13.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/114


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/194

tat-12 ta’ Frar 2020

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza oġġetti u ċerti provvisti domestiċi ta’ oġġetti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 47l tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), li jipprevedi skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu ċerti servizzi, ġie emendat mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (3) u mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 (4) biex jiġu estiżi l-iskemi speċjali. Il-miżuri neċessarji biex ikun hemm konformità ma’ dawk iż-żewġ Direttivi emendatorji jenħtieġ li jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jistabbilixxi regoli dwar kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-Artikoli 47b, 47c, 47d u 47e ta’ dak ir-Regolament jikkonċernaw l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni relatata mal-iskemi speċjali previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. B’mod partikolari, dawk l-Artikoli jipprevedu l-iskambju ta’ dettalji ta’ identifikazzjoni u dettalji fid-dikjarazzjoni tal-VAT u l-iskambju ta’ kwalunkwe bidla sussegwenti f’dawk id-dettalji. Dawk l-Artikoli se jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-iskambju tal-informazzjoni msemmija f’dawk l-Artikoli jseħħ b’mod uniformi, tenħtieġ l-adozzjoni tad-dettalji tekniċi ta’ tali skambji, inkluż messaġġ elettroniku komuni. Dan ikun jista’ jippermetti wkoll l-iżvilupp uniformi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u funzjonali, għax ikunu qed isegwu qafas regolat.

(4)

Jenħtieġ li jkun hemm ukoll, bla dewmien u b’mod uniformi, l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni bħall-esklużjoni minn skemi speċjali, bħall-waqfien volontarju jew bħall-bidla tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw l-applikazzjoni korretta tal-iskemi speċjali u jiġġieldu l-frodi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu previsti arranġamenti komuni għall-iskambju elettroniku ta’ tali informazzjoni.

(5)

Sabiex il-piż amministrattiv fuq il-persuni taxxabbli jibqa’ minimu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti għall-interfaċċa elettronika. Dawn se jiffaċilitaw aktar il-mod kif il-persuni taxxabbli jippreżentaw l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u d-dikjarazzjonijiet tal-VAT. L-Istati Membri ma għandhomx joqogħdu lura milli jipprovdu funzjonalitajiet addizzjonali li jkomplu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

(6)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat liema informazzjoni speċifika hemm bżonn li tiġi ppreżentata f’każijiet meta l-ebda provvista li taqa’ taħt l-iskemi speċjali ma ssir f’perjodu partikolari.

(7)

Sabiex l-Istati Membri u l-persuni taxxabbli jkunu jistgħu jirreferu għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT b’mod inekwivokabbli f’komunikazzjonijiet sussegwenti, inkluż b'mod ċar dwar il-pagament tat-taxxa, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li jalloka numru ta’ referenza uniku għal kull dikjarazzjoni tal-VAT.

(8)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess jum li fih jibdew japplikaw l-Artikoli 47b, 47c, 47d u 47e tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 (5) jistabbilixxi regoli dettaljati f’konformità mal-Artikoli 44 u 45 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-iskemi speċjali għal servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi. Dawk l-Artikoli huma applikabbli għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 815/2012 jenħtieġ li jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jenħtieġ li jkompli japplika sal-10 ta’ Frar 2024 fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-korrezzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti ta’ servizzi koperti minn kwalunkwe waħda mill-iskemi speċjali msemmija f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li twettqu qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“skema mhux tal-Unjoni” tfisser l-iskema speċjali għal servizzi fornuti minn persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fil-Komunità, prevista fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(2)

“skema tal-Unjoni” tfisser l-iskema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju, għal provvisti ta’ oġġetti fi ħdan Stat Membru permezz ta’ interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw dawk il-provvisti f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE u għal servizzi fornuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru ta’ konsum, previsti fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(3)

“skema ta’ importazzjoni” tfisser l-iskema speċjali għall-bejgħ b’distanza ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi kif stabbilit fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(4)

“skemi speċjali” tfisser l-iskema mhux tal-Unjoni, l-iskema tal-Unjoni u l-iskema ta’ importazzjoni.

Artikolu 2

Funzjonalitajiet tal-interfaċċa elettronika

L-interfaċċa elettronika fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li bih persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha jirreġistraw għall-użu ta’ waħda mill-iskemi speċjali, u li permezz tagħha dik il-persuna jew l-intermedjarju tagħha jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità ma’ din l-iskema, għandu jkollha l-funzjonalitajiet li ġejjin:

(a)

toffri l-possibilità li l-informazzjoni u kwalunkwe bidla fiha tiġi ssejvjata, hekk kif hemm previst fl-Artikolu 361 jew 369p tad-Direttiva 2006/112/KE, u l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni tal-VAT f’konformità mal-Artikoli 365, 369g jew 369t tad-Direttiva 2006/112/KE, qabel ma l-informazzjoni tiġi ppreżentata jew mibdula;

(b)

tippermetti lill-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti dwar id-dikjarazzjonijiet tal-VAT permezz ta’ trasferiment elettroniku tal-fajl f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 3

Trażmissjoni tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni

1.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jittrażmetti l-informazzjoni li ġejja inkluż kwalunkwe bidla fiha, lill-Istati Membri l-oħra permezz tan-network CCN/CSI:

(a)

informazzjoni biex tiġi identifikata l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema mhux tal-Unjoni;

(b)

informazzjoni biex tiġi identifikata l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni;

(c)

informazzjoni biex tiġi identifikata l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni;

(d)

informazzjoni li tidentifika intermedjarju;

(e)

in-numru ta’ identifikazzjoni allokat lill-persuna taxxabbli jew lil intermedjarju.

2.   Il-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness I għandu jintuża biex jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fejn għandha tintuża l-kolonna li ġejja f’kull każ:

(a)

il-kolonna B għall-iskema mhux tal-Unjoni;

(b)

il-kolonna C għall-iskema tal-Unjoni;

(c)

il-kolonna D għall-iskema ta’ importazzjoni għall-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli f’konformità mal-Artikolu 369p(1) jew (3) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)

il-kolonna E għall-iskema ta’ importazzjoni għall-identifikazzjoni tal-intermedjarju f’konformità mal-Artikolu 369p(2) tad-Direttiva 2006/112/KE.

3.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma lill-Istati Membri l-oħra permezz tan-netwerk CCN/CSI, billi juża l-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, meta l-persuna taxxabbli:

(a)

hija eskluża minn, jew imħassra mir-reġistru ta’ identifikazzjoni ta’ waħda mill-iskemi speċjali f’konformità mal-Artikolu 363, 369e jew 369r(1) jew (3) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

volontarjament ma tibqax tuża waħda mill-iskemi speċjali;

(c)

tbiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fil-kuntest tal-iskema tal-Unjoni jew l-iskema ta’ importazzjoni.

4.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu mingħajr dewmien jinforma lill-Istati Membri l-oħra permezz tan-netwerk CCN/CSI, billi jintuża l-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, meta l-intermedjarju:

(a)

huwa mħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369r(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

volontarjament ma jibqax jaġixxi bħala intermedjarju;

(c)

bidla fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

5.   In-numri ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT allokati jew, kif applikabbli, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli f’konformità mal-Artikolu 369q(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu skambjati b’mod awtomatiku bejn l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u l-Istati Membri l-oħrajn permezz ta’ reġistru ċentrali jew għodda affidabbli oħra ta’ kondiviżjoni tad-data b’mod li jiżgura f’kull ħin li l-Istati Membri jkollhom stampa aġġornata korretta tal-validità ta’ dawn in-numri kollha ta’ identifikazzjoni tal-VAT li jkunu ġew allokati mill-Istati Membri kollha.

Artikolu 4

Preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli

1.   Il-persuna taxxabbli jew, meta applikabbli fil-każ tal-iskema ta’ importazzjoni, l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-VAT bid-dettalji f’konformità mal-Artikoli 365, 369g jew 369t tad-Direttiva 2006/112/KE, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni permezz tal-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament. Il-kolonna B ta’ dak il-messaġġ elettroniku komuni għandha tintuża għall-iskema mhux tal-Unjoni, il-kolonna C għall-iskema tal-Unjoni u l-kolonna D għall-iskema ta’ importazzjoni.

2.   Meta, fir-rigward ta’ skema speċjali, persuna taxxabbli ma tagħmel l-ebda provvista ta’ oġġetti jew servizzi taħt dik l-iskema speċjali fi kwalunkwe Stat Membru matul perjodu tat-taxxa u ma għandha l-ebda emenda x’tagħmel għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT preċedenti, għandha timtela dikjarazzjoni tal-VAT b’valur żero. Għal dak il-għan, il-kaxxi li ġejjin biss tal-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness III għandhom jimtlew:

(a)

kaxex 1, 2, 11 u 24 għall-iskema mhux tal-Unjoni;

(b)

kaxex 1, 2, 21 u 24 għall-iskema tal-Unjoni;

(c)

kaxxi 1, 1a, 2, 11 u 24 għall-iskema ta’ importazzjoni.

3.   Il-persuna taxxabbli jew, meta applikabbli fil-każ tal-iskema ta’ importazzjoni, l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandhom iniżżlu l-provvisti relatati ma’ Stat Membru ta’ konsum biss meta l-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi taħt l-iskemi speċjali jkunu saru f’dak l-Istat Membru fi żmien il-perjodu tat-taxxa.

Barra minn hekk, fil-każ tal-iskema tal-Unjoni, il-persuna taxxabbli għandha tniżżel il-provvisti msemmija fl-Artikolu 369 g(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112/KE relatati ma’ Stat Membru biss meta l-oġġetti jintbagħtu jew jiġu trasportati minnu jekk il-oġġetti koperti mill-iskema tal-Unjoni jkunu ntbagħtu jew ġew trasportati minn dak l-Istat Membru fi żmien il-perjodu tat-taxxa. B’mod simili, il-persuna taxxabbli għandha tniżżel il-provvisti minn Stat Membru ta’ stabbiliment biss meta l-provvisti tas-servizzi taħt l-iskema tal-Unjoni jkun saru minn dak l-Istat Membru fi żmien il-perjodu tat-taxxa.

Artikolu 5

Trażmissjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-VAT

L-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tintbagħat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni permezz tan-netwerk CCN/CSI billi jintuża l-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness III.

(a)

għal kull Stat Membru ta’ konsum imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-VAT;

(b)

barra minn hekk, fil-każ tal-iskema tal-Unjoni, għal kull wieħed mill-Istati Membri li ġejjin imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-VAT:

(i)

kull Stat Membru li minnu jintbagħtu jew jiġu trasportati oġġetti;

(ii)

kull Stat Membru ta’ stabbiliment li minnu jkunu ġew fornuti servizzi.

Għall-fini tal-ewwel paragrafu, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jittrażmetti lil kull Stat Membru rilevanti l-informazzjoni ġenerali li tinsab fil-parti 1 tal-messaġġ elettroniku komuni li jidher fl-Anness III, flimkien mal-informazzjoni fil-parti 2, 3 u 4 ta’ dak il-messaġġ elettroniku komuni li għandha x’taqsam ma’ dak l-Istat Membru partikolari.

Artikolu 6

Numru ta’ referenza uniku

L-informazzjoni trażmessa f’konformità mal-Artikolu 5 għandu jkun fiha numru ta’ referenza allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li jkun uniku għad-dikjarazzjoni tal-VAT speċifika.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-korrezzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti ta’ servizzi koperti minn waħda mill-iskemi speċjali msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 li twettqu qabel l-1 ta’ Jannar 2021, dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jkompli japplika sal-10 ta’ Frar 2024.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jirrelataw ma’ bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 tat-13 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li jfornu servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 3).


ANNESS I

Dettalji ta’ identifikazzjoni

Kolonna A

Kolonna B

Kolonna C

Kolonna D

Kolonna E

In-numru tal-kaxxa

L-iskema mhux tal-Unjoni

L-iskema tal-Unjoni

L-iskema ta’ importazzjoni

(Identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli)

L-iskema ta’ importazzjoni

(Identifikazzjoni tal-intermedjarju)

1

In-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 362 tad-Direttiva 2006/112/KE  (1)

In-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369d tad-Direttiva 2006/112/KE, inkluż il-kodiċi tal-pajjiż

In-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369q(1) jew (3) tad-Direttiva 2006/112/KE  (2)

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-individwu allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE  (3)

1a

 

 

Jekk il-persuna taxxabbli hija rappreżentata minn intermedjarju, in-numru ta’ identifikazzjoni individwali ta’ dak l-intermedjarju allokat f’konformità mal-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE

 

2

In-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa nazzjonali

 

In-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa nazzjonali  (4)

 

2 a

 

 

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, jekk jeżisti,

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT

3

Isem il-kumpanija

Isem il-kumpanija

Isem il-kumpanija

Isem il-kumpanija

4

L-isem/ismijiet kummerċjali tal-kumpanija jekk differenti minn isem il-kumpanija

L-isem/ismijiet kummerċjali tal-kumpanija jekk differenti minn isem il-kumpanija

L-isem/ismijiet kummerċjali tal-kumpanija jekk differenti minn isem il-kumpanija

L-isem/ismijiet kummerċjali tal-kumpanija jekk differenti minn isem il-kumpanija

5

L-indirizz postali sħiħ tal-kumpanija  (5)

L-indirizz postali sħiħ tal-kumpanija  (5)

L-indirizz postali sħiħ tal-kumpanija  (5)

L-indirizz postali sħiħ tal-kumpanija  (5)

6

Il-pajjiż li fih il-persuna taxxabbli għandha l-post tan-negozju

Il-pajjiż li fih il-persuna taxxabbli għandha l-post tan-negozju, jekk ma jkunx fl-Unjoni

Il-pajjiż li fih il-persuna taxxabbli għandha l-post tan-negozju

L-Istat Membru li fih l-intermedjarju jkollu l-post tan-negozju tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ post tan-negozju fl-Unjoni, l-Istat Membru li fih l-intermedjarju jkollu stabbiliment fiss meta huwa jindika li se jagħmel użu mill-iskema ta’ importazzjoni f’isem il-persuna/i taxxabbli li huwa jirrappreżenta

7

L-indirizz elettroniku tal-persuna taxxabbli

L-indirizz elettroniku tal-persuna taxxabbli

L-indirizz elettroniku tal-persuna taxxabbli

L-indirizz elettroniku tal-intermedjarju

8

Is-sit(i) web tal-persuna taxxabbli

Is-sit(i) web tal-persuna taxxabbli meta disponibbli

Is-sit(i) web tal-persuna taxxabbli

 

9

Isem il-kuntatt

Isem il-kuntatt

Isem il-kuntatt

Isem il-kuntatt

10

In-numru tat-telefon

In-numru tat-telefon

In-numru tat-telefon

In-numru tat-telefon

11

In-numru tal-IBAN jew tal-OBAN

In-numru tal-IBAN

In-numru tal-IBAN  (6)

In-numru tal-IBAN  (7)

12

In-numru tal-BIC  (8)

In-numru tal-BIC  (8)

In-numru tal-BIC  (6)  (8)

In-numru tal-BIC  (7)  (8)

13.1

 

In-numru/i individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew, jekk mhux disponibbli, in-numru/i ta’ referenza tat-taxxa allokat(i) mill-Istat(i) Membru/i li fih il-persuna taxxabbli għandha stabbiliment(i) fiss(i) minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u mill-Istat(i) Membru/i minn fejn jintbagħtu jew jiġu trasportati l-oġġetti, minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (9)

Indikatur jekk il-persuna taxxabbli għandhiex stabbiliment fiss f’dan l-Istat Membru(14)

In-numru/i individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew jekk mhux disponibbli, in-numru/i ta’ referenza tat-taxxa allokat(i) mill-Istat(i) Membru/i li fih il-persuna taxxabbli għandha stabbiliment(i) fiss(i) minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (9)

In-numru/i individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew jekk mhux disponibbli, in-numru/i ta’ referenza tat-taxxa allokat(i) mill-Istat(i) Membru/i li fih l-intermedjarju jkollu stabbiliment(i) fiss(i) minbarra dawk fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (9)

14.1

 

L-indirizz postali sħiħ u l-isem kummerċjali ta’ stabbilimenti fissi u ta’ postijiet minn fejn jintbagħtu jew jiġu trasportati l-oġġetti fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (10)

L-indirizz postali sħiħ u l-isem kummerċjali tal-istabbilimenti fissi fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (10)

L-indirizz postali sħiħ u l-isem kummerċjali tal-istabbilimenti fissi fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (10)

15.1

 

In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat(i) mill-Istat(i) Membru/i bħala persuna taxxabbli mhux stabbilita  (11)

 

 

16.1

Dikjarazzjoni elettronika li l-persuna taxxabbli mhijiex stabbilita fi ħdan l-Unjoni

Dikjarazzjoni elettronika li l-persuna taxxabbli mhijiex stabbilita fi ħdan l-Unjoni

 

 

16.2.

 

Indikatur jekk il-persuna taxxabbli hijiex interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva 2006/112/KE (14)

 

 

17

Id-data meta bdiet tintuża l-iskema  (12)

Id-data meta bdiet tintuża l-iskema  (12)

Id-data meta bdiet tintuża l-iskema  (13)

 

18

Id-data tat-talba mill-persuna taxxabbli li għandha tiġi rreġistrata taħt l-iskema

Id-data tat-talba mill-persuna taxxabbli li għandha tiġi rreġistrata taħt l-iskema

Id-data tat-talba mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha li għandha tiġi rreġistrata taħt l-iskema

Id-data tat-talba għal reġistrazzjoni bħala intermedjarju

19

Id-data tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni

Id-data tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni

Id-data tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni

Id-data tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni

20

 

Indikatur jekk il-persuna taxxabbli hijiex grupp tal-VAT  (14)

 

 

21

In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu allokat(i) mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikoli 362, 369d jew 369q tad-Direttiva 2006/112/KE jekk il-persuna taxxabbli tkun diġà użat jew qed tuża waħda minn dawn l-iskemi.

In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu allokat(i) mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikoli 362, 369d jew 369q tad-Direttiva 2006/112/KE jekk il-persuna taxxabbli tkun diġà użat jew qed tuża waħda minn dawn l-iskemi.

In-numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu allokat(i) mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikoli 362, 369d jew 369q tad-Direttiva 2006/112/KE jekk il-persuna taxxabbli tkun diġà użat jew qed tuża waħda minn dawn l-iskemi.

In-numru/i intermedjarju/i allokat(i) mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE


(1)  Għandu jissegwa l-format: EUxxxyyyyyz fejn: xxx huwa n-numru bi tliet ċifri tal-kodiċi numerika tal-ISO tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni (MSI); yyyyy huwa n-numru b’ħames ċifri assenjat mill-MSI; u z hija ċifra ta’ kontroll.

(2)  Għandu jissegwa l-format: IMxxxyyyyyyyz fejn: xxx huwa l-kodiċi numeriku ISO bi tliet ċifri tal-MSI; yyyyy huwa n-numru b’sitt ċifri assenjat mill-MSI; u z hija ċifra ta’ kontroll.

(3)  Għandu jissegwa l-format: INxxxyyyyyyyz fejn: xxx huwa l-kodiċi numeriku ISO bi tliet ċifri tal-MSI; yyyyy huwa n-numru b’sitt ċifri assenjat mill-MSI; u z hija ċifra ta’ kontroll.

(4)  Obbligatorju jekk ma jingħata l-ebda numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT fil-Kaxxa 2a.

(5)  Jekk teżisti kodiċi postali għandha tiġi indikata.

(6)  Meta l-persuna taxxabbli mhijiex rappreżentata minn intermedjarju.

(7)  Meta l-persuna taxxabbli hija rappreżentata minn intermedjarju.

(8)  In-numru tal-BIC huwa fakultattiv.

(9)  Meta jkun hemm aktar minn stabbiliment fiss wieħed jew aktar minn Stat Membru wieħed minn fejn l-oġġetti huma mibgħuta jew trasportati, uża l-kaxxa 13.1, 13.2, eċċ.

(10)  Meta jkun hemm aktar minn stabbiliment fiss wieħed u/jew post minn fejn l-oġġetti huma mibgħuta jew trasportati, uża l-kaxxa 14.1, 14.2, eċċ.

(11)  Meta jkun hemm aktar minn numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT wieħed allokat minn Stat(i) Membru/i, bħala persuna taxxabbli mhux stabbilita, uża l-kaxxa 15.1, 15.2 eċċ.

(12)  F’ċerti każijiet limitati dan jista’ jkun qabel id-data ta’ reġistrazzjoni fl-iskema.

(13)  Id-data tal-bidu tal-użu tal-iskema hija identika għad-data fil-kolonna D, fil-kaxxa 19 u, fil-każ ta’ prereġistrazzjoni f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2026, ma tistax tkun qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

(14)  Din hija sempliċiment kaxxa li għandha tiġi mmarkata iva/le.


ANNESS II

Dettalji dwar l-istatus ta’ persuna taxxabbli jew ta’ intermedjarju fir-reġistru ta’ Stat Membru ta’ identifikazzjoni

 

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuna taxxabbli allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li jinkludi l-kodiċi tal-pajjiż

In-numru individwali ta’ identifikazzjoni ta’ intermedjarju allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li jinkludi l-kodiċi tal-pajjiż

Id-data minn meta l-bidla hija effettiva

Ir-raġuni għat-tibdil fir-reġistru tal-istatus tal-persuna taxxabbli permezz tal-użu tal-kodiċijiet li ġejjin:

(1)

Il-persuna taxxabbli jew, meta rilevanti, l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha, tkun innotifikat lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li l-persuna taxxabbli ma għadhiex tforni servizzi u/jew oġġetti koperti mill-iskema speċjali;

(2)

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jassumi li l-attivitajiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, koperti bl-iskema speċjali, jkunu ntemmu;

(3)

Il-persuna taxxabbli m’għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali;

(4)

Il-persuna taxxabbli b’mod persistenti ma tikkonformax mar-regoli tal-iskema speċjali;

(5)

Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha tkun talbet li titlaq mill-iskema volontarjament;

(6)

Il-persuna taxxabbli tkun talbet li tiġi identifikata fi Stat Membru ġdid ta’ identifikazzjoni.

Ir-raġuni għat-tibdil fir-reġistru tal-istatus tal-intermedjarju permezz tal-użu tal-kodiċijiet li ġejjin:

(2)

L-intermedjarju ma jkunx aġixxa bħala intermedjarju f’isem ebda persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-iskema ta’ importazzjoni għal perjodu ta’ żewġ trimestri konsekuttivi;

(3)

L-intermedjarju ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jaġixxi bħala tali;

(4)

L-intermedjarju b’mod persistenti ma jikkonformax mar-regoli tal-iskema speċjali;

(5)

L-intermedjarju talab li volontarjament ma jibqax jaġixxi bħala intermedjarju

(6)

L-intermedjarju talab li jiġi identifikat fi Stat Membru ġdid ta’ identifikazzjoni.


ANNESS III

Dikjarazzjonijiet tal-VAT

Parti 1: Tagħrif ġenerali

Kolonna A

Kolonna B

Kolonna C

Kolonna D

In-numru tal-kaxxa

L-iskema mhux tal-Unjoni

L-iskema tal-Unjoni

L-iskema ta’ importazzjoni

In-numru ta’ referenza uniku  (1):

1

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 362 tad-Direttiva 2006/112/KE

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ individwu allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369d tad-Direttiva 2006/112/KE, inkluż il-kodiċi tal-pajjiż

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ individwu allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 369q(1) jew (3) tad-Direttiva 2006/112/KE

1a

 

 

Jekk il-persuna taxxabbli hija rappreżentata minn intermedjarju, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dak l-intermedjarju allokat f’konformità mal-Artikolu 369q(2) tad-Direttiva 2006/112/KE

2

Perjodu tat-taxxa  (2)

Perjodu tat-taxxa  (2)

Perjodu tat-taxxa  (3)

2 a

Id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-perjodu  (4)

Id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-perjodu  (4)

Id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-perjodu  (5)

3

Munita

Munita

Munita

Parti 2: Għal kull Stat Membru ta’ konsum meta hija dovuta l-VAT  (6)

 

 

2(a) Servizzi forniti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u stabbiliment(i) fiss(i) barra l-Unjoni

2(b) Provvisti ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (7)

 

4.1

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

5.1

Ir-rata tal-VAT standard fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

Ir-rata tal-VAT standard fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

Ir-rata tal-VAT standard fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

6.1

Ir-rata tal-VAT imnaqqsa fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

Ir-rata tal-VAT imnaqqsa fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

Ir-rata tal-VAT imnaqqsa fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

7.1

L-ammont taxxabbli bir-rata standard  (8)

L-ammont taxxabbli bir-rata standard  (8)

L-ammont taxxabbli bir-rata standard  (8)

8.1

L-ammont tal-VAT bir-rata standard (8)

L-ammont tal-VAT bir-rata standard (8)

L-ammont tal-VAT bir-rata standard (8)

9.1

L-ammont taxxabbli bir-rata mnaqqsa  (8)

L-ammont taxxabbli bir-rata mnaqqsa  (8)

L-ammont taxxabbli bir-rata mnaqqsa  (8)

10.1

L-ammont tal-VAT bir-rata mnaqqsa  (8)

L-ammont tal-VAT bir-rata mnaqqsa  (8)

L-ammont tal-VAT bir-rata mnaqqsa  (8)

11.1

L-ammont totali tal-VAT pagabbli

L-ammont totali tal-VAT pagabbli għall-provvisti ta’ servizzi dikjarati fil-parti 2a u l-provvisti ta’ oġġetti dikjarati fil-parti 2b

L-ammont totali tal-VAT pagabbli

 

 

2(c) Servizzi fornuti minn stabbilimenti fissi fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (9)

 

 

 

2(d) Provvisti ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni  (10)  (11)

 

12.1

 

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

 

13.1

 

Ir-rata tal-VAT standard fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

 

14.1

 

Ir-rata tal-VAT imnaqqsa fl-Istat Membru ta’ konsum  (8)

 

15.1

 

In-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew, jekk mhux disponibbli, in-numru ta’ referenza tat-taxxa, inkluż il-kodiċi tal-pajjiż:

—

- tal-istabbiliment fiss li minnu jsiru l-provvisti tas-servizzi; jew

—

- tal-istabbiliment li minnu jintbagħtu jew jiġu trasportati l-oġġetti.

Meta l-provvisti ta’ oġġetti jsiru f’konformità mal-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva 2006/112/KE u l-persuna taxxabbli ma jkollhiex identifikazzjoni tal-VAT jew numru ta’ referenza tat-taxxa fl-Istat Membru minn fejn l-oġġetti jintbagħtu jew jiġu trasportati, il-kodiċi tal-pajjiż ta’ dak l-Istat Membru xorta għandu jiġi pprovdut.

 

16.1

 

L-ammont taxxabbli bir-rata standard  (8)

 

17.1

 

L-ammont tal-VAT bir-rata standard  (8)

 

18.1

 

L-ammont taxxabbli bir-rata mnaqqsa  (8)

 

19.1

 

L-ammont tal-VAT bir-rata mnaqqsa  (8)

 

20.1

 

L-ammont totali tal-VAT pagabbli għall-provvisti ta’ servizzi dikjarati fil-parti 2c u l-provvista ta’ oġġetti dikjarati fil-parti 2d

 

 

 

2(e) Il-total globali għal provvisti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, għal provvisti ta’ oġġetti minn Stat Membru ieħor u għal servizzi mill-istabbilimenti fissi kollha li mhumiex fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni

 

21.1

 

L-ammont totali tal-VAT (Kaxxa 11.1 + Kaxxa 11.2 ... + Kaxxa 20.1 + Kaxxa 20.2 ...)

 

Parti 3: Għal kull Stat Membru ta’ konsum li għalih issir korrezzjoni tal-VAT

22.1.

Il-perjodu tat-taxxa  (2)

Il-perjodu tat-taxxa  (2)

Il-perjodu tat-taxxa  (3)

23.1

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

Il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru ta’ konsum

24.1

L-ammont totali tal-VAT li jirriżulta minn korrezzjonijiet ta’ provvisti  (12)

L-ammont totali tal-VAT li jirriżulta minn korrezzjonijiet ta’ provvisti  (12)

L-ammont totali tal-VAT li jirriżulta minn korrezzjonijiet ta’ provvisti  (12)

Parti 4: Bilanċ tal-VAT dovut għal kull Stat Membru ta’ konsum

25.1.

L-ammont totali tal-VAT dovut, inklużi l-korrezzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti għal kull Stat Membru (Kaxxa 11.1 + Kaxxa 11.2... + Kaxxa 24.1 + Kaxxa 24.2. …)  (12)

L-ammont totali tal-VAT dovut, inklużi l-korrezzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti għal kull Stat Membru (Kaxxa 21.1 + Kaxxa 21.2... + Kaxxa 24.1 + Kaxxa 24.2. …)  (12)

L-ammont totali tal-VAT dovut, inklużi l-korrezzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti għal kull Stat Membru (Kaxxa 11.1 + Kaxxa 11.2... + Kaxxa 24.1 + Kaxxa 24.2. …)  (12)

Parti 5: Ammont totali tal-VAT dovut għall-Istati Membri kollha ta’ konsum

26

L-ammont totali tal-VAT dovut għall-Istati Membri kollha (Kaxxa 25.1 + 25.2. …)  (13)

L-ammont totali tal-VAT dovut għall-Istati Membri kollha (Kaxxa 25.1 + 25.2. …)  (13)

L-ammont totali tal-VAT dovut għall-Istati Membri kollha (Kaxxa 25.1 + 25.2. …)  (13)


(1)  In-numru ta’ referenza uniku kif allokat mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jikkonsisti mill-kodiċi tal-pajjiż għall-MSI/għan-numru/għall-perjodu tal-VAT – jiġifieri CZ/xxxxxxxxx/Q1.yyyy (jew /M01.yyyy għall-iskema ta’ importazzjoni) + żid il-kronogramma. In-numru għandu jingħata mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

(2)  Għandu x’jaqsam mat-trimestri kalendarji: Q1.yyyy – Q2.yyyy – Q3.yyyy – Q4.yyyy. Meta jkun hemm aktar minn perjodu tat-taxxa wieħed li jrid jiġi kkoreġut fil-Parti 3, uża l-kaxxa 22.1.1, 22.1.2, eċċ.

(3)  Għandu x’jaqsam mat-trimestri kalendarji: M01.yyyy – M02.yyyy – M03.yyyy – eċċ. Meta jkun hemm aktar minn perjodu tat-taxxa wieħed li jrid jiġi korreġut fil-Parti 3, uża l-kaxxa 22.1.1, 22.1.2, eċċ.

(4)  Għandha timtela’ biss f’każijiet meta l-persuna taxxabbli tippreżenta aktar minn dikjarazzjoni waħda tal-VAT għall-istess trimestru. Tirrigwarda l-jiem kalendarji: dd.mm.yyyy – dd.mm.yyyy.

(5)  Għandha timtela’ biss f’każijiet meta l-persuna taxxabbli/l-intermedjarju tippreżenta/jippreżenta aktar minn dikjarazzjoni waħda tal-VAT għall-istess xahar. Tirrigwarda l-jiem kalendarji: dd.mm.yyyy – dd.mm.yyyy.

(6)  Meta jkun hemm aktar minn Stat Membru wieħed ta’ konsum.

(7)  Inklużi l-provvisti faċilitati permezz ta’ interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, meta d-dispaċċ jew it-trasport ta’ dawk l-oġġetti jibda u jintemm fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

(8)  Meta tiġi applikata aktar minn rata standard waħda matul il-perjodu ta’ ritorn, jintużaw il-kaxxi 5.1.2, 7.1.2, 8.1.2, 13.1.2, 16.1.2, 17.1.2, eċċ. Meta tiġi applikata aktar minn rata waħda mnaqqsa tal-VAT, uża l-kaxxi 6.1.2, 9.1.2, 10.1.2, 14.1.2, 18.1.2, 19.1.2, eċċ.

(9)  Meta jkun hemm iktar minn stabbiliment wieħed fiss, uża l-kaxxa 12.2 sa 20.2, eċċ.

(10)  Meta jkun hemm aktar minn Stat Membru wieħed minbarra l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li minnu jintbagħtu jew jiġu trasportati l-oġġetti, uża l-kaxxa 12.2 sa 20.2, eċċ.

(11)  Inklużi l-provvisti faċilitati permezz ta’ interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, Meta d-dispaċċ jew it-trasport ta’ dawk l-oġġetti jibda u jintemm fl-istess Stat Membru.

(12)  Dan l-ammont jista’ jkun negattiv.

(13)  Ammonti negattivi fil-kaxxi 25.1, 25.2, eċċ. ma jistgħux jitqiesu.