Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑407/25 [Tersten] (i)
Belgische Staat — Administratie Douane en Accijnzen
Proċedura kriminali
vs
NV SI,
LM Kft,
LC,
BÜ Kft,
JS,
BZ,
QJF Kft,
LS,
SH Kft,
ZJ,
JZ,
XH,
HS,
3H H & LS GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew — Regolament (UE) 2017/1939 — Artikolu 24(2) — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew — Artikolu 4(3) TUE — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — Artikolu 27 — Dritt ta’ evokazzjoni — Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni — Evokazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-fażi ta’ investigazzjoni — Evokazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara li tibda l-prosekuzzjoni — Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri”
1. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939 (2), meta awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar ta’ Stat Membru tibda investigazzjoni ta’ reat li fir-rigward tiegħu l-UPPE jista’ jkollu kompetenza, hija għandha tinforma lill-UPPE mingħajr dewmien indebitu sabiex huwa jkun jista’ jiddeċiedi jeżerċitax jew le d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
2. Il-proċedura kriminali li minnha joriġina dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE. L-awtoritajiet doganali Belġjani bdew investigazzjoni ta’ dawn ir-reati meta r-Regolament 2017/1939 (3) kien diġà fis-seħħ, iżda qabel ma l-UPPE beda jassumi l-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni (fl‑1 ta’ Ġunju 2021) (4).
3. Peress li l-awtoritajiet Belġjani ma informawx, fil-mument opportun, lill-UPPE bl-investigazzjonijiet tagħhom u l-proċedura kriminali kienet deċiża fl-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, x’konsegwenzi jirriżultaw minn dan in-nuqqas ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ dik il-proċedura, li issa tinsab fil-fażi tal-appell.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament 2017/1939
4. L-Artikolu 4 (“Kompiti”) jipprovdi:
“L-UPPE għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 (5) u ddeterminati b’dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward l-UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet, u jwettaq atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sa meta l-każ ikun finalment konkluż.”
5. Skont l-Artikolu 22 (“Kompetenza materjali tal-UPPE”), paragrafu 1:
“L-UPPE għandu jkun kompetenti fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva [2017/1371], kif implimentata mil-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk l-istess imġiba kriminali tistax tiġi kklassifikata bħala tip ta’ reat ieħor fil-liġi nazzjonali. [...]”
6. L-Artikolu 24 (“Rappurtar, reġistrazzjoni u verifika tal-informazzjoni”) jistabbilixxi:
“1. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jirrappurtaw mingħajr dewmien żejjed lill-UPPE kwalunkwe imġiba kriminali li fir-rigward tagħha huwa jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22, l-Artikolu 25(2) u (3).
2. Meta awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru tagħti bidu għal investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22, l-Artikolu 25(2) u (3), jew fejn, fi kwalunkwe żmien wara li tinbeda investigazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi kompetenti ta’ Stat Membru jidhrilha li investigazzjoni tikkonċerna tali reat, dik l-awtorità għandha mingħajr dewmien żejjed tinforma lill-UPPE sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27.
[...]”.
7. B’konformità mal-Artikolu 25 (“Eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE”), paragrafu 1:
“L-UPPE għandu jeżerċita l-kompetenza tiegħu jew billi jagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 26 jew billi jiddeċiedi li juża d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni skont l-Artikolu 27. Jekk l-UPPE jiddeċiedi li jeżerċita l-kompetenza tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom stess fir-rigward tal-istess imġiba kriminali.”
8. L-Artikolu 27 (“Dritt ta’ evokazzjoni”) jistabbilixxi:
“1. Hekk kif jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha f’konformità mal-Artikolu 24(2), l-UPPE għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jekk jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara li jirċievi l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali b’dik id-deċiżjoni. Il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ f’każ speċifiku jieħu deċiżjoni motivata biex jestendi l-limitu ta’ żmien b’perijodu massimu ta’ ħamest ijiem, u għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kif meħtieġ.
2. Matul il-perijodi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joqgħodu lura milli jieħdu kwalunkwe deċiżjoni taħt il-liġi nazzjonali li jista’ jkollha l-effett li tipprekludi lill-UPPE milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura urġenti meħtieġa, taħt il-liġi nazzjonali, biex jiżguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi.
3. Jekk l-UPPE jsir jaf, b’mezzi oħra minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), bil-fatt li investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih jista’ jkun kompetenti diġà qed titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, huwa għandu jinforma lil dawn l-awtoritajiet mingħajr dewmien. Wara li jkun ġie informat kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 24(2), l-UPPE għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk għandux jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
[...]
5. Fejn l-UPPE jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jittrasferixxu l-fajl lill-UPPE u joqgħodu lura milli jwettqu aktar atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-istess reat.
[...]
7. Fejn l-UPPE jkun qagħad lura milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinformaw lill-UPPE dwar kwalunkwe fatti ġodda li jistgħu jagħtu lill-UPPE raġunijiet biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li ma jeżerċitax kompetenza.
L-UPPE jista’ jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu wara li jirċievi tali informazzjoni, dment li l-investigazzjoni nazzjonali ma tkunx diġà ġiet iffinalizzata u li ma tkunx tressqet akkuża quddiem qorti. Id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1.
[...]”.
9. L-Artikolu 35 (“Terminazzjoni tal-investigazzjoni”) jindika:
“1. Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ iqis li l-investigazzjoni hija konkluża, huwa għandu jippreżenta rapport lill-Prosekutur Ewropew superviżur, li jkun jinkludi sommarju tal-każ u abbozz ta’ deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir prosekuzzjoni quddiem qorti nazzjonali jew jekk għandux jiġi kkunsidrat ir-rinviju tal-każ, iċ-ċaħda jew proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 34, 39 jew 40. Il-Prosekutur Ewropew superviżur għandu jgħaddi dawk id-dokumenti lill-Awla Permanenti kompetenti akkumpanjati, jekk iqis li jkun meħtieġ, mill-valutazzjoni tiegħu stess. Meta l-Awla Permanenti, f’konformità mal-Artikolu 10(3), tieħu d-deċiżjoni kif proposta mill-Prosekutur Delegat Ewropew, huwa għandu jsegwi l-kwistjoni kif adatt.
2. Jekk l-Awla Permanenti, abbażi tar-rapporti li tirċievi, tikkunsidra li mhijiex ser tieħu d-deċiżjoni kif proposta mill-Prosekutur Delegat Ewropew, hija għandha, fejn meħtieġ, tagħmel ir-reviżjoni tagħha stess tal-fajl tal-każ qabel ma tieħu deċiżjoni finali jew tagħti istruzzjonijiet ulterjuri lill-Prosekutur Delegat Ewropew.
3. Fejn applikabbli, ir-rapport tal-Prosekutur Delegat Ewropew għandu jipprovdi wkoll motivazzjoni suffiċjenti biex il-każ jitressaq għall-ġustizzja jew f’qorti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab, jew, f’konformità mal-Artikolu 26(4) f’qorti ta’ Stat Membru differenti li għandu ġurisdizzjoni fuq il-każ.
[...]”.
Skont l-Artikolu 120 (“Dħul fis-seħħ”):
“1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-UPPE għandu jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li jaqa’ fil-kompetenza tiegħu li jitwettaq wara d-data meta jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament.
L-UPPE għandu jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu b’dan ir-Regolament f’data li għandha tiġi determinata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew ladarba jiġi stabbilit l-UPPE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Id-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni m’għandhiex tkun aktar kmieni minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
[...]”.
B. Id-dritt Belġjan
10. Ir-Regolament 2017/1939 kien inkorporat fid-dritt Belġjan permezz tal-wet van 17 februari 2021 houdende diverse bepalingen inzake justitie (6) fis-seħħ mill‑24 ta’ Frar 2021, li daħlet il-Kapitolu XXVa fl-Algemene wet inzake douane en accijnzen van 18 juli 1977 (7).
11. L-Artikolu 285/2(1) tal-AWDA huwa fformulat kif ġej:
“L-amministratur ġenerali tal-Algemene Administratie van de Douane en Accijnzen (l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tad-Dazju tas-Sisa, il-Belġju) jaħtar tal-inqas uffiċjal wieħed tal-Amministrazzjoni Ġenerali [...] li jkun responsabbli mill-kooperazzjoni mal-Prosekuturi Delegati Ewropej li għalihom jirreferi l-Artikolu 309/2 tal-Gerechtelijk Wetboek [(il-Kodiċi Ġudizzjarju)], fir-rigward tar-reati minuri, frodi u reati serji li għalihom jirreferu l-Artikoli 281 u 282 u li fir-rigward tagħhom l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikoli 22, 25, 26 u 27 tar-Regolament [2017/1939]”.
12. L-Artikolu 285/4(1) tal-AWDA jistabbilixxi:
“Il-fakultà li tinbeda jew titkompla kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 281(2) tingħata lill-uffiċjal li għalih jirreferi l-Artikolu 285/1, fir-rigward tar-reati minuri, frodi u reati serji msemmija fl-Artikolu 281 u li fir-rigward tagħhom l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikoli 22, 25, 26 u 27 tar-Regolament [2017/1939]”.
II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13. Fl‑2019 u fl‑2020, l-awtoritajiet doganali Belġjani bdew investigazzjoni li matulha kkunsidraw li sitta u għoxrin persuna fiżika u morali kienu wettqu, matul l‑2008 u l‑2019, diversi reati doganali fl-importazzjoni ta’ oġġetti miċ-Ċina, suġġetti għal żdoganar tal-merkanzija fi Brussell u li d-destinarji tagħhom kienu fil-Ġermanja, Spanja u l-Ungerija.
14. Ir-rapporti 19/D/000565, 19/D/000724 u 20/D/000058, redatti fil-qasam tad-dazji doganali u dazju tas-sisa, ingħalqu fis‑27 ta’ Novembru 2019, fl‑1 ta’ April 2020 u fil‑15 ta’ April 2020 rispettivament, u ntbagħtu lill-awturi tar-reati bil-posta rreġistrata.
15. It-taħrikiet diretti tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tad-Dazju tas-Sisa kienu nnotifikati lill-awturi tar-reati f’Lulju u Awwissu tal‑2021, wara li l-UPPE assuma l-funzjonijiet tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni fl‑1 ta’ Ġunju 2021.
16. Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2022, mogħtija fi proċedura kontradittorja fir-rigward ta’ wħud mill-akkużati u f’kontumaċja fir-rigward ta’ oħrajn, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju): a) fil-proċedura kriminali, illiberat lill-akkużati; u b) fil-proċedura ċivili, ikkundannat uħud minnhom iħallsu lill-Istat Belġjan dazji ta’ importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 143 951.
17. Fis‑6 ta’ Jannar 2023, l-Istat Belġjan appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju).
18. Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal‑5 ta’ Diċembru 2024, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddikjarat l-appell ammissibbli f’materja kriminali fir-rigward ta’ wħud mill-akkużati, u f’materja ċivili għad-dejn doganali magħmul minnhom.
19. Qabel tiddeċiedi dwar l-appell tal-Istat Belġjan, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tikkonstata li:
– wieħed mill-akkużati jallega l-inammissibbiltà tat-talbiet invokati f’materja kriminali u ċivili, peress li l-Istat Belġjan ma weriex li kien informa lill-UPPE bil-fatti taħt akkuża, u lanqas li l-UPPE kien iddeċieda li ma kellux raġunijiet sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1939;
– skont l-Istat Belġjan, l-investigazzjoni kienet konkluża bit-trażmissjoni tal-att lill-awturi tar-reati qabel ma l-UPPE beda jopera. Għaldaqstant, ma kienx possibbli li l-UPPE jevoka l-każ u ma kienx hemm ostakolu għall-prosekuzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali;
– il-fażi ta’ investigazzjoni tal-kawża kienet għadha mhux iffinalizzata meta l-UPPE beda jiffunzjona fl‑1 ta’ Ġunju 2021;
– l-Istat Belġjan ma ppreżenta ebda dokument li juri li, wara li bdiet l-investigazzjoni tar-reati allegati, l-awtoritajiet kompetenti kienu informaw lill-UPPE fil-forma prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1939 sabiex ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
20. F’dan il-kuntest, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“L-Artikoli 24, 25, 27 u 35 tar-Regolament [2017/1939] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fiċ-ċirkustanzi [tal-każ], l-awtorità nazzjonali tad-dwana u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku nazzjonali jibqgħu kompetenti sabiex jissoktaw bil-kawża quddiem il-qrati kriminali?
Jekk il-qorti kriminali tikkonstata li l-kawża ma ġietx ikkomunikata lill-[UPPE], hija għandha tittrasferixxi l-kawża mill-ġdid lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex bl-istess mod huma jinformaw lill-[UPPE] bl-investigazzjoni u sabiex dan tal-aħħar ikun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni?”.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2025.
22. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Gvern Awstrijak, Belġjan, Taljan u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.
23. B’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din stiednet lill-UPPE jippreżenta bil-miktub l-informazzjoni rilevanti li huwa għandu fir-rigward tas-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
24. Fl‑24 ta’ April 2026, l-UPPE pprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja din l-informazzjoni, li dwarha nstemgħu dawk li intervjenew fis-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Mejju 2026, jiġifieri, il-Gvern Belġjan u dak Pollakk u l-Kummissjoni.
IV. Evalwazzjoni
25. Ir-Regolament 2017/1939 daħal fis-seħħ, kif diġà indikajt, fl‑20 ta’ Novembru 2017, iżda l-UPPE assuma l-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fl‑1 ta’ Ġunju 2021. Ma hemmx dubju li r-reati allegati f’din il-kawża jaqgħu taħt il-kompetenza sostantiva tal-UPPE.
26. Il-qorti tar-rinviju tqis li ġie pprovat li l-investigazzjoni kriminali ma kinitx iffinalizzata fl‑1 ta’ Ġunju 2021, u li konsegwentement, l-awtorità nazzjonali kellha tinforma lill-UPPE sabiex dan ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni. Hija żżid li peress li ma informatux, “tqum il-kwistjoni tal-konsegwenza tan-nuqqas ta’ informazzjoni lill-UPPE f’dan ir-rigward” (8). Sabiex issolviha, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li l-kontenut tagħhom ġie traskritt.
A. L-ewwel domanda preliminari
27. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 24(2), l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939 jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali (l-Amministrazzjoni Doganali Ġenerali tad-Dwana u tad-Dazju tas-Sisa u l-Ministeru Fiskali Belġjan) jibqgħu kompetenti sabiex iwettqu l-prosekuzzjoni fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq.
28. Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament 2017/1939, l-UPPE jista’ jaġixxi b’żewġ modi: a) billi jibda investigazzjoni diretta tal-fatti li allegatament jikkostitwixxu reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu; jew b) billi jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni fir-rigward ta’ investigazzjonijiet diġà mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali.
29. L-UPPE jwettaq l-investigazzjonijiet diretti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 2017/1939 (9), meta jirċievi informazzjoni rilevanti dwar reat li fir-rigward tiegħu jista’ jkun kompetenti u li fir-rigward tiegħu ebda awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar ta’ Stat Membru ma tkun bdiet investigazzjoni (10). Mhux ser nelabora dwar din il-modalità ta’ azzjoni tal-UPPE, li ma hijiex relatata mal-fatti analizzati hawnhekk.
30. L-UPPE jista’ wkoll jeżerċita l-kompetenzi tiegħu billi jqiegħed fil-prattika d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, meta awtorità ta’ Stat Membru tkun bdiet “investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu [...]” u dik l-awtorità tinformah bl-investigazzjonijiet tagħha.
31. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari għandu jsir riferiment għall-kriterji ermenewtiċi abitwali (grammatikali, sistematiku u teleoloġiku) (11) li jippermettu li jiġi ċċarat is-sens tal-Artikoli 24, 25 u 27 tar-Regolament 2017/1939.
1. Interpretazzjoni grammatikali
32. L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 (12), jirrigwarda l-każijiet fejn:
– awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar ta’ Stat Membru tibda investigazzjoni ta’ reat li fir-rigward tiegħu l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu,
– jew, fi kwalunkwe żmien wara l-bidu ta’ investigazzjoni, dik l-awtorità tikkunsidra li investigazzjoni tirrigwarda reat ta’ dan it-tip (13).
33. Fiż-żewġ każijiet, l-awtorità nazzjonali għandha tinforma lill-UPPE sabiex dan ikun jista’ jiddeċiedi jekk jeżerċitax jew le d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
34. L-Artikolu 27(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi li l-UPPE jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni wara li jkun irċieva l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni pendenti minn sorsi oħra. Din id-dispożizzjoni timplika li r-Regolament 2017/1939 jipprevedi, b’mod impliċitu, il-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux informaw lill-UPPE.
35. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw lill-UPPE, “mingħajr dewmien żejjed” b’kull imġiba li tikkostitwixxi reat li fir-rigward tiegħu huwa jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu (Artikolu 24(1) tar-Regolament 2017/1939). Nifhem li għandhom jibagħtu din l-informazzjoni meta jsiru jafu bl-imġiba li tikkostitwixxi reat (notitia criminis), ikunu jew ma jkunux bdew l-investigazzjoni formalment. Fi kwalunkwe każ, l-importanti huwa li jinformaw lill-UPPE mill-iktar fis possibbli, hekk kif ikollhom il-prova (jew sempliċi suspett) li l-fatti jirrigwardaw reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.
36. Ladarba tkun ipprovduta l-informazzjoni u qabel ma l-UPPE jiddeċiedi dwar l-evokazzjoni, l-awtorità nazzjonali għandha “[toqgħod] lura milli [tieħu] kwalunkwe deċiżjoni [...] li jista’ jkollha l-effett li tipprekludi lill-UPPE milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni” (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament 2017/1939) (14).
37. Jekk l-UPPE jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, jassumi l-investigazzjoni diġà mibdija mill-korp nazzjonali, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jittrasferixxulu l-fajl u jastjenu milli jwettqu atti ġodda ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-istess reat (15). L-UPPE jkompli bil-proċedura sal-mument li fih jinforma lill-korpi nazzjonali bl-evokazzjoni.
38. L-evokazzjoni mill-UPPE tirriżulta fit-telf tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. A sensu contrario, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom il-fakultà li jinvestigaw reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE sakemm dan jeżerċita l-evokazzjoni.
39. Għalhekk, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 27(5) tar-Regolament 2017/1939 tippermetti li jiġi konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jkomplu bl-azzjoni tagħhom, inkluż il-prosekuzzjoni, sakemm l-UPPE jadotta (u jikkomunika) id-deċiżjoni li jevoka l-kawża.
40. L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 huwa sieket fir-rigward tal-konsegwenzi speċifiċi tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. B’mod konkret, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom u bil-prosekuzzjoni sakemm l-UPPE jevoka l-każ għalih.
41. Għalhekk, il-kontenut litterali tal-Artikolu 24(2), tal-Artikolu 25(1) u tal-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939 ma jipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali li bdew investigazzjoni dwar reati li jistgħu jiġu pproċessati mill-UPPE jibqgħu kompetenti li jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom, u jekk ikun il-każ, bil-prosekuzzjoni tagħhom, sakemm dan jiddeċiedi li juża d-dritt tiegħu tal-evokazzjoni.
2. Interpretazzjoni sistematika
42. L-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 24(2) u l-Artikoli 25 u 27 tar-Regolament 2017/1939 twassal għall-istess riżultat.
43. Ir-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi sistema kumplessa ta’ kompetenzi kondiviżi bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ġlieda kontra r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
44. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-UPPE jgawdi mid-dritt ta’ evokazzjoni, jiġifieri, għandu prijorità għall-prosekuzzjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (16). Ir-raġuni għal tali prijorità hija li l-UPPE jista’ jiggwida u jiggarantixxi aħjar il-koerenza tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjoni fil-livell tal-Unjoni, fir-rigward ta’ tipi ta’ reati li ħafna drabi jkollhom dimensjoni transnazzjonali.
45. Madankollu, it-taħlita ta’ kompetenza kondiviża/prijoritarja tal-UPPE permezz tal-użu tad-dritt ta’ evokazzjoni ma timplikax li l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex kompetenti għall-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ir-Regolament 2017/1939 ma stabbilixxiex il-kompetenza esklużiva tal-UPPE f’dan il-qasam (17).
46. Fil-fatt, minkejja li r-Regolament 2017/1939 jattribwixxi, bħala regola ġenerali, kompetenza prijoritarja lill-UPPE, l-awtoritajiet nazzjonali jżommu kompetenza sussidjarja għall-prosekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ reati.
47. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom kompetenza b’mod sussidjarju għall-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta l-UPPE (fir-rigward ta’ reat diġà suġġett ta’ investigazzjoni) jiddeċiedi li ma jeżerċitax il-possibbiltà ta’ evokazzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939.
48. F’termini ġenerali, l-azzjoni tal-UPPE hija suġġetta għal kriterju doppju:
– meta huwa stess iwettaq investigazzjoni diretta, japplika l-prinċipju ta’ legalità u l-UPPE jkun obbligat jinvestiga l-ksur u jekk ikun il-każ, iwettaq il-prosekuzzjoni;
– madankollu, meta jeżistu investigazzjonijiet pendenti tal-awtoritajiet nazzjonali (kemm jekk jiġu kkomunikati lill-UPPE kif ukoll jekk dan isir jaf bihom b’mezzi oħra), ma jkunx obbligat jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, minkejja li jista’ jagħmel dan.
49. Mill-preċedenti u mill-perspettiva tas-sistema kollha kemm hi, jista’ jiġi dedott li l-awtoritajiet nazzjonali jżommu l-kompetenza tagħhom għall-prosekuzzjoni tar-reati jekk l-UPPE ma jużax il-mekkaniżmu tal-evokazzjoni.
50. L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 jippermetti, imbagħad, li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu l-prosekuzzjoni ta’ reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE, inkluż meta jwettqu investigazzjonijiet pendenti mhux ikkomunikati lilu, sal-mument li fih l-UPPE jevoka l-każ.
51. Fl-Artikolu 40(2) tiegħu, ir-Regolament Intern tal-UPPE (18) jistabbilixxi li, b’żieda mal-elementi rilevanti f’kull investigazzjoni (19), l-UPPE għandu jevalwa fatturi oħra sabiex jivverifika l-adegwatezza tal-evokazzjoni (20).
52. Abbażi tal-Artikolu 9(2) tal-istess regolament intern (21), il-Kulleġġ tal-UPPE adotta l-linji gwida operattivi dwar l-investigazzjoni, il-politika ta’ evokazzjoni u r-rinviju ta’ każijiet (22). Fl-Anness 2 tiegħu jirreferi, b’mod konkret, għall-evokazzjoni ta’ każijiet li kienu qegħdin jinvestigaw l-awtoritajiet nazzjonali matul il-perijodu tranżitorju eżistenti bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/1939 (l‑20 ta’ Novembru 2017) u d-data li fiha l-UPPE assuma l-funzjonijiet tiegħu ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni (l‑1 ta’ Ġunju 2021). Dan huwa l-każ fil-każ inkwistjoni.
53. Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet, l-Anness 2 tal-linji gwida operattivi jindika li, “skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità, l-UPPE jista’ biss [jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni] meta l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu jista’ jkun ta’ valur miżjud għall-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni”.
54. L-analiżi tal-evokazzjoni ma tistax tinjora minn naħa li l-Artikolu 25(2) u (3) tar-Regolament 2017/1939 jattribwixxi lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza għall-prosekuzzjoni ta’ reati partikolari li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
55. Għalhekk, skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament 2017/1939, fir-reati inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tiegħu li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni fejn l-ammont ikun inqas minn EUR 10 000, l-UPPE jintervjeni biss f’ċirkustanzi partikolari (23). Għalhekk, ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ ammont żgħir jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, sakemm ma jiġux evokati mill-UPPE, li jista’ jagħmel dan biss jekk jiġi ssodisfatt wieħed mill-każijiet tal-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament.
56. B’mod simili, l-Artikolu 25(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi li l-UPPE għandu jastjeni milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 jekk jkunu preżenti ċerti fatturi (24). Jekk ikunu preżenti dawn il-fatturi, u wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-UPPE għandu jibgħat lura l-każ lil dawn tal-aħħar mingħajr dewmien indebitu.
57. Il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ reati li fihom javveraw ruħhom iċ-ċirkustanzi tal-Artikolu 25(2) u (3) tar-Regolament 2017/1939 hija argument komplementarju, ta’ ordinament sistematiku, favur li dawn l-awtoritajiet iżommu l-kompetenza tagħhom (tal-inqas b’mod provviżorju) sakemm l-UPPE jiddeċiedi li jevoka l-każ.
58. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1939 li jirregolaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UPPE (u li ma jibbrillawx għaċ-ċarezza tagħhom), fl-investigazzjonijiet diġà mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali, il-punt deċiżiv, mill-perspettiva sistematika, huwa l-mument li fih l-UPPE jadotta d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-eżerċizzju jew le tad-dritt ta’ evokazzjoni.
59. Naħseb li, għal dawn il-finijiet, ma huwiex determinanti li l-UPPE ma setax jieħu d-deċiżjoni li jevoka minħabba n-nuqqas, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li jwettqu l-obbligu impost fuqhom mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939.
60. Ċertament, l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-awtoritajiet nazzjonali hija indispensabbli sabiex l-UPPE jkun jista’ jeżerċita l-evokazzjoni (25), jekk dan ma jkollux sorsi oħra sabiex isir jaf dwar in-notitia criminis. L-obbligu li tinbagħatlu din l-informazzjoni huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (26) li għalih jirreferi l-Artikolu 5(6) tar-Regolament 2017/1939.
61. L-obbligu ta’ informazzjoni tal-Artikolu 24(2) jirrelata wkoll ma’ obbligi oħra analogi tal-awtoritajiet nazzjonali (paragrafi 3 u 5 tal-istess artikolu), ispirati wkoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (27). Dawn huma obbligi ta’ informazzjoni li jikkomplimentaw dawk tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939, iżda joperaw f’każijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali għandhom kompetenza prijoritarja għall-prosekuzzjoni tar-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
62. Fi kwalunkwe każ, nirrepeti li, l-importanti sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu mċaħħda mill-kompetenza tagħhom, huwa li l-UPPE jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni. Sa dal-mument, mill-perspettiva tal-Artikoli 24, 25 u 27 tar-Regolament 2017/1939, dawn l-awtoritajiet iżommu l-kompetenza tagħhom.
3. Interpretazzjoni teleoloġika
63. Mill-premessi 12 u 14 tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li l-istabbiliment tal-UPPE għandu l-għan li jiġġieled b’mod iktar effikaċi r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (28).
64. L-UPPE huwa entità unika, u minkejja l-istruttura deċentralizzata tiegħu, huwa korp indiviżibbli mill-Unjoni Ewropea (29) awtorizzat li jinvestiga r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jwettaq il-prosekuzzjoni (30). Madankollu, jaġixxi mingħajr ma jeżisti dritt kriminali komuni reali, sostantiv jew proċedurali, fil-livell Ewropew. Ir-Regolament 2017/1939 jinkludi numru limitat ta’ dispożizzjonijiet u jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kumplament (31).
65. Fl-opinjoni tiegħi, l-għan ta’ ġlieda iktar effikaċi kontra r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu jinkoraġġixxi interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 favur li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jkomplu proċedura kriminali pendenti li fiha naqsu mill-obbligu tagħhom li jinformaw lill-UPPE (bla ħsara għal dak li ser nesponi fl-analiżi tat-tieni domanda preliminari).
66. Is-soluzzjoni kuntrarja (li tipprovdi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal, awtomatikament, għan-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali għall-prosekuzzjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni) jidhirli li hija sproporzjonata u inkoerenti mal-għan tar-Regolament 2017/1939.
67. Dan iktar u iktar, jekk il-konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 jirriżultaw fin-nullità tal-investigazzjonijiet nazzjonali mwettqa sa issa u fl-impossibbiltà li jiġu ammessi l-provi miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali.
68. Fi kwalunkwe każ, jekk l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru jonqsu b’mod konsistenti milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jinformaw lill-UPPE, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru. B’dan il-mod, jiġi ggarantit li l-UPPE jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod adegwat fir-rigward tar-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li kienu bdew jiġu investigati mill-awtoritajiet nazzjonali.
69. Fil-qosor, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 24(2), l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939 ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu prosekuzzjoni quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, minkejja l-fatt li l-UPPE ma kienx informat li huma bdew u komplew investigazzjoni ta’ reat li fir-rigward tiegħu l-UPPE jista’ jkollu kompetenza.
B. It-tieni domanda preliminari
70. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, meta “il-qorti kriminali tikkonstata li l-kawża ma ġietx ikkomunikata lill-UPPE”, hija għandhiex tibgħatha lura lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’tali mod li dawn jinformaw lill-UPPE sabiex ikun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
71. Il-kawża li minnha joriġina r-rinviju għal deċiżjoni preliminari tinsab fil-fażi tal-appell, ladarba s-sentenza tal-ewwel istanza ngħatat. F’dan il-mument proċedurali preċiż, l-UPPE xorta jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni?
72. Fil-fehma tiegħi, id-domanda titlaq mill-premessa li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 jikkostitwixxi difett proċedurali li jista’ jiġi rrimedjat qabel is-soluzzjoni dwar il-mertu. Ir-rimedju huwa, ġustament, li l-UPPE jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu tal-evokazzjoni.
73. Il-mistoqsija impliċita f’din it-tieni domanda preliminari hija jekk l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939 jipprekludux li l-qorti nazzjonali tagħti sentenza dwar il-mertu meta l-UPPE ma kienx f’pożizzjoni li jadotta deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
74. Ir-risposta li nipproponi ser tkun ibbażata wkoll fuq l-interpretazzjoni, skont il-kriterji abitwali, tar-Regolament 2017/1939.
1. Interpretazzjoni litterali
75. Testwalment, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 ma jistabbilixxix skadenza preċiża għall-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jinformaw lill-UPPE.
76. Hemm żewġ soluzzjonijiet diverġenti fir-rigward ta’ dan l-obbligu: jista’ jitwettaq biss matul il-fażi ta’ investigazzjoni; jew, b’mod eċċezzjonali, lil hinn mill-fażi ta’ investigazzjoni, meta dawn l-awtoritajiet ikunu bdew il-prosekuzzjoni (u, eventwalment, il-qrati jkunu aditi bil-kawża).
77. L-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 juża l-espressjoni “fi kwalunkwe żmien wara li tinbeda investigazzjoni”, sabiex jindika meta l-awtorità nazzjonali għandha tinforma lill-UPPE. Kif tindika l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-possibbiltà ta’ komunikazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali għall-perijodu strett ta’ investigazzjoni tal-fatti. Għalhekk, tippermetti li jiġi aċċettat li, mill-perspettiva testwali, xejn ma jostakola li t-trasferiment tal-informazzjoni jsir wara li tkun bdiet il-prosekuzzjoni.
78. Huwa minnu li r-regola ġenerali għandha tkun li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali lill-UPPE titwettaq, preċiżament, fil-fażi ta’ investigazzjoni. L-Artikolu 24(2) jiddikjara l-komunikazzjoni għandha ssir “mingħajr dewmien żejjed” u l-azzjoni tal-UPPE f’din il-fażi inizjali tista’ żżid l-effikaċja tal-investigazzjonijiet ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
79. Madankollu, ma hemmx oġġezzjonijiet testwali sabiex l-informazzjoni tintbagħat, b’mod eċċezzjonali, wara l-prosekuzzjoni, meta l-kawża tkun pendenti quddiem il-qrati nazzjonali.
80. Jekk, barra minn hekk, ikunu inkwistjoni investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali fil-“perijodu tranżitorju” (meta l-UPPE kien għadu ma assumiex il-funzjonijiet tiegħu), iktar u iktar għandha tiġi aċċettata eċċezzjoni għar-regola ġenerali.
81. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1939 lanqas jistabbilixxi skadenza preċiża għall-evokazzjoni mill-UPPE. Dan għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu “mill-aktar fis possibbli”, ladarba jirċievi l-informazzjoni rilevanti (32).
82. Il-flessibbiltà taż-żmien hija enfasizzata meta wieħed jinnota li l-UPPE jista’ wkoll jeżerċita l-kompetenzi tiegħu meta inizjalment ikun astjena milli jeżerċita l-evokazzjoni iżda matul il-proċedura jkunu rriżultaw fatti oħra li jistgħu jkunu r-raġuni li huwa jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformawh b’dan il-fatt u l-UPPE jista’ jeżerċita l-evokazzjoni, “dment li l-investigazzjoni nazzjonali ma tkunx diġà ġiet iffinalizzata u li ma tkunx tressqet akkuża quddiem qorti” (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(7) tar-Regolament 2017/1939).
83. Dan l-aħħar limitu taż-żmien għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ evokazzjoni huwa limitat għal meta jirriżultaw fatti ġodda wara r-rifjut preċedenti tal-UPPE li jevoka l-kawża. F’tali każ, huwa meħtieġ li l-investigazzjoni nazzjonali tkun għadha ma hijiex iffinalizzata. Bid-differenza għat-teżi difiża mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, ma narax raġunijiet għaliex għandi napplika din ir-regola b’analoġija għal xi sitwazzjoni oħra, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-evokazzjoni. Tali limitu taż-żmien huwa applikabbli biss għall-każ ta’ informazzjoni preċedenti lill-UPPE u nuqqas ta’ eżerċizzju tal-evokazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jirriżultaw fatti ġodda, l-UPPE jista’ jemenda d-deċiżjoni tiegħu u jevoka l-kawża, sakemm il-fażi ta’ investigazzjoni tkun għadha ma hijiex itterminata.
84. Nirrepeti li, il-limitu taż-żmien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(7) tar-Regolament 2017/1939 ma jistax japplika lil hinn mis-sitwazzjoni partikolari li għaliha jirreferi. Ma jidhirlix li huwa loġiku li jiġi applikat għall-każijiet ta’ informazzjoni tardiva (meta l-kawża tkun diġà fil-fażi ġudizzjarja u l-investigazzjoni tkun itterminata) li fihom l-UPPE ma kellux l-opportunità preċedenti li jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li jevoka.
2. Interpretazzjoni sistematika
85. L-analiżi sistematika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1939 tikkorrobora, fl-opinjoni tiegħi, dak li ntqal sa issa. Hemm diversi raġunijiet li, minn din il-perspettiva, jiffavorixxu tali soluzzjoni.
86. Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1939 jista’ jiġi dedott li l-intervent tal-UPPE ma huwiex limitat għall-fażi ta’ investigazzjoni tar-reati, iżda jinkludi wkoll il-prosekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali (33).
87. L-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet pendenti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u d-dritt ta’ evokazzjoni tal-UPPE huma strumenti ewlenin sabiex dan iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Għalhekk, it-tnejn (l-informazzjoni u d-dritt ta’ evokazzjoni) jistgħu japplikaw mhux biss matul il-fażi ta’ investigazzjoni, iżda wkoll matul il-proċedura quddiem il-qrati, sakemm il-kawża tkun risolta b’mod definittiv.
88. Huwa loġiku li, fil-mument li fih jevoka kawża f’fażi ġudizzjarja, l-UPPE jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi proċedurali tal-intervent tiegħu u l-adegwatezza tiegħu għal repressjoni aħjar tar-reat.
89. L-intervent tal-UPPE, li jissostitwixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, fil-fażi ġudizzjarja huwa differenti minn sempliċi bidla tal-atturi tal-proċedura. Il-fatt jekk l-akkuża titressaqx mill-UPPE jew mill-awtoritajiet nazzjonali jista’ ma jkunx irrilevanti. Jekk l-UPPE jevoka l-kawża, xejn ma jipprekludih milli jorbotha ma’ azzjonijiet transnazzjonali (34) u jipproduċi provi, f’sens jew ieħor, li skont id-dritt nazzjonali, jaffettwaw il-kawża.
90. Fit-tieni lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi li “[i]l-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu responsabbli għal dawk l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li huma jkunu bdew, li ġew allokati lilhom jew li huma ħadu billi użaw id-dritt tagħhom ta’ evokazzjoni” (35). Minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li jistgħu jeżerċitaw l-evokazzjoni ta’ kawżi li jkunu ġew ittrattati mill-awtoritajiet nazzjonali matul il-fażi ta’ investigazzjoni u wara l-prosekuzzjoni, waqt li jkunu pendenti ġudizzjarjament quddiem il-qrati nazzjonali.
91. Fit-tielet lok, l-Artikolu 27(5) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi li “[f]ejn l-UPPE jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jittrasferixxu l-fajl (36) lill-UPPE u joqgħodu lura milli jwettqu aktar atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-istess reat”. F’dan il-kuntest, il-fajl jista’ jinkludi l-atti ta’ investigazzjoni u l-atti proċedurali sussegwenti. It-trażmissjoni tal-fajl timplika li l-UPPE jista’, wara l-evokazzjoni, juża l-provi miġbura fih mill-awtoritajiet nazzjonali.
92. Fir-raba’ lok, l-Artikolu 25(6) tar-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi r-regoli sabiex jiġu riżolti l-kunflitti bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali. Il-kunflitti pożittivi jew negattivi ta’ kompetenza għandhom jiġu riżolti minn qorti nazzjonali (37), mingħajr ma din is-sistema tinkludi skadenzi f’dan ir-rigward.
93. Finalment, is-setgħat li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/1939 jattribwixxi lill-Prosekuturi Delegati Ewropej (38) ma jimplikawx, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, li l-UPPE jista’ jwettaq prosekuzzjoni biss jekk preċedentement ikun wettaq l-investigazzjonijiet tiegħu stess.
94. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/1939 jirregola l-għeluq tal-fażi ta’ investigazzjoni meta tkun twettqet mill-UPPE, li jiġri dejjem fil-każ ta’ investigazzjoni diretta u meta l-informazzjoni u l-evokazzjoni jkunu seħħew qabel il-prosekuzzjoni. Din id-dispożizzjoni madankollu ma taffettwax l-iskadenza sabiex jiġi informat l-UPPE u lanqas sabiex huwa jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni fil-każijiet (eċċezzjonali) li fihom il-kawża tkun inbagħtet lura lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex tiddeċidiha.
3. Interpretazzjoni teleoloġika
95. Kif diġà esponejt, l-istabbiliment tal-UPPE għandu l-għan ta’ ġlied iktar effikaċi kontra r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
96. Isservi aħjar dan il-għan interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament 2017/1939 li tiffavorixxi l-intervent eċċezzjonali tal-UPPE (u l-komunikazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet nazzjonali) lil hinn mill-fażi ta’ investigazzjoni, meta l-kawża tkun pendenti quddiem il-qrati nazzjonali.
97. Ċertament, huwa rrakkomandat li l-intervent tal-UPPE fir-rigward ta’ reati li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jseħħ mill-iktar fis possibbli fil-fażi ta’ investigazzjoni, ladarba l-awtoritajiet nazzjonali jirrealizzaw li l-fatti jistgħu jikkostitwixxu reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
98. Madankollu, ladarba tibda l-prosekuzzjoni, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-UPPE tista’ wkoll tgħin sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament 2017/1939 (39).
99. Fil-fatt, wara li jirċievi l-informazzjoni fil-fażi ta’ ġudizzju orali, l-UPPE għandu jiddeċiedi malajr (f’terminu ta’ ħamest ijiem) jekk jevokax il-kawża, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 2017/1939, bil-possibbiltà li jestendih għal ħamest ijiem oħra. Din il-possibbiltà ma taffettwax b’mod negattiv il-ħeffa tal-proċedura ġudizzjarja, u għall-kuntrarju, tista’ tirriżulta f’amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja jekk l-UPPE jipprovdi informazzjoni addizzjonali fil-fażi ġudizzjarja, meħud inkunsiderazzjoni l-għarfien tiegħu dwar il-kriminalità organizzata transnazzjonali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
100. Ma għandux jiġi injorat li l-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri tista’ tirriżulta f’differenzi bejniethom. Lanqas ma huma minimi d-diffikultajiet li jirriżultaw mis-sostituzzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali mill-UPPE fil-fażi ġudizzjarja, iktar u iktar fl-istanzi ta’ appell jew kassazzjoni. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jkunu kunsiderevoli fir-rigward tal-produzzjoni tal-provi jew tat-tkomplija tal-prosekuzzjoni mibdija mill-awtorità nazzjonali li sa issa kienet kompetenti.
101. L-UPPE għandu jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-diffikultajiet sabiex jeżerċita jew le d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni u jassumi l-akkuża biss meta ma jeżistux ostakoli proċedurali li jfixklu s-suċċess tal-pretensjonijiet tiegħu. Jekk is-sostituzzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali mill-UPPE, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, tirriżulta fi problemi mhux solvibbli ta’ ordinament nazzjonali jew taffettwa b’mod serju l-prosekuzzjoni stess (40), l-UPPE għandu jevalwa l-ħtieġa tal-evokazzjoni.
4. Interpretazzjoni storika
102. Matul il-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni tar-Regolament 2017/1939, il-Kunsill żied din il-frażi fil-Proposta tal-Kummissjoni (41): “L-UPPE jista’ jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni f’kull mument tal-fażi ta’ investigazzjoni”.
103. Wara diskussjonijiet intensivi, dan il-limitu taż-żmien tneħħa (42). Naħseb li l-eliminazzjoni tiegħu turi l-volontà tal-leġiżlatur li jippermetti li l-UPPE jista’ jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni mingħajr restrizzjonijiet taż-żmien, jiġifieri, lil hinn mill-fażi ta’ investigazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija dik li l-Kummissjoni, skont kif iddikjarat waqt is-seduta, tiddeduċi min-negozjati li taw lok għall-adozzjoni tar-Regolament 2017/1939.
104. Ma jidhirlix loġiku li jiġi kkunsidrat li l-eliminazzjoni tal-limitu taż-żmien tista’ tiġi interpretata bħala intenzjoni li ma jingħalaqx id-dibattitu f’dan ir-rigward, jew li kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni li dan l-istess limitu seta’ jiġi faċilment dedott minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 2017/1939.
5. Artikolazzjoni tal-intervent tal-UPPE wara l-prosekuzzjoni u sanzjoni għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali
105. Jekk tiġi aċċettata s-soluzzjoni li nipproponi (jiġifieri, li l-awtorità nazzjonali tista’, b’mod eċċezzjonali, tittrasferixxi l-informazzjoni tagħha lill-UPPE u dan jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni anki meta l-investigazzjoni nazzjonali tkun ġiet konkluża), il-pass li jmiss huwa li jiġi stabbilit kif ser isir dan fil-prattika.
106. Ir-Regolament 2017/1939 ma jippreċiżax il-mezzi proċedurali sabiex jiġi informat l-UPPE u sabiex dan jiddeċiedi jeżerċitax jew le d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni wara t-tmiem tal-fażi ta’ investigazzjoni u l-ftuħ tal-fażi ġudizzjarja. Lanqas jirregola l-konsegwenzi tal-ksur (nuqqas ta’ twettiq) tal-obbligu ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali lill-UPPE.
107. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jippreġudika l-kompetenza tal-UPPE sabiex jintervjeni fil-proċeduri relatati ma’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ċertament, jaffettwa l-kompetenzi tal-UPPE, iżda jista’ wkoll ikollu effett fuq id-drittijiet tal-persuni akkużati b’dawn ir-reati.
108. F’din is-sitwazzjoni, naqbel mal-opinjoni li l-UPPE stess esprima fit-tweġiba bil-miktub tiegħu tal‑24 ta’ April 2026, mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iwieġeb għall-istedina tagħha.
109. F’dan id-dokument, l-UPPE jiddikjara, fil-qosor, li fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1939, u fid-dawl tas-sistema ta’ kompetenza kondiviża stabbilita mil-leġiżlatur bil-għan li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,
– in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ kawża lill-UPPE ma għandux, waħdu, iċaħħad mil-legalità l-prosekuzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali;
– is-sanzjoni proċedurali għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li l-UPPE jiġi informat b’kawża li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu għandha tirriżulta mid-dritt nazzjonali applikabbli, b’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (43) u mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2017/1939 (44);
– komunikazzjoni lill-UPPE, minkejja li tkun tardiva, tista’ tikkostitwixxi rimedju effettiv għall-ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939. Hija l-Kummissjoni li għandha tadotta l-miżuri kollha xierqa, jekk ikun il-każ, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix mekkaniżmi suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-informazzjoni adegwata lill-UPPE.
110. Fil-fatt, għandu jsir riferiment għad-dritt nazzjonali sabiex jiġi evalwat liema mekkaniżmu jippermetti li l-UPPE jiġi informat (45), ladarba l-proċedura kriminali tkun waslet fil-fażi ġudizzjarja wara li tkun bdiet il-prosekuzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Skont dan l-istess dritt nazzjonali (interpretat b’mod iktar konformi mar-Regolament 2017/1939), għandu jiġi stabbilit l-mezz li jippermetti lill-UPPE jeżerċita, jekk ikun il-każ, id-dritt ta’ evokazzjoni u jkompli ġudizzjarjament b’sostituzzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.
111. Jekk l-UPPE jiġi informat u jiddeċiedi li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, il-proċedura kriminali titkompla mill-awtorità nazzjonali li għamlet l-akkuża. Għall-kuntrarju, jekk l-UPPE jevoka l-kawża, is-sostituzzjoni tal-awtorità nazzjonali għandha sseħħ permezz tar-rimedji li jipprovdi d-dritt nazzjonali.
112. F’dan il-punt, il-prinċipju ta’ effettività tal-applikazzjoni tar-Regolament 2017/1939 jimponi li s-sostituzzjoni ma tippreġudikax u lanqas ittawwal il-prosekuzzjoni tar-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; l-għan tar-Regolament 2017/1939 huwa, ġustament, li jżid l-effikaċja tal-prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati.
113. Barra minn hekk, jekk l-UPPE jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, huwa għandu jagħmel dan mingħajr ma jippreġudika d-drittijiet tal-partijiet intervenjenti fil-proċedura pendenti (46). Għalhekk, ikollu jevalwa sa fejn l-intervent tiegħu f’din il-fażi tal-proċedura jaffettwa d-dritt tad-difiża tal-akkużati, li l-UPPE għandu jirrispetta b’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali: id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-provi, il-klassifikazzjoni tal-fatti, l-ammont tal-multi u elementi oħra tal-prosekuzzjoni, meta l-evokazzjoni ssir fil-fażi ġudizzjarja, ma jistgħux ikunu ta’ detriment għad-drittijiet mogħtija lill-akkużati mid-dritt nazzjonali.
114. Jekk it-tkomplija tal-prosekuzzjoni kriminali mill-awtorità nazzjonali tirriżulta iktar effikaċi mis-sostituzzjoni tagħha mill-UPPE, dan tal-aħħar għandu jevalwa l-ħtieġa li jastjeni milli jevoka l-kawża. Inqis li, ladarba tinbeda l-prosekuzzjoni u l-kawża tkun pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, l-użu tal-evokazzjoni għandu jkun eċċezzjonali.
115. Fil-qosor, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/1939 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw lill-UPPE bil-proċeduri ġudizzjarji pendenti relatati ma’ reati li fir-rigward tagħhom l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu, jekk dawn l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux informaw minn qabel lill-UPPE bl-investigazzjonijiet tagħhom. F’tali ċirkustanzi, l-UPPE jista’ xorta jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
V. Konklużjoni
116. Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi li r-risposta lill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) tkun kif ġej:
“L-Artikolu 24(2), l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”),
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
– ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-prosekuzzjoni quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, minkejja l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma kienx ġie informat li dawn l-awtoritajiet kienu bdew u komplew l-investigazzjoni ta’ reat li fir-rigward tiegħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jkun kompetenti;
– l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bil-proċeduri pendenti relatati ma’ reati li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu, jekk dawn l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux informaw minn qabel lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bl-investigazzjonijiet tagħhom. F’tali ċirkustanzi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ xorta jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.”
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1).
3 Ir-Regolament 2017/1939 daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Novembru 2017.
4 Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 tas‑26 ta’ Mejju 2021 li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu (ĠU 2021, L 188. p. 100, rettifika fil-ĠU 2021, L 190, p. 101).
5 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).
6 Liġi li Tinkludi Diversi Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Ġustizzja (Belgisch Staatsblad, 24 ta’ Frar 2021, p. 16822), tas‑17 ta’ Frar 2021.
7 Liġi Ġenerali ta’ Dazji Doganali u Dazju tas-Sisa (Belgisch Staatsblad, 21 ta’ Settembru 1977, p. 11476), tat‑18 ta’ Lulju 1977 (iktar ’il quddiem, l-“AWDA”).
8 Digriet tar-rinviju, punt 5.3.
9 L-Artikolu 26(1) tar-Regolament 2017/1939 jindika li l-UPPE għandu jibda investigazzjoni meta “ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li reat [...] ikun qed isir jew sar”.
10 L-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti skont il-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jinformaw mingħajr dewmien indebitu lill-UPPE bi kwalunkwe imġiba li tikkostitwixxi reat li fir-rigward tiegħu huwa jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22 u mal-Artikolu 25(2) u (3).
11 Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335), punt 12; tat‑30 ta’ April 2024, M. N. (EncroChat) (C‑670/22, EU:C:2024:372), punt 109; u tat‑8 ta’ April 2025, L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti proċedurali) (C‑292/23, EU:C:2025:255), punt 51).
12 Il-premessi 51 u 52 tar-Regolament 2017/1939 jgħinu sabiex tinftiehem il-portata ta’ din id-dispożizzjoni.
13 L-Artikolu 26(2) tar-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi l-obbligu reċiproku tal-UPPE li jinforma lill-korp li rrapporta dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti bidu għall-investigazzjoni.
14 L-obbligu li tastjeni ma jipprekludix lill-awtorità nazzjonali milli tadotta “kwalunkwe miżura urġenti meħtieġa, taħt il-liġi nazzjonali, biex [tiżgura] investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi” (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament 2017/1939).
15 Artikolu 27(5) tar-Regolament 2017/1939.
16 Skont il-premessa 58 tar-Regolament 2017/1939, “[i]l-kompetenza tal-UPPE fir-rigward ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali, tieħu prijorità fuq pretensjonijiet nazzjonali ta’ kompetenza”.
17 Fit-test definittiv tar-Regolament 2017/1939 ma nżammitx l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti lill-UPPE kompetenza esklużiva għall-prosekuzzjoni tar-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ara l-Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-UPPE (COM (2013) 534 final], tas‑17 ta’ Lulju 2023, li l-Artikolu 11(4) tagħha, kien jiddikjara: “l-UPPE għandu jkollu kompetenzi esklużivi sabiex jinvestiga u għall-prosekuzzjoni tar-reati kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”.
18 Regolament adottat permezz tad-Deċiżjoni 3/2020 tat‑12 ta’ Ottubru 2020 tal-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u emendat permezz tad-Deċiżjoni 85/2021 tal‑11 ta’ Awwissu 2021 u tad-Deċiżjoni 26/2022 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 tal-Kulleġġ tal-UPPE (ĠU 2023, C 181, p. 1).
19 Skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament Intern tal-UPPE, “il-verifika tal-ftuħ ta’ investigazzjoni għandha tevalwa jekk: a) l-aġir irrapportat jikkostitwixxix reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza sostantiva, territorjali, personali u ratione temporis tal-UPPE; b) jeżistux raġunijiet fondati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, sabiex jiġi kkunsidrat li qed jiġi mwettaq jew twettaq reat; c) jeżistux raġunijiet legali ovvji li jipprekludu l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali; d) jekk ikun il-każ, jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(2), (3) u (4) tar-Regolament”.
20 L-Artikolu 40(2) tar-Regolament Intern tal-UPPE jelenka bħala tali l-livell ta’ maturità tal-investigazzjoni; l-importanza tagħha sabiex tiggarantixxi l-koerenza tal-politika ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-UPPE; l-aspetti transkonfinali tal-investigazzjoni; u l-eżistenza ta’ kwalunkwe raġuni speċifika oħra li tindika li l-UPPE jinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex iwettaq l-investigazzjoni.
21 Il-Kulleġġ tal-UPPE jista’ jadotta “[...] deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi [u dwar kwistjonijiet ġenerali li jqumu f’każijiet partikolari], b’mod speċjali bil-għan li jiggarantixxi l-koerenza, effiċjenza u sistemazija tal-istrateġija ta’ prosekuzzjoni tal-UPPE fl-Istati Membri [...]”.
22 Deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-UPPE tal‑21 ta’ April 2021 li permezz tagħha ġew adottati l-linji gwida operattivi dwar l-investigazzjoni, il-politika ta’ evokazzjoni u r-rinviju ta’ każijiet, emendata permezz tad-Deċiżjoni 007/2022 tas‑7 ta’ Frar 2022 u tad-Deċiżjoni 026/2022 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 tal-Kulleġġ tal-UPPE. Disponibbli fi: https://www.eppo.europa.eu/sites/default/files/2022-11/2021.029-2022.026_Amended_Op_Guidelines_on_Investigation_Evocation_Referral_ES.pdf.
23 Meta a) il-każ ikollu konsegwenzi fil-livell tal-Unjoni li jeħtieġu li l-UPPE jwettaq investigazzjoni; jew b) uffiċjali jew membri tal-persunal oħra tal-Unjoni jew membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ssuspettati li wettqu r-reat.
24 Din id-dispożizzjoni tapplika jekk: “[...] a) is-sanzjoni massima prevista bil-liġi nazzjonali għal reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tkun daqs jew inqas severa mis-sanzjoni massima għal reat marbut inseparabbilment kif imsemmi fl-Artikolu 22(3) sakemm dan ir-reat ma kienx strumentali biex jitwettaq ir-reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1); jew b) hemm raġuni biex wieħed jassumi li l-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata, lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ reat kif imsemmi fl-Artikolu 22 ma tkunx akbar mill-ħsara li tkun saret jew li x’aktarx ser issir lil vittma oħra [...]”. Madankollu, l-Artikolu 25(4) jipprevedi li l-UPPE jista’, bil-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jeżerċita l-kompetenza tiegħu jekk jirriżulta li huwa f’pożizzjoni aħjar li jwettaq investigazzjoni jew prosekuzzjoni.
25 Il-premessa 53 tar-Regolament 2017/1939 tindika li “[i]l-konformità ma’ dak l-obbligu ta’ rappurtar hija essenzjali biex l-UPPE jaħdem sew u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jirrappurtaw każijiet fejn il-valutazzjoni ta’ xi kriterji ma tkunx possibbli minnufih (pereżempju l-livell ta’ ħsara jew il-piena applikabbli). [...]”.
26 Il-premessa 14 tar-Regolament 2017/1939 iżżid li kemm l-UPPE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jappoġġaw u jinformaw lil xulxin bil-għan li jiġġieldu b’mod effiċjenti r-reati kriminali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-UPPE.
27 Artikolu 24(5) tar-Regolament 2017/1939: “[l]-UPPE għandu jiġi infurmat ukoll, f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, dwar każijiet fejn ma tkunx possibbli l-valutazzjoni ta’ jekk il-kriterji fl-Artikolu 25(2) ġewx sodisfatti”. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għar-reati ta’ ammont ta’ inqas minn EUR 10 000. L-Artikolu 24(3) jimponi l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jinformaw lill-UPPE meta jkunu bdew investigazzjoni fir-rigward ta’ reat iddefinit fl-Artikolu 22 u jikkunsidraw li l-UPPE jista’, b’konformità mal-Artikolu 25(3), ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu (meta d-dritt nazzjonali jipprevedi sanzjoni ugwali jew iktar severa għal reat indissoċjabbilment marbut jew meta d-dannu kkawżat lil vittma oħra jkun ikbar minn dak lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni).
28 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (L‑UPPE) (C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 65).
29 Artikolu 8(1) tar-Regolament 2017/1939.
30 Artikolu 86(2) TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1939.
31 Artikolu 5(3) tar-Regolament 2017/1939.
32 “[...] iżda mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara li jirċievi l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali b’dik id-deċiżjoni”. L-istess termini japplikaw meta l-UPPE jsir jaf b’investigazzjonijiet nazzjonali pendenti b’mezzi oħra, jiġifieri, mingħajr notifika maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament 2017/1939.
33 Premessa 31 tar-Regolament 2017/1939: “[i]l-funzjonijiet tal-prosekutur fi qrati kompetenti japplikaw sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li hija mifhuma li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata wettqitx ir-reat, inklużi, fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni jew rimedji legali disponibbli sa meta dik id-deċiżjoni tkun definittiva”.
34 Possibbilment, jista’ jipproponi wkoll it-trasferiment lejn il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, skont il-post li jikkostitwixxi ċ-ċentru tal-attività kriminali, jew, jekk ikunu twettqu diversi reati konnessi, il-post li fih twettqu l-parti l-kbira tar-reati, fis-sens tal-Artikolu 26(4) tar-Regolament 2017/1939.
35 Korsiv miżjud minni.
36 Korsiv miżjud minni.
37 Huwa l-Istat Membru li għandu jaħtar lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-kunflitt dwar l-attribuzzjoni ta’ kompetenza.
38 “Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ iqis li l-investigazzjoni hija konkluża, huwa għandu jippreżenta rapport lill-Prosekutur Ewropew superviżur, li jkun jinkludi sommarju tal-każ u abbozz ta’ deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir prosekuzzjoni quddiem qorti nazzjonali jew jekk għandux jiġi kkunsidrat ir-rinviju tal-każ, iċ-ċaħda jew proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 34, 39 jew 40”.
39 Minkejja li l-UPPE jiddeċiedi li ma jeżerċitax id-dritt ta’ evokazzjoni, il-komunikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jista’ jkollha konsegwenzi pożittivi fil-prosekuzzjoni ta’ reati oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkun jinvestiga l-UPPE.
40 Skont il-każijiet, jistgħu jqumu problemi ta’ preskrizzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-regola ne bis in idem.
41 Artikolu 19(3) in fine, tal-Proposta ta’ Regolament kontenuta fid-dokument tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2014 (9478/1/14 REV 1); rifless fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21a(4) tal-Proposta ta’ Regolament emendata, inkluża fid-dokument tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2014 (15862/1/14 REV 1).
42 Dokument tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2015 (8316/3/15 REV 3).
43 Skont ġurisprudenza stabbilita, skont dan il-prinċipju, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal‑Unjoni, ir-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il‑modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punti 56 u 58); u tat‑8 ta’ April 2025, Fiscalía Europea (Stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti proċedurali) (C‑292/23, EU:C:2025:255, punt 82).
44 Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2017/1939, “[i]l-liġi nazzjonali għandha tapplika fil-każ li l-kwistjoni ma tkunx regolata minn dan ir-Regolament”.
45 Fid-dritt Belġjan, l-obbligu li l-UPPE jiġi informat b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2017/1939 donnu jaqa’ fuq il-prosekutur irjali, il-prosekutur ġenerali jew il-prosekutur federali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 156/1(3) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, imsemmi fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni, jew fuq l-uffiċjal tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tad-Dazju tas-Sisa msemmi fl-Artikolu 285/2(1) tal-Liġi Ġenerali ta’ Dazji Doganali u Dazju tas-Sisa, iċċitata mill-qorti tar-rinviju.
46 Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2017/1939, “l-UPPE għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]”.