SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
25 ta’ Jannar 2018 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport – Direttiva 2006/126/KE – Liċenzja tas-sewqan – Definizzjonijiet tal-kategoriji C1 u C kif ukoll D1”
Fil-Kawża C-314/16,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2016
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Hottiaux u Z. Malůšková, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn E. Juhász (Relatur), li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
2 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317), kienet tipprovdi, fl-Artikolu 3(2) tagħha: “Fil-kategoriji A, B, B + E, C, C + E, D and D + E, tista’ tinħareġ liċenzja speċifika tas-sewqan għas-sewqan tal-vetturi fis-subkategoriji li ġejjin: […] Is-Subkategorija D1:
[…]” |
|
3 |
Skont il-premessi 2 u 12 tad-Direttiva 2006/126:
[…]
|
|
4 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126 tipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”. |
|
5 |
Din id-direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Kategoriji, definizzjonijiet u età minima”: “1. Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. ‘Vettura b’mutur’ tfisser kwalunkwe vettura, barra vettura li timxi fuq linji ta’ ferrovija, bi propulsjoni awtonoma li timxi fuq it-triq permezz tal-qawwa tagħha stess. […] 4. Vetturi bil-mutur:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Januar 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k) […]. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet. Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Januar 2013. […]” |
|
7 |
Taħt it-Titolu I, intitolat “Rekwiżiti minimi għat-testijiet tas-sewqan”, fis-Sezzjoni A, intitolata “It-test teoretiku”, fil-punt 4, intitolat “Id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E”, tal-Anness II tad-Direttiva 2006/126, il-punti 4.1.9 u 4.1.10 ta’ dan l-anness jipprovdu:
|
|
8 |
Taħt l-istess titolu I, fis-Sezzjoni B, intitolata “It-test ta’ ħila u ta’ komportament”, il-punt 8, intitolat “Il-ħiliet u l-komportament li għandhom jiġu ttestjati rigward il-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E”, il-punti 8.1.6, 8.1.8, 8.2.3 u 8.2.4 tal-imsemmi anness jipprovdu:
[…]
[…]
|
Id-dritt Ċek
|
9 |
L-Artikolu 80a(1)(g) sa (i) taz-Zákon č. č. 361/2000 Sb. o provozu na pozemních komunikacích a o změnách některých zákonů (il-Liġi Nru 361/2000 dwar it-Traffiku fuq ir-Rotot ta’ Trasport fuq l-Art), fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża, tipprevedi: “Fil-kategorija
|
Il-proċedura prekontenzjuża
|
10 |
Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka, li fiha ġibdet l-attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tal-legiżlazzjoni tagħha dwar id-definizzjoni tal-kategoriji tal-vetturi C1, C u D1 ma kinux konformi mad-Direttiva 2006/126. |
|
11 |
Wara li eżaminat l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika Ċeka, li jinsabu fir-risposta ta’ din l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni, fis-27 ta’ Frar 2015, bagħtet opinjoni motivata, li fiha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta tiġi rċevuta. Fuq talba tar-Repubblika Ċeka, dan it-terminu ġie estiż sas-27 ta’ Mejju 2015. |
|
12 |
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Ċeka wieġbet għall-opinjoni motivata billi indikat, rigward id-definizzjoni tal-kategoriji C, C1 u D1 tal-liċenzji tas-sewqan, li, “sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ ambigwità u sabiex ikun hemm ċertezza legali ikbar, ir-Repubblika Ċeka taċċetta li temenda parzjalment id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni”. |
|
13 |
Peress li ma rċeviet ebda indikazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi hekk previsti u billi qieset li, fi kwalunkwe każ, l-allegat nuqqas kien għadu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
14 |
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija ssostni li, minkejja li d-definizzjonijiet tal-kategoriji C1 u C jipprevedu espliċitament li hemm inkwistjoni “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-kategoriji D1 u D”, id-dritt Ċek ma rriproduċix dan il-kriterju. Peress li l-imsemmi kriterju huwa madankollu determinanti sabiex tiġi stabbilita b’mod korrett id-distinzjoni neċessarja bejn il-kategoriji C/C u D1/D, in-nuqqas hekk imwettaq ikollu l-konsegwenza li, fl-Istat Membru inkwistjoni, id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1 jew C ikun awtorizzat isuq vettura intiża għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien passiġġieri, indipendentement mill-fatt li din il-vettura tkun ġiet intiża għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija, filwaqt li d-Direttiva 2006/126 teżiġi liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1 jew D jekk il-vettura tkun maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ passiġġieri. |
|
15 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li, filwaqt li l-Artikolu 4(4)(h) tad-Direttiva 2006/126 jiddefinixxi l-kategorija D1 bħala dik li tinkludi “vetturi bil-mutur projettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn 16-il passiġġier minbarra s-sewwieq”, id-dritt Ċek, billi impona numru minimu ta’ tmien persuni, introduċa kundizzjoni addizzjonali, kuntrarjament għall-Artikolu 4(4)(h) ta’ din id-direttiva. |
|
16 |
Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ motivi, il-Kummissjoni tispjega li, tradizzjonalment, il-kategorija C tikkategorizza vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-merkanzija, filwaqt li l-kategorija D tikkategorizza vetturi bil-mutur intiżi għat-trasport tal-passiġġieri. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-vetturi bil-mutur tal-kategorija C milli jittrasportaw ukoll passiġġieri. F’dan il-każ, ikun hemm inkwistjoni persunal ittrasportat prinċipalment minħabba l-manteniment tat-tagħbija u mhux passiġġieri li jivvjaġġaw minn punt A sa punt B. |
|
17 |
Peress li ċerti karatteristiċi tekniċi tal-kategoriji C u C1 huma identiċi għal dawk tal-kategoriji D1 u D, il-Kummissjoni tenfasizza n-neċessità li tiddelimita bi preċiżjoni l-kategoriji C1 u C, minn naħa, u l-kategoriji D1 u D, min-naħa l-oħra. Id-delimitazzjoni li ssir f’dan ir-rigward mid-Direttiva 2006/126, jiġifieri t-termini “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-kategoriji D1 u D” li jinsabu fid-definizzjoni tal-kategoriji C1 u C, tfisser konsegwentement li l-vetturi bil-mutur li jissodisfaw il-kriterji tekniċi tal-kategoriji C1/C u D1/D, iżda li huma prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri, jaqgħu taħt il-kategorija D1 u D, filwaqt li l-vetturi li ma jappartjenux mal-kategoriji D1 u D jaqgħu taħt il-kategoriji C1 u C. |
|
18 |
Ir-Repubblika Ċeka tqis li r-rikors ma huwiex fondat. |
|
19 |
Skont dan l-Istat Membru, b’ebda mod ma huwa neċessarju li ssir traspożizzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, sa fejn l-għan persegwit minn dawn id-dispożizzjonijiet jintlaħaq. Dan huwa l-każ peress li d-delimitazzjoni, fuq livell nazzjonali, tal-kategoriji tal-vetturi C1, C u D1, filwaqt li ma hijiex ifformulata f’termini identiċi għal dawk ta’ din id-direttiva, tiggarantixxi li ebda vettura ma tkun tista’ taqa’ f’diversi kategoriji. |
|
20 |
Il-limitu minimu ta’ tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq, ipprovdut fid-dritt Ċek, huwa neċessarju peress li, skont l-imsemmi Stat Membru, il-vetturi li jaqgħu taħt il-kategorija D1 jirrappreżentaw subdiviżjoni tal-kategorija D. |
|
21 |
Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dan il-limitu minimu, il-kategorija D1, sa fejn tinkludi l-vetturi bil-mutur ta’ tul massimu ta’ 8 metri li jistgħu jittrasportaw mhux iktar minn sittax-il passiġġier, tassorbi de facto l-kategoriji C1 u C. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
22 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-premessa 2 tad-Direttiva 2006/126, ir-regoli dwar il-liċenzja tas-sewqan huma fattur essenzjali tal-politika komuni tat-trasport, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà stradali u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru għajr l-Istat Membru emittenti tal-liċenzja tas-sewqan. |
|
23 |
Fir-rigward tad-diversi sinjifikati bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, id-Direttiva 2006/126, li hija t-tielet direttiva dwar il-liċenzja tas-sewqan, hija intiża, kif tattesta din l-istess premessa, li twassal għal armonizzazzjoni iktar stretta sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-politika tal-Unjoni Ewropea. |
|
24 |
Fost il-metodi li hija tipprovdi sabiex jitwettaq dan l-għan, hemm, b’mod partikolari, definizzjonijiet tal-kategoriji li, skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, “għandhom jirriflettu aktar il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi konċernati u l-ħiliet meħtieġa sabiex tinsaq vettura”. |
|
25 |
Fil-fatt, filwaqt li l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE tal-4 ta’ Diċembru 1980 dwar l-istabbiliment ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja (ĠU 1980 L 375, p. 1) kienet stabbilixxiet l-ewwel kategorizzazzjoni ta’ vetturi għall-finijiet tal-istabbiliment tal-mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan nazzjonali, id-Direttiva 91/439, li ssostitwixxiet din l-ewwel direttiva, introduċiet diversi speċifikazzjonijiet rigward id-definizzjoni ta’ kategoriji tal-vetturi u tat-tipi ta’ liċenzji tas-sewqan meħtieġa għas-sewqan ta’ dawn il-vetturi, inkluż, b’mod partikolari, definizzjoni iktar mirquma u delimitazzjoni aħjar tal-kategoriji differenti tal-liċenzji tas-sewqan. |
|
26 |
Filwaqt li ssoktat bl-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, id-Direttiva 2006/126 ippreċiżat, fir-rigward tal-kategoriji C u C1, li t-tnejn li huma jkopru vetturi bil-mutur maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien passiġġieri, u li d-differenza bejniethom kienet barra minn hekk il-massa massima awtorizzata. Fir-rigward tal-kategoriji D u D1, filwaqt li żammet il-limitu minimu ta’ tmien passiġġieri għall-kategorija D, id-Direttiva 2006/126 ħassret dan l-istess limitu għall-kategorija D1, b’mod li, għal din l-aħħar kategorija, japplika biss il-limitu massimu ta’ sittax-il passiġġier. |
|
27 |
Dawn il-preċiżjonijiet u dawn il-modifiki fir-rigward tad-Direttiva 91/439 ippermettew, kif tispjega l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ċerti vetturi issa jaqgħu fil-kategorija D1, u mhux iktar fil-kategorija C1. Bħala eżempju, il-Kummissjoni ssemmi l-minibus lussuża kif ukoll karozzi b’armatura privati. Dawn il-vetturi, sa fejn huma maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq u sa fejn it-tul massimu ma jeċċedix it-tmien metri, issa jaqgħu f’kategorija għalihom, fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi u tal-użu tipiku tagħhom, jiġifieri l-kategorija D1. |
|
28 |
Għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kategoriji C u C1, iddefiniti, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/126, rispettivament fil-paragrafu 4(d) u (f) ta’ dan l-artikolu, ikopru vetturi bil-mutur għajr dawk tal-kategoriji D1 jew D, li l-massa massima awtorizzata tagħhom teċċedi 3500 kg, fir-rigward tal-vetturi tal-kategorija C, jew teċċedi 3500 kg iżda ma taqbiżx 7500 kg, fir-rigward ta’ vetturi tal-kategorija C1, li huma maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq. Il-kategorija D1, iddefinita fil-paragrafu 4(h) tal-istess artikolu, tkopri l-vetturi bil-mutur maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn sittax-il passiġġier minbarra s-sewwieq u li għandhom tul massimu ta’ mhux iktar minn 8 metri. |
|
29 |
Madankollu, fid-dritt Ċek, id-definizzjoni tal-kategoriji C u C1 ma tirriproduċix id-delimitazzjoni tal-kategoriji C/C1 u D/D1 prevista fid-dritt tal-Unjoni u espressa bit-termini “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-kategoriji D1 u D”. Għalhekk, jidher li d-dritt Ċek ma rriproduċiex it-tħassir tal-limitu minimu ta’ tmien passiġġieri li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jintroduċi bl-adozzjoni tad-Direttiva 2006/126 fil-kuntest tal-evoluzzjoni regolamentari msemmija iktar ’il fuq. |
|
30 |
L-eżistenza ta’ tali diskrepanzi fid-definizzjoni għandha l-konsegwenza li l-vetturi li jaqgħu fil-kategorija D1 jistgħu jinsaqu, skont id-dritt Ċek, minn detenturi tal-liċenzja C1, li jmur kontra l-għan tad-Direttiva 2006/126. |
|
31 |
L-eżempji ppreżentati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-minibuses lussużi kif ukoll il-karozzi b’armatura privati li għandhom l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, juru l-eżistenza ta’ tali diverġenzi. Fil-fatt, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 4(4)(h) tad-Direttiva 2006/126, tali vetturi jaqgħu fil-kategorija D1, dawn l-istess vetturi jaqgħu, skont il-leġiżlazzjoni Ċeka li tittrasponi din id-direttiva, fil-kategorija C1. Barra minn hekk, skont it-termini “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-kategoriji D1 u D”, li permezz tagħhom l-imsemmija direttiva tiddelimita l-kategoriji C/C1 u D/D1 rispettivament, tali vetturi, peress li jaqgħu fil-kategorija D1, f’ebda każ ma jaqgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, fil-kategorija C1. |
|
32 |
Għaldaqstant, għall-istess tip ta’ vettura, il-kategorija ta’ liċenzja tas-sewqan meħtieġa fir-Repubblika Ċeka hija differenti minn dik li għandu jkollu s-sewwieq fi Stati Membri oħra. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għanijiet fundamentali ppersegwiti mid-Direttiva 2006/126. |
|
33 |
L-argumenti invokati mir-Repubblika Ċeka ma jistgħux jikkompromettu din il-konstatazzjoni u n-nuqqas effettiv li jirriżulta minnha. |
|
34 |
L-ewwel nett, dan l-Istat Membru jsostni li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-Istati Membri jwettqu traspożizzjoni letterali tad-definizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2006/126, bil-kundizzjoni li l-għan persegwit mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jintlaħaq. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika, iżda kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun suffiċjenti jekk dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-648/13, EU:C:2016:490, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Madankollu, mill-punti 29 sa 32 tas-sentenza preżenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mir-Repubblika Ċeka ma jippermettux li jintlaħaq ir-riżultat persegwit mill-Artikolu 4(1) u 4(d), (f) u (h) tad-Direttiva 2006/126. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li t-traspożizzjoni letterali ma hijiex obbligatorja huwa ineffettiv fil-kuntest tal-kawża preżenti. |
|
37 |
It-tieni nett, ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija wettqet delimitazzjoni, fuq livell nazzjonali, tal-kategoriji tal-vetturi C1, C u D1, li hija preċiża, komprensibbli u fil-prattika ma tagħtix lok għal kawżi legali. Fil-fatt, bil-premessa li ebda vettura ma għandha taqa’ taħt diversi kategoriji, dan l-Istat Membru jqis li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’żewġ modi, jiġifieri billi tiġi stabbilita d-definizzjoni ta’ kategorija b’mod negattiv meta mqabbla mal-kategoriji l-oħra, soluzzjoni li ġiet adottata fid-Direttiva 2006/126, jew billi jiġu identifikati individwalment il-kategoriji b’mod li dawn ma jikkoinċidux, soluzzjoni li ġiet adottata mil-leġiżlatur Ċek fl-istabbiliment tal-livell minimu għan-numru ta’ passiġġieri li jistgħu jiġu ttrasportati mill-vetturi li jaqgħu fil-kategorija D1. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tirrikonoxxi r-Repubblika Ċeka stess, sabiex tiġi implementata tali delimitazzjoni, hija pprevediet, fid-definizzjoni nazzjonali tal-kategorija D1, kundizzjoni li ma hijiex madankollu inkluża fl-Artikolu 4(4)(h) tad-Direttiva 2006/126, li fiha d-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi din il-kategorija. Għalhekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 29 sa 32 tas-sentenza preżenti, l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni supplimentari twassal għal diverġenzi fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva fir-Repubblika Ċeka meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ liema kategorija tapplika għal vettura u, konsegwentement, liema tip ta’ liċenzja tas-sewqan hija meħtieġa għal din il-vettura. |
|
39 |
Għalhekk, l-għażla ta’ metodu ta’ delimitazzjoni li jipproduċi tali diverġenzi meta mqabbel ma’ dak li jeżiġi d-dritt tal-Unjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkontribwixxi għal traspożizzjoni kompleta u korretta tad-Direttiva 2006/126. |
|
40 |
It-tielet nett, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-vetturi li jaqgħu fil-kategorija D1 jirrappreżentaw subdiviżjoni tal-kategorija D, kif jirriżulta mid-denominazzjoni ta’ din il-kategorija D1 u mill-istorja leġiżlattiva tad-definizzjoni tal-kategoriji fil-livell tal-Unjoni. Din hija verżjoni “issemplifikata” tal-kategorija D u l-vetturi li jaqgħu fil-kategorija D1 għalhekk huma parti speċifika mill-vetturi li jaqgħu fil-kategorija D, b’mod li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, id-detenzjoni ta’ verżjoni ssemplifikata tal-liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D tkun biżżejjed. Peress li l-livell minimu relatat man-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati huwa inkluż fid-definizzjoni tal-kategorija D, dan għandu jiġi rriprodott fil-kategorija D1. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 91/439, il-kategorija D1 kienet intiża bħala subkategorija tal-kategorija D, kif jixhdu t-termini “[f]il-kategoriji A, B, B + E, C, C + E, D and D + E, tista’ tinħareġ liċenzja speċifika tas-sewqan għas-sewqan tal-vetturi fis-subkategoriji li ġejjin”, madankollu dawn it-termini ma humiex inklużi fid-definizzjoni tal-kategoriji tal-liċenzji tas-sewqan stabbiliti fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/126. Il-fatt li, għalhekk, il-kategorija D1 tinkludi wkoll vetturi li ma jaqgħux fil-kategorija D, l-istess bħall-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan għall-kategorizzazzjoni tad-diversi liċenzji tas-sewqan, jikkostitwixxi għalhekk għażla li saret mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li l-utilità tiegħu ma tistax tiġi kompromessa fil-kuntest tal-proċedura preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
42 |
Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fin-nuqqas ta’ livell minimu ta’ tmien passiġġieri li jipprevedi d-dritt Ċek, il-kategorija D1, sa fejn tinkludi vetturi bil-mutur ta’ tul massimu ta’ 8 metri li jistgħu jittrasportaw mhux iktar minn sittax-il passiġġier, tassorbi de facto l-kategoriji C1 u C. Jista’ wkoll jitqies li s-sewqan ta’ trakk ta’ inqas minn 8 metri jeżiġi liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1, u huwa biss meta t-tul ta’ tali trakk jeċċedi 8 metri li dan jaqa’ taħt il-liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kategoriji C/C1 u D1, id-definizzjoni tal-vettura bil-mutur, minbarra l-fatturi tan-numru ta’ passiġġieri, tal-massa u tat-tul, hija identika għall-imsemmija kategoriji, b’mod partikolari għall-vetturi bil-mutur “proġettati u mibnija għat-trasport ta’ […] passiġġieri”. |
|
44 |
Mid-delimitazzjoni tal-kategoriji C/C1 u D1 bit-termini “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-kategoriji D1 u D” jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-kategorija tal-liċenzja tas-sewqan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma marbuta jeżaminaw qabelxejn l-applikabbiltà tal-kategorija D1 u, jekk huwa l-każ, huma għandhom jemettu l-liċenzja tas-sewqan għal din il-kategorija. |
|
45 |
Għalhekk, abbażi biss tal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2006/126, għall-vetturi li t-tul tagħhom ma jeċċedix 8 metri, il-kategorija D1 tinkludi kompletament il-kategoriji C/C1. |
|
46 |
Konsegwentement, id-definizzjoni tal-kategoriji C/C1 u D1 li hemm fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/126 ma tidhirx li tiżgura delimitazzjoni xierqa ta’ dawn il-kategoriji. |
|
47 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet ippersegwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Kamin und Grill Shop, C-289/16, EU:C:2017:758, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Sabiex issir interpretazzjoni korretta tal-imsemmija kategoriji, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-test kollu tad-Direttiva 2006/126, inkluż l-annessi tagħha, li juru li l-iskop tal-vetturi bil-mutur għandu rwol determinanti. |
|
49 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126 u li jinsab fl-Anness I tagħha juri b’mod ċar, permezz ta’ pittogramma, l-iskop tal-vettura ta’ kull kategorija, b’mod partikolari l-għan tagħha li tittrasporta merkanzija jew passiġġieri. |
|
50 |
Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, iċċitati fil-punti 7 u 8 tas-sentenza preżenti, juru li r-rekwiżiti dwar il-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan ivarjaw skont l-iskop tal-vettura kkonċernata. |
|
51 |
Isegwi li ma jistax jiġi ammess li n-nuqqas ta’ osservanza tad-delimitazzjoni bejn il-kategoriji C/C1 u D/D1 twassal għal riżultat differenti minn dak previst fid-Direttiva 2006/126, jiġifieri dak tas-sigurtà stradali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ikun il-każ jekk it-trasport esklużiv ta’ persuni jkun żgurat minn sewwieqa, awtorizzati li jsuqu vetturi tal-kategorija C jew C1, li jkunu ġew mitluba jagħtu prova tal-għarfien tagħhom fir-rigward tal-aċċettazzjoni, tat-tagħbija, tat-trasport, tal-kunsinna u tal-ħatt tal merkanzija. |
|
52 |
Huwa minnu li fil-qasam tal-liċenzji tas-sewqan, li fih l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jipproċessaw diversi talbiet u fi żmien raġonevolment qasir, is-soluzzjoni leġiżlattiva, li teżiġi li jsir rikors għal elementi li ma jinsabux direttament fid-definizzjonijiet tal-kategoriji tal-liċenzji tas-sewqan, ma tidhirx li hija ottimali. |
|
53 |
Madankollu, Stat Membru ma huwiex awtorizzat jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/126, li tintroduċi kundizzjonijiet mhux previsti minn din id-direttiva jew li tħassar kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva, liema fatt jimplika li jiġu emendati l-kategoriji ta’ vetturi ddefiniti fid-Direttiva 2006/126, għad-detriment tas-sigurtà stradali. Nuqqas ta’ preċiżjonijiet redazzjonali possibbli ta’ din id-direttiva jitolbu, skont il-każ, reazzjoni min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imma ma jistgħux iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu jiġi kkonstatat. |
|
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti invokati mir-Repubblika Ċeka għandhom jiġu miċħuda. |
|
55 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.