isimha proprju quddiem qorti. |
|
14. |
Skont l-Artikolu 531(1) tal-imsemmi kodiċi, il-proċedura mhux kontenzjuża titnissel minn talba tal-persuna interessata. |
|
15. |
L-Artikolu 532 tal-istess kodiċi jipprovdi li t-talba tiġi eżaminata fl-Awla tal-Kunsill, ħlief jekk il-qorti tikkunsidra li eżami f’seduta pubblika huwa neċessarju sabiex il-kawża tiġi deċiża korrettament. |
|
16. |
Skont l-Artikolu 533 tal-istess kodiċi, il-qorti għandha tistħarreġ ex officio jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti sabiex id-deċiżjoni mitluba tiġi adottata. Hija tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tiġbor il-provi u tieħu inkunsiderazzjoni fatti mhux imsemmija mir-rikorrent. |
Ir‑Regolament dwar l‑Amministrazzjoni Ġewwa l‑Qrati
|
17. |
Il-Pravilnik za administratsiata v sadilishtata (ir-Regolament dwar l-Amministrazzjoni Ġewwa l-Qrati) (DV Nru 68, tat‑22 ta’ Awwissu 2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jinkludi, fl-Artikolu 39(1) tiegħu, il-lista ta’ reġistri miżmuma fir-reġistru, fuq mezz elettroniku u/jew fuq il-karta, li fosthom hemm ir-“reġistru ta’ aċċettazzjonijiet tas-suċċessjonijiet u ta’ rinunzji tas-suċċessjoni”. |
Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
18. |
M. Ya. M. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), ċittadin Bulgaru, jiddikjara li huwa l-werriet tan-nanna tiegħu, M. T. G., ċittadina Bulgara li mietet fil-Greċja fid‑29 ta’ Marzu 2019. |
|
19. |
Ir-rikorrent adixxa lill-qorti tar-rinviju, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), b’talba intiża għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula mill-konjuġi tad-deċeduta, ċittadin Grieg. Dan tal-aħħar ipprovda ċertifikat tas-suċċessjoni stabbilit mill-awtoritajiet Bulgari, li jipprovdi li d-deċeduta ħalliet bħala werrieta lill-konjuġi tagħha, lit-tifla tagħha u lir-rikorrent (in-neputi tagħha). |
|
20. |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrent ipprovda proċess verbal miktub mill-Eirinodikeio Athinon (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Ateni, il-Greċja) li jindika li l-konjuġi tad-deċeduta deher quddiem din il-qorti fit‑28 ta’ Ġunju 2019 u ddikjara li rrinunzja għall-wirt tagħha. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fit-talba tiegħu, il-konjuġi tad-deċeduta allegatament iddikjara li din kienet għexet l-aħħar fil-Greċja. |
|
21. |
Ir-rikorrent ma jaġixxix bħala rappreżentant tal-konjuġi tad-deċeduta iżda jiddikjara li huwa fil-kwalità tiegħu ta’ werriet ieħor tal-istess grad li għandu interess fir-reġistrazzjoni tar-rinunzja, li bħala konsegwenza tkabbar is-sehem tiegħu mis-suċċessjoni. |
|
22. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li ma tinstabx f’pożizzjoni li tiġbor informazzjoni dwar l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta qabel ma tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja. |
|
23. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi rreġistrata dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula quddiem il-qorti li ġeneralment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, ladarba din id-dikjarazzjoni kienet irreġistrata mill-qorti kompetenti, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. Barra minn hekk, hija għandha dubji dwar il-possibbiltà li r-rinunzja tas-suċċessjoni ta’ wieħed mill-werrieta, tiġi rreġistrata fuq talba ta’ werriet ieħor. |
|
24. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jikkawża kunflitt ta’ ġurisdizzjoni peress li, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata mhux permezz tal-post ta’ residenza abitwali tal-werriet iżda permezz ta’ dak tad-deċedut. Minkejja li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni hija bħala prinċipju dik tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, madankollu huwa possibbli li din il-qorti ma tkunx taf bir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja jew ta’ aċċettazzjoni magħmula quddiem qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-werrieta. |
|
25. |
Għalhekk, fil-fehma tagħha, ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq vojt legali billi jipprevedi ġurisdizzjoni simultanja (jew kumulattiva) ta’ qrati ta’ Stati differenti, jiġifieri dik tal-qorti tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut u dik tal-qorti tar-residenza abitwali tal-werrieta. Barra minn hekk, dan ir-regolament ma jimponix fuq din il-qorti msemmija l-aħħar l-obbligu li tinforma lill-qorti li bħala prinċipju għandha ġurisdizzjoni bid-dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja jew ta’ aċċettazzjoni li jkunu saru. |
|
26. |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-assenza ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni ma jikkorrispondix għall-kunċett tal-leġiżlatur Bulgaru u tal-ġurisprudenza nazzjonali, li jipprovdu li d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni jinżammu fl-istess post u f’reġistru ġudizzjarju wieħed, li fih jistgħu jsiru r-riċerki korrispondenti. Dan il-kunċett iservi sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali, b’din tal-aħħar tirriżulta mill-possibbiltà li l-informazzjoni kollha relatata mal-aċċettazzjonijiet jew mar-rinunzji tas-suċċessjoni tiġi miżmuma fl-istess post, għan li huwa stabbilit ukoll fil-premessa 23 tar-Regolament Nru 650/2012. |
|
27. |
Peress li tali obbligu ta’ informazzjoni ma huwiex espressament previst mir-Regolament Nru 650/2012, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura ta-proċedura li hija adita biha. Ir-rikorrent jitlob mhux ir-reġistrazzjoni tar-rinunzja tiegħu stess tas-suċċessjoni tad-deċeduta, iżda r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni li tirrigwarda r-rinunzja ta’ wieħed mill-werrieta l-oħra. Madankollu, tali proċedura ma hijiex prevista fil-leġiżlazzjoni Bulgara. Il-prinċipju li kull persuna għandha tiddefendi hija stess id-drittijiet tagħha quddiem il-qorti ma jippermettix li jiġu rreġistrati d-dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor fir-reġistru ta’ aċċettazzjonijiet jew rinunzji ta’ suċċessjoni. |
|
28. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, dwar jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprojbixxix b’mod impliċitu li rinunzja ta’ suċċessjoni li kienet saret fl-Istat ta’ residenza abitwali tal-werriet tiġi rreġistrata għat-tieni darba minn qorti ta’ Stat Membru ieħor fejn allegatament kienet tinsab ir-residenza abitwali tad-deċedut. Jidher li r-reġistrazzjoni ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ sens differenti, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ rinunzja u dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni, ma għandhiex tiġi permessa, sabiex tiġi żgurata l-impossibbiltà li jiġu rreġistrati dikjarazzjonijiet kontradittorji. Madankollu, il-fatt ta’ ksur tas-sistema legali Bulgara li tipprovdi, li d-dikjarazzjonijiet kollha li jirrigwardaw aċċettazzjonijiet u rinunzji tas-suċċessjoni jiġu rreġistrati fl-istess post, ma jidhirx li huwa konformi mal-ispirtu tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
29. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li ttendi favur is-soluzzjoni li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ diversi rinunzji tas-suċċessjoni f’diversi pajjiżi. Hija ssostni li tali soluzzjoni ma taffettwax b’mod sinjifikattiv iċ-ċertezza legali ladarba, minn naħa, l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar l-aġir li għandhom jiġu segwiti meta jeżistu diversi dikjarazzjonijiet konsekuttivi ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja tas-suċċessjoni, u min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kawżi dwar is-suċċessjoni, il-qorti adita b’talba tista’ tevalwa l-effett ġuridiku ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, skont id-dati li fihom ikunu saru. |
|
30. |
Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, it-tieni, dwar min jista’ jitlob tali reġistrazzjoni. Dan il-punt huwa importanti, għaliex id-dritt proċedurali Bulgaru ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġu rreġistrati quddiem qorti Bulgara aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir biss mill-werriet personalment. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk werriet jistax jitlob, fl-Istat tar-residenza abitwali preżunta tad-deċedut ir-reġistrazzjoni tar-rinunzja magħmula minn werriet ieħor u rreġistrata fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, ladarba dan ma huwiex espressament previst fl-ewwel Stat. |
|
31. |
Skont il-qorti tar-rinviju, applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 effettiva u konformi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif stabbilit fil-premessa 32 tiegħu, jiġifieri li l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ma għandhiex iġġiegħel lill-werriet jivvjaġġa lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tad-deċedut jew iqabbad rappreżentant ad litem f’dan l-Istat, timponi li kull werriet jista’ jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni magħmula iktar kmieni fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, dan ikun jippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali Bulgaru, fid-dawl tan-neċessità ta’ deroga mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni. |
|
32. |
Mill-banda l-oħra, kieku r-reġistrazzjoni tar-rinunzja ta’ werriet tkun possibbli kemm fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu kif ukoll fil-post tar-residenza abitwali tad-deċedut fid-data tal-mewt tiegħu, iżda dan biss jekk il-werriet jirrinunzja billi huwa personalment jagħmel it-talba, din is-sitwazzjoni jkollha l-effett li tneħħi s-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012. |
|
33. |
Il-qorti tar-rinviju żżid, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 650/2012 fih lakuna, sa fejn ma jimponix fuq il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, biss għar-reġistrazzjoni tar-rinunzja tal-werrieta tas-suċċessjoni, l-obbligu li tibgħat id-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha lill-qorti li ġeneralment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Għalhekk, u sabiex tipprevjeni kunflitti bejn werrieta, iżda wkoll sabiex il-volontà tal-werriet li jirrinunzja li kienet irreġistrata tkun osservata, kull werriet għandu jkun awtorizzat jirreġistra din il-volontà fir-reġistri tal-post tal-aħħar residenza abitwali tad-deċedut. |
|
34. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
35. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kummissjoni Ewropea. |
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
|
36. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma huwiex possibbli, f’dan il-każ, li jiġi ddeterminat b’ċertezza l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet marbuta mas-suċċessjoni tad-deċeduta. Madankollu, din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel lok. |
|
37. |
Skont l-indikazzjonijiet tal-konjuġi tad-deċeduta, l-aħħar residenza abitwali tagħha kienet fil-Greċja. Dan jimplika ġurisdizzjoni għal qrati Griegi sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha ( 3 ), peress li l-liġi applikabbli kienet, bħala prinċipju, il-liġi Griega ( 4 ), sakemm id-deċeduta ma għażlitx il-liġi tal-Istat li tiegħu kellha ċ-ċittadinanza bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, jiġifieri l-liġi Bulgara ( 5 ). |
|
38. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li ma hijiex f’pożizzjoni li tiġbor informazzjoni f’dan ir-rigward qabel ma tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja. |
|
39. |
Din is-sitwazzjoni ta’ tluq ma hijiex ċara: jekk jirriżulta li l-aħħar residenza abitwali tad-deċeduta kienet fil-fatt fil-Greċja, dan ikun ifisser li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012, sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjoni. Din il-ġurisdizzjoni taqa’ għand il-qrati Griegi u l-qorti tar-rinviju jkollha ġurisdizzjoni biss sabiex tirċievi dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jkunu inammissibbli. |
|
40. |
Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika qabelxejn fejn id-deċeduta kellha r-residenza abitwali tagħha qabel ma tqajjem il-kwistjonijiet indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa biss fit-tieni stadju, meta l-qorti tar-rinviju tkun ikkonkludiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni, li hija tkun tista’ tqajjem il-kwistjonijiet indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
41. |
Fit-tieni lok, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-obbligu tagħha li taċċetta strument awtentiku skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tar-raġel tad-deċeduta magħmula quddiem il-qorti (Griega) tar-residenza abitwali tiegħu tista’ tikkostitwixxi strument awtentiku fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. F’każ li l-qorti tasal għall-konklużjoni li hija f’pożizzjoni li taċċetta din id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 650/2012, id-domandi magħmula jistgħu jirriżultaw infondati. |
|
42. |
Mingħajr ħsara għal dawn l-osservazzjonijiet preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar lil din tal-aħħar li d-domandi huma ammissibbli biss sa fejn hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekludu l-eżami mill-qorti tar-rinviju tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni huma kuntrarji għar-Regolament Nru 650/2012 u għandhom jiġu esklużi mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
43. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprekludix li meta werriet ikun irreġistra quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni ta’ deċedut li fid-data tal-mewt tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor, werriet ieħor jista’ jitlob reġistrazzjoni ulterjuri, f’dan l-aħħar Stat, ta’ din ir-rinunzja jew aċċettazzjoni. |
|
44. |
Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, minbarra l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni (fil-każ ta’ dawn il-konklużjonijiet: il-qorti Bulgara), il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kull persuna, li skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (fil-każ ta’ dawn il-konklużjonijiet: il-liġi Bulgara), tista’ tagħmel dikjarazzjoni quddiem qorti li tirrigwarda b’mod partikolari r-rinunzja tas-suċċessjoni, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jirċievu din it-tip ta’ dikjarazzjoni meta, skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, din id-dikjarazzjoni tista’ ssir quddiem qorti. |
|
45. |
Infakkar li d-deċeduta ħalliet bħala werrieta lill-konjuġi tagħha, ċittadin Grieg, lit-tifla tagħha u lir-rikorrent (in-neputi tagħha). Il-konjuġi għamel dikjarazzjoni ta’ rinunzja tas-suċċessjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, jiġifieri qorti Griega. Din id-dikjarazzjoni hija preżunta valida. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda għalhekk, mhux il-validità tal-imsemmija dikjarazzjoni ( 6 ) iżda l-possibbiltà li r-rikorrent jirreġistra din ir-rinunzja quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
46. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 7 ). |
|
47. |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jagħti l-ġurisdizzjoni sabiex jirċievu dikjarazzjoni ta’ rinunzja kemm lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni, kif ukoll lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ werriet. Din hija ġurisdizzjoni internazzjonali komplementari li tidderoga mis-sistema stabbilita permezz tal-Artikoli 4 sa 11 ta’ dan ir-regolament ( 8 ). Fi kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, din hija ġurisdizzjoni ta’ “portata limitata” ( 9 ). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tissemplifika l-proċeduri tal-werrieta u legatarji billi tidderoga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 11 tal-imsemmi regolament ( 10 ). |
|
48. |
Għalhekk, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tistabbilixxi l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula, fil-Greċja, mill-konjuġi tad-deċeduta. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza li r-Regolament Nru 650/2012 ma jimponix fuq il-qorti li quddiemha ssir dikjarazzjoni ta’ rinunzja, l-obbligu li tinforma lill-qorti li bħala prinċipju għandha ġurisdizzjoni bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni. Hija tikkonstata l-preżenza ta’ “vojt legali” f’dan ir-rigward. |
|
49. |
Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 650/2012, fid-dispożizzjonijiet (preskrittivi) tiegħu, jibqa’ sieket dwar il-mod kif dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 13 tiegħu tintbagħat lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni. L-unika indikazzjoni tinsab fil-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li “[p]ersuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni”. |
|
50. |
Għalhekk, skont din il-premessa, li kif tirrileva l-Kummissjoni, ma għandhiex evidentement valur legali minnha nnifisha ( 11 ), ma hijiex qorti iżda l-persuna kkonċernata li għandha tinforma lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 650/2012 donnu “jipprivatizza” t-trażmissjoni ta’ tali informazzjoni ( 12 ). |
|
51. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha diġà rrilevat li la l-Artikolu 13 u lanqas l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprevedu mekkaniżmu ta’ trażmissjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-werriet li jirrinunzja lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni ( 13 ). |
|
52. |
F’dan il-każ, jekk jingħad li l-qorti tar-rinviju hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni u li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tat‑28 ta’ Ġunju 2019 kienet saret fil-forma tajba u dovuta skont ir-rekwiżiti tal-liġi Griega, il-mod li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni ssir taf bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjoni ma huwiex fattur determinanti. L-importanti huwa li dik il-qorti effettivament issir taf b’tali dikjarazzjoni. |
|
53. |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tinbidel minħabba aspetti partikolari tad-dritt Bulgaru msemmija mill-qorti tar-rinviju. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, peress li l-qorti tar-rinviju tindika li l-assenza ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni għall-qorti li rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tmur kontra l-kunċett tal-leġiżlatur Bulgaru u tal-ġurisprudenza nazzjonali, li jipprovdu li d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni jinġabru fl-istess post u f’reġistru ġudizzjarju wieħed, li fih ikunu jistgħu jsiru r-riċerki korrispondenti, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li din hija problema interna għall-ordinament ġuridiku Bulgaru. Għandu jitfakkar li huma l-qrati Bulgari, inkluża l-qorti tar-rinviju, li għandhom jiżguraw l-effett utli sħiħ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012. Fi kliem ieħor, minkejja li, kif għadni kemm stabbilixxejt, dan ir-regolament ma jipprevedix obbligu ta’ informazzjoni għall-qorti li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tistax tinkludi dispożizzjonijiet li jmorru kontra din l-għażla tal-leġiżlatur. |
|
55. |
Għalhekk, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprekludix li, meta werriet irreġistra quddiem qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja tas-suċċessjoni ta’ deċedut li fid-data tal-mewt tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor, werriet ieħor jista’ mbagħad jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni f’dan l-aħħar Stat Membru. |
Fuq it‑tieni domanda preliminari
|
56. |
Permezz tat‑tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprekludix li wieħed mill-kowerrieta, minbarra dak li jkun għamel id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, ikun jista’ jinforma lill-qorti li tkun qed tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni. |
|
57. |
Qabelxejn nirrileva li l-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 tipprovdi li “[p]ersuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet” ( 14 ). |
|
58. |
Wieħed jista’ jifhem din il-premessa fis-sens li hija l-persuna interessata li għandha tinforma personalment lill-qorti jew l-awtorità kkonċernata. Madankollu, jiena nipproponi qari differenti. Fil-fatt, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-kliem “huma nfushom” sabiex jiddistingwi bejn il-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 u l-qorti li quddiemha din il-persuna għamlet din id-dikjarazzjoni – u mhux bejn il-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni u kull persuna oħra. Għalhekk, il-premessa 32 tar-Regolament Nru 650/2012 hija intiża, fuq kollox, sabiex tikkjarifika li l-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-persuni hawn fuq imsemmija ma għandhiex obbligu li tinforma lill-qorti jew l-awtorità li qed jew ser tkun tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet. |
|
59. |
L-iskop tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 jimmilita wkoll favur tali interpretazzjoni. Kif indikajt, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u sabiex jevita lill-werrieta diffikultajiet meta jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali ( 15 ). F’dan il-każ, suċċessjoni tiġi ffaċilitata jekk werriet li jista’ jibbenefika minn rinunzja ta’ suċċessjoni jkun jista’ jinforma lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din is-suċċessjoni meta l-werriet li jirrinunzja ma jkunx għamel dan huwa nnifsu. |
|
60. |
Jien tal-opinjoni, kif ikkunsidrajt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda, li din il-konstatazzjoni ma tistax tinbidel minħabba l-aspetti partikolari tad-dritt Bulgaru msemmija mill-qorti tar-rinviju. |
|
61. |
F’dan ir-rigward, peress li l-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprevedix il-possibbiltà sabiex werriet jitlob ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja ta’ kowerriet, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura l-effett utli sħiħ tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 billi taċċetta t-trażmissjoni ta’ din id-dikjarazzjoni minn werriet ieħor. Inkella, id-dritt proċedurali nazzjonali jkun qed jevita l-interpretazzjoni li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni. |
|
62. |
Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jipprekludix li kowerriet ieħor minbarra dak li jkun għamel id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, jista’ jinforma lill-qorti li tkun qed tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni. |
Konklużjoni
|
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107 u rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140)
( 3 ) Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012.
( 4 ) Ara l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
( 5 ) Ara l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
( 6 ) Dwar il-kunċett ta’ validità, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:49, punti 40 sa 44).
( 7 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, (C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 32); tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708, punt 29), u tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426).
( 8 ) Ara Wautelet, P., f’ Bonomi, A., Wautelet, P., Le droit européen des successions. Commentaire du Règlement (UE) no 650/2012 du 4 juillet 2012, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2016, Artikolu 13, punt 5.
( 9 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 44).
( 10 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 42). Ara wkoll, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 41).
( 11 ) Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-premessi huma ta’ natura deskrittiva u mhux normattiva. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-valur legali tagħhom ġeneralment ma tqumx għas-sempliċi raġuni li normalment huma jkunu riflessi f’test leġiżlattiv. Fil-fatt, ir-regoli ta’ prattika tajba leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitolbu li l-premessi jagħtu l-kuntest fattwali li fih jaqgħu d-dispożizzjonijiet ta’ test leġiżlattiv. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punti 132 et seq.).
( 12 ) Għalhekk, dan ma huwiex obbligu legali għall-persuna kkonċernata, u l-assenza ta’ tali trażmissjoni (ta’ informazzjoni) ma għandha ebda konsegwenza legali. Ara f’dan is-sens, Dutta, A., fi Säcker, F.K., Rixecker, R., Oetker, H., Bimberg, B. (edituri.), Münchener Kommentar zum BGB, vol. 12, it-tmien edizzjoni., C.H. Beck, Munich 2020, Art. 13 EuErbVO, punt 13.
( 13 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja tas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 47). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li f’din il-kawża ma hijiex inkwistjoni l-validità formali ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 650/2012, iżda sempliċement il-mod li bih tiġi informata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni.
( 14 ) Korsiv miżjud minni.
( 15 ) Ara wkoll il-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012.