Official Journal L 183 , 16/07/1985 P. 0022 - 0023
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0124
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 4 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0124
Portuguese special edition Chapter 07 Volume 4 P. 0003
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 1985 li temenda d-Direttiva 68/297/KEE dwar l-istandardizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dħul mingħajr dazju ta' karburant kontenut fit-tankijiet tal-karburant ta' vetturi bil-mutur (85/347/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 75 u 99 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi d-Direttiva 68/297/KEE [4], kif emendata bid-Direttiva 83/127/KEE [5], stabbiliet il-kwantità minima ta' karburant kontenuta fit-tankijiet tal-karburanti ta' vetturi kummerċjali bil-mutur li għandhom jiddaħħlu mingħajr dazju fil-fruntieri interni tal-Komunita; Billi, sabiex jiġi ffaċilitat il-qsim ta' dawn il-fruntieri, fi stadju inizjali il-kwantità msemmija għandha tiżdied għal vetturi maħsubha għal, u kapaċi li jwettqu, trasport ta' passiġġieri; billi l-Kunsill għandu jiddeċiedi f'data iktar tard dwar iż-żieda applikabbli għal vetturi maħsubha għal, u kapaċi li jwettqu, it-trasport tal-merkanzija; Billi t-terminu "tank standard ta' karburant" għandu jiġi definit, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 68/297/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: "L-Artikolu 1 L-Istati Membri għandhom, skond din id-Direttiva, jistandardizzaw id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dħul mingħajr dazju ta' karburant kontenut fit-tankijiet standard ta' karburant ta' vetturi kummerċjali bil-mutur li jivjaġġaw bejn fruntieri komuni bejn l-Istati Membri." 2. L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej: "L-Artikolu 2 Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament: - "vettura kummerċjali bil-magna" tfisser kull vettura tat-triq bil-mutur li permezz tat-tip ta' kostruzzjoni tagħha u t-tagħmir tagħha hija maħsubha għal, u kapaċi li twettaq, it-trasport, kemm bil-ħlas u kemm jekk le: (a) iktar minn disa' persuni, inkluż is-sewwieq; (b) merkanzija; - "tankijiet standard ta' karburant" ifissru it-tankijiet imwaħħla b'mod permanenti mill-fabbrikant mal-vetturi kollha bil-mutur ta' l-istess tip bħal vetturi inkwistjoni u li l-armar permanenti tagħhom jippermetti li l-karburant jintuża direttament, kemm għall-iskop ta' propulsjoni u, meta approprjat, għall-operazzjoni tas-sistema tat-tkessiħ. Tankijiet tal-gass imwaħħla ma' vetturi bil-mutur iddiżinjati għall-użu dirett tal-gass bħala karburant għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala tankijiet standard ta' karburanti." 3. Il-Paragrafu 1 ta' l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: "1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu mingħajr dazju l-kwantitajiet li ġejjin ta' karburant kontenut f'tankijiet standard ta' karburant ta' vetturi kummerċjali bil-mutur: (a) 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ fil-każ ta' vetturi iddiżinjati għal, u kapaċi li jwettqu, t-trasport ta' merkanzija, bil-ħlas jew mingħajru; (b) 600 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ fil-każ ta' vetturi maħsubha għal, u kapaċi li jittrasportaw iktar minn disa' persuni inkluż is-sewwieq. Waqt li jaġixxi skond il-proċeduri previsti bit-Trattat dwar dan il-punt, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Lulju 1986, dwar iż-żieda tal-kwantità ta' karburant imdaħħal mingħajr dazju u kontenut fit-tankijiet standard ta' karburant tal-vetturi msemmija f'(a) ta' l-ewwel subparagrafu." 4. L-Artikolu 5 huwa mħassar. L-Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru 1985. Għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-Kummissjoni. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Lulju 1985. Għall-Kunsill Il-President J. Santer [1] ĠU C 95, tas-6.4.1984, p. 4. [2] ĠU C 172, tat-2.7.1984, p. 15. [3] ĠU C 248, tas-17.9.1984, p. 13. [4] ĠU L 175, tat-23.7.1968, p. 15. [5] ĠU L 91, tad-9.4.1983, p. 28. --------------------------------------------------