|
3.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/76 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta' April 2014
dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2014/249/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-22 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li bih talbet il-parir tekniku tagħha dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong fir-rigward tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs). |
|
(2) |
Fil-parir tekniku tagħha mogħti fil-31 ta' Mejju 2013, ESMA indikat li fir-riżultati tagħha, il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong fir-rigward tas-CRAs huwa komparabbli ma' dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. |
|
(3) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti mal-ħtiġijiet ta' dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, CRAs f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju ta' Ħong Kong għas-CRAs jikkonsisti fis-Securities and Futures Ordinance (SFO) u l-Code of Conduct for Persons Providing Credit Rating Services (COC), li l-emendi rilevanti tagħhom daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2011. Is-CRAs u l-analisti ta' klassifikazzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu f'Ħong Kong huma meħtieġa li jkunu liċenzjati biex jipprovdu servizzi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u huma soġġetti għal superviżjoni mis-Securities and Futures Commission (SFC) ta' Ħong Kong. Il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong jipprovdi lill-SFC b'varjetà komprensiva ta' setgħat li jippermettulha tinvestiga jekk is-CRAs humiex konformi mal-obbligi legali tagħhom. L-SFC tista' ġġiegħel kemm persuni mhux regolati u kemm dawk regolati biex jipproduċu informazzjoni u dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, inklużi reġistri tal-kummerċ, reġistri tal-bank, reġistri tat-telefown, reġistri tal-Internet u informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja. Din is-setgħa tapplika għaż-żewġ persuni taħt investigazzjoni jew għal min l-SFC għandha kawża raġonevoli biex temmen li huma fil-pussess ta' informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni. Barra minn hekk, fejn hemm biża' ta' tħassir jew tneħħija ta' evidenza, ħarba tal-persuna fil-mira jew tħassib ieħor, l-SFC għandha s-setgħa li taċċessa proprjetà privata ta' persuni kemm mhux regolati u kemm dawk regolati fuq il-ħruġ ta' mandat ta' perkwiżizzjoni minn awtorità ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-SFC għandha varjetà sħiħa ta' setgħat biex tieħu azzjonijiet kriminali, ċivili, amministrattivi u azzjonijiet oħrajn. Dawn jinkludu s-setgħa amministrattiva li timponi sanzjonijiet dixxiplinarji kontra persuni liċenzjati jew reġistrati mal-SFC, li timponi restrizzjonijiet fuq persuni liċenzjati jew reġistrati rigward l-attivitajiet tan-negozju tagħhom, li tirtira jew tissospendi liċenzji jew reġistrazzjoni ta' persuna liċenzjata jew reġistrata u li twissi, timponi obbligi jew timmulta persuni liċenzjati jew reġistrati sa massimu ta' 10 miljun dollaru ta' Ħong Kong jew tliet darbiet il-qligħ gwadanjat jew telf evitat. L-SFC għandha wkoll is-setgħa li tirrikorri għand il-qorti rilevanti għal ordnijiet inġuntivi jew rimedjali. L-SFC tmexxi, barra minn spezzjonijiet fuq il-post, superviżjoni barra mis-sit permezz ta' interazzjonijiet ma' CRAs liċenzjati biex tifhem il-mudelli u l-pjanijiet tan-negozju tagħhom u r-riskji inerenti f'tali attivitajiet, bil-ħsieb li tidentifika u tivvaluta r-riskji li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom. Informazzjoni dwar CRAs liċenzjati hija miġbura permezz ta' reġistri mal-SFC, inklużi iżda mhux limitata għal kontijiet annwali verifikati u rapporti ta' analiżi tal-kontroll annwali. L-SFC issegwi wkoll fuq ilmenti u ksur irrappurtat mill-persuna stess. Peress li r-reġim tas-CRA ta' Ħong Kong sar effettiv mill-1 ta' Ġunju 2011, is-CRAs liċenzjati kollha huma suġġetti għal superviżjoni kurrenti u setgħat ta' infurzar tal-SFC. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u l-SFC jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri. Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonsidrat li s-CRAs f'Ħong Kong huma suġġetti għall-ħtiġijiet tal-awtorizzazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar ta' Ħong Kong applikabbli għas-CRAs huma applikati jew infurzati effettivament. |
|
(5) |
Skont it-tieni kundizzjoni, is-CRAs fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għal regoli li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I ma' dak ir-Regolament. Meta jiġi vvalutat it-twettiq ta' din il-kundizzjoni għandha tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong jistipula l-ħtiġijiet ta' governanza korporattiva dettaljati. Il-bord tad-diretturi u uffiċjali responsabbli għall-attivitajiet regolati jġorr reponsabbiltà primarja biex jiżgura ż-żamma ta' standards ta' kondotta xierqa u aderenza mal-proċeduri xierqa mis-CRA. Is-CRAs għandu jkollhom żewġ uffiċjali responsabbli, it-tnejn li huma għandhom ikunu approvati mill-SFC, u tal-inqas wieħed minnhom għandu jkun direttur eżekuttiv taħt l-SFO. Dispożizzjonijiet estensivi huma fis-seħħ rigward kunflitti ta' interess, li jeħtieġu li s-CRAs jidentifikaw u jeliminaw jew jimmaniġġjaw kunflitti ta' interess u li jkunu organizzati f'manjiera li tiżgura li l-interess tan-negozju tagħhom ma jxekkilx l-indipendenza u l-preċiżjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kif ukoll ħtiġijiet organizzattivi, inklużi l-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-reġistri u l-kunfidenzjalità. F'termini ta' ħtiġijiet organizzattivi, il-Kodiċi Ġenerali tal-SFC u l-COC jistipulaw il-ħtiġijiet li s-CRAs għandhom jilħqu bħalma huma dawk rigward politiki u proċeduri sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligazzjonijiet legali u funzjoni ta' konformità permanenti u effettiva. Is-CRAs huma meħtieġa wkoll jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami responsabbli sabiex tirrieżamina perjodikament il-metodoloġiji u l-mudelli ta' klassifikazzjoni u kambjamenti sinifikanti relatati magħhom. Il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong jinkludi varjetà wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni, bħal divulgazzjoni pubblika tal-klassifikazzjonijiet u divulgazzjoni pubblika annwali dwar il-klassifikazzjoni u attivitajiet anċillari. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong għandu jilħaq l-istess għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess, il-proċessi u l-proċeduri organizzattivi li CRA għandha tistabbilixxi, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk għandu jipprovdi għal protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tas-CRAs u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. |
|
(6) |
Skont it-tielet kundizzjoni, ir-reġim regolatorju fil-pajjiż terz għandu jevita ndħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji. It-Taqsimiet 4 u 5 tal-SFO stipulaw l-objettivi regolatorji u l-funzjonijiet u s-setgħat tal-SFC rispettivament, li ma jinkludu l-ebda setgħa biex l-SFC tindaħal fi kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa minn CRA jew f'metodoloġija tal-klassifikazzjoni ta' dik is-CRA. Sakemm jista' jiġi aċċertat ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lill-SFC jew kull awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-klassifikazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu. |
|
(7) |
Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma milħuqa mill-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong għas-CRAs. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong għas-CRAs għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju ta' Ħong Kong għas-CRAs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fis-seħħ f'Ħong Kong jitqies bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).