Brussell, 27.3.2018

COM(2018) 159 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega ta' setgħa skont ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi


1.    INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 273/2004 jistabbilixxi miżuri armonizzati għall-kontroll u l-monitoraġġ intra-Unjoni ta’ ċerti sustanzi li jintużaw spiss għall-manufattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħin “prekursuri tad-droga”) bil-għan li jipprevjenu l-bdil tar-rotta ta’ tali sustanzi. L-Artikoli 15 u 15a tar-Regolament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati għal ċerti skopijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, għal perjodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 15a(2) tar-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rispett tad-delega ta’ setgħat mogħtija lilha, mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri sal-31 ta’ Marzu 2018.

Ir-Regolament (UE) Nru 111/2005 jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fis-sustanzi msemmija hawn fuq. Huwa japplika għall-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet intermedjarji. Bl-istess mod għar-Regolament (UE) Nru 273/2004, skont l-Artikoli 30a u 30b tar-Regolament (UE) Nru 111/2005, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal ċerti skopijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, għal perjodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 30b(2) tar-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rispett tad-delega ta’ setgħat mogħtija lilha, mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri sal-31 ta’ Marzu 2018.

Ir-Regolament (UE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005 flimkien jimplimentaw l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tad-19 ta’ Diċembru 1988 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Konvenzjoni tan-NU). Dan l-Artikolu jobbliga lill-Partijiet tal-Konvenzjoni biex jieħdu miżuri xierqa biex ma jħallux il-bdil tar-rotta tas-sustanzi użati ta’ spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, u biex jikkooperaw ma’ xulxin. Il-premessa marbuta ma’ din id-dispożizzjoni hija li ċ-ċaħda ta’ dawn is-sustanzi lill-produtturi u lill-manifatturi tad-drogi illeċiti se tirriżulta fi tnaqqis fil-manifattura tad-droga illeċita.

Fid-dawl tar-rabta materjali mill-qrib bejn dawn ir-Regolamenti, l-emendi fis-żewġ Regolamenti ġew adottati permezz ta’ atti delegati uniċi li jkopru ż-żewġ Regolamenti. Għaldaqstant, iż-żewġ obbligi ta’ rapportar imsemmija hawn fuq ġew amalgamati f’rapport wieħed.

2.    EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦA LI TADOTTA L-ATTI DELEGATI

Skont l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 273/2004, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(8), 4(4) u 5(7), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7, l-Artikoli 8(3) u 13(2). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tadatta l-Annessi I, II u III tar-Regolament għal xejriet ġodda fil-bdil tar-rotta tal-prekursuri tad-droga u biex issegwi kwalunkwe emenda fit-tabelli fl-Anness tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 30b tar-Regolament (UE) Nru 111/2005, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u l-Artikolu 32(2). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30a, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tadatta l-Anness tar-Regolament għal xejriet ġodda fil-bdil tar-rotta tal-prekursuri tad-droga, b’mod partikolari s-sustanzi li jistgħu faċilment jiġu ttrasformati f'sustanzi skedati, u li ssegwi kwalunkwe emenda fit-tabelli tal-Anness tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jiġifieri bejn it-30 ta’ Diċembru 2013 u d-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati tliet darbiet:

1) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1011 tal-24 ta’ April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji u ta’ reġistrazzjonijiet; jiddetermina l-każijiet fejn ma jkunx hemm bżonn ta’ liċenzja u reġistrazzjoni; jistabbilixxi l-kriterji biex jintwera l-iskop leċitu ta’ tranżazzjoni; jiddetermina l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-kummerċ; jiffissa l-kundizzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-listi tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni għall-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati tal-Kategoriji 2 u 3; jistabbilixxi l-kriterji biex jiġu ddeterminati l-proċeduri simplifikati għan-notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni u għal-liċenzji tal-esportazzjoni; u jispeċifika r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta rigward l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ monitoraġġ b'rabta mal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga.

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew inklużi qabel fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 iżda ġew ittrasferiti għal Regolament Delegat tal-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Meta kienet qiegħda tħejji l-att delegat, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv bil-miktub lill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Prekursuri tad-Droga u matul l-14, il-15 u s-16-il laqgħa li saru fil-5 ta’ Mejju 2014, fl-10 ta’ Novembru 2014 u fit-22 ta’ Mejju 2015 rispettivament. Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti appoġġa l-emendi.

2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1443 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti prekursuri tad-droga fil-lista ta’ sustanzi skedati.

Dan ir-Regolament iżid il-kloroefedrina u l-kloropsewdoefedrina fil-lista tal-prekursuri tad-droga skedati fir-Regolament (KE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005. Il-kloroefedrina u l-kloropsewdoefedrina huma sustanzi li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-metamfetamina. Din iż-żieda ġiet proposta minn għadd ta’ Stati Membri. Meta kienet qiegħda tħejji l-att delegat, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv bil-miktub lill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Prekursuri tad-Droga u matul is-16, is-17 u t-18-il laqgħa li saru fit-22 ta’ Mejju 2015, fid-9 ta’ Novembru 2015 u fit-3-4 ta’ Mejju 2016 rispettivament. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-partijiet kkonċernati tal-industrija kkonċernata bil-miktub. Kien hemm appoġġ ġenerali għal din il-proposta.

3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/XXXX 1 tas-26 ta’ Frar 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti prekursuri tad-droga fil-lista ta’ sustanzi skedati.

Dan ir-Regolament iżid il-4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP) fil-lista tal-prekursuri tad-droga skedati fir-Regolament (KE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005. L-4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP) huma sustanzi li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-fentanil u tal-analogi tal-fentanil. Din iż-żieda hija meħtieġa flimkien ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi li jinkludu ż-żewġ sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-NU. Meta kienet qiegħda tħejji l-att delegat, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv bil-miktub lill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Prekursuri tad-Droga u matul l-20 u l-21 laqgħa li saru fil-11-12 ta’ Mejju 2017 u fit-23 ta’ Ottubru 2017 rispettivament. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-partijiet kkonċernati tal-industrija kkonċernata bil-miktub. Barra minn hekk, il-proposta tqiegħdet fil-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, biex jingħataw ir-reazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati. Kien hemm appoġġ wiesa’ biex jiżdiedu s-sustanzi fil-Kategorija 1 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 111/2005.

Fit-tliet każijiet il-Kummissjoni żgurat it-trażmissjoni f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.    KONKLUŻJONI

Qed ikomplu jitfaċċaw b’mod rapidu xejriet ġodda fil-bdil tar-rotta u l-kummerċ illegali tal-prekursuri tad-drogi. Argument ieħor hu li l-pass tal-bidla qed jaċċellera. Għalhekk huwa essenzjali li r-Regolament (KE) Nru 273/2004 u r-Regolament (KE) Nru 111/2005 ikunu jistgħu jkomplu jiġu emendati malajr permezz ta’ atti delegati.

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-setgħa li tadotta l-atti delegati li ngħatatilha bir-Regolament (KE) Nru 273/2004 u bir-Regolament (KE) Nru 111/2005 jenħtieġ li tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ta’ ħames snin, skont l-Artikolu 15a(2) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 u l-Artikolu 30b(2) tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 rispettivament.

(1)

Għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-perjodu ta’ skrutinju ta’ xahrejn — possibbilment estiż b’xahrejn oħra — kien għadu għaddej.