IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2026
COM(2026) 396 final
2026/0221(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilit bil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EPA fl-SADC, min-naħa l-oħra fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi li jservu bħala arbitri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp UE-SADC dwar is-sostituzzjoni tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u ieħor.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-SADC
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u sitt pajjiżi mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC): il-Botswana, l-Eswatini, il-Lesoto, il-Mozambique, in-Namibja u l-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-10 ta’ Ottubru 2016 bejn il-Partijiet kollha għall-Ftehim, ħlief għall-Mozambique. Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju bejn il-Mozambique u l-Unjoni Ewropea mill-4 ta’ Frar 2018.
2.2.Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp
Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, stabbilit bl-Artikolu 103 tal-Ftehim, huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Skont l-Artikolu 103(7), il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jiltaqa’ f’konfigurazzjoni speċifika biex jindirizza l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. L-Artikolu 103(6) tal-Ftehim jistabbilixxi li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, bir-rispett dovut għat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.
2.3.L-att previst tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp
Huwa previst li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, meta jiltaqa’ fi Brussell fl-2026, jadotta deċiżjoni dwar is-sostituzzjoni tal-lista ta’ 21 individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jiżgura li jinżamm l-għadd minimu ta’ arbitri disponibbli.
Il-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri hija magħmula minn tliet sottolisti: sublista waħda għal kull Parti inklużi tmien individwi biex iservu bħala arbitri u sublista waħda ta’ ħames individwi li ma huma ċittadini tal-ebda Parti u li jistgħu jservu bħala president tal-bord ta’ arbitraġġ, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(1) tal-Ftehim.
L-att previst ma jimmodifikax it-test tal-Ftehim u ma jirrikjedi l-ebda azzjoni ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri. Peress li l-att previst jikkonċerna biss l-operazzjoni interna tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Parti III tal-Ftehim, li trid tiġi implimentata mill-Kummissjoni, huwa xieraq li l-att previst jiġi adottat bil-lingwa Ingliża. Jistgħu jiġu pprovduti traduzzjonijiet għall-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull Parti u għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 103(6) u 94(1) tal-Ftehim. Se jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tiegħu.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun tappoġġa l-adozzjoni tal-att previst. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp mehmuż ma’ din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim internazzjonali.
L-att li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b'effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 103 tal-Ftehim.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni dwaru f’isem l-Unjoni.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Għall-finijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni se tippubblika l-att previst tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu. Peress li l-pubblikazzjoni tal-att previst mhijiex meħtieġa bil-liġi, att legali jrid jipprevedi tali pubblikazzjoni.
2026/0221 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilit bil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EPA fl-SADC, min-naħa l-oħra fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi li jservu bħala arbitri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati FSE tal-SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623 tal-1 ta’ Ġunju 2016 u ġie applikat proviżorjament mill-10 ta’ Ottubru 2016 bejn il-Partijiet kollha għall-Ftehim, ħlief il-Mozambique. Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju bejn il-Mozambique u l-Unjoni Ewropea mill-4 ta’ Frar 2018.
(2)Skont l-Artikolu 94(1) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp irid jistabbilixxi lista ta’ 21 individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri.
(3)Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fil-Parti III tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jissostitwixxi l-lista tiegħu ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri.
(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, billi d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, huwa preferibbli li d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp tiġi ppubblikata kif adottata finalment,
ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandha tiġi ppubblikata wara l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President