IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.11.2021
COM(2021) 673 final
2021/0351(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, dwar modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 32 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE. Hija temenda r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) fil-programmi tal-Unjoni sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021–2027 fir-rigward tal-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-baġit tal-UE.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim ŻEE għandu l-għan li jippromwovi tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja b’kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni, u r-rispett għall-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenja, minn hawn ’il quddiem imsejħa ż-“ŻEE”. Il-Ftehim ŻEE jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għall-individwi u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet — il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital — fit-30 Stat taż-ŻEE. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ” u politiki “orizzontali”.
L-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE jiddefinixxi r-regoli li jenħtieġ li japplikaw għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Istati taż-ŻEE-EFTA meta jipparteċipaw fi Programmi tal-Unjoni. Il-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE jkompli jiddefinixxi r-regoli li jenħtieġ li japplikaw fir-rigward tal-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa stabbilit skont l-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti u jista’ jieħu deċiżjonijiet bi ftehim bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u l-Istati taż-ŻEE-EFTA, li jitkellmu b’vuċi waħda, min-naħa l-oħra.
Ir-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt hija li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim. Għal dan il-għan, huwa jwettaq skambji ta’ fehmiet u informazzjoni, u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE u relattivi għall-Protokolli tiegħu. Għal dak il-għan, abbażi tal-Artikolu 98 tal-Ftehim, il-Protokoll 32 jista’ jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 93(2), l-Artikolu 99, l-Artikolu 100, l-Artikolu 102 u l-Artikolu 103 tal-Ftehim ŻEE.
Sabiex tiġi garantita s-sigurtà legali u l-omoġeneità taż-ŻEE, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jieħu deċiżjoni dwar l-emendi fl-Annessi u l-Protokolli, sabiex jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawn l-emendi jiġu applikati fl-istess ħin ma’ dawk introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u bir-rispett dovut għall-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jadotta emendi għall-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jiddetermina l-kundizzjonijiet dettaljati tal-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-programmi tal-UE sabiex jinkludi l-modifiki meħtieġa li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid, u l-konsegwenzi baġitarji tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.
L-att previst għandu l-għan li jinkludi ħames paragrafi fil-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE:
L-Artikolu 1 għandu jiġi kkomplementat biex jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
·dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-Baġit tal-UE għal pagamenti relatati mal-linji ta’ tlestija wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Il-linji ta’ tlestija jinkludu esklussivament pagamenti ta’ impenji ffirmati taħt il-QFP 2014–2020 li għalihom ir-Renju Unit se jkompli jħallas is-sehem tiegħu sakemm jitħallsu l-impenji kollha. Il-Ftehim ŻEE ma jagħmilx differenza bejn linji ta’ tlestija u linji ġodda ta’ programmi tal-UE, u r-riżultat ta’ dan ikun li l-Istati taż-ŻEE-EFTA jagħtu kontribuzzjoni ogħla għall-Baġit tal-UE milli meħtieġ. Ta’ min ifakkar li f’każijiet ta’ tkabbir preċedenti sar mekkaniżmu bil-maqlub, li wassal biex l-Istati taż-ŻEE-EFTA jħallsu ammont aktar baxx milli meħtieġ lill-Baġit tal-UE. Għalhekk, wara l-emenda tal-Protokoll 32, dan il-mekkaniżmu mhux se jibqa’ jsir f’każ ta’ tkabbir tal-UE, u jwassal għal fattur ta’ proporzjonalità ogħla għal-linji ta’ tlestija;
·dispożizzjoni dwar l-inklużjoni tal-krediti tan-Next Generation EU (NGEU) fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-finanzjament tal-Programm Orizzont Ewropa u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili sabiex tirrifletti l-baġit miżjud ta’ dawn il-programmi;
·żewġ dispożizzjonijiet addizzjonali li jiċċaraw kif il-kontribuzzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA se tiġi kkalkulata fil-każ ta’ tkabbir tal-UE jew ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni.
Għandu jiżdied Artikolu 8 ġdid sabiex jiġu indirizzati l-modalitajiet finanzjarji għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fir-rigward tal-garanziji baġitarji. L-ispeċifiċità tal-garanziji baġitarji ma tippermettix li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istat taż-ŻEE-EFTA tiġi inkluża fil-proċedura standard użata għall-programmi l-oħra kollha tal-UE. Minflok, kontribuzzjoni għall-garanziji baġitarji bħal din se tiġi stabbilita fi ftehimiet ta’ kontribuzzjoni speċifiċi.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 104 tal-Ftehim, li jipprevedi li “Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim għandhom, sakemm ma jkunx provdut xort’oħra fil-Ftehim, meta jiġu fis-seħħ ikunu jorbtu lill-Partijiet Kontraenti li għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 119 tal-Ftehim,“L-Annessi u l-atti hemm imsemmija kif adattati għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim kif ukoll il-Protokolli għandhom jiffurmaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim”.
Skont l-Artikolu 103 tal-Ftehim,“Jekk sa meta jispiċċa l-perjodu ta’ sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma tkunx saret din in-notifika, id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tiġi applikata proviżorjament sakemm jitwettqu l-ħtiġiet kostituzzjonali sakemm Parti Kontraenti ma tinnotifikax li applikazzjoni proviżorja bħal din ma tistax issir. Fil-każ l-aħħar imsemmi, jew jekk Parti Kontraenti tinnotifika n-nonratifika ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, is-sospensjoni prevista fl-Artikolu 102(5) għandha tibda sseħħ xahar wara notifika bħal din iżda f’ebda każ qabel id-data li fiha l-att tal-KE korrispondenti jiġi implimentat fil-Komunità”.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tissottometti l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun tista’ tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.
Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst ma jissupplimentax jew jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ għanijiet f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-att previst għandu għanijiet u komponenti fil-qasam tar-regoli finanzjarji u l-assistenza finanzjarja. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta tikkonsisti mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122, u l-Artikolu 322(1) tiegħu.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 122 u l-Artikolu 322(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Implikazzjonijiet Baġitarji
L-att previst jimmodifika l-kalkolu tal-ammont ta’ dħul assenjat mill-Istati taż-ŻEE-EFTA miżjud mal-approprjazzjonijiet tal-UE billi (a) inaqqas il-fattur ta’ proporzjonalità taż-ŻEE-EFTA applikat għal ammonti tal-linji ta’ tlestija — mingħajr ma joħloq xi nuqqas ta’ approprjazzjonijiet — u (b) jinkludi l-krediti tal-NGEU fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA, u b’hekk iżid l-ammont tal-kontribuzzjoni taż-ŻEE-EFTA għall-programmi li fihom jipparteċipaw l-Istati taż-ŻEE-EFTA u li jibbenefikaw minn krediti tal-NGEU: Il-programm Orizzont Ewropa u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
6.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2021/0351 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, dwar modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122 u l-Artikolu 322(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet emendata, b’mod partikolari bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 u tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(3)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE jista’ jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Protokoll 32 dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE, f’konformità ma’ dawn: l-Artikolu 93(2), l-Artikolu 99, l-Artikolu 100, l-Artikolu 102 u l-Artikolu 103 tal-Ftehim.
(4)Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan.
(5)Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendi proposti tal-Protokoll 32 dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President