European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2530

17.11.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2530

tas-16 ta’ Novembru 2026

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb fil-pritkuni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq il-manifattura, l-introduzzjoni fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi. L-entrata 63 ta’ dak l-Anness fiha restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċomb (Nru CAS 7439-92-1, Nru KE 231-100-4) u tal-komposti taċ-ċomb (“ċomb”), inkluża restrizzjoni fuq iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom li ġiet introdotta bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 (2).

(2)

Iċ-ċomb huwa kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) bħala tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika u tossiku għar-riproduzzjoni, minħabba l-effetti avversi tiegħu fuq il-fertilità u fuq l-iżvilupp tas-sistema nervuża tal-fetu u tal-wild, li jwassal għal ħsara permanenti u għal telf tal-kwozjent tal-intelliġenza (IQ). Ma ġie identifikat l-ebda limitu sikur għall-konċentrazzjoni taċ-ċomb li taħtu ċ-ċomb ma jkollu l-ebda effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem. Iċ-ċomb huwa assoċjat ukoll ma’ riskju akbar ta’ mard kardjovaskulari, tal-kliewi u tas-sistema nervuża ċentrali fl-adulti. Barra minn hekk, l-esponiment għaċ-ċomb jista’ jkollu firxa ta’ effetti tossikoloġiċi akuti u kroniċi, inkluża l-mewt fl-annimali, b’mod partikolari fl-għasafar (4).

(3)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (5) (CMS). Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Prevenzjoni tal-Avvelenament (PPWG) ħejja Linji Gwida għall-Prevenzjoni tar-Riskju tal-Avvelenament għall-Għasafar Migratorji (“Linji Gwida”), li ġew adottati fl-2014 permezz tar-Riżoluzzjoni 11.15 tas-CMS. Il-Linji Gwida jirrakkomandaw kemm l-eliminazzjoni gradwali tal-użu taċ-ċomb fil-munizzjon fil-ħabitats kollha kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tal-użu taċ-ċomb fil-piżijiet tas-sajd f’żoni fejn intwera li l-għasafar migratorji huma partikolarment f’riskju ta’ avvelenament miċ-ċomb.

(4)

Fis-16 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni talbet (6) lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Aġenzija), skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, biex tħejji dossier (“id-dossier tal-Anness XV”) biex tindirizza t-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżat miċ-ċomb (i) fil-munizzjon, inklużi l-pritkuni użati f’terreni għajr l-artijiet mistagħdra u l-balal użati kemm fl-artijiet mistagħdra kif ukoll f’terreni għajr l-artijiet mistagħdra u (ii) fit-tagħmir tas-sajd. Il-mandat ma kienx ikopri użi ta’ munizzjon għall-isparar fuq ġewwa, jew għal użi mill-pulizija, mill-militar u minn forzi oħra tas-sigurtà.

(5)

Fl-24 ta’ Marzu 2021, l-Aġenzija ppubblikat id-dossier tal-Anness XV tagħha (7), li fih ikkonkludiet li ċ-ċomb fil-munizzjon u fit-tagħmir tas-sajd joħloq riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għal popolazzjonijiet vulnerabbli bħat-tfal, li ma huwiex ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha. Fir-rigward tar-riskju għall-ambjent, l-inġestjoni minn għasafar u annimali oħra ta’ munizzjon mhux irkuprat ibbażat fuq iċ-ċomb (“munizzjon taċ-ċomb”), piżijiet ibbażati fuq iċ-ċomb (“piżijiet taċ-ċomb”) u lixkiet ibbażati fuq iċ-ċomb (“lixkiet taċ-ċomb”) minn attivitajiet tal-kaċċa, tal-isparar sportiv u tas-sajd tirriżulta fl-avvelenament u fil-mewt frekwenti tal-annimali. Barra minn hekk, l-akkumulazzjoni taċ-ċomb fil-kampijiet tal-isparar sportiv tista’ tirriżulta fil-lissija tal-ilma tal-wiċċ imniġġes biċ-ċomb fil-korsiji tal-ilma lokali u tista’ taffettwa l-ilma ta’ taħt l-art, b’riżultat li potenzjalment jiġu vvelenati n-nies, il-bhejjem u l-organiżmi selvaġġi. L-Aġenzija kkonkludiet ukoll li hemm riskji għas-saħħa tal-bniedem assoċjati mal-konsum tal-laħam tal-annimali maqtula b’munizzjon taċ-ċomb, b’mod partikolari għat-tfal ta’ 7 snin u iżgħar, jew meta jiġu mmanifatturati munizzjon, piżijiet jew lixkiet taċ-ċomb fid-dar.

(6)

L-Aġenzija stmat li, jekk ikomplu r-rilaxxi kurrenti taċ-ċomb mill-isparar u mis-sajd fl-Unjoni, matul l-20 sena li ġejjin se jiġu rrilaxxati fl-ambjent madwar 876 000 tunnellata ċomb. Dan se jpoġġi mill-inqas: (i) 135 miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament mill-inġestjoni ta’ pritkuni bbażati fuq iċ-ċomb (“pritkuni taċ-ċomb”); (ii) 14-il miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament mill-inġestjoni taċ-ċomb permezz tal-konsum tal-ikel; u (iii) 7 miljun għasfur f’riskju ta’ avvelenament mill-inġestjoni ta’ piżijiet u ta’ lixkiet. Barra minn hekk, l-Aġenzija stmat li, kull sena, madwar 13,8 miljun individwu mill-familji tal-kaċċaturi, inklużi 1,1 miljun tifel u tifla ta’ 7 snin jew iżgħar, huma vulnerabbli għall-esponiment għaċ-ċomb mil-laħam tal-kaċċa.

(7)

F’dan l-isfond, l-Aġenzija pproponiet restrizzjoni taċ-ċomb fil-munizzjon u f’ċertu tagħmir tas-sajd li kienet tinkludi, fost l-oħrajn, restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u fuq l-użu taċ-ċomb f’konċentrazzjoni ta’ 1 % jew aktar fil-pritkuni, u restrizzjoni fuq l-użu taċ-ċomb f’konċentrazzjoni ta’ 1 % jew aktar fil-projettili għajr il-pritkuni (bħal balal u pellets tal-ixkubetti tal-arja). Barra minn hekk, l-Aġenzija pproponiet li timponi obbligi ta’ informazzjoni fuq il-bejjiegħa bl-imnut ta’ dawk il-prodotti u obbligi ta’ tikkettar fuq il-fornituri tal-munizzjon. Ir-restrizzjoni proposta hija maħsuba biex tnaqqas l-emissjonijiet taċ-ċomb b’madwar 630 000 tunnellata matul l-20 sena wara l-introduzzjoni tagħha. Dan ikun tnaqqis ta’ 72 % meta mqabbel ma’ sitwazzjoni mingħajr ir-restrizzjoni proposta. Ir-restrizzjoni tipprevjeni wkoll it-telf tal-IQ f’madwar 7 000 tifel u tifla kull sena fl-Unjoni, li jwassal għal iffrankar ta’ madwar EUR 70 miljun fis-sena fi spejjeż tal-benefiċċji soċjali.

(8)

Fid-dossier tagħha tal-Anness XV, l-Aġenzija kkonkludiet li munizzjon alternattiv għall-kaċċa (bħall-pritkuni tal-azzar u tal-bismut, u l-balal tar-ram u tar-ram isfar): (i) jintuża b’mod wiesa’; (ii) huwa teknikament fattibbli; (iii) huwa komparabbli fil-prezz mal-munizzjon taċ-ċomb; u (iv) għandu profili ta’ periklu u ta’ riskju aħjar għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-munizzjon taċ-ċomb. Dwar l-isparar sportiv bil-pritkuni, l-Aġenzija sabet li jkun fattibbli li l-azzar jissostitwixxi ċ-ċomb filwaqt li tinżamm prestazzjoni komparabbli, iżda li tali bidla tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-federazzjonijiet internazzjonali rilevanti tal-isparar sportiv. Min-naħa l-oħra, l-alternattivi għall-balal ibbażati fuq iċ-ċomb (“balal taċ-ċomb”) u għall-pellets tal-ixkubetti tal-arja bbażati fuq iċ-ċomb (“pellets taċ-ċomb”) fl-isparar sportiv ma nstabux li kellhom prestazzjoni tajba daqs iċ-ċomb. L-Aġenzija nnotat li bħalissa huwa diffiċli li ċ-ċomb jiġi ssostitwit f’ċerti applikazzjonijiet, bħal munizzjon li jispara miċ-ċentru ta’ kalibru żgħir, munizzjon li jispara mix-xifer, munizzjon tal-ixkubetta tal-arja, munizzjon għal azzarini bi kkargar bil-muzzle, balal full metal jacket u balal open tip match.

(9)

L-Aġenzija rrakkomandat li tiddifferixxi d-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq oġġetti oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dossier tal-Anness XV u l-obbligi tal-informazzjoni u t-tikkettar. Dan jippermetti lill-operaturi jadattaw għar-regoli l-ġodda u jistabbilixxu l-miżuri neċessarji ta’ ġestjoni tar-riskju. L-Aġenzija pproponiet perjodu tranżizzjonali ta’ 5 snin għall-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u tal-użu tal-pritkuni għall-kaċċa. Hija pproponiet perjodu ta’ applikazzjoni differita ta’ 18-il xahar u ta’ 5 snin, rispettivament, għall-projbizzjoni tal-użu għall-kaċċa ta’ projettili ta’ kalibru kbir u ta’ kalibru żgħir għajr il-pritkuni.

(10)

L-Aġenzija ssuġġeriet deroga mill-projbizzjoni fuq l-użu ta’ balal taċ-ċomb għall-isparar sportiv, bil-kundizzjoni li jiġu implimentati miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni tar-riskju fil-kampijiet tal-isparar sportiv u ma sseħħ l-ebda attività agrikola hemmhekk. L-Aġenzija ma appoġġatx ukoll derogi fakultattivi mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u l-użu ta’ pritkuni taċ-ċomb fl-isparar sportiv. L-Aġenzija appoġġat projbizzjoni fuq l-użu ta’ pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv, iżda inkludiet ukoll id-derogi bħala fakultattivi u vvalutat il-kostijiet u l-benefiċċji tagħhom f’każ li l-Kummissjoni ma tkunx qieset tali projbizzjoni bħala xierqa u tkun talbet valutazzjoni tal-impatt li tippermetti l-użu kontinwat ta’ pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv f’kundizzjonijiet li jimminimizzaw ir-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-kundizzjonijiet għad-deroga fakultattiva kienu jinkludu: (i) il-liċenzjar tat-tiraturi sportivi mill-Istati Membri; (ii) l-awtorizzazzjoni ta’ kampijiet tal-isparar sportiv mill-Istati Membri; (iii) l-irkupru frekwenti ta’ aktar minn 90 % tal-pritkuni taċ-ċomb sparati fil-kamp tal-isparar; (iv) il-preżenza ta’ miżuri stretti għall-protezzjoni tal-ilma mill-kontaminazzjoni biċ-ċomb, u r-rimedju minn tali kontaminazzjoni; (v) projbizzjoni fuq kwalunkwe attività agrikola fil-kamp tal-isparar; (vi) rekords ta’ konformità mal-kundizzjonijiet (iii) sa (v); (vii) it-tikkettar tal-imballaġġ tal-iskrataċ u tal-iskrataċ individwali b’dikjarazzjonijiet ta’ twissija; u (viii) rekwiżit fuq l-Istati Membri biex jirrapportaw lill-Kummissjoni l-għadd ta’ utenti liċenzjati, ta’ kampijiet tal-isparar awtorizzati u l-kwantità ta’ pritkuni taċ-ċomb użati fit-territorju tagħhom.

(11)

L-Aġenzija indikat li jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tapplikax għall-isparar fuq ġewwa, għall-użi mill-pulizija u mill-militar, u għall-użi għall-finijiet ta’ sigurtà, kif indikat fit-talba tal-Kummissjoni lill-Aġenzija tas-16 ta’ Lulju 2019, kif ukoll għall-użi relatati mal-ittestjar, mal-iżvilupp, mar-riċerka u mal-investigazzjoni.

(12)

Wara l-konsultazzjoni pubblika dwar id-dossier tal-Anness XV, l-Aġenzija rrevediet (8) il-proposta inizjali tagħha biex tqis il-kummenti li rċeviet matul il-konsultazzjoni. B’mod partikolari, hija pproponiet żieda fil-limitu ta’ konċentrazzjoni permissibbli għaċ-ċomb fi projettili għajr il-pritkuni li fihom ir-ram jew il-ligi tar-ram minn inqas minn 1 % għal inqas minn 3 % skont il-piż. Dan ġie propost biex jippermetti l-użu kontinwat ta’ munizzjon alternattiv magħmul mir-ram (liga tar-ram), li bħalissa fih sa 3 % ċomb. Id-dossier rivedut tal-Anness XV kien jinkludi wkoll derogi addizzjonali għall-kaċċa tal-foki bil-balal u għall-kaċċa b’balal full metal jacket, taħt ċerti kundizzjonijiet.

(13)

Għadd limitat biss ta’ Stati Membri bħalissa għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ li jipprojbixxu l-użu taċ-ċomb fil-kaċċa u fl-isparar fuq barra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet taċ-ċomb u l-esponiment għalih. Id-dossier tal-Anness XV wera li hija neċessarja azzjoni fl-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju assoċjat maċ-ċomb fil-munizzjon biex jiġi żgurat livell armonizzat ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni.

(14)

Fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija adotta opinjoni skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 rigward id-dossier tal-Anness XV. Fl-opinjoni tiegħu, l-RAC qabel mal-konklużjoni tal-Aġenzija li l-użu tal-munizzjon taċ-ċomb, inkluż il-pritkuni taċ-ċomb, fil-kaċċa u fl-isparar fuq barra joħloq firxa wiesgħa ta’ riskji kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent. L-RAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija hija l-iktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati.

(15)

L-RAC appoġġa bil-qawwa perjodu tranżizzjonali iqsar mill-5 snin proposti mill-Aġenzija għar-restrizzjoni fuq l-użu tal-pritkuni fil-kaċċa minħabba li l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra diġà huwa rregolat fl-Unjoni kollha kemm hi u minħabba li aktar ma jkun qasir il-perjodu tranżizzjonali, inqas ċomb jiġi rrilaxxat fl-ambjent.

(16)

L-RAC ma appoġġax id-derogi fakultattivi għall-introduzzjoni fis-suq tal-pritkuni taċ-ċomb u għall-użu tal-pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv. Dan qies li l-infurzar tar-restrizzjoni proposta, kif ukoll ir-restrizzjoni fuq iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom introdotta bir-Regolament (UE) 2021/57, jiżdiedu fil-kumplessità jekk jiġu introdotti dawk id-derogi fakultattivi. Madankollu, jekk dawk id-derogi jingħataw, l-RAC indika li huwa jappoġġa s-suġġeriment mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija (SEAC) li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li jkun limitat għad-daqsijiet tal-isparaturi ta’ bejn 1,9 u 2,6 mm.

(17)

L-RAC appoġġa r-rekwiżiti tat-tikkettar u tal-informazzjoni proposti mill-Aġenzija għall-munizzjon taċ-ċomb. Madankollu, l-RAC irrakkomanda li tiġi evitata l-konfużjoni billi jiżdied il-limitu ta’ konċentrazzjoni taċ-ċomb li jkun jiskatta r-rekwiżiti minn 0,3 % għal 1 % skont il-piż, sabiex jiġi allinjat mal-limitu ta’ konċentrazzjoni li jiskatta l-projbizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u fuq l-użu tiegħu.

(18)

Fl-1 ta’ Diċembru 2022, l-RAC adotta opinjoni supplimentari, fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u f’konformità mal-Artikolu 77(3), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (9). Din l-opinjoni vvalutat mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-RAC ta’ sett ta’ data speċifiku dwar il-preżenza taċ-ċomb fil-laħam tal-annimali tal-kaċċa u l-konsum mill-bniedem tal-laħam tal-annimali tal-kaċċa pprovdut mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. L-RAC tenna l-konklużjoni tiegħu li hemm riskju moderat sa għoli mill-esponiment għaċ-ċomb fil-laħam tal-annimali tal-kaċċa għat-tfal f’familji tal-kaċċaturi iżda li r-riskji għall-adulti x’aktarx li jkunu baxxi.

(19)

Fit-2 ta’ Diċembru 2022, l-SEAC adotta opinjoni skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Dan ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta tkun l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati mill-RAC, dment li l-kundizzjonijiet jiġu mmodifikati kif propost mill-SEAC. Il-konklużjoni tqis il-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-miżura mal-kostijiet soċjoekonomiċi tagħha.

(20)

L-SEAC appoġġa l-fehma tal-RAC li, għar-restrizzjoni fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb fil-kaċċa, perjodu tranżizzjonali ferm iqsar mill-5 snin proposti mill-Aġenzija jkun iġġustifikat minħabba li ma hemmx biżżejjed evidenza li ż-żieda fil-volumi tal-produzzjoni ta’ munizzjon alternattiv biex jissostitwixxi l-pritkuni taċ-ċomb fil-kaċċa tkun teħtieġ 5 snin. L-informazzjoni disponibbli appoġġat l-argument li l-volumi ta’ pritkuni taċ-ċomb użati għall-kaċċa setgħu jiġu ssostitwiti qabel. Evidenza sostantiva u kredibbli biex tintlaħaq konklużjoni dwar it-tul speċifiku tal-perjodu tranżizzjonali ma kinitx disponibbli għall-SEAC, u għalhekk qies li l-perjodu minimu meħtieġ biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel għall-alternattivi jkun ta’ 18-il xahar.

(21)

Sabiex ikun aktar faċli li tiġi infurzata l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ pritkuni taċ-ċomb waqt il-kaċċa, l-SEAC irrakkomanda projbizzjoni fuq il-ġarr ta’ tali pritkuni waqt il-kaċċa jew bħala parti minn meta l-kaċċaturi jmorru għall-kaċċa.

(22)

Sabiex tiġi mmassimizzata l-effettività tar-restrizzjoni proposta, l-SEAC issuġġerixxa li d-derogi fakultattivi għall-pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv jiġu limitati għad-daqsijiet tal-isparaturi ta’ bejn 1,9 u 2,6 mm minħabba li dawk huma d-daqsijiet tal-isparaturi użati għal dik l-attività.

(23)

Fir-rigward tal-projbizzjoni fuq l-użu ta’ munizzjon taċ-ċomb f’armi tan-nar b’ikkargar mill-muzzle jew armi tan-nar storiċi oħra, l-SEAC innota li alternattivi mhux taċ-ċomb għadhom ma humiex disponibbli għall-użu f’armi tan-nar storiċi. Minkejja dan, huwa qies li konklużjoni dwar jekk deroga għal dak l-użu tkunx ġustifikata abbażi tal-valuri kulturali, kif kien ġie ssuġġerit matul il-konsultazzjoni pubblika, ma tkunx possibbli minħabba nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatti soċjoekonomiċi ta’ tali deroga.

(24)

L-SEAC ma kellux biżżejjed informazzjoni biex jasal għal konklużjoni dwar jekk il-kost tal-għoti ta’ informazzjoni fil-punt tal-bejgħ kif propost mill-Aġenzija u appoġġat mill-RAC ikunx iġġustifikat bis-sħiħ, jew jekk miżuri edukattivi oħra jistgħux jinfluwenzaw b’mod aktar effettiv l-imġiba tax-xiri. L-SEAC qabel mal-RAC li l-istess limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % skont il-piż propost għar-restrizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-munizzjon taċ-ċomb jenħtieġ li japplika wkoll għar-rekwiżiti tat-tikkettar u tal-informazzjoni sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u jiġi assistit l-infurzar. L-SEAC qies li l-infurzar fil-qasam ikun aktar effettiv jekk l-iskrataċ individwali tal-pritkuni taċ-ċomb jiġu identifikati permezz ta’ marki jew kodiċi tal-kulur. Madankollu, ma kellux biżżejjed informazzjoni biex jikkonkludi dwar il-fattibbiltà teknika, il-kostijiet involuti u l-prattiċità ta’ tali marki jew kodifikazzjoni bil-kulur.

(25)

Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“Forum”) ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 77(4), il-punt (h), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(26)

Fis-27 ta’ Frar 2023, l-Aġenzija ressqet l-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC (10) lill-Kummissjoni.

(27)

Meta jitqiesu d-dossier tal-Anness XV, l-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC, l-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ alternattivi, il-Kummissjoni tqis li hemm riskju inaċċettabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu ta’ munizzjon taċ-ċomb, b’mod partikolari l-pritkuni, u t-tagħmir tas-sajd taċ-ċomb. Hemm bżonn li dak ir-riskju jiġi indirizzat fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, jixraq li tiġi introdotta restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u fuq l-użu ta’ tali munizzjon u tagħmir tas-sajd. Madankollu, biex titnaqqas il-kumplessità u tiżdied iċ-ċarezza legali, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni fuq il-munizzjon taċ-ċomb u fuq it-tagħmir tas-sajd taċ-ċomb kif propost fid-dossier tal-Anness XV, koperta mill-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC u vvalutata fil-parir tal-Forum jenħtieġ li tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ regolamenti separati.

(28)

Jenħtieġ li r-restrizzjoni taċ-ċomb fil-munizzjon tapplika għall-munizzjon b’konċentrazzjoni taċ-ċomb ta’ 1 % jew aktar skont il-piż. Dak huwa l-limitu ta’ konċentrazzjoni stabbilit fir-restrizzjoni fl-entrata 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għaċ-ċomb fil-pritkuni fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom, sabiex jiġi evitat periklu ta’ tossiċità sinifikanti għall-għasafar migratorji u għal organiżmi selvaġġi oħra u għall-ħabitats tagħhom. Barra minn hekk, jitqies li l-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 % huwa biżżejjed biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat u jista’ jinkiseb faċilment mill-produtturi ta’ alternattivi, minħabba li xi wħud minn dawk l-alternattivi x’aktarx ikun fihom iċ-ċomb bħala impurità.

(29)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-opinjoni tal-RAC u tal-SEAC li l-perjodu tranżizzjonali għar-restrizzjoni fuq l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb fil-kaċċa jenħtieġ li jkun iqsar mill-5 snin proposti mill-Aġenzija, iżda mhux iqsar minn 18-il xahar. Meta titqies il-qagħda ġeopolitika kurrenti, li nbidlet b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ dik meta l-RAC u l-SEAC adottaw l-opinjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax tkun ċerta li se jkunu disponibbli biżżejjed volumi ta’ produzzjoni ta’ munizzjon alternattiv biex jissostitwixxu l-pritkuni taċ-ċomb fil-kaċċa anke fi ħdan il-perjodu tranżizzjonali ta’ 5 snin oħra propost mill-Aġenzija. Għalhekk, hija tqis li perjodu tranżizzjonali ta’ 7 snin għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb għall-kaċċa huwa xieraq. Il-Kummissjoni tqis ukoll li jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ pritkuni tinkludi pellets li jistgħu jiġu skarikati minn senter iżda jenħtieġ li ma tinkludix slugs, li jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni.

(30)

Il-Kummissjoni taqbel mal-SEAC li hija neċessarja projbizzjoni fuq il-ġarr ta’ pritkuni taċ-ċomb waqt il-kaċċa jew bħala parti minn meta l-kaċċaturi jmorru għall-kaċċa sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tar-restrizzjoni fuq il-munizzjon li jkun fih konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ 1 % jew aktar skont il-piż.

(31)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-SEAC li restrizzjoni tal-balal taċ-ċomb għall-kaċċa u għall-isparar sportiv hija proporzjonata u li huma disponibbli alternattivi għaċ-ċomb għall-kaċċa, b’mod partikolari għall-balal li jisparaw miċ-ċentru b’kalibri ta’ 5,6 mm jew akbar. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-balal, inklużi l-balal taċ-ċomb, huma l-munizzjon ewlieni użat għal skopijiet ta’ difiża, u li l-analiżi tal-SEAC tal-impatt possibbli tar-restrizzjoni tal-balal taċ-ċomb fuq l-abbiltajiet tad-difiża tal-Unjoni twettqet f’kuntest ġeopolitiku radikalment differenti. Minn meta ġiet iffinalizzata l-opinjoni tal-SEAC f’Diċembru 2022, l-iżviluppi internazzjonali enfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ il-prontezza tad-difiża u l-kapaċità tad-difiża tagħha b’rispons għat-theddid dejjem akbar. Fl-2025, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija biex tikseb il-prontezza tad-difiża sal-2030, permezz ta’ White Paper għad-Difiża Ewropea (11) u l-Pjan ReArm Europe, bl-għan li żżid malajr u b’mod sinifikanti l-investimenti u l-abbiltajiet tad-difiża tal-Unjoni. L-istrateġija inkludiet, fost affarijiet oħra, azzjonijiet li jappoġġaw il-kumulazzjoni strateġika tal-balal, inklużi l-balal taċ-ċomb, u li jiżguraw kapaċità industrijali suffiċjenti għar-riforniment f’waqtu tal-munizzjon f’każ ta’ bżonn. F’dan l-isfond, u wara diskussjonijiet mal-Istati Membri matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq u neċessarju li jiġu esklużi l-balal mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni biex jiġi evitat kwalunkwe impatt potenzjali, ikun kemm ikun żgħir, fuq il-produzzjoni tal-balal taċ-ċomb. Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-pritkuni taċ-ċomb xorta se tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-esponiment għaċ-ċomb. Abbażi tal-istimi tal-Aġenzija, it-tnaqqis mistenni fl-emissjonijiet taċ-ċomb mill-projbizzjoni tal-użu ta’ balal taċ-ċomb għall-kaċċa u għall-isparar sportiv fuq barra huwa ta’ 8 232 tunnellata fuq 20 sena. Dan huwa ħafna inqas mit-tnaqqis mistenni fl-emissjonijiet taċ-ċomb mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb, jiġifieri 558 000 tunnellata fuq 20 sena. Għalhekk, l-esklużjoni tal-balal mill-kamp ta’ applikazzjoni se jkollha biss effett minimu fuq l-effettività kumplessiva tar-restrizzjoni.

(32)

Il-Kummissjoni ma tqisx li huwa ġġustifikat li l-pellets tal-ixkubetti tal-arja użati għall-kaċċa jew għall-isparar sportiv ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni. Alternattivi għall-pellets taċ-ċomb tal-ixkubetti tal-arja huma disponibbli biss fi kwantitajiet baxxi, huma neqsin mill-preċiżjoni u jiswew sa erba’ darbiet aktar minn pellets taċ-ċomb tal-ixkubetti tal-arja. Barra minn hekk, kemm l-Aġenzija kif ukoll l-RAC qablu li restrizzjoni fuq il-pellets taċ-ċomb użati fl-ixkubetti tal-arja tnaqqas l-emissjonijiet taċ-ċomb b’mod marġinali biss. Lanqas ma tnaqqas ir-riskji għan-nies minħabba li l-pellets taċ-ċomb tal-ixkubetti tal-arja jintużaw l-aktar biex joqtlu pesti li ma jittiklux, u għalhekk ma hemm l-ebda riskju fl-Unjoni kollha għall-bnedmin mill-inġestjoni ta’ frammenti taċ-ċomb mill-pellets tal-ixkubetti tal-arja.

(33)

Il-Kummissjoni taqbel li projbizzjoni sħiħa fuq l-introduzzjoni fis-suq u fuq l-użu ta’ pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv kif propost mill-Aġenzija u appoġġat mill-RAC u mill-SEAC tagħmel l-infurzar aktar faċli. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li tali projbizzjoni tista’ taffettwa l-possibbiltà tal-Istati Membri li jospitaw il-Logħob Olimpiku u kompetizzjonijiet internazzjonali oħra li fihom l-użu taċ-ċomb huwa obbligatorju. Dan jipprevjeni wkoll lill-atleti milli jitħarrġu bil-pritkuni taċ-ċomb fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis li bidla għal munizzjon alternattiv (bħal pritkuni tal-azzar) fl-isparar sportiv tista’ tkun fattibbli fit-tul. Madankollu, b’mod simili għall-każ tal-pritkuni taċ-ċomb għall-kaċċa, mhuwiex ċar jekk humiex se jkunu disponibbli biżżejjed volumi ta’ produzzjoni ta’ munizzjon alternattiv biex jissostitwixxu l-pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv fi ħdan il-perjodu tranżizzjonali ta’ 5 snin propost mill-Aġenzija. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-pritkuni taċ-ċomb għall-isparar sportiv jenħtieġ li tiġi differita b’7 snin.

(34)

Peress li t-twaqqit tas-sostituzzjoni taċ-ċomb fl-isparar sportiv huwa inċert ħafna, deroga mingħajr limitu ta’ żmien għal dan l-użu hija ġġustifikata. Kif irrakkomandat mis-SEAC, jenħtieġ li d-deroga tkun limitata għad-daqsijiet tal-pritkuni ta’ bejn 1,9 mm u 2,6 mm, li huma l-uniċi kalibri użati fil-kompetizzjonijiet. Jenħtieġ li d-deroga tiddependi wkoll fuq il-preżenza, fil-kampijiet tal-isparar fejn iseħħ l-isparar sportiv, ta’ miżuri xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju, kemm biex jiġi żgurat il-konteniment taċ-ċomb kif ukoll biex jiġi limitat ir-rilaxx taċ-ċomb. Il-Kummissjoni tqis li perjodu tranżizzjonali ta’ 7 snin huwa xieraq għall-kampijiet tal-isparar biex jinstallaw il-miżuri meħtieġa ta’ ġestjoni tar-riskju, peress li jeħtieġu biżżejjed żmien biex jimplimentaw dawk il-miżuri fit-territorju tagħhom, inkluż iż-żmien għall-ksib tal-permessi meħtieġa u t-twettiq ta’ proċeduri tal-offerti, fejn ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li fost il-miżuri obbligatorji ta’ ġestjoni tar-riskju jiġi inkluż l-obbligu li jiġu rkuprati aktar minn 90 % tal-pritkuni taċ-ċomb sparati, peress li d-dimensjonijiet żgħar tal-pritkuni u ż-żona wiesgħa li minnha jiġu skarikati l-pritkuni jagħmlu tali rata għolja ta’ rkupru diffiċli ħafna biex tinkiseb. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tqisx xieraq il-liċenzjar obbligatorju tal-utenti tal-kampijiet tal-isparar sportiv mill-Istati Membri, li hija tqis li huwa burokratiku wisq u jirrikjedi ħafna ħaddiema. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi inkluż, kif irrakkomandat mill-Aġenzija, l-obbligu li jiġi kontenut, immonitorjat u, fejn neċessarju, ittrattat l-ilma tad-drenaġġ (inkluż l-ilma tax-xeba’ tal-wiċċ) minn żoni b’impatt ta’ pritkuni u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe użu agrikolu fi ħdan il-konfini ta’ kamp tal-isparar. Il-Kummissjoni tqis ukoll li jixraq li jiġu inklużi miżuri addizzjonali ta’ ġestjoni tar-riskju maħsuba biex jiżguraw livell ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak tal-miżuri proposti mill-Aġenzija, jiġifieri l-implimentazzjoni ta’: (i) mill-inqas żewġ miżuri speċifiċi ta’ konteniment taċ-ċomb (ħitan, ilqugħ jew xtut, xbieki jew purtieri għall-isparaturi, u koperturi tal-wiċċ); (ii) il-monitoraġġ tal-pH u, fejn neċessarju, it-trattament ta’ żoni b’impatt ta’ pritkuni; u (iii) il-limitazzjoni tal-użu tal-pritkuni taċ-ċomb għall-membri ta’ federazzjoni tal-isparar sportiv. Jenħtieġ li mill-inqas darba kull 3 snin il-kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra jirkupraw ukoll il-pritkuni taċ-ċomb sparati. Barra minn hekk, jenħtieġ li jżommu rekords tal-pritkuni taċ-ċomb sparati u rkuprati fil-bini tagħhom, u tal-persuni li jisparaw dawk il-pritkuni, biex jiffaċilitaw l-infurzar u jippermettu l-monitoraġġ tal-effettività tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġu mminimizzati l-emissjonijiet taċ-ċomb. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli fuq talba tagħhom. Il-Kummissjoni tqis ukoll li huwa meħtieġ rieżami tad-derogi għall-isparar sportiv wara 10 snin sabiex jiġi evalwat il-progress li jkun sar lejn il-kisba ta’ bidla fl-Unjoni kollha għal alternattivi fl-isparar sportiv.

(35)

Il-Kummissjoni tqis li jixraq li jiġu permessi derogi mir-restrizzjoni fuq il-pritkuni taċ-ċomb sparati minn armi tan-nar storiċi bħal armi tan-nar b’ikkargar mill-muzzle u r-repliki moderni tagħhom, minħabba li ma hemm l-ebda munizzjon alternattiv xieraq li ma jirriskjax li jagħmlilhom ħsara irreparabbli. Barra minn hekk, l-RAC irrikonoxxa li l-użu tagħhom huwa limitat fil-volum u li, għalhekk, l-impatt tad-deroga fuq it-tnaqqis kumplessiv tar-riskju jkun baxx.

(36)

Il-Kummissjoni taqbel mal-RAC u mal-Aġenzija li rekwiżit għall-bejjiegħa bl-imnut biex juru informazzjoni fil-punti tal-bejgħ fiżiċi u online, kif ukoll fuq l-imballaġġ, huwa ġġustifikat sabiex iwissu lill-utenti dwar ir-riskji tal-użu tal-pritkuni taċ-ċomb. Madankollu, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni li trid titqiegħed fuq l-imballaġġ tkun iqsar minn dik rakkomandata mill-Aġenzija, sabiex tkun tista’ titqiegħed fuq imballaġġ żgħir u biex titnaqqas il-ħtieġa li titqiegħed fuq tikketti li jintwew, fuljett jew tikketta li tista’ tintrabat.

(37)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni bla xkiel u f’waqtha tar-restrizzjoni, u biex il-membri tal-federazzjonijiet tal-isparar sportiv ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment il-kampijiet tal-isparar sportiv fejn ikunu jistgħu jitħarrġu bil-pritkuni taċ-ċomb, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli malajr lista ta’ kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra li jinsabu fit-territorju tagħhom li jkunu implimentaw miżuri xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiżguraw il-konteniment taċ-ċomb u jillimitaw ir-rilaxx taċ-ċomb fl-ambjent.

(38)

Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-użi tal-pritkuni taċ-ċomb li ma kinux inklużi fil-mandat tal-Kummissjoni lill-Aġenzija tas-16 ta’ Lulju 2019 u fid-dossier tal-Anness XV tal-Aġenzija, jiġifieri l-użi li ġejjin: (i) l-isparar fuq ġewwa; (ii) l-użi mill-pulizija u mill-infurzar tal-liġi, u applikazzjonijiet oħra tas-sigurtà; (iii) l-applikazzjonijiet militari u tad-difiża; (iv) il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, tat-tbaħħir kummerċjali jew ta’ konvojs ta’ valur għoli; (v) il-protezzjoni tal-bini pubbliku u tal-ispazju pubbliku; (vi) l-awtodifiża; (vii) l-ittestjar tekniku u l-verifika tal-armi tan-nar u tal-munizzjon; (viii) ir-riċerka jew l-investigazzjoni storika u teknika; u (ix) l-ittestjar u l-iżvilupp ta’ materjali u ta’ prodotti għall-protezzjoni ballistika u għall-analiżi forensika. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tapplikax għall-użu taċ-ċomb fil-fulminanti u fl-istopop.

(39)

Xi Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ għall-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jekk dawk l-Istati Membri jkollhom bilfors inaqqsu l-livell eżistenti tagħhom ta’ protezzjoni mill-esponiment għaċ-ċomb biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, dan jista’ jwassal biex jiżdied l-użu taċ-ċomb f’dawk l-Istati Membri. Dan ma jkunx kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni li jitlob l-Artikolu 114(3) tat-Trattat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu dispożizzjonijiet aktar stretti li jirrestrinġu biss l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni.

(40)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet usa’ dwar iċ-ċomb fil-pritkuni introdotti b’dan ir-Regolament u sabiex il-manifatturi u l-utenti jingħataw biżżejjed żmien għat-tranżizzjoni lejn forom alternattivi ta’ munizzjon, jenħtieġ li l-paragrafi 11 sa 14 tal-entrata 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 japplikaw sas-7 ta’ Diċembru 2033.

(41)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat kif xieraq.

(42)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/57 tal-25 ta’ Jannar 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) rigward iċ-ċomb fil-pritkuni sparati fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom (ĠU L 24, 26.1.2021, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/57/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).

(4)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Background document to the Opinion on the Annex XV dossier proposing restrictions on Lead in shot, p. 3, https://echa.europa.eu/documents/10162/28acf817-61a6-3ca6-4e85-a71ef0e07740.

(5)   https://www.cms.int/en/convention-text.

(6)   https://echa.europa.eu/documents/10162/17233/rest_lead_ammunition_COM_request_en.pdf.

(7)  L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, Annex XV Restriction Report – Lead in outdoor shooting and fishing, l-24 ta’ Marzu 2021, https://echa.europa.eu/documents/10162/da9bf395-e6c3-b48e-396f-afc8dcef0b21.

(8)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Background Document to the Opinion on the Annex XV dossier proposing restrictions on Lead in outdoor shooting and fishing, p. 20, https://echa.europa.eu/documents/10162/14c4fceb-31b4-aea2-a9b5-75cdccf8013f.

(9)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC), Request by the Executive Director of ECHA under Article 77(3)(c) of REACH to prepare a supplementary opinion on the restriction dossier on lead in outdoor shooting and fishing, l-1 ta’ Diċembru 2022, https://echa.europa.eu/documents/10162/e0a5c108-a7ed-dbd3-67ce-d00a6470d8ce.

(10)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinion on an Annex XV dossier proposing restrictions on lead and its compounds, it-2 ta’ Diċembru 2022, https://echa.europa.eu/documents/10162/2c82ef18-ce5d-4b4f-8ff0-002932154acc.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea. Il-White Paper għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030. https://commission.europa.eu/document/download/e6d5db69-e0ab-4bec-9dc0-3867b4373019_en?filename=White%20paper%20for%20European%20defence%20–%20Readiness%202030.pdf.


ANNESS

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-entrata 63, it-tieni kolonna, jiddaħħal il-paragrafu 14a li ġej:

 

“14a.

Il-paragrafi 11–14 għandhom japplikaw sas-7 ta’ Diċembru 2033.”

(2)

fl-entrata 63, it-tieni kolonna, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

 

“28.

L-użi li ġejjin ta’ pritkuni li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb (espress bħala metall) ta’ 1 % jew aktar skont il-piż huma pprojbiti:

(a)

il-ġarr jew l-iskariku ta’ pritkuni waqt il-kaċċa jew bħala parti minn meta wieħed ikun sejjer għall-kaċċa, mis-7 ta’ Diċembru 2033;

(b)

l-iskariku ta’ pritkuni waqt l-isparar sportiv fuq barra, mis-7 ta’ Diċembru 2033.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna misjuba bil-pritkuni tkunx qed iġġorrhom bħala parti minn meta tkun sejra għall-kaċċa, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż li l-persuna misjuba bil-pritkuni mhux bilfors tkun l-istess persuna li tkun qed tikkaċċja.

29.

Ma għandhomx jiġu introdotti fis-suq pritkuni li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb (espressa bħala metall) ta’ 1 % jew aktar skont il-piż, mis-7 ta’ Diċembru 2033.

30.

B’deroga, il-paragrafu 28, il-punt (b), ma għandux japplika għal pritkuni ta’ daqsijiet bejn 1,9 mm u 2,6 mm skarikati f’kamp tal-isparar sportiv fuq barra, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kamp tal-isparar sportiv fuq barra jkollu l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Appendiċi 17 fis-seħħ mis-7 ta’ Diċembru 2033;

(b)

il-persuni li jiskarikaw tali pritkuni jkunu membri attivi ta’ federazzjoni tal-isparar sportiv;

(c)

il-kamp tal-isparar sportiv fuq barra jżomm rekords ta’ dawn:

(i)

il-piż stmat ta’ tali pritkuni skarikati minn membri attivi ta’ federazzjoni tal-isparar sportiv f’dak il-kamp;

(ii)

il-persuni li jiskarikaw il-pritkuni f’dak il-kamp;

(iii)

il-piż ta’ tali pritkuni rkuprati;

(d)

il-kamp tal-isparar sportiv fuq barra jagħmel ir-rekords imsemmija fil-punt (c) disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

31.

B’deroga, il-paragrafu 29 ma għandux japplika għal pritkuni ta’ daqsijiet bejn 1,9 mm u 2,6 mm introdotti fis-suq għall-użu minn membri attivi ta’ federazzjoni tal-isparar sportiv f’kamp tal-isparar sportiv fuq barra li jissodisfa l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 30.

32.

Mis-7 ta’ Ġunju 2027, il-bejjiegħa bl-imnut tal-pritkuni li fihom iċ-ċomb f’konċentrazzjonijiet ta’ 1 % jew aktar skont il-piż, għandhom juru b’mod ċar u viżibbli l-informazzjoni li ġejja, fil-punt tal-bejgħ u qrib ħafna tal-pritkuni jew, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, fl-offerta ta’ bejgħ mill-bogħod:

‘TWISSIJA: dan il-prodott fih iċ-ċomb li huwa tossiku ħafna għall-ambjent u jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija fil-ġuf. L-użu u l-bejgħ tal-pritkuni taċ-ċomb għall-kaċċa u għall-isparar sportiv huma ristretti fl-UE mis-7 ta’ Diċembru 2033. Aktar informazzjoni, inkluż dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi mingħajr ċomb, hija disponibbli fuq [www.echa.europa.eu].’

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-punt tal-bejgħ jew, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-bejgħ mill-bogħod jiġi offrut, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix mod ieħor fir-rigward ta’ dawk il-lingwi.

33.

Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet, il-fornituri ta’ pritkuni li fihom konċentrazzjoni ta’ ċomb (espressa bħala metall) ta’ 1 % jew aktar skont il-piż, għandhom jiżguraw li, mis-7 ta’ Ġunju 2028, l-imballaġġ tal-pritkuni jkun ittikkettat b’mod ċar, viżibbli u li ma jitħassarx bid-dikjarazzjoni li ġejja, qabel ma l-pritkuni jiġu introdotti fis-suq:

‘TWISSIJA: dan il-prodott fih iċ-ċomb li huwa tossiku ħafna għall-ambjent u jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija fil-ġuf.’

Id-dikjarazzjoni għandha tkun bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-pritkuni jiġu introdotti fis-suq sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix mod ieħor fir-rigward ta’ dawk il-lingwi. Jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx tista’ titqiegħed fuq l-imballaġġ minħabba d-daqs tal-imballaġġ, id-dikjarazzjoni għandha tiġi pprovduta f’tikketta li tintewa, jew f’fuljett, jew fuq tikketta li tista’ tintratbat.

34.

B’deroga, il-paragrafi 28, 29, 32 u 33 ma għandhomx japplikaw għall-użu u għall-introduzzjoni fis-suq ta’ pritkuni għall-pistoli li jikkargaw mill-muzzle u għall-armi tan-nar storiċi, inklużi r-repliki moderni tagħhom.

35.

Id-derogi fil-paragrafi 30 u 31 għandhom jiġu rrieżminati mill-Kummissjoni, abbażi ta’ rapport prodott mill-Aġenzija, wara is-7 ta’ Diċembru 2036.

36.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku sas-7 ta’ Diċembru 2034 lista ta’ kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra fit-territorju tagħhom li jkollhom il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Appendiċi 17 f’konformità mal-paragrafu 30, il-punt (a).

37.

Il-paragrafi 28 sa 36 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-użi tal-pritkuni għall-finijiet li ġejjin:

(a)

l-isparar fuq ġewwa;

(b)

il-pulizija, l-infurzar tal-liġi u applikazzjonijiet oħra tas-sigurtà;

(c)

l-applikazzjonijiet militari u ta’ difiża;

(d)

il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, tat-tbaħħir kummerċjali jew ta’ konvojs ta’ valur għoli;

(e)

il-protezzjoni tal-bini pubbliku u tal-ispazju pubbliku;

(f)

l-awtodifiża;

(g)

l-ittestjar tekniku u l-verifika tal-armi tan-nar u tal-munizzjon;

(h)

l-ittestjar u l-iżvilupp ta’ materjali u ta’ prodotti għall-protezzjoni ballistika;

(i)

l-analiżi forensika;

(j)

ir-riċerka jew l-investigazzjoni storika u teknika;

(k)

il-fulminanti u l-istopop.

Għall-finijiet tal-punt (f), il-ġarr waqt il-kaċċa, jew bħala parti minn meta l-kaċċaturi jmorru għall-kaċċa ma huwiex meqjus bħala awtodifiża.

38.

L-Istati Membri jistgħu jżommu dispożizzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-paragrafi 28, 30 u 34, dment li dawk id-dispożizzjonijiet jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawn kienu fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2026;

(b)

jirrestrinġu biss l-użu iżda mhux l-introduzzjoni fis-suq taċ-ċomb fil-pritkuni.

L-Istati Membri li jżommu dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jikkomunikaw it-testi tagħhom lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk it-testi disponibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien.

39.

Għall-finijiet tal-paragrafi 28 sa 38:

(a)

‘pritkuni’ tfisser il-pritkuni li jintużaw jew li huma maħsubin biex jintużaw f’karga waħda jew fi skartoċċ f’senter;

(b)

‘senter’ tfisser arma tan-nar b’kanna lixxa, minbarra l-ixkubetti tal-arja;

(c)

‘ġarr’ tfisser kull ġarr fuq il-persuna jew il-ġarr jew it-trasportazzjoni b’kull mezz ieħor;

(d)

‘kaċċa’ tfisser l-insegwiment u l-isparar fuq priża ħajja permezz ta’ projettili li joħorġu minn pistola;

(e)

‘sparar sportiv’ tfisser l-isparar fuq kwalunkwe mira inanimata b’pistola, inkluża l-prattika jew sparar ieħor imwettqa bi tħejjija għall-kaċċa;

(f)

‘membru attiv’ tfisser persuna li jkollha sħubija valida f’federazzjoni għall-isparar sportiv;

(g)

‘sparar fuq ġewwa’ tfisser l-isparar li jsir ġewwa bini, f’żona magħluqa b’saqaf u b’ħitan sabiex ma jkun hemm l-ebda emissjoni ta’ pritkuni fl-ambjent;

(h)

‘kaċċaturi jmorru għall-kaċċa’ tfisser vjaġġar minn abitazzjoni privata jew minn bini pubbliku sal-post fejn issir il-kaċċa;

(i)

‘armi tan-nar storiċi’ tfisser armi tan-nar manifatturati qabel l-1 ta’ Jannar 1900;

(j)

‘replika moderna’ tfisser riproduzzjoni ta’ arma tan-nar storika, magħmula b’materjali u b’tekniki ta’ manifattura kontemporanji, li ssegwi mill-qrib id-disinn u l-funzjonalità tal-arma tan-nar storika oriġinali.”

(3)

Jiżdied l-Appendiċi 17 li ġej:

“

Appendiċi 17

Entrata 63 – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga fil-paragrafu 30

Dan l-Appendiċi jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju li għandhom ikunu fis-seħħ għall-kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra skont il-paragrafu 30, il-punt (a).

Miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu ta’ pritkuni fil-kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra

Il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju li ġejjin għandhom ikunu preżenti f’kampijiet tal-isparar sportiv fuq barra fejn jiġu skarikati l-pritkuni:

(a)

mill-inqas żewġ miżuri differenti ta’ konteniment taċ-ċomb, magħżula mil-lista li ġejja:

—

ħajt wieħed jew aktar;

—

rampa waħda jew aktar magħmula minn ħamrija, żrar, ramel jew materjal xieraq ieħor;

—

xibka jew purtiera tal-isparatura waħda jew aktar;

—

koperturi tas-superfiċi ta’ żoni b’impatt ta’ pritkuni;

(b)

l-irkupru taċ-ċomb sparat mill-inqas kull 3 snin u mal-waqfien tal-attività tal-kamp tal-isparar sportiv fuq barra;

(c)

il-monitoraġġ u, fejn neċessarju, it-trattament taż-żoni b’impatt ta’ pritkuni li ma jkollhomx kopertura tas-superfiċi, biex jiġi żgurat li jkollhom pH ta’ bejn 6,5 u 8,5, sabiex tiġi mminimizzata l-migrazzjoni taċ-ċomb fil-ħamrija u fl-ilma. Il-konformità ma’ dawk il-valuri tal-pH għandha tiġi vverifikata mill-inqas darba kull 6 xhur;

(d)

il-konteniment, il-monitoraġġ u, fejn neċessarju, it-trattament tal-ilma tad-drenaġġ (inkluż l-ilma tax-xeba’ tal-wiċċ) minn żoni b’impatt ta’ pritkuni biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandard tal-kwalità ambjentali għaċ-ċomb speċifikat skont id-Direttiva 2000/60/KE;

(e)

projbizzjoni fuq kwalunkwe użu agrikolu fil-konfini tas-sit;

(f)

rekords ta’ konformità mal-kundizzjonijiet f’dan il-paragrafu.

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2530/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)