|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2840 |
6.11.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2840
tal-5 ta’ Novembru 2024
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Flotta Navali tar-Repubblika tal-Kongo fil-qafas tal-Arkitettura ta’ Yaoundé
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (c) tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF trid tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ Yaoundé li ġie ffirmat f’Yaoundé fil-25 ta’ Ġunju 2013, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew l-appoġġ tagħhom għar-reġjun tal-Golf tal-Guinea (GoG), u ġeddew l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima fiż-żona. |
|
(3) |
Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill approva l-kunċett ta’ miżura ta’ assistenza possibbli li tkun ta’ benefiċċju għall-istati kostali tal-GoG, bl-objettiv ġenerali li jingħata appoġġ lill-attivitajiet ta’ sigurtà marittima u ta’ ġlieda kontra l-piraterija mmexxija mill-Afrika li twettqu minn atturi militari fil-GoG biex fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqsu l-inċidenza, id-durata u l-intensità tal-vjolenza u l-kriminalità, u jiġu protetti l-bastimenti marittimi, il-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom. |
|
(4) |
Fit-13 ta’ Settembru 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Frankofonija u l-Kongoliżi Barra mill-Pajjiż tar-Repubblika tal-Kongo biex tingħata assistenza lill-Flotta Navali fl-akkwist ta’ tagħmir, servizzi u taħriġ ewlenin addizzjonali biex jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħha, bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tissorvelja ż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika tal-Kongo u twettaq attivitajiet operazzjonali, inkluż fil-qafas tal-Arkitettura ta’ Yaoundé. |
|
(5) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(6) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Kongo (“il-benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Flotta Navali Kongoliża, bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tgħasses iż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika tal-Kongo u li twettaq attivitajiet operazzjonali, biex fl-aħħar mill-aħħar titnaqqas l-inċidenza tal-kriminalità, jiġu protetti l-bastimenti u r-riżorsi marittimi, u jiġu protetti il-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom.
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex iwasslu forza letali, u s-servizzi li ġejjin, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ:
|
(a) |
l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ reżiljenza għad-dgħajjes tal-għassa, permezz tal-għoti ta’ taħriġ fl-edukazzjoni u t-tagħmir navali għal workshops speċjalizzati, kif ukoll ir-restawr tal-kapaċitajiet marittimi għall-kundizzjonijiet ta’ tħaddim; |
|
(b) |
il-forniment ta’ assi funzjonali ta’ intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni (ISR) għal post ta’ kmand tar-radju, u tagħmir komplementari għall-operazzjonijiet u l-kmamar tal-maniġġar ta’ kriżijiet; |
|
(c) |
il-forniment ta’ tagħmir speċjalizzat għal timijiet ta’ żjarat, imbark, tiftix u sekwestru, u għal bugħaddasa navali. |
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 5 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Flotta Navali Kongoliża appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti u miżmuma fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Défense Conseil International - DCI Group.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Kongo appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
ir-rapportar, li permezz tiegħu l-benefiċjarju jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir u s-servizzi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2840/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)