IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.11.2021
COM(2021) 673 final
ANNESS
tal-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, dwar modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82
ANNESS
ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 jalloka dħul assenjat estern addizzjonali għall-Programm Orizzont Ewropa u għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Fil-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE (il-Protokoll 32 ŻEE), huwa xieraq li jiġi ċċarat li, għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati tal-EFTA, il-bażi għall-kalkolu jenħtieġ li tiżdied b’approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn il-programmi.
(2)L-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE jistipula li l-fattur ta’ proporzjonalità għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati tal-EFTA għall-baġit tal-UE għandu jiġi kkalkolat kull sena bħala proporzjon bejn il-PDG tal-Istati tal-EFTA u l-Istati Membri tal-UE, u fejn il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Jannar 2020 jistabbilixxi l-obbligu kontinwu tar-Renju Unit li jikkontribwixxi finanzjarjament għall-Baġit tal-UE b’mod proporzjonali għas-sehem tiegħu ta’ fondi impenjati taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020, huwa xieraq li l-PDG tar-Renju Unit jitqies fil-kalkolu tal-fattur ta’ proporzjonalità għal-linji baġitarji li esklussivament jinvolvu pagamenti għat-tlestija tal-impenji ffirmati taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020.
(3)Għalhekk, il-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.
Fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 32, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“10.
Biex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni operattiva skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim ŻEE, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament imdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottati definittivament għas-snin applikabbli għall-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa (ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), għandhom jiżdiedu bl-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern allokat għal dawk l-attivitajiet skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19.
11.
Biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità għal-linji baġitarji li esklussivament jinvolvu pagamenti għat-tlestija tal-impenji ffirmati taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 u dak ta’ qablu, il-“fattur ta’ proporzjonalità” tal-EFTA kif definit fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim ŻEE għandu jkun is-somma tal-proporzjonijiet bejn, minn naħa waħda, il-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq ta’ kull wieħed mill-Istati tal-EFTA, u, min-naħa l-oħra, is-somma tal-prodotti domestiċi grossi bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE, tar-Renju Unit u ta’ dak l-Istat tal-EFTA. Dan il-fattur għandu jiġi kkalkolat, għal kull sena baġitarja, fuq il-bażi tad-data statistika l-aktar reċenti f’konformità mal-Artikolu 7.
12.
Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità kif definit skont l-Artikolu 82(1) tal-Ftehim ŻEE għas-sena baġitarja li matulha jidħol fis-seħħ ftehim dwar l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, imsemmi fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, qabel l-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena, il-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE għandu jinkludi l-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq tal-Istat Membru l-ġdid.
13.
Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità kif definit fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim ŻEE għas-sena baġitarja li matulha jidħol fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ ta’ Stat Membru, imsemmi fl-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, wara l-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena, il-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE għandu jinkludi l-prodott domestiku gross bil-prezzijiet tas-suq tal-Istat Membru li jkun se joħroġ.”
2.
Fil-Protokoll 32, jiżdied l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 8
Regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni f’garanziji baġitarji
Il-modalitajiet finanzjarji speċifiċi għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati tal-EFTA relatati mal-parteċipazzjoni f’garanziji baġitarji, inkluż il-proċedura għad-determinazzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja fihom, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi ta’ kontribuzzjoni li jistgħu jikkomplementaw il-modalitajiet stabbiliti f’dan il-Protokoll. Il-kontribuzzjoni għandha tikkonsisti f’kontribuzzjoni għall-proviżjonament parzjali tal-garanzija baġitarja u l-assunzjoni tal-obbligazzjoni kontinġenti rispettiva, jew inkella għandha tkun kontribuzzjoni ta’ flus għall-proviżjonament sħiħ tal-garanzija baġitarja, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni speċifiċi.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President,
[…]