Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (UE) 2017/352 – Servizz obbligatorju ta’ pilotaġġ portwali tal-bastimenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil entitajiet pubbliċi d-dritt esklużiv li jipprovdu dan is-servizz – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Attività ekonomika – Prerogattiva tas-setgħa pubblika – Sigurtà marittima”
Fil-Kawża C‑117/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2025, fil-proċedura
Canal Sea Services SRL,
Maritime Pilot SRL,
Asociația Piloților Maritimi din România „Euxin Pilot”,
Black Sea Pilots SRL,
Asociația Piloților Maritimi „Trident”,
Black Waters SA,
Asociația Piloților Maritimi Independenți „Tomis”
vs
Ministerul Transporturilor, Infrastructurii și Comunicațiilor,
Compania Națională „Administrația Porturilor Maritime” SA,
fil-preżenza ta’:
RJ,
NC,
FR,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni (Relatur), A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Canal Sea Services SRL, minn M. Mihalache u A. Ramazan, avukat,
– għal Compania Națională „Administrația Porturilor Maritime” SA, minn O. Oprea, T. Pepi, M. Teodorescu u A. Vasilescu‑Naiden, bħala aġenti,
– għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, B.‑I. Ciulacu u A. Wellman, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u M. Van Regemorter, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe u T. Lechevallier, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u P. Passolunghi, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Farley, L. Nicolae u B. Sasinowska, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-kumpanniji portwali Canal Sea Services SRL, Maritime Pilot SRL, Black Sea Pilots SRL u Black Waters SA, l-assoċjazzjonijiet professjonali Asociația Piloților Maritimi din România „Euxin Pilot”, Asociația Piloților Maritimi „Trident”, Asociația Piloților Maritimi Independenți „Tomis”, kif ukoll RJ, NC u FR, tliet persuni fiżiċi impjegati bħala piloti portwali, u, min-naħa l-oħra, il-Ministerul Transporturilor, Infrastructurii și Comunicațiilor (il-Ministeru għat-Trasport, għall-Infrastruttura u għall-Komunikazzjonijiet, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għat-Trasport”) u l-Compania Națională „Administrația Porturilor Maritime” SA dwar il-legalità ta’ digriet adottat fid‑19 ta’ Mejju 2020 mill-Ministeru għat-Trasport dwar il-provvista tas-servizz ta’ pilotaġġ obbligatorju tal-bastimenti marittimi u fluvjali marittimi (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat FUE
3 L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi:
“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”
Ir-Regolament 2017/352
4 Ir-Regolament 2017/352 jistabbilixxi qafas għall-provvista tas-servizzi portwali kif ukoll regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja u t-tariffi għas-servizzi portwali u għall-infrastruttura portwali, u dan sabiex jagħmel possibbli l-integrazzjoni sħiħa tal-portijiet fil-ktajjen tat-trasport u, b’hekk, jgħin sabiex in-network trans‑Ewropew tat-trasport u tas-suq intern jiffunzjona b’mod iktar effiċjenti.
5 Il-premessi 6, 24 u 39 ta’ dan ir-regolament jiddikjaraw:
“(6) L-istabbiliment ta’ qafas ċar ta’ dispożizzjonijiet trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji marbutin mal-finanzjament tal-infrastruttura portwarja u servizzi portwarji u t-tariffi fuqhom għandu rwol fundamentali biex jiġi żgurat li l-istrateġija kummerċjali u l-pjanijiet ta’ investimenti tal-port stess u, fejn rilevanti, il-qafas tal-politika nazzjonali ġenerali għall-portijiet jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli dwar il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji tippermetti kontroll ġust u effettiv tal-għajnuna mill-Istat, biex b’hekk tiġi pprevenuta d-distorsjoni tas-suq. Għal dak il-fini, il-konklużjonijiet tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] tal‑5 ta’ Ġunju 2014 talbu lill-Kummissjoni [Ewropea] biex tesplora linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-portijiet marittimi, bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u qafas legali stabbli għall-investiment portwarju.
[...]
(24) L-Unjoni [Ewropea] għandha firxa wiesgħa ta’ portijiet marittimi b’mudelli differenti għall-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji. Għaldaqstant, mhux xieraq li jiġi impost mudell wieħed. Jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ikunu jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ fornituri ta’ servizz portwarju partikolari, fejn dan ikun ġustifikat għal xi raġuni jew raġunijiet.
[...]
(39) Skont ir-Riżoluzzjoni A.960 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, kull żona ta’ pilotaġġ teħtieġ esperjenza speċjalizzata ħafna u għarfien lokali min-naħa tal-bdot. Barra minn hekk, ġeneralment il-pilotaġġ huwa obbligatorju u spiss ikun organizzat jew ipprovdut mill-Istati Membri stess. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU 2009, L 131, p. 57, rettifika fil-ĠU 2013, L 32, p. 23)] tinkariga lill-bdoti biex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti l-anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sikura tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma, jew li jistgħu jheddu jew jagħmlu ħsara lill-ambjent tal-baħar. [...] Sabiex jevitaw konflitti potenzjali ta’ interess bejn tali funzjonijiet ta’ interess pubbliku u konsiderazzjonijiet kummerċjali, jenħtieġ li l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament ma japplikax għall-pilotaġġ. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu jekk għandhomx japplikaw il-Kapitolu II għall-pilotaġġ. Jekk jiddeċiedu favur din l-applikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi informata sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni rilevanti.”
6 L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Dan ir-Regolament japplika għall-forniment tal-kategoriji ta’ servizzi portwarji li ġejjin (‘servizzi portwarji’), ġewwa ż-żona tal-port jew inkella fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port:
[...]
(f) pilotaġġ; [...]
[...]”
7 Il-punt (8) tal-Artikolu 2 tal-istess regolament jiddefinixxi l-“pilotaġġ” bħala “is-servizz ta’ gwida ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma minn bdot jew stazzjon ta’ pilotaġġ biex jippermetti d-dħul jew il-ħruġ sikur tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port jew navigazzjoni sikura ġewwa l-port”.
8 Il-Kapitolu II tar-Regolament 2017/352, intitolat “Forniment ta’ servizzi portwarji”, fih dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jillimitaw ir-restrizzjonijiet li japplikaw għal dawn is-servizzi, billi jirregolaw, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-imsemmija servizzi u, b’mod iktar speċifiku, ir-rekwiżiti minimi li japplikaw għall-provvista tagħhom, marbuta mal-kwalifiki professjonali tal-fornituri jew inkella mal-kontroll tar-rekwiżiti ta’ sigurtà marittima jew tal-ambjent, il-kontroll tal-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti minimi, il-limitazzjoni tan-numru ta’ fornituri, kif ukoll l-obbligi ta’ servizz pubbliku.
9 L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżenzjonijiet” u li jinsab f’dan il-Kapitolu II, jipprovdi:
“1. Dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 ma għandhomx japplikaw [għall-]pilotaġġ.
2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 għall-pilotaġġ. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjoni.”
10 Il-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasparenza finanzjarja u awtonomija”, jipprevedi t-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-ġestur tal-port li jibbenefika minn finanzjamenti pubbliċi. Dan il-kapitolu jistabbilixxi wkoll ir-regoli li japplikaw għat-tariffi għas-servizzi portwali.
Id-Direttiva 2009/16
11 Id-Direttiva 2009/16 kienet tipprevedi, fl-Artikolu 23(1) tagħha, li l-piloti għandhom “immedjatament jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port [...] meta jsiru jafu li waqt il-qadi normali ta’ dmirijiethom hemm anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sigura tal-vapur, jew li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-ambjent tal-baħar.”
Id-dritt Rumen
12 Il-bażi legali tad-digriet kontenzjuż hija l-Ordonanța Guvernului nr. 22/1999 privind administrarea porturilor și a Căilor navigabile, utilizarea infrastructurilor de transport naval aparținând domeniului public, precum și desfășurarea activităților de transport naval în porturi și pe căile navigabile interioare (id-Digriet tal-Gvern Nru 22/1999 dwar il-Ġestjoni tal-Portijiet u tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni, l-Użu tal-Infrastruttura tat-Trasport Marittimu tad-Dominju Pubbliku, kif ukoll l-Eżerċizzju tal-Attivitajiet tat-Trasport Marittimu fil-Portijiet u tat-Trasport minn Passaġġi Navigabbli Interni) tad‑29 ta’ Jannar 1999 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 511 tat‑22 ta’ Lulju 2010), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“OG Nru 22/1999”).
13 L-Artikolu 5 tal-OG Nru 22/1999 jipprevedi:
“L-amministrazzjoni tal-portijiet u tal-passaġġi navigabbli interni, il-monitoraġġ jew il-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 19(1)(b), kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet awżiljarji previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 19(1)(c), għandhom jiġu pprovduti mill-amministrazzjonijiet portwali u/jew tal-passaġġi navigabbli interni, iktar ’il quddiem l-‘amministrazzjonijiet.’”
14 L-Artikolu 19(1)(b) tal-OG Nru 22/1999 jiddefinixxi l-“attivitajiet konnessi mal-attivitajiet ta’ trasport fuq l-ilma” fis-sens li jinkludu, b’mod partikolari, “is-servizzi ta’ sigurtà fil-portijiet u fil-passaġġi navigabbli interni, iktar ’il quddiem is-‘servizzi ta’ sigurtà’, bħal: il-pilotaġġ tal-bastimenti tal-baħar u tal-bastimenti fluvjali marittimi waqt id-dħul fil-portijiet u waqt il-ħruġ minnhom, bejn irmiġġ u ieħor fl-istess port u fuq il-passaġġi navigabbli interni, kif ukoll l-irmunkar tal-bastimenti tal-baħar u tal-bastimenti fluvjali marittimi fil-portijiet”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[l]-attivitajiet ta’ trasport marittimu li jistgħu jiġu eżerċitati biss minn operaturi ekonomiċi awtorizzati, kif ukoll ir-regoli u l-kriterji ta’ approvazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti b’digriet tal-Ministru għat-Trasport”.
15 L-Artikolu 47 tal-OG Nru 22/1999 jipprovdi:
“1. Is-servizzi ta’ sigurtà għandhom jiġu pprovduti taħt il-kontroll tal-Istat, permezz tal-Ministeru [għat-Trasport].
2. Jitqiesu bħala servizzi ta’ sigurtà, il-pilotaġġ ta’ bastimenti tal-baħar u ta’ bastimenti fluvjali marittimi waqt id-dħul fil-portijiet u waqt il-ħruġ minnhom, bejn irmiġġ u ieħor fl-istess port u fuq il-passaġġi navigabbli interni, u l-irmunkar ta’ bastimenti tal-baħar u ta’ bastimenti fluvjali marittimi fil-portijiet.”
16 L-Artikolu 48 tal-OG Nru 22/1999 jippreċiża li “[i]s-servizzi ta’ sigurtà għandhom jiġu pprovduti lill-utenti kollha li jitolbuhom, fuq bażi permanenti, nondiskriminatorja, uniformi u kontinwa, taħt kundizzjonijiet ugwali fejn jidħlu l-kwalità, it-tul u l-prezz” u l-Artikolu 49 tiegħu jżid jgħid li “[i]l-Ministeru [għat-Trasport] għandu jiddetermina l-portijiet, il-passaġġi navigabbli interni, iż-żoni jew il-partijiet ta’ dawn iż-żoni, kif ukoll il-kategoriji ta’ bastimenti li fil-każ tagħhom is-servizz ta’ pilotaġġ ikun obbligatorju”.
17 L-Artikolu 50 tal-OG Nru 22/1999 jipprevedi:
“(1) Il-pilotaġġ tal-bastimenti tal-baħar u tal-bastimenti fluvjali marittimi fil-portijiet fejn dan is-servizz ikun sar obbligatorju għandu jiġi pprovdut mill-amministrazzjonijiet portwali:
(a) permezz tal-korp tal-piloti li jkun jappartjeni lill-amministrazzjoni;
(b) permezz ta’ operaturi ekonomiċi speċjalizzati, awtorizzati skont l-Artikolu 19(2), abbażi ta’ kuntratt konkluż fuq bażi nondiskriminatorja bejn l-amministrazzjoni u dawn l-operaturi ekonomiċi;
(c) bil-konċessjoni tas-servizz ta’ pilotaġġ, skont il-liġi, mill-amministrazzjoni lil operaturi ekonomiċi speċjalizzati awtorizzati skont l-Artikolu 19(2).
(2) Meta, fil-portijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ma jkun hemm ebda operatur ekonomiku awtorizzat li jkun jista’ jipprovdi s-servizz ta’ pilotaġġ previst jew meta jkun impossibbli, għal raġunijiet oġġettivi, li jiġu eżegwiti l-kuntratti ta’ konċessjoni konklużi, il-provvista ta’ dawn is-servizzi għandha ssir mill-amministrazzjonijiet u mill-operaturi ekonomiċi awtorizzati skont l-Artikolu 19(2) abbażi ta’ kuntratti mogħtija skont il-liġi.
(3) Meta l-pilotaġġ isir minn operaturi ekonomiċi awtorizzati, dawn tal-aħħar għandhom jikkomunikaw lill-amministrazzjonijiet it-tariffi għall-pilotaġġ u għall-faċilitajiet mogħtija.
(4) L-amministrazzjonijiet għandhom jippubblikaw il-lista tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati li magħhom huma jkunu kkonkludew kuntratti ta’ pilotaġġ, it-tariffi applikati u l-faċilitajiet mogħtija minnhom.
(5) L-operaturi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iħallsu tariffa ffissata mill-amministrazzjoni għall-użu tal-infrastruttura portwali.
(6) Ir-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tas-servizz ta’ pilotaġġ tal-bastimenti tal-baħar għandhom jiġu approvati b’digriet tal-Ministru għat-Trasport.”
18 L-Artikolu 661, li jinsab fil-Kapitolu X1 tal-OG Nru 22/1999 iwaqqaf il-“Kunsill ta’ Sorveljanza Navali”, li għandu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 662(2)(d), il-kompitu li ġej:
“japprova r-regoli li jiġġustifikaw it-tariffi applikati mill-amministrazzjonijiet portwali [...] għall-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u l-analiżi ta’ dawn it-tariffi skont il-kategoriji tal-ispejjeż u jivverifika l-proporzjonalità tagħhom fid-dawl tal-ispejjeż tas-servizz ipprovdut.”
19 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(1) tal-Hotărârea de Guvern nr. 811/2010 privind controlul statului portului (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 811/2010 dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port), li ttrasponiet id-Direttiva 2009/16 fid-dritt Rumen, “[i]l-piloti [...] għandhom jinformaw immedjatament [lill-awtorità marittima Rumena] bi kwalunkwe anomalija manifesta, ikkonstatata waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, li tkun tista’ tipperikola s-sigurtà tan-navigazzjoni tal-bastiment jew tkun ta’ theddida għall-ambjent marittimu”.
20 L-Artikolu 116(2) tal-Ordonanța Guvernului nr. 42/1997 privind transportul maritim și pe căile navigabile interioare (id-Digriet tal-Gvern Nru 42/1997 dwar it-Trasport Marittimu u t-Trasport fuq il-Passaġġi Navigabbli Interni) iżid jgħid li “[m]eta l-pilota jqis li l-bastiment ikun joħloq riskju għas-sigurtà tan-navigazzjoni jew għas-sikurezza tal-port, jew josserva irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-manuvra, huwa jista’ jitlob lill-kapitenerija tal-port iwaqqaf in-navigazzjoni jew il-manuvra tal-bastiment li huwa jkun qiegħed jippilota, sakemm jiġu rripristinati l-kundizzjonijiet li jippermettu tbaħħir sigur”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 Fl‑2012, il-Ministeru għat-Trasport adotta digriet li kien jipprevedi li l-pilotaġġ fil-portijiet ta’ Brăila, ta’ Constantza, ta’ Galați, ta’ Sulina u ta’ Tulcea (ir-Rumanija) kellu jiġi pprovdut permezz ta’ operaturi ekonomiċi speċjalizzati, abbażi ta’ kuntratti ta’ servizz konklużi fuq bażi nondiskriminatorja bejn dawn l-operaturi u l-amministrazzjonijiet portwali. Dan id-digriet ġie emendat fl‑2017 sabiex jipprevedi li s-servizz ta’ pilotaġġ seta’ jiġi pprovdut biss mill-korp ta’ piloti tal-amministrazzjoni awtonoma „Administrația Fluvială a Dunării de Jos” Galați (l-“Amministrazzjoni Fluvjali tad-Danubju ta’ Taħt”, Galați, ir-Rumanija), fi wħud minn dawn il-portijiet.
22 Dawn id-dispożizzjonijiet tħassru bid-digriet kontenzjuż, li neħħa l-possibbiltà li kellhom l-impriżi privati li jiġu awtorizzati jipprovdu s-servizz ta’ pilotaġġ lil bastimenti tal-baħar u lil bastimenti fluvjali marittimi jew dik li jikkonkludu kuntratti ta’ konċessjoni għall-provvista ta’ tali servizz. B’mod partikolari, l-Artikoli 1 sa 3 tad-digriet kontenzjuż għamlu s-servizz ta’ pilotaġġ tal-bastimenti tal-baħar u tal-bastimenti fluvjali marittimi obbligatorju f’ċerti portijiet (Brăila, Constantza, Galați, Sulina u Tulcea) kif ukoll f’ċerti żoni, jiġifieri ċerti kanali u ċerti setturi tad-Danubju, għall-bastimenti kollha, bla ħsara ta’ eċċezzjonijiet limitati b’mod partikolari fil-każ tal-bastimenti militari u tad-dgħajjes tad-divertiment. Skont dawn l-artikoli wkoll, dan is-servizz għandu issa jiġi pprovdut esklużivament permezz tal-korpi ta’ piloti tal-entitajiet pubbliċi, li għandhom l-istatus ta’ impriża pubblika jew ta’ amministrazzjoni awtonoma, bħal „Administrația Fluvială a Dunării de Jos” Galați, Compania Națională „Administrația Porturilor Maritime SA Constanța” (il-Kumpannija Nazzjonali “Amministrazzjoni tal-Portijiet Marittimi” SA Constanța, ir-Rumanija) u Compania Națională „Administrația Canalelor Navigabile” SA (kumpannija nazzjonali “Amministrazzjoni tal-Kanali Navigabbli” SA, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“amministrazzjoni portwali”), kull waħda fil-portijiet jew iż-żoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.
23 Il-kumpanniji portwali u l-assoċjazzjonijiet portwali, sostnuti mill-piloti portwali, ippreżentaw rikors għall-annullament tad-digriet kontenzjuż quddiem il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța, ir-Rumanija), minħabba li, fil-fehma tagħhom, dan id-digriet jikser l-Artikolu 107(1) TFUE billi jagħti d-dritt esklużiv lill-amministrazzjoni portwali li tipprovdi s-servizz ta’ pilotaġġ. Il-Ministeru għat-Trasport sostna, min-naħa l-oħra, li d-digriet kontenzjuż huwa konformi mar-regoli li japplikaw fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ attività ekonomika ma kinitx issodisfatta, peress li, kif jitlob ir-Regolament 2017/352, is-servizz ta’ pilotaġġ ma huwiex miftuħ għall-kompetizzjoni.
24 Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2021, il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța) ċaħdet ir-rikors bħala infondat. Hija qieset, b’mod partikolari, li, skont ir-Regolament 2017/352, is-servizz ta’ pilotaġġ ipprovdut fil-portijiet tal-Istati Membri kien ġie eżentat mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, minħabba l-implikazzjonijiet li dan is-servizz jista’ jkollu għas-sigurtà u għall-protezzjoni tal-ambjent, u dan billi l-amministrazzjonijiet portwali u tal-passaġġi navigabbli huma obbligati jiżguraw li l-imsemmi servizz jiġi pprovdut b’mod effettiv. Dik il-qorti qieset ukoll li, fl-adozzjoni tad-digriet kontenzjuż, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Consiliul Concurenței (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) tal‑10 ta’ Awwissu 2016, li fiha dan tal-aħħar kien ikkonstata nuqqas fis-suq, jiġifieri, f’dan il-każ, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-operaturi ekonomiċi inkarigati preċedentement bis-servizz ta’ pilotaġġ.
25 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha opinjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni.
26 F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni qieset, l-ewwel nett, li d-digriet kontenzjuż kien ta lill-amministrazzjoni portwali dritt esklużiv li tipprovdi s-servizz ta’ pilotaġġ f’ċerti żoni u f’ċerti portijiet, it-tieni, li din il-miżura kienet ingħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kienet imputabbli lill-Istat, kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha u setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, it-tielet, li kienet il-qorti nazzjonali li kellha tiddetermina jekk l-attività ta’ pilotaġġ kinitx tikkostitwixxi attività ekonomika u jekk id-digriet kontenzjuż kienx joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
27 Il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk is-servizz ta’ pilotaġġ inkwistjoni għandux jiġi kklassifikat attività ekonomika jew bħala attività li taqa’ fl-iskop tal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika u, jekk kemm‑il darba għandu jiġi kklassifikat bħala attività ekonomika, jekk l-għoti esklużiv ta’ dan is-servizz, bid-digriet kontenzjuż, lil entitajiet pubbliċi huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija għandha dubju jekk il-provvista tal-imsemmi servizz tistax tiġi eżentata mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament 2017/352 jew jekk ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tiegħu, kif stabbiliti bid-digriet kontenzjuż, jistgħux jikkostitwixxu monopolju tal-Istat ipprojbit mill-Artikolu 107(1) TFUE u li jista’ jwassal għal ksur tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Abbażi taL-Artikolu 107(1) TFUE u r-Regolament [2017/352], għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura adottata minn Stat Membru intiża sabiex is-servizzi portwarji obbligatorji ta’ pilotaġġ jiġu pprovduti esklużivament minn ċerti entitajiet tal-Istat, anki jekk dawn is-servizzi kienu preċedentement ipprovduti wkoll minn impriżi privati oħra (li ma kinux tal-Istat), tistabbilixxi monopolju legali taħt id-dritt tal-Unjoni, li jikkostitwixxi forma permissibbli ta’ deroga mis-suq kompetittiv, jew, għall-kuntrarju, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, li teskludi l-kompetizzjoni fis-suq u għas-suq?”
Fuq id-domanda preliminari
29 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE u r-Regolament 2017/352 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li miżura adottata minn Stat Membru li toħloq monopolju affavur ta’ ċerti entitajiet pubbliċi portwali bil-ħsieb li jafda lil dawn tal-aħħar bl-attività ta’ pilotaġġ obbligatorju tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.
30 Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura adottata minn Stat Membru bħala għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 107(1) TFUE jippreżupponi, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil impriża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, impriża hija kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata. Min-naħa l-oħra, kull attività li toffri oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering, C‑185/14, EU:C:2015:716, punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 Mill-banda l-oħra, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika ma għandhomx natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 24, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, EU:C:2022:225, punt 70).
32 B’mod iktar preċiż, jaqgħu fl-iskop ta’ tali prerogattivi tas-setgħa pubblika sew l-attivitajiet li huma, minnhom infushom, attivitajiet tas-setgħa pubblika, jiġifieri dawk li jaqgħu fl-iskop tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punti 24, 25 u 27, kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 22) u sew l-attivitajiet li huma attivitajiet tas-setgħa pubblika bis-saħħa tar-rabta tagħhom, jiġifieri dawk li huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ dawn il-funzjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tiġi sseparata mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha tas-setgħa pubblika, din l-entità taġixxi, sa fejn għandha x’taqsam din l-attività, bħala impriża, filwaqt li, jekk l-imsemmija attività ekonomika ma tkunx tista’ tiġi sseparata mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha tas-setgħa pubblika, l-attivitajiet kollha li teżerċita l-imsemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punti 71 sa 77, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 38).
33 Sabiex jiġi ddeterminat jekk attività partikolari tkunx marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, għandhom jiġu eżaminati n-natura tagħha, l-għan tagħha u r-regoli li għalihom hija suġġetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ pilotaġġ marittimu, kif irregolata mill-OG Nru 22/1999 u mid-digriet kontenzjuż.
35 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament 2017/352, li jaqa’ fl-iskop tal-politika tat-trasport tal-Unjoni u li jfittex li jippromwovi t-trasport marittimu, la għandu l-effett li jistabbilixxi li din l-attività għandha n-natura ta’ prerogattiva tas-setgħa pubblika u lanqas li jeżenta l-imsemmija attività mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali u tal-Artikolu 107 TFUE b’mod partikolari.
36 Huwa minnu li l-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/352 jipprevedi li, ħlief jekk l-Istati Membri jiddeċiedu mod ieħor, il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma japplikax għall-pilotaġġ, li huwa ddefinit, fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, bħala “is-servizz ta’ gwida ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma minn bdot jew stazzjon ta’ pilotaġġ biex jippermetti d-dħul jew il-ħruġ sikur tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port jew navigazzjoni sikura ġewwa l-port”.
37 Madankollu, l-esklużjoni tal-pilotaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu II ma tistax titqies bħala esklużjoni ta’ din l-attività mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Kapitolu II jikkonċerna speċifikament l-aċċess għas-suq u l-organizzazzjoni tal-provvista tas-servizzi portwali. Huwa jistabbilixxi rekwiżiti minimi li japplikaw għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, relatati, b’mod partikolari, mal-kwalifiki professjonali tal-fornituri u mal-osservanza tar-rekwiżiti tas-sigurtà marittima, tas-sikurezza jew tal-protezzjoni ambjentali. Huwa jipprevedi wkoll mekkaniżmi għall-kontroll tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jiġi limitat l-għadd ta’ fornituri. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom prinċipalment l-għan li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-provvista tas-servizzi portwali u li jnaqqsu r-restrizzjonijiet li jistgħu jostakolaw il-provvista tagħhom.
38 L-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/352 għandu, għalhekk, jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu II biss u mhux bħala dispożizzjoni li tistabbilixxi klassifikazzjoni ġenerali fejn tidħol in-natura, ekonomika jew mhux ekonomika, tal-attività ta’ pilotaġġ. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament 2017/352 jibqgħu japplikaw għal din l-attività. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna t-trasparenza finanzjarja u l-awtonomija tal-awtoritajiet portwali u tal-fornituri ta’ servizzi portwali. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 6 tal-imsemmi regolament, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza finanzjarja jfittxu, b’mod partikolari, li jiggarantixxu li l-politika portwali nazzjonali tkun għalkollox konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat.
39 Għaldaqstant, ir-Regolament 2017/352 ma jiddeterminax in-natura ekonomika jew mhux ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, tal-attività ta’ pilotaġġ. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li din l-attività tiġi eskluża mill-applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma tistax titqies li turi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonoxxi li din l-attività hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika.
40 Għalhekk, inkwantu, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet Rumeni ma użawx il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/352, li jissuġġettaw il-pilotaġġ għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, ikun xieraq, sabiex jiġi vverifikat jekk l-attività ta’ pilotaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex natura ekonomika jew hijiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, li wieħed jibbaża ruħu prinċipalment fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għall-pilotaġġ, fuq ir-regoli konkreti li skonthom din l-attività għandha tiġi eżerċitata u fuq il-kundizzjonijiet li fihom hija għandha tiġi ffinanzjata.
41 Skont id-dispożizzjonijiet tal-OG Nru 22/1999, il-“pilotaġġ tal-bastimenti tal-baħar u tal-bastimenti fluvjali marittimi waqt id-dħul fil-portijiet u waqt it-tluq minnhom, bejn irmiġġ u ieħor fl-istess port u fuq il-passaġġi navigabbli interni” huwa kklassifikat bħala “servizz ta’ sigurtà”, ipprovdut taħt il-kontroll tal-Istat. Barra minn hekk, dan għandu jiġi pprovdut “lill-utenti kollha li jitolbu [s-servizzi tal-piloti], fuq bażi permanenti, nondiskriminatorja, uniformi u kontinwa, taħt kundizzjonijiet ugwali fejn jidħlu l-kwalità, it-tul u l-prezz”. Skont l-imsemmija dispożizzjonijiet ukoll, in-natura obbligatorja tal-użu tal-pilotaġġ f’ċerti portijiet, f’ċerti żoni jew fil-każ ta’ ċerti kategoriji ta’ bastimenti għandha tiġi ddeterminata mill-Ministru għat-Trasport. F’dan ir-rigward, id-digriet kontenzjuż għandu preċiżament l-għan li jipprevedi n-natura obbligatorja tal-pilotaġġ f’ċerti portijiet u f’ċerti żoni indikati minnu.
42 Bi qbil mar-Riżoluzzjoni A.960 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, imsemmija fil-premessa 39 tar-Regolament 2017/352, li tipprovdi li kull żona ta’ pilotaġġ teħtieġ li l-pilota jkollu esperjenza speċjalizzata ħafna u konoxxenza tal-kundizzjonijiet lokali, il-Gvern Rumen ippreċiża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-aċċess għall-professjoni ta’ pilota fir-Rumanija u l-permanenza tal-piloti huma suġġetti għal sensiela ta’ kriterji marbuta, b’mod partikolari, ma’ livell għoli ta’ taħriġ professjonali, man-neċessità ta’ kwalifiki professjonali u mal-aġġornament regolari tagħhom. Dan l-aġġornament regolari tal-kwalifiki professjonali jimplika l-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ u t-tlestija tagħhom, kif ukoll numru minimu ta’ manuvri ta’ pilotaġġ.
43 Il-kompiti tal-piloti ġew ippreċiżati fid-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 811/2010 dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, li tipprevedi li l-piloti għandhom jinformaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port bi kwalunkwe anomalija manifesta li huma jikkonstataw fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom u li tkun tista’ tipperikola s-sigurtà tat-tbaħħir jew tkun ta’ theddida għall-ambjent marittimu. Barra minn hekk, skont id-Digriet Nru 42/1997 dwar it-Trasport Marittimu u t-Trasport fuq il-Passaġġi Navigabbli Interni, meta l-pilota jkun tal-fehma li l-bastiment ikun joħloq riskju għas-sigurtà tan-navigazzjoni jew għas-sikurezza tal-port, jew josserva irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-manuvra, huwa jista’ jitlob lill-kapitenerija tal-port iwaqqaf in-navigazzjoni jew il-manuvra tal-bastiment li huwa jkun qiegħed jippilota, sakemm jiġu rripristinati l-kundizzjonijiet li jippermettu tbaħħir sigur.
44 Mid-dispożizzjonijiet nazzjonali premessi jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen għamel l-attività ta’ pilotaġġ f’ċerti portijiet, f’ċerti żoni jew fil-każ ta’ ċerti kategoriji ta’ bastimenti waħda obbligatorja sabiex jiżgura l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.
45 Fil-fatt, l-ewwel nett, is-servizzi ta’ pilotaġġ ipprovduti mill-amministrazzjoni portwali għandhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà tat-traffiku marittimu u portwali u, billi jipprevjenu t-theddid għall-ambjent marittimu, li jipproteġu l-ambjent f’port. Dawn il-kompiti ta’ interess ġenerali jaqgħu fl-iskop tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 22) u, f’dan il-każ, hija din l-istess amministrazzjoni portwali li hija responsabbli għalihom.
46 It-tieni, il-piloti ma josservawx sempliċement ir-regoli dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni u tal-protezzjoni tal-ambjent fil-port. Billi jitilgħu abbord il-bastimenti sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom ta’ pilotaġġ u billi jissenjalaw kwalunkwe irregolarità lill-awtoritajiet portwali kompetenti li tista’ twassal għall-waqfien tan-navigazzjoni, il-piloti jiżguraw li dawn il-bastimenti josservaw l-imsemmija regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali.
47 It-tielet, in-natura sistematika tal-intervent tal-piloti fil-portijiet u fiż-żoni kkonċernati għall-bastimenti kollha, bla ħsara ta’ eċċezzjonijiet limitati fil-każ ta’ bastimenti militari u ta’ dgħajjes tad-divertiment, timplika li l-biċċa l-kbira tal-bastimenti deħlin, ħerġin jew li jinnavigaw f’dawn il-portijiet u dawn iż-żoni huma suġġetti għal pilotaġġ.
48 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-servizzi ta’ pilotaġġ ipprovduti mill-amministrazzjoni portwali ma jistgħux jiġu sseparati minn dawk maħsuba, b’mod ġenerali, sabiex jikkontrollaw it-traffiku marittimu u portwali u sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tiegħu kif ukoll sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-ambjent fil-port ikkonċernat. Fil-fatt, il-pilotaġġ għandu rwol dirett fejn jidħol l-għan ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent fil-portijiet li l-attivitajiet ta’ kontroll ifittxu li jilħqu sabiex jiġu żgurati din is-sigurtà u din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 76).
49 Din ir-rabta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika ma hijiex ibbażata fuq id-drittijiet esklużivi mogħtija lill-amministrazzjoni portwali sabiex teżerċita l-attività ta’ pilotaġġ fil-kawża prinċipali u hija, għalhekk, indipendenti mill-għoti ta’ dawn id-drittijiet. Għalhekk, is-sempliċi fatt li Stat Membru jagħżel, bħal f’dan il-każ, li jeżenta, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, attività mir-regoli tal-kompetizzjoni billi joħloq monopolju legali affavur ta’ entità bi drittijiet esklużivi ma jistax jitqies li huwa r-raġuni għaliex din l-attività ma għandhiex natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Barra minn hekk, huwa wkoll irrilevanti f’dan il-każ il-fatt li l-attività ta’ pilotaġġ hija suġġetta għal tariffa, billi r-regoli ta’ din it-tariffazzjoni huma approvati mill-awtoritajiet pubbliċi Rumeni, f’dan il-każ entità pubblika indipendenti, imsejħa l-“Kunsill ta’ Sorveljanza Navali”. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li servizz ipprovdut minn korp pubbliku u marbut mal-eżerċizzju minn dan tal-aħħar ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika jkun pprovdut bi ħlas ma huwiex biżżejjed sabiex l-attività eżerċitata tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika u sabiex l-entità li teżerċitaha tiġi kklassifikata bħala impriża, u dan fejn dan il-ħlas ikun approvat mill-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punti 22 sa 25).
51 Fl-aħħar nett, il-fatt li l-attività ta’ pilotaġġ setgħet, f’kuntest differenti minn dak tal-leġiżlazzjoni Rumena li tapplika fil-kawża prinċipali, titqies bħala attività ekonomika jew li r-Regolament 2017/352 ma jeżentahiex mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jeskludix il-possibbiltà li l-attività ta’ pilotaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, huwa possibbli li attivitajiet li jkollhom, bħala prinċipju, natura ekonomika jitilfu din in-natura meta jkunu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika, inkwantu dawn ikunu jistgħu jiġu sseparati minn dan l-eżerċizzju.
52 B’hekk, l-attività ta’ pilotaġġ, kif irregolata mill-OG Nru 22/1999 u mid-digriet kontenzjuż, għandha titqies li hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika. Għalhekk, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, u dan jeskludi wkoll li d-digriet kontenzjuż – li jagħti drittijiet esklużivi għall-eżerċizzju ta’ din l-attività – jagħti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma jkun hemm għalfejn li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat humiex issodisfatti f’dan il-każ.
53 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE u r-Regolament 2017/352 għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura adottata minn Stat Membru li toħloq monopolju affavur ta’ ċerti entitajiet pubbliċi portwali bil-ħsieb li jafda lil dawn tal-aħħar bl-attività ta’ pilotaġġ obbligatorju tal-bastimenti, bi ħlas approvat mill-awtoritajiet pubbliċi, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat kemm‑il darba din l-attività tkun tista’ tiġi sseparata mill-kompiti ta’ interess ġenerali li jiġi kkontrollat it-traffiku marittimu, li tiġi żgurata s-sigurtà tiegħu u li jiġi protett l-ambjent, f’port assenjat lil dawn l-entitajiet.
Fuq l-ispejjeż
54 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 107(1) TFUE u r-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-provvista tas-servizzi tal-port u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
miżura adottata minn Stat Membru li toħloq monopolju affavur ta’ ċerti entitajiet pubbliċi portwali bil-ħsieb li jafda lil dawn tal-aħħar bl-attività ta’ pilotaġġ obbligatorju tal-bastimenti, bi ħlas approvat mill-awtoritajiet pubbliċi, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kemm‑il darba din l-attività tkun tista’ tiġi sseparata mill-kompiti ta’ interess ġenerali li jiġi kkontrollat it-traffiku marittimu, li tiġi żgurata s-sigurtà tiegħu u li jiġi protett l-ambjent, f’port assenjat lil dawn l-entitajiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.