17.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 426/65


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2127

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż approvati u għall-operaturi tas-suq rikonoxxuti f’Singapore f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jidentifika l-postijiet tan-negozjar li fihom il-kontropartijiet finanzjarji, kif inhu definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u kontropartijiet mhux finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu jistgħu jikkonkludu tranżazzjonijiet f’derivattivi li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi li tkun ġiet iddikjarata soġġetta għall-obbligu tan-negozjar. Il-postijiet tan-negozjar li fihom ikunu jistgħu jiġu konklużi tranżazzjonijiet bħal dawn huma limitati għas-swieq regolati, għall-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs, multilateral trading facilities), għall-faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTFs, organised trading facilities), u għaċ-ċentri tan-negozjar ta’ pajjiż terz li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li jkunu soġġetti għal rekwiżiti legali ekwivalenti u għal superviżjoni effettiva f’dak il-pajjiż terz. Il-pajjiż terz rilevanti huwa wkoll obbligat jipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ postijiet tan-negozjar awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 (4), il-Kummissjoni ddeċidiet li l-qafas legali u superviżorju applikabbli għal boroż approvati (AEs, approved exchanges) u operaturi tas-suq rikonoxxuti (RMOs, recognised market operators) stabbiliti f’Singapore u awtorizzati mill-Monetary Authority of Singapore (MAS) jiżgura li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti legali vinkolanti li huma ekwivlaneti għar-rekwiżiti għall-postijiet tan-negozjar tal-Unjoni stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fir-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f’Singapore.

(3)

Il-lista ta’ AEs u RMOs stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 tista’ tiġi aġġornata biex testendi, fejn xieraq, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza kif inhu stipulat fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal AEs u RMOs addizzjonali f’Singapore, jew li jitneħħew AEs u RMOs mil-lista. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rieżami speċifiku fi kwalunkwe mument kull meta xi żviluppi rilevanti jġiegħlu lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid dak li ġie stabbilit b’dik id-Deċiżjoni. Abbażi tas-sejbiet li jirriżultaw minn rieżami regolari jew speċifiku, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda, jew tħassar dik id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari meta l-iżviluppi jaffettwaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata dik id-Deċiżjoni.

(4)

Minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541, għadd ta’ RMOs addizzjonali stabbiliti f’Singapore ingħataw l-awtorizzazzjoni mill-MAS li jinnegozjaw f’derivattivi li jappartjenu għal klassi ta’ derivattivi li ġiet iddikjarata bħala soġġetta għall-obbligu tan-negozjar. Fid-dawl tal-informazzjoni li waslet mingħand l-MAS, dawn l-RMOs addizzjonali jikkonformaw mar-rekwiżiti legali vinkolanti li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 iddeterminat li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti għall-postijiet tan-negozjar tal-Unjoni stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-lista ta’ AEs u RMOs stipulata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 tiġi aġġornata, u jenħtieġ li l-lista tiġi emendata u tinkludi l-RMOs addizzjonali stabbiliti f’Singapore u li ġew awtorizzati mill-MAS.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/541 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/541 tal-1 ta’ April 2019 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż approvati u għall-operaturi tas-suq rikonoxxuti f’Singapore f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).


ANNESS

Boroż approvati awtorizzati mill-Awtorità Monetarja ta’ Singapore u meqjusin ekwivalenti għaċ-ċentri tan-negozjar kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE:

(1)

Asia Pacific Exchange Pte Ltd;

(2)

ICE Futures Singapore Pte Ltd;

(3)

Singapore Exchange Derivatives Trading Limited.

Operaturi tas-Suq Rikonoxxuti awtorizzati mill-Awtorità Monetarja ta’ Singapore u meqjusin ekwivalenti għaċ-ċentri tan-negozjar kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE:

(1)

Cleartrade Exchange Pte Ltd;

(2)

Tradition Singapore (Pte) Ltd;

(3)

BGC Partners (Singapore) Ltd;

(4)

GFI Group Pte Ltd;

(5)

ICAP AP (Singapore) Pte Ltd;

(6)

Tullet Prebon (Singapore) Ltd;

(7)

Nittan Capital Singapore Pte Ltd;

(8)

Bloomberg Tradebook Singapore Pte. Ltd.