European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3526

3.6.2024

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-politika dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ f'Ewropa li tagħti s-setgħa

(C/2024/3526)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

FILWAQT LI JFAKKRU:

1.

Il-valuri tal-Unjoni Ewropea minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) (1).

2.

Li l-Artikoli 165(2) u 166(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni permezz ta' miżuri miftiehma.

3.

L-Artikoli 21, 23 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2).

FILWAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU MNIŻŻEL FL-ANNESS I, B'MOD PARTIKOLARI LI:

4.

Filwaqt li l-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa tieħu forom differenti u hija assoċjata ma' perċezzjonijiet, tradizzjonijiet, partijiet ikkonċernati u prattiki differenti, l-Unjoni Ewropea ħadmet għal approċċ sistematiku u sostenibbli għall-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jinħolqu opportunitajiet u kondizzjonijiet ottimali għall-iżvilupp taż-żgħażagħ bħala individwi, gruppi u ġenerazzjonijiet u, fl-istess ħin, azzjonijiet attivi u diliġenti kontra l-esklużjoni, il-prekarjetà u d-deprivazzjoni (3).

5.

L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tirrikonoxxi li l-ħidma fost iż-żgħażagħ taqdi rwol importanti fl-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ (4). Hija supplimentata mill-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ tal-2020, li tistabbilixxi qafas strateġiku għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kwalità fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent tagħha. L-appoġġ għall-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, partikolarment fuq il-livell lokali, huwa prijorità tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

6.

L-istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal li jipparteċipaw u jilagħbu.

7.

Il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali hija wieħed mill-impenji ewlenin tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. L-esklużjoni soċjali tagħmel ħsara lill-ġid taċ-ċittadini u xxekkel il-kapaċità tagħhom li jesprimu lilhom infushom u li jieħdu sehem fis-soċjetà.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU:

8.

L-isforzi konġunti tal-Unjoni Ewropea permezz ta' Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, (5) tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ, tippromwovi t-tagħlim mhux formali u informali u tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għall-attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

9.

Il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ permezz tal-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ, partikolarment permezz tal-mobbiltà tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u sħubijiet ta' kooperazzjoni li jappoġġaw ukoll l-iżvilupp strateġiku ta' prattiki, pedagoġija u għodod, l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u permezz tal-ħidma tas-sħubijiet tal-Kooperazzjoni Strateġika tal-Aġenziji Nazzjonali (SNAC) Europe Goes Local and Democracy Reloading, iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO, fost l-oħrajn.

10.

L-ewwel, it-tieni u t-tielet Konvenzjonijiet Ewropej dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u d-dikjarazzjonijiet finali tagħhom, l-isforzi biex jissaħħu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ permezz tal-Proċess ta' Bonn, (6) kif ukoll il-komplementarjetà tal-ħidma mwettqa fil-Kunsill tal-Ewropa b'rabta mal-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027.

FILWAQT LI JINNOTAW:

11.

L-ideat u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar il-mezzi biex jissaħħu l-kompetenzi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jaħdmu ma' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet kif espressi matul il-Konferenza Belġjana tal-UE dwar iż-Żgħażagħ bejn it-2 u l-5 ta' Marzu 2024 f'Ghent: iż-żgħażagħ enfasizzaw l-importanza tal-promozzjoni tal-ħidma professjonali fost iż-żgħażagħ, ir-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim informali, u t-trawwim ta' spazji inklużivi. Fl-opinjoni tagħhom, dan jista' jinkiseb permezz ta' investimenti strutturali u taħriġ għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, flimkien mal-iżgurar tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u d-djalogu kontinwu bejn il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati bħal edukaturi mhux formali u informali. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ saħqu li aċċess akbar għal opportunitajiet ta' finanzjament fil-livell lokali, ibbaġitjar parteċipattiv iċċentrat fuq iż-żgħażagħ, il-forniment ta' riżorsi għall-ħidma mobbli fost iż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent formali tal-ħidma volontarja fost iż-żgħażagħ huma passi essenzjali lejn il-ħarsien tad-drittijiet ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u lejn it-titjib tas-sensibilizzazzjoni u l-kompetenzi meħtieġa biex jinħolqu spazji inklużivi u sikuri għaż-żgħażagħ.

12.

L-eżiti tal-Konferenza Ewropea dwar il-Ħidma Lokali fost iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija li saret bejn l-20 u t-23 ta' Frar 2024 fi Brussell u r-rakkomandazzjonijiet tagħha għal azzjoni mehmuża fl-Anness IV ta' din ir-riżoluzzjoni. Matul din il-konferenza, ġie espress li “Permezz ta' investiment f'politika lokali soda u dejjiema ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, ibbażata fuq djalogu u parteċipazzjoni intensi, il-gvernijiet lokali joħolqu kundizzjonijiet konkreti għall-iżvilupp ottimali tal-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ. Għalhekk, il-muniċipalitajiet jeħtieġu qafas li jagħti kontorni u ispirazzjoni biex jinħolqu sistemi ta' appoġġ lokali b'saħħithom mfassla apposta. L-Istati Membri għandhom jinvestu biex isawru dan il-qafas flimkien ma' atturi lokali f'network pan-Ewropew.” Barra minn hekk, ġie enfasizzat li “hemm ħtieġa urġenti li jiġu sostnuti investimenti fi prattiki aktar effettivi u effiċjenti marbuta mal-inklużjoni, l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni, id-demokrazija u d-diversità. Il-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ u l-politika lokali dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ joffru postijiet uniċi biex dawn il-valuri umani kollha jissarfu fi prattiki konkreti u diretti”.

FILWAQT LI JILQGĦU:

13.

Ir-raba' Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, li hija ppjanata f'Mejju-Ġunju 2025 f'Malta, bl-appoġġ finanzjarju tal-programm Erasmus+ (Żgħażagħ).

FILWAQT LI JISĦQU LI:

14.

Iż-żgħażagħ mhumiex grupp omoġenju, u għalhekk għandhom għadd kbir ta' identitajiet u ħtiġijiet, riżorsi, kuntesti, sitwazzjonijiet tal-ħajja u interessi differenti. It-talenti, is-saħħa, il-kreattività, l-involviment u l-impenn taż-żgħażagħ jikkontribwixxu għal soċjetà għanja u demokratika. Huma wieħed mis-saħħiet tas-soċjetà, kif ukoll detenturi tad-drittijiet individwali u aġenti tas-solidarjetà u l-bidla. Ħafna żgħażagħ urew sens qawwi ta' reżiljenza u qed ikomplu jimmobilizzaw ruħhom għat-tħassib tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fis-soċjetà (7). Huma għandhom jiġu rikonoxxuti, megħjuna, appoġġati u mogħtija s-setgħa f'dan ir-rwol.

15.

Żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw soċjetà kumplessa u li qed tinbidel milquta minn varjetà ta' żviluppi u sfidi bla preċedent: il-kriżi klimatika globali, il-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kunflitt fil-Lvant Nofsani u kunflitti f'partijiet oħra tad-dinja. Dawn iċ-ċirkostanzi u l-fenomeni għandhom impatt fuq is-saħħa mentali u l-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ u kkaratterizzaw b'mod profond is-soċjetajiet Ewropej f'dawn l-aħħar snin b'effetti dejjiema.

16.

L-inflazzjoni u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja li jirriżultaw mill-isfidi msemmija hawn fuq għandhom impatt qawwi fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal u ż-żgħażagħ, li min-naħa tagħhom jistgħu jwasslu għall-faqar tagħhom u jiddiżinċentivaw l-involviment volontarju fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u jxekklu l-aċċess għaliha. Barra minn hekk, peress li d-diżinformazzjoni, il-polarizzazzjoni u l-fiduċja baxxa fil-politika għandhom impatt kemm fuq l-ilħna tat-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll fuq iċ-ċittadinanza Ewropea attiva tagħhom, hemm ħtieġa li d-demokrazija terġa' tingħata l-ħajja, b'mod partikolari billi jiġu ssalvagwardjati u jinħolqu spazji ċiviċi. Barra minn hekk, diversi fenomeni migratorji jistgħu jikkontribwixxu, fost fatturi oħra, għal aktar diversità fis-soċjetajiet Ewropej. Dawn l-iżviluppi jsawru xenarju soċjetali li jiżvela jew jenfasizza aktar l-inugwaljanzi u qed jaffettwaw il-perċezzjonijiet, l-involviment u l-pożizzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

17.

Fl-intersezzjoni tal-kultura, ir-rikreazzjoni u l-ħin liberu, l-edukazzjoni u t-tagħlim, u l-ħidma soċjali (8), il-ħidma fost iż-żgħażagħ tikkontribwixxi għall-appoġġ, l-iffaċilitar u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ. Dan jgħinhom jinnavigaw it-triq lejn l-awtonomija u jiddefinixxu l-pożizzjoni tagħhom fl-iżvilupp tal-madwar, billi jipprovdilhom opportunitajiet biex jirriflettu dwar l-isfidi u jgħinhom jagħmlu l-aktar għażliet xierqa għalihom infushom. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ hija ppruvata li hija ta' benefiċċju għas-saħħa mentali u l-ġid taż-żgħażagħ: iħossu li hemm rabta bejniethom, u jsawru sens ta' appartenenza, solidarjetà u unjoni fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tas-soċjetajiet tagħna (9). Għalhekk, il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' mhux biss tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-kapaċità li jlaħħqu mal-isfidi attwali iżda toffrilhom ukoll opportunitajiet u proċessi ta' tagħlim li jgħinuhom isiru aktar reżiljenti u mgħammra aħjar biex jiffaċċjaw realtajiet ġodda u li qed jinbidlu (10).

KONXJI LI:

18.

Ewropa li tagħti s-setgħa teħtieġ ċittadini żgħażagħ emanċipati, infurmati u involuti, li jemmnu f'soċjetà miftuħa, demokratika u paċifika bbażata fuq is-solidarjetà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' tappoġġa liż-żgħażagħ jaqdu rwol fil-bini ta' soċjetajiet ġusti, miftuħa u paċifiċi b'impenn u entużjażmu. Minħabba n-natura intrinsika u s-saħħa preventiva tagħha, kif ukoll l-adattabbiltà tagħha għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà u, xi drabi, tingħata rwol ta' rimedju. Madankollu, il-ħidma fost iż-żgħażagħ fid-diversità kollha tagħha u b'appoġġ xieraq tista' toffri liż-żgħażagħ ambjent speċifiku, sikur, emanċipatorju u uniku li fih jinvolvu ruħhom u joħolqu rabta bejniethom.

19.

Ix-xkiel għall-involviment f'attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ għadu jippersisti u mar għall-agħar f'dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, il-pressjoni soċjetali u l-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-għajxien jaffettwaw l-involviment taż-żgħażagħ, jitfgħu pressjoni fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ imwettqa b'voluntiera u jwasslu għall-ħolqien ta' u/jew sejħiet għal forom ġodda ta' involviment volontarju miż-żgħażagħ.

20.

Il-ħolqien tal-prekundizzjonijiet u l-ispazju meħtieġa għaż-żgħażagħ biex jesploraw, jesperimentaw u jgawdu flimkien fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim bil-prattika, inkluż il-logħob u attivitajiet oħra ta' tagħlim mhux formali u informali, huwa parti inerenti mill-ħidma fost iż-żgħażagħ. F'dan ir-rigward, l-ispazju pubbliku huwa organizzat, użat u maqsum minn gruppi differenti għal skopijiet differenti. Barra minn hekk, żgħażagħ b'inqas opportunitajiet għandhom it-tendenza li jkollhom relazzjoni differenti mal-ispazju pubbliku u livell ta' dipendenza fuqu (11), u għalhekk jeħtieġu li jitqies mill-ġdid kif dan jiġi organizzat. Dan jitlob aktar riflessjoni dwar it-tfassil tal-ispazju pubbliku, inkluż dwar il-kwistjoni ta' kif għandu jwieġeb għall-ħtiġijiet u d-drawwiet ta' gruppi differenti, sabiex jinħolqu l-prekundizzjonijiet u l-ispazji meħtieġa għal attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ.

21.

Sabiex jinkiseb aktar apprezzament u rikonoxximent, l-impatt soċjetali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ – inkluż fuq il-livell lokali – jeħtieġ li jsir aktar viżibbli u tanġibbli. Ir-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fis-soċjetà (12) għadu sfida importanti fl-Ewropa u huwa wieħed mill-għanijiet tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat aktar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba jew żviluppati permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

22.

Biex tiffjorixxi, il-ħidma fost iż-żgħażagħ jeħtieġ li tingħata prijorità fil-livelli kollha, minn lokali għal reġjonali u nazzjonali għal dawk Ewropej u internazzjonali. L-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ jista' jinkiseb permezz ta' politika mmirata u miżuri ta' appoġġ fil-livelli kollha, f'approċċ impenjat u sostenibbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma l-eqreb għall-ħajja ta' kuljum taż-żgħażagħ u jaqdu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ.

JIMMIRAW, F'DAN IR-RIGWARD, LI JINDIRIZZAW IR-RWOL TAL-ĦIDMA FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ F'EWROPA LI TAGĦTI S-SETGĦA BILLI:

23.

Jibnu aktar fuq miżuri ta' politika eżistenti, jistabbilixxu l-parametri biex il-ħidma fost iż-żgħażagħ tkun tista' tippożizzjona lilha nnifisha u tadatta ruħha sabiex tappoġġa liż-żgħażagħ fl-isforzi tagħhom biex isibu triqithom lejn l-awtonomija f'realtajiet ġodda. Dan għandu jinkiseb permezz tal-eżerċizzju tal-aġenzija, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni, u f'kuntest tal-aħjar ġid, impenn politiku u ċiviku u sens ta' awtodeterminazzjoni.

24.

Jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ (13) u tal-politika dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha, b'attenzjoni xierqa għal-livell lokali, li huwa l-eqreb taż-żgħażagħ.

25.

Jagħmlu possibbli l-ħolqien ta' ambjenti favorevoli (14), b'mod partikolari bil-ħolqien konġunt ta' dawn l-ambjenti flimkien ma' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu organizzati fi spazji pubbliċi bl-aktar modi xierqa għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

26.

Jiżguraw aċċess ugwali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ kollha, inkluż permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, pereżempju billi jappoġġaw networks bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-ħidma soċjali, kif ukoll partijiet ikkonċernati rilevanti ta' oqsma oħra li jaħdmu ma' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, fejn rilevanti.

27.

Jipprovdu lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ b'edukazzjoni, taħriġ u tagħlim, kompetenzi (jiġifieri għarfien, ħiliet, valuri, attitudnijiet u ħsieb kritiku) u r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġaw il-ħiliet ta' awtonomija, ġudizzju u navigazzjoni taż-żgħażagħ fir-realtajiet li qed jinbidlu.

28.

Jiffaċilitaw u jappoġġaw forom ġodda ta' involviment volontarju u ċiviku, kemm fiżiku kif ukoll online.

29.

Irawmu apprezzament tas-soċjetà u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (15) f'soċjetajiet Ewropej li qed jinbidlu.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FILWAQT LI JADERIXXU MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, FL-OQSMA TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U FIL-LIVELLI ADATTI, BIEX:

30.

Jiżviluppaw jew jappoġġaw aktar politika komprensiva dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif xieraq, flimkien ma' politika usa' dwar iż-żgħażagħ permezz ta' oqfsa u mekkaniżmi ta' appoġġ u finanzjament sostenibbli għall-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jqisu r-realtajiet u l-atturi eżistenti tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u prattiki ġodda, aktar sperimentali u innovattivi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ. Din il-politika dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tibni fuq inizjattivi ta' politika eżistenti marbutin mal-ħidma fost iż-żgħażagħ, tkun ibbażata fuq l-evidenza u l-għarfien u tiġi żviluppata aktar b'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

31.

Jappoġġaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-promozzjoni ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha, bl-attenzjoni li jistħoqq il-livell lokali, u jkomplu jappoġġaw it-tisħiħ tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, partikolarment fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, fejn xieraq.

32.

Jagħmlu użu mill-intersezzjonalità bħala mezz biex jidentifikaw u jifhmu l-ostakli u l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, partikolarment dawk b'inqas opportunitajiet, fl-aċċess għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, u jieħdu azzjoni biex jegħlbu dawn l-ostakli. Il-miżuri u l-azzjonijiet ta' politika għandhom ikunu kemm preventivi kif ukoll reattivi, sabiex jindirizzaw l-għażla varjata ta' identitajiet, ostakli u sfidi taż-żgħażagħ.

33.

Jiffaċilitaw u jinċentivaw informazzjoni faċli għaż-żgħażagħ dwar ħidma ta' kwalità għaż-żgħażagħ u aċċess ugwali għalih għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, permezz ta' attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess ugwali għal informazzjoni ta' kwalità dwar id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-opportunitajiet tagħhom u jibbenefikaw minnha.

34.

Jiffaċilitaw u jappoġġaw forom ġodda u innovattivi ta' involviment volontarju u ċiviku, kemm fiżiku kif ukoll virtwali, u jipprovdu riżorsi, spazju u forom oħra ta' appoġġ għal dawn il-forom ġodda ta' ħidma fost iż-żgħażagħ.

35.

Aktar sforzi biex jiġu ffaċilitati, stabbiliti, jinħolqu flimkien u, fejn possibbli, jiġu ġestiti b'mod konġunt l-ambjenti favorevoli li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu organizzati fl-ispazju pubbliku b'modi li huma l-aktar xierqa għall-benefiċjarji tiegħu, b'mod partikolari billi:

a)

Jinvolvu ż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni tal-ispazju pubbliku, u għalhekk jagħmlu użu minn perspettiva inklużiva taż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni ta' spazji pubbliċi sabiex ikun jista' jinħoloq ambjent favorevoli fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' spazji ċiviċi.

b)

Ikomplu joħolqu u jappoġġaw spazji assoċjattivi aċċessibbli kemm fiżiċi kif ukoll virtwali għaż-żgħażagħ li fihom l-attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ jistgħu jagħtu l-frott u jiġu promossi.

c)

Jirrivitalizzaw it-tagħlim bil-prattika, inkluż il-logħob permezz tal-assoċjazzjoni (“la vie associative” (16)) fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dan jista' jsir billi tinħoloq kultura ta' logħob siewi, bil-ħsieb li jiġi rikonoxxut u enfasizzat it-tagħlim bil-prattika, inkluż il-logħob bħala mezz ta' tagħlim mhux formali jew informali li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja taż-żgħażagħ fl-ispazju soċjali u jiżviluppa l-kreattività u l-kompetenzi soċjali tagħhom. Dan imbagħad jikkontribwixxi għat-tagħlim tul il-ħajja u fil-firxa tal-ħajja u għall-kapaċità li jiġu nnavigati diversi kuntesti soċjali.

d)

Joħolqu kultura parteċipattiva permezz tal-użu ta' metodi li huma adattati għall-kwistjonijiet ikkonċernati, il-gruppi ta' żgħażagħ involuti, u l-kuntest li fih isseħħ il-parteċipazzjoni.

36.

Jaħdmu għal perspettiva minn isfel għal fuq billi jħallu l-għarfien, l-esperjenza u l-prattika lokali dwar l-organizzazzjoni tal-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ jinfurmaw il-livell Ewropew. Dan jista' jinkiseb, fejn xieraq, billi l-muniċipalitajiet u awtoritajiet lokali jew reġjonali oħra jiġu pprovduti b'riżorsi, mezzi u pjattaformi għall-iskambju, biex ikunu jistgħu jesperjenzaw l-identità Ewropea, jikkooperaw, u jarrikkixxu l-livell lokali b'dimensjoni Ewropea, pereżempju, fi ħdan programmi eżistenti tal-UE jew billi tissaħħaħ il-governanza f'diversi livelli.

37.

Iżidu l-isforzi biex joħolqu kundizzjonijiet ugwali għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, bl-għan li jikkalibraw l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jistabbilixxu profili u, fejn rilevanti, kompetenzi li jinkludu l-għarfien, l-attitudnijiet, il-ħiliet, il-valuri u l-fehim kritiku li huma meħtieġa biex issir ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ. Dan il-fehim komuni jista' jinkiseb permezz tal-iskambju ta' prattiki tajba madwar l-Unjoni Ewropea u għandu jqis oqfsa ta' kompetenza u għodod ta' valutazzjoni eżistenti, bħall-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-portafoll tal-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u l-Pass taż-Żgħażagħ.

38.

Irawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-voluntiera u ħaddiema mħallsa li jaħdmu maż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi jkomplu l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ u dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, ikomplu r-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jrawmu l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-prospetti ta' karriera u t-toroq ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, u jipprovdu informazzjoni dwar opportunitajiet ta' taħriġ disponibbli u jikkondividuhom.

39.

Jagħtu aktar rikonoxximent lill-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala mezz ta' għajnuna liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta u l-awtonomija, filwaqt li jirrikonoxxu li din għandha impatt intrinsiku fuq il-benefiċjarji tagħha li jistħoqqlu viżibbiltà akbar.

40.

Jenfasizzaw il-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala mutur tal-inklużjoni billi jistimulaw, jappoġġaw, jiddokumentaw u juru d-diversità fil-parteċipanti tagħha, filwaqt li jqisu li ż-żgħażagħ mhumiex grupp omoġenju, u b'hekk għandhom għadd kbir ta' identitajiet u ħtiġijiet, riżorsi, sfondi, sitwazzjonijiet tal-ħajja u interessi diversi.

41.

Joħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli rilevanti kollha jinvolvu ruħhom aktar fil-kooperazzjoni fil-livell tal-UE sabiex il-ħidma fost iż-żgħażagħ titqiegħed b'mod aktar prominenti fiċ-ċentru tal-attenzjoni u jtejbu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jtejbu l-kwalità u l-innovazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha.

42.

Jipprovdu informazzjoni dwar, jikkoordinaw u jisfruttaw ir-riżultati tal-proġetti rilevanti tal-SNAC u, fejn xieraq, jinkorporawhom fil-pjanijiet ta' politika.

43.

Jagħmlu aktar riċerka u jiġbru, flimkien mal-atturi rilevanti, data diżaggregata dwar il-benefiċjarji tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, is-sostenibbiltà, l-impatt u d-disponibbiltà tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. B'kollaborazzjoni ma' dawk li jfasslu l-politika, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, kif ukoll riċerkaturi taż-żgħażagħ u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, jesploraw modi u jiżviluppaw mezzi kif ikejlu kemm l-eżiti intrinsiċi kif ukoll estrinsiċi għall-benefiċjarji u l-impatt fuqhom permezz ta' metodi ta' riċerka kwantitattivi u kwalitattivi. Dan jippermetti lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jirriflettu fuq il-ħidma tagħhom u juru l-eżiti u l-impatt tal-attivitajiet tagħhom.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, FIL-LIVELLI XIERQA u FILWAQT LI JQISU Ċ-ĊIRKUSTANZI NAZZJONALI SPEĊIFIĊI TAGĦHOM:

44.

Jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu informazzjoni dwar u joħolqu kundizzjonijiet ottimali għall-politiki dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ, ir-riżorsi, u l-involviment fil-politiki dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ f'livelli oħra.

45.

Jiżguraw l-indipendenza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u jintegraw il-ħidma fost iż-żgħażagħ f'setturi rilevanti oħra, filwaqt li jiżguraw id-diversità u l-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bil-ħsieb li jappoġġaw liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta fi żminijiet li jinbidlu.

46.

Jiffaċilitaw jew joħolqu kundizzjonijiet favorevoli li bihom żgħażagħ minn kull ambjent ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fit-tfassil tal-ispazju pubbliku u l-ambjenti tal-għajxien.

47.

Jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ għall-ispazji tax-xogħol taż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' finanzjament fit-tul u stabbli, u infrastruttura – li tinkludi kemm faċilitajiet fuq ġewwa kif ukoll fuq barra – fi spazji pubbliċi.

48.

Jippromwovu l-ħolqien u l-użu ta' spazji fiżiċi u virtwali bit-tikketta tal-kwalità għall-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet rilevanti, bħall-Kunsill tal-Ewropa u t-tikketta tal-kwalità tiegħu għaċ-ċentri taż-żgħażagħ.

49.

Jippromwovu t-tagħlim bil-prattika, inkluż il-logħob bħala metodu għat-tagħlim mhux formali u informali bħala parti mill-offerta regolari ta' ħidma fost iż-żgħażagħ bħala mezz għall-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja tal-benefiċjarji tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

50.

Jinvestu fil-bini ta' aktar sħubijiet bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ u setturi oħra sabiex tissaħħaħ il-kapaċità għall-promozzjoni mill-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u jinħoloq rikonoxximent usa' tal-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-ħajja taż-żgħażagħ.

51.

Iwettqu, jiffaċilitaw u jappoġġaw riċerka lonġitudinali u bbażata fuq l-evidenza dwar l-impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fuq iż-żgħażagħ u s-soċjetà.

52.

Jappoġġaw aktar l-amministrazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u azzjonijiet dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ.

53.

Jiffaċilitaw u jimmiraw għal proċeduri amministrattivi sempliċi għal organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ.

54.

Jiffaċilitaw u jistimulaw l-innovazzjoni fil-komunità tal-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

55.

Iżżid l-enfasi fuq l-iżvilupp tal-politika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu, fejn rilevanti, id-dimensjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ b'mod espliċitu fil-politiki u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar iż-żgħażagħ, billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll dawk li jfasslu l-politika dwar iż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-programmi tal-UE dwar iż-żgħażagħ.

56.

Tippromwovi aktar is-sinerġiji bejn l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, inkluż il-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ, l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u l-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ.

57.

Tinvestiga l-possibbiltà li jinħolqu azzjonijiet apposta ta' esperimentazzjoni tal-politika fil-programmi taż-żgħażagħ tal-UE li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu sħubijiet strateġiċi bil-għan li jiżviluppaw ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ.

58.

Fi ħdan inizjattivi rilevanti, bħall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, tipprovdi appoġġ jew tkompli tappoġġa u tinċentiva t-tfassil mill-ġdid tal-ispazji pubbliċi biex tiżgura li jkunu favur iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ.

59.

Tesplora l-possibbiltà li toħloq rabta b'saħħitha bejn l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u spazji għall-ħidma fost iż-żgħażagħ billi tintegra perspettiva taż-żgħażagħ fl-inizjattiva, u mal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tiġi ankrata f'opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bil-ħsieb li tiżgura approċċi sostenibbli għall-ħolqien ta' ambjenti favorevoli.

60.

Tenfasizza r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fi tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fl-indirizzar ta' sfidi demografiċi, u toħloq rabtiet bejn il-ħidma fost iż-żgħażagħ u oqsma oħra ta' interess għaż-żgħażagħ bħall-klima, id-diġitalizzazzjoni, u l-impjiegi.

61.

Tistimula l-iskambju u l-kollaborazzjoni bejn il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-Koordinatur tal-Kummissjoni Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll koordinaturi rilevanti oħra tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex tingħata aktar viżibbiltà lill-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-politika kollha tal-UE.

62.

B'kollaborazzjoni mas-Sħubija taż-Żgħażagħ bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-Żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħrajn fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tikkunsidra toroq possibbli għall-valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġi introdott mekkaniżmu Ewropew ta' rikonoxximent jew linji gwida ta' validazzjoni għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, abbażi ta' segwitu sistematiku u strutturat ikkombinat ma' valutazzjoni awtonoma u esterna, u struttura ta' governanza xierqa taħt is-Sħubija għaż-Żgħażagħ bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa.

63.

Tiżgura l-kontinwità fl-għarfien dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari permezz ta' networks dedikati jew għodod online bħas-Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-Żgħażagħ, il-Wiki taż-Żgħażagħ, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, iċ-ċentri tar-riżorsi SALTO, in-network RAY u ċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien għall-Politika taż-Żgħażagħ, jew għodod rilevanti oħra, u tiżgura l-viżibbiltà ta' dawn in-networks u l-għodod.

64.

Strutturalment tinkorpora konvenzjonijiet futuri ta' ħidma fost iż-żgħażagħ fil-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ.

65.

Tqajjem kuxjenza u tiffaċilita l-aċċess għall-programmi taż-żgħażagħ tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' formati aċċessibbli li jiġbdu aktar nies u jissimplifikaw ir-regoli tal-ispejjeż u amministrattivi.

66.

Tiżgura appoġġ adegwat tal-UE għal attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi tagħmel il-finanzjament tal-UE, pereżempju permezz ta' programmi eżistenti tal-UE għaż-żgħażagħ, inkluż il-kundizzjonijiet u l-proċess tagħhom, aktar sempliċi, aktar attraenti, u aktar faċilment aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali, u b'mod partikolari lokali, b'mod partikolari bl-użu ta' approċċ mikro u billi tippermetti l-esperimentazzjoni. Barra minn hekk, ittejjeb it-tixrid ta' informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli.

67.

Fejn xieraq, issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa permezz tas-Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-Żgħażagħ sabiex tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ permezz tal-ġbir tal-għarfien u l-evidenza u l-iżvilupp ta' għodod ta' taħriġ. Dan jista' jinkiseb pereżempju billi:

a)

Jitqies investiment koordinat u strutturali mis-Sħubija biex imexxi l-Proċess ta' Bonn 'il quddiem u jiżgura sinerġiji u konnessjonijiet bejn is-sħubija u atturi oħra li jikkontribwixxu għall-proċess ta' Bonn u jappoġġawh.

b)

Isir investiment fl-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ billi jiġu identifikati l-istrutturi u r-riżorsi sostenibbli meħtieġa, fejn rilevanti billi jiġi żviluppat fehim komuni dwar il-ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ permezz ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza, jinbena network ta' diversi partijiet ikkonċernati u tiġi żgurata kooperazzjoni sinifikanti bejniethom, jinżiedu s-sinerġiji, u tingħata għajnuna fl-adozzjoni ta' approċċ ikkoordinat għall-edukazzjoni u t-taħriġ kemm ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bi ħlas kif ukoll volontarjament.

c)

Tiġi mħeġġa kollaborazzjoni msaħħa billi jitrawmu aktar interazzjonijiet bejn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u speċjalisti minn diversi oqsma rilevanti, u b'hekk tikber il-firxa ta' attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u jitrawmu prattiki innovattivi.

d)

Jiġu implimentati miżuri ta' appoġġ biex jagħtu s-setgħa u jsaħħu l-ħidma fost iż-żgħażagħ, bħala mezz li jagħti ħila liż-żgħażagħ permezz ta' involviment demokratiku u parteċipazzjoni attiva.

e)

B'kollaborazzjoni mal-ħarrieġa, l-edukaturi u r-riċerkaturi, jiġu involuti b'mod attiv il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fit-tiswir tal-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ.

f)

Jiġu esplorati modi kif jiġi sorveljat l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa permezz tal-ħolqien ta' indiċi ta' progress tal-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-KOMUNITÀ TA' PRATTIKA TAL-ĦIDMA FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ BIEX:

68.

Tkompli tinkoraġġixxi l-involviment soċjetali taż-żgħażagħ.

69.

Tiżgura l-għoti ta' informazzjoni adatta għaż-żgħażagħ, u aċċess ugwali u sikur għal attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni fihom għaż-żgħażagħ.

70.

Toħloq ambjent li jiffaċilita l-iżvilupp u r-rikonoxximent ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ u jkollha djalogu mas-sħab rilevanti kollha biex jiġu ottimizzati l-ispazji pubbliċi għall-prattiki ta' ħidma fost iż-żgħażagħ għall-benefiċċju taż-żgħażagħ.

71.

Tqajjem iktar kuxjenza dwar l-importanza ta' ħidma kontinwa fuq ir-riżorsi u l-kompetenzi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (17) u tiżviluppa programmi ta' mentoraġġ u taħriġ għal ħaddiema aspiranti maż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ diġà fil-qasam.

72.

Tqajjem kuxjenza fost organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ dwar l-importanza li jikkontribwixxu għal kwistjonijiet marbuta mal-politika u tappoġġahom biex jiksbu l-kompetenzi meħtieġa biex jagħmlu dik il-kontribuzzjoni.

73.

Tagħmel aktar sforzi biex persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jkunu jistgħu jinvestu fl-innovazzjoni u tenfasizza li l-prattika internazzjonali, pereżempju permezz tal-parteċipazzjoni f'Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, hija waħda mill-modi ta' innovazzjoni possibbli.

74.

Tippromwovi r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell tas-soċjetà u timmira li tneħħi l-ostakli għal dan ir-rikonoxximent u tkompli tinvesti fi sħubijiet ma' setturi ta' politika rilevanti oħra, bħas-saħħa u l-benesseri, l-ambjent u l-klima, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-valuri Ewropej, ix-xogħol u l-inklużjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati biex tikkonsolida l-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala sieħeb tas-soċjetà.

75.

Issaħħaħ u tiżviluppa networks ta' organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ biex trawwem il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni fl-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ u trawwem aktar interazzjoni u kollaborazzjoni ma' atturi oħra fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll aktar koordinazzjoni u kollaborazzjoni fi ħdan il-komunità ta' prattika biex toħloq ekosistema b'saħħitha ta' ħidma fost iż-żgħażagħ.

76.

Tkompli tinvesti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u fil-kontribut għal konvenzjonijiet futuri ta' ħidma fost iż-żgħażagħ bħala mezz biex ikompli l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, fil-livelli kollha.

JISTIEDNU LILL-ATTURI KOLLHA INVOLUTI F'ATTIVITAJIET TA' KOOPERAZZJONI EWROPEA FIL-QASAM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ (18) JISTINKAW BIEX:

77.

Jistabbilixxu sinerġiji, kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ.

(1)   “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

(2)  B'mod partikolari d-dritt li wieħed jieħu sehem f'attivitajiet ta' logħob u ta' rikreazzjoni fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-obbligu korelatat tal-Istati Partijiet li jirrispettaw u jippromwovu dan id-dritt u li “jinkoraġġixxu l-għoti ta' opportunitajiet xierqa u ugwali għal attivitajiet rikreattivi u ta' divertiment.”

(3)  Għal ħarsa ġenerali lejn strumenti ta' politika eżistenti li kkontribwew għall-iżvilupp ta' dan l-approċċ sistematiku u sostenibbli, ara, fl-anness ta' din ir-riżoluzzjoni, Schild, H., “Mapping Existing European Youth Policy Strategies on Youth Work”, pubblikazzjoni maħruġa taħt l-awspiċji tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2024).

(4)  Barra minn hekk, il-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ jirriflettu l-fehmiet taż-żgħażagħ Ewropej dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ li huma ta' rilevanza għal din ir-riżoluzzjoni.

(5)  Il-Premessa 1 tar-Regolament (UE) 2021/817.

(6)  Il-Proċess ta' Bonn huwa l-proċess imsemmi fl-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ bħala l-proċess għall-implimentazzjoni ta' dik l-aġenda.

(7)  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01); il-paragrafu 17 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali ta' Ewropa sostenibbli għaż-żgħażagħ (2023/C 185/06).

(8)  Williamson H., Coussée F., 'Chapter 14 – Reflective trialogue: conclusions from the history project – 12 trilemmas for youth work', The history of youth work in Europe, volum 7, (sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ, 2019), p. 193-208.

(9)  Kif imsemmi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (C/2023/1337), “Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha rwol sinifikanti fil-promozzjoni tal-ġid fost iż-żgħażagħ u fil-prevenzjoni ta' problemi ta' saħħa mentali.”

(10)  F'dan ir-rigward, ara, fl-anness ta' din ir-riżoluzzjoni, Williamson, H., Taking stock – Where are we now, Youth Work in a Contemporary Europe (Ottubru 2023), pubblikazzjoni maħruġa taħt l-awspiċji tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2024).

(11)  M. Moris & M. Loopmans (2019) De-marginalizing youngsters in public space: critical youth workers and local municipalities in the struggle over public space in Belgium, Journal of Youth Studies, 22:5, 694-710.

(12)  Interpretat f'konformità mad-Dikjarazzjoni Finali tat-tielet Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ — Signposts for the Future, Bonn, l-10 ta' Diċembru 2020, pp. 12-14.

(13)  Kif deskritt fl-Anness dwar “Deskrizzjonijiet” f'din ir-riżoluzzjoni.

(14)  Kif deskritt fl-Anness dwar “Deskrizzjonijiet” f'din ir-riżoluzzjoni.

(15)  Kif deskritt fl-Anness dwar “Deskrizzjonijiet” f'din ir-riżoluzzjoni.

(16)  Għall-kunċett ta' “la vie associative”, ara Williamson, H., Taking stock – Where are we now, Youth Work in a Contemporary Europe (Ottubru 2023), p. 111 u ff.

(17)  F'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01).

(18)   “Filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi u d-deċiżjonijiet tal-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ f'dawn l-aħħar snin, l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 għandha l-għan li tindirizza l-isfidi eżistenti u li jmiss li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa kollha. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tipprovdi qafas ta' objettivi, prinċipji, prijoritajiet, oqsma ċentrali u miżuri għal kooperazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha b'kunsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi tagħhom u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti huma, fost oħrajn, l-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa, awtoritajiet lokali u reġjonali, kunsilli taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi u l-atturi tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-istrutturi tal-programmi Erasmus+ u l-Korp ta' Solidarjetà Ewropea u l-programmi suċċessuri tagħhom.” Riżoluzzjoni dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01).


ANNESS I

Kuntest politiku

Unjoni Ewropea

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (C/2023/1337),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni interġenerazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ biex jitrawmu d-djalogu u l-koeżjoni soċjali (2022/C 495/03),

—

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)142 final),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar is-salvagwardja u l-ħolqien ta' spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ (2021/C 501 I/04),

—

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (2020/C 415/01),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-ħolqien ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ f'żoni rurali u remoti (2020/C 193/03),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ħidma Diġitali Fost iż-Żgħażagħ (2019/C 414/02),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (2019/C 412/03),

—

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01),

—

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (2017/C 418/02),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-appoġġ liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' ħiliet essenzjali għall-ħajja li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni b'suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol (2017/C 189/06),

—

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (2013/C 168/03),

—

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01),

—

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (2010/C 327/01),

—

White paper tal-Kummissjoni Ewropea, A New Impetus for European Youth (Spinta ġdida liż-żgħażagħ Ewropej) (COM(2001) 681 final),

—

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – rapport dwar l-eżitu finali (Mejju 2022).

Kunsill tal-Ewropa

—

Rakkomandazzjoni CM/Rec(2023)9 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni politika attiva ta' żgħażagħ minn minoranzi nazzjonali,

—

Riżoluzzjoni CM/Res (2020)2 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istrateġija 2030 tal-Kunsill tal-Ewropa għas-settur taż-żgħażagħ,

—

Kungress tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, Ħidma fost iż-żgħażagħ: ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (CG-FORUM (2021)01-02final),

—

Rakkomandazzjoni CM/Rec(2017)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ,

—

Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)8 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ,

Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ

—

L-għanijiet tal-politika Ewropea tal-ħidma fost iż-żgħażagħ analizzati: Ir-rwol tas-sħubija taż-żgħażagħ bejn l-UE u l-KtE fl-interazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa (2021).


ANNESS II

Deskrizzjonijiet

Ħidma ta' Kwalità fost iż-Żgħażagħ

Il-“ħidma fost iż-żgħażagħ” hija terminu wiesa' li jkopri varjetà wiesgħa ta' attivitajiet ta' natura soċjali, kulturali, edukattiva, ambjentali, sportiva, u politika miż-żgħażagħ, magħhom u għalihom, fi gruppi jew individwalment. Tista' titqies bħala approċċ speċifiku u uniku fi ħdan firxa usa' ta' sistemi pedagoġiċi u edukattivi (l-edukazzjoni, il-benesseri, il-prevenzjoni, il-ġustizzja, it-taħriġ, l-impjegabbiltà, eċċ.), spiss appoġġat jew maħluq mill-gvernijiet. Titwettaq minn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bi ħlas jew volontarjament u hija bbażata fuq proċessi ta' tagħlim mhux formali u informali kkonċentrati fuq iż-żgħażagħ u fuq il-parteċipazzjoni volontarja.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tinvolvi ħidma maż-żgħażagħ u s-soċjetajiet li fihom jgħixu, u tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-iskop ewlieni tagħha hu li taqdi rwol importanti fl-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fit-tranżizzjonijiet li jgħaddu minnhom. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ toħloq spazji għall-assoċjazzjoni u pontijiet biex tappoġġa liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni għall-ħajja adulta u l-awtonomija (1). Dawn l-ispazji u l-pontijiet jgħinu lill-benefiċjarji tagħhom isibu u jieħdu toroq kostruttivi fil-ħajja, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u soċjali tagħhom u għas-soċjetà inġenerali. Il-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ uriet li hija ambjent konkret u attraenti għad-demokrazija attiva u l-involviment ċiviku. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għalhekk taqdi rwol kruċjali fl-appoġġ tal-involviment volontarju u kostruttiv taż-żgħażagħ. Tistabbilixxi wkoll ambjent ikkaratterizzat minn sens ta' logħob siewi li fih iż-żgħażagħ jistgħu jgawdu flimkien il-kumpanija ta' xulxin. Dan l-ambjent isaħħaħ il-kreattività u l-kompetenzi soċjali taż-żgħażagħ, speċjalment fir-rigward tal-koeżistenza demokratika u s-solidarjetà. L-attivitajiet Ewropej ta' ħidma fost iż-żgħażagħ jiftħu opportunitajiet biex jesperjenzaw dimensjoni Ewropea u b'hekk jgħammru liż-żgħażagħ b'kompetenzi meħtieġa fl-iżvilupp tas-sens ta' appartenenza Ewropew, kif ukoll f'dinja globalizzata, filwaqt li jrawmu l-fehim internazzjonali u l-bini tal-paċi. Għalhekk, l-attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha għandhom effetti soċjetali pożittivi, jikkontribwixxu għall-ġid fiżiku u mentali taż-żgħażagħ, u jgħinu biex jagħtu ħajja mill-ġdid lid-demokrazija u biex jingħelbu l-isfidi dinjija.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tinħoloq għaż-żgħażagħ, magħhom u minnhom. Jeħtieġ li jingħataw is-setgħa bħala koproprjetarji u kodisinjaturi tal-ħidma, tal-proġett jew tal-assoċjazzjoni tagħhom maż-żgħażagħ. Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, kemm dawk bi ħlas jew volontarji, jiżguraw li jsiru dawn l-ispazji u jappoġġaw attivitajiet bejn il-pari.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha l-għan li tkun miftuħa għaż-żgħażagħ kollha, inkluż dawk b'inqas opportunitajiet, bħal dawk f'żoni rurali, remoti, periferiċi u inqas żviluppati u reġjuni ultraperiferiċi, u dawk li l-parteċipazzjoni politika u soċjali sħiħa tagħhom tkun f'riskju minħabba żvantaġġi individwali jew strutturali jew diskriminazzjoni. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha l-għan li tkun mutur ta' inklużjoni soċjali. Attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ huma ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ u, fejn rilevanti, għat-tfal minn età bikrija.

Ambjent favorevoli

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tibbenefika minn ambjent favorevoli li jkun attivament inklużiv u soċjalment impenjat, kreattiv u sikur, li jappoġġa t-tagħlim, divertenti u serju, bil-logħob u ppjanat. Jenħtieġ li dan l-ambjent ikun ikkaratterizzat mill-aċċessibbiltà, inkluż f'żoni rurali, remoti, periferiċi u inqas żviluppati u reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll mill-ftuħ u l-flessibbiltà u jenħtieġ li jippromwovi wkoll id-djalogu interkulturali u interġenerazzjonali. Dan l-ambjent favorevoli huwa bbażat fuq sistemi, strutturi u infrastruttura ta' appoġġ adegwati, ibbilanċjati sew u varjati, maħluqa u implimentati b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, jissawwar flimkien maż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi ż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jingħataw leħen fit-tfassil, il-bini konġunt, il-ġestjoni konġunta u l-operat fi spazji pubbliċi.

Apprezzament u rikonoxximent tas-soċjetà

L-apprezzament u r-rikonoxximent tas-soċjetà jenfasizzaw il-kontribut u r-rwoli soċjetali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż fost l-oħrajn l-effetti preventivi tagħha, ir-rwol tagħha fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fil-promozzjoni, il-prattika u b'hekk l-għoti ta' ħajja mill-ġdid lid-demokraziji, fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi, ir-rwol tagħha fil-bini tal-komunità, fit-tagħlim tan-normi u l-valuri, fil-kontribut għall-awtodipendenza u l-ġid ġenerali taż-żgħażagħ, fil-promozzjoni ta' attitudnijiet kostruttivi u mmexxija mis-soluzzjoni, fl-amplifikazzjoni tal-ilħna taż-żgħażagħ, f'li tgħin biex issawwar politika dwar iż-żgħażagħ adattata għar-realtajiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, u fil-formazzjoni ta' ċittadini involuti (2). Dan l-apprezzament u r-rikonoxximent jagħraf ukoll li l-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ fost affarijiet oħra trawwem l-inklużjoni soċjali, u tgħin biex tibni soċjetajiet inklużivi, koeżivi u paċifiċi u tiżgura li l-opportunitajiet biex wieħed jieħu sehem f'attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ ikunu disponibbli, aċċessibbli u viżibbli.

Definizzjonijiet

Komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ  (3)

Fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tinftiehem bħala grupp ta' persuni, professjonali jew mhux professjonali, li jikkondividu l-istess interessi fir-riżoluzzjoni ta' kwistjoni, fit-titjib tal-ħiliet tagħhom, u fit-tagħlim mill-esperjenzi ta' xulxin. Il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ tinkludi partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha mil-livell lokali sa dak Ewropew, bħal: — persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ; — maniġers fil-ħidma fost iż-żgħażagħ; — dawk li jappoġġaw il-proġetti; — organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ akkreditati u indipendenti; — ħarrieġa; — riċerkaturi; — edukaturi ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ; — komunitajiet lokali u muniċipalitajiet; — Aġenziji Nazzjonali għal Erasmus+ Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; — rappreżentazzjonijiet taż-żgħażagħ u żgħażagħ u — dawk li jfasslu l-politika għaż-żgħażagħ. L-atturi kollha fil-komunità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandhom, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, mandati, rwoli u kapaċitajiet differenti għal aktar żvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

Il-logħob

Għall-fini ta' din ir-riżoluzzjoni, it-tagħlim bil-prattika, inkluż il-logħob, huwa mezz ta' tagħlim mhux formali li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-ispazju soċjali u għall-iżvilupp tal-kompetenzi soċjali tagħhom. Il-logħob huwa attività essenzjali għat-tfal u ż-żgħażagħ, li fiha tiġbor logħob fiżikament attiv u logħob kompetittiv, kif ukoll imġiba immaġinattiva, esploratorja u soċjali vitali għall-ġid, is-saħħa u l-iżvilupp tagħhom. Il-forom differenti ta' logħob ippreferuti minn gruppi ta' etajiet differenti, fosthom żgħażagħ li jesploraw l-identitajiet tagħhom, huma kruċjali għat-tranżizzjoni għall-ħajja adulta u s-sens ta' appartenenza tagħhom (4).


(1)  Kif konkluż fid-dikjarazzjoni tat-tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ.

(2)  Fl-2010 ġie stabbilit li “l-ħidma fost iż-żgħażagħ jista' jkollha wkoll valur soċjali miżjud minħabba li tista': tippromwovi l-parteċipazzjoni soċjali u r-responsabbiltà, l-involviment volontarju u ċ-ċittadinanza attiva; issaħħaħ il-bini tal-komunità u s-soċjetà ċivili fil-livelli kollha (eż. id-djalogu interġenerazzjonali u interkulturali); tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kreattività taż-żgħażagħ, l-għarfien kulturali u soċjali, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni; tipprovdi opportunitajiet għall-inklużjoni soċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ kollha; tilħaq liż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet permezz ta' varjetà ta' metodi li huma flessibbli u rapidament adattabbli. Il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ għalhekk għandha rwoli differenti fis-soċjetà u tista' tikkontribwixxi għall-oqsma ta' politika relatati maż-żgħażagħ, bħat-tagħlim tul il-ħajja, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi. Il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, sew jekk titwettaq minn voluntiera jew jekk minn professjonisti, għandha potenzjal soċjoekonomiku konsiderevoli — minħabba li tista' tipproduċi attività ekonomika, tipprovdi infrastruttura, toħloq benefiċċji ekonomiċi u żżid l-impjiegi (taż-żgħażagħ). Is-suq tax-xogħol jista' jibbenefika mill-ħiliet u l-kompetenzi personali u professjonali miksuba permezz tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ kemm mill-parteċipanti kif ukoll minn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ. Jeħtieġ li tali ħiliet u kompetenzi jkunu suffiċjentement valorizzati u effettivament rikonoxxuti.” Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (2010/C 327/02).

(3)  Ara l-Anness II għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (2020/C 415/01).

(4)  Nazzjonijiet Uniti, Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Kumment Ġenerali nru 17 (2013) dwar id-dritt tat-tfal għall-mistrieħ, id-divertiment, il-logħob, l-attivitajiet rikreattivi, il-ħajja kulturali u l-arti (l-artikolu 31).


ANNESS III

Riżorsi oħrajn

—

Schild, H., “Mapping Existing European Youth Policy Strategies on Youth Work”, pubblikazzjoni maħruġa taħt l-awspiċi tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2024),

—

Williamson, H., Taking stock – Where are we now, Youth Work in a Contemporary Europe (Ottubru 2023), pubblikazzjoni maħruġa taħt l-awspiċji tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (2024),

—

It-tielet Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (Bonn, 2020) – Dikjarazzjoni Finali,

—

M. Moris & M. Loopmans (2019) De-marginalizing youngsters in public space: critical youth workers and local municipalities in the struggle over public space in Belgium, Journal of Youth Studies, 22:5, 694-710,

—

It-tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (Brussell, 2015) – Dikjarazzjoni Finali,

—

L-ewwel Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (Gent, 7-10 ta' Lulju 2010) – Dikjarazzjoni Finali.


ANNESS IV

Sejbiet ewlenin tal-Konferenza Ewropea dwar il-Ħidma Lokali fost iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija li saret bejn l-20 u t-23 ta' Frar 2024 fi Brussell matul il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Dr Guy Redig (Relatur Ġenerali):

1.

Il-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ (1) toffri ambjent straordinarju biex tipprattika d-demokrazija u tispira modi għal involviment attiv fis-soċjetà – bil-konvinzjoni qawwija li t-tfal jingħataw ċans li jipparteċipaw malajr kemm jista' jkun u (2) tartikola l-karatteristika ewlenija tal-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ bħala post fejn iż-żgħażagħ igawdu ż-żgħożija flimkien, minħabba li l-logħob u s-sens ta' logħob huma kundizzjonali għall-iżvilupp ta' ħafna effetti pożittivi oħra, bħat-tagħlim u t-tisħiħ tal-kompetenzi differenti, l-involviment f'diversi prattiki demokratiċi, il-kapaċità li tinġarr responsabbiltà u s-sens ta' responsabbiltà u (3) tingħaqad ma' ħafna interventi pedagoġiċi oħra bħall-edukazzjoni, ix-xogħol soċjali u kulturali.

2.

Permezz ta' investiment f'politika lokali soda u fit-tul ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, ibbażata fuq djalogu u parteċipazzjoni intensi, il-gvernijiet lokali joħolqu kundizzjonijiet konkreti għall-iżvilupp ottimali tal-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ. Għalhekk, il-muniċipalitajiet jeħtieġu qafas li jagħti kontorni u ispirazzjoni biex jinħolqu sistemi ta' appoġġ lokali b'saħħithom mfassla apposta. L-Istati Membri għandhom jinvestu biex isawru dan il-qafas flimkien ma' atturi lokali f'network pan-Ewropew. Dan il-qafas jista' jkun ispirat mill-kunċett ta' “ħolqien ta' spazju” li għandu jitqies bħala spazju mentali (1), fiżiku (2) politiku (3) f'perspettiva fit-tul (4), u għandu jinkludi sforzi biex jottimizza l-kwalitajiet kemm ta' voluntiera kif ukoll ta' persuni professjonali li jaħdmu maż-żgħażagħ.

3.

L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, li diġà huma attivi u jistimulaw il-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ (politika), jistgħu jkabbru u jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward billi jinvestu aktar fin-networking, l-iskambju ta' prattiki, jistimulaw stħarriġ (fost l-oħrajn permezz tas-Sħubija tagħhom taż-Żgħażagħ) u b'hekk jikkontribwixxu għal bażi komuni tal-qafas għall-politika lokali dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ.

4.

Hemm ħtieġa urġenti li jiġu sostnuti l-investimenti fi prattiki aktar effettivi u effiċjenti għal għanijiet diffiċli iżda prijoritarji bħall-inklużjoni, l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni, id-demokrazija u d-diversità. Il-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ u l-politika lokali dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ joffru postijiet uniċi biex dawn il-valuri umani kollha jissarfu fi prattiki konkreti u fattibbli, u b'dan il-mod ibiddlu l-islogans fi prattiki tajbin.


(1)  L-ispazju mentali: l-għarfien, il-fehim, ir-rikonoxximent u r-rispett għall-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ bħala offerta speċifika fil-ħin rikreattiv/liberu tat-tfal u ż-żgħażagħ, li tista' tinħoloq biss permezz ta' djalogu sistematiku u miftuħ.

(2)  L-ispazju fiżiku: il-forniment ta' metri kwadri fuq ġewwa/barra xierqa għaż-żgħażagħ bħala parti importanti tal-popolazzjoni (pubblika) u speċjalment għal inizjattivi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ (privati).

(3)  L-ispazju politiku: il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-ħidma lokali fost iż-żgħażagħ jissarfu f'sistema b'saħħitha ta' appoġġ governattiv, permezz ta' sussidji, servizzi, taħriġ, żviluppata permezz ta' parteċipazzjoni attiva.

(4)  L-ispazju fiż-żmien: dawn il-politiċi għar-rikonoxximent u l-appoġġ jiġu implimentati f'perspettiva fit-tul.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3526/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)