IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.6.2022
COM(2022) 251 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI dwar iż-żieda ta’ sustanzi mad-definizzjoni ta’ “droga”
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI dwar iż-żieda ta’ sustanzi mad-definizzjoni ta’ “droga”
1.Introduzzjoni u bażi ġuridika
L-Artikolu 8a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (minn hawn ’il quddiem “id-Deċiżjoni Kwadru”) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta direttivi delegati biex iżżid sustanzi mal-lista ta’ sustanzi fl-Anness I li jiffurmaw parti mid-definizzjoni ta’ “droga”.
L-Artikolu 8a(2) tad-Deċiżjoni Kwadru jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru. Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa l-obbligu tar-rapportar stabbilit għall-Kummissjoni mill-Artikolu 8a(2) tad-Deċiżjoni Kwadru.
Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ durata identika, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Flimkien mar-Regolament (KE) 1920/2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, id-Deċiżjoni Kwadru tipprevedi proċedura bi tliet stadji li tista’ twassal biex tiġi inkluża sustanza psikoattiva ġdida fid-definizzjoni ta’ “droga” u b’hekk tiġi koperta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-Unjoni dwar it-traffikar illeċitu ta’ drogi. Wara (i) rapport inizjali miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga f’konformità mal-Artikolu 5b tar-Regolament (KE) 1920/2006 u (ii) valutazzjoni tar-riskju mill-Kumitat Xjentifiku Estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga f’konformità mal-Artikolu 5c tar-Regolament (KE) 1920/2006, (iii) il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 8a tad-Deċiżjoni Kwadru.
2.Eżerċizzju tad-delega
Is-setgħa li jiġu miżjuda sustanzi mad-definizzjoni ta’ “droga” intużat erba’ darbiet u l-Kummissjoni adottat id-direttivi delegati segwenti:
(a)2018: Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/369 tat-13 ta' Diċembru 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”.
Id-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li emendat id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” permezz ta’ atti delegati ħassret ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI b’effett mit-23 ta’ Novembru 2018. Mill-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2103 sat-23 ta’ Novembru 2018, ħames sustanzi psikoattivi ġodda ġew soġġetti għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali taħt id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. Madankollu, dawn is-sustanzi psikoattivi ġodda kienu għadhom ma ġewx inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, għaldaqstant is-sustanzi segwenti ġew miżjuda fl-Anness permezz tad-Direttiva Delegata (UE) 2019/369:
a.N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossamid (furanilfentanil), kif imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170.
b.N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (ADB-CHMINACA), kif imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/747.
c.1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA), kif imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/748.
d.N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil), kif imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1463.
(b)2020: Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/1687 tat-2 ta’ Settembru 2020 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida N,N-dietil-2-[[4-(1-metiletossi)fenil]metil]-5-nitro-1H-benżimidażol-1-etanammina (isotonitażen) fid-definizzjoni ta’ “droga”;
(c)2021: Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/802 tat-12 ta’ Marzu 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/GAI fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanzi psikoattivi ġodda l-metil 3,3-dimetil-2-{[1-(pent-4-en-1-yl)-1H-indażolu-3-karbonil]amino}butanoat (MDMB-4en-PINACA) u l-metil 2-{[1-(4-fluworobutil)-1H-indol-3-karbonil]amino}-3,3-dimetilbutanoat (4F-MDMB-BICA) fid-definizzjoni ta’ “droga”;
(d)2022: Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/1552 tat-18 ta’ Marzu 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”. Dan l-att żied 2-
(metilammin)-1-(3-metilfenil) propan-1-on (3-metilmekatinon, 3-MMC) u 1-(3-
klorofenil)-2-(metilammino)propan-1-on (3-klorometkatinon, 3-CMC) mal-lista.
Id-Direttivi Delegati tressqu għall-iskrutinju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-atti delegati ġew ippubblikati wara li skada l-perjodu ta’ skrutinju, billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oġġezzjoni jew talba għal estensjoni matul dak iż-żmien.
3.Konklużjoni
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li eżerċitat is-setgħat delegati tagħha fil-mandat mogħti lilha mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI.
Il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport skont l-Artikolu 8a(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport. Id-delega tas-setgħat ta’ adozzjoni ta’ att delegati mogħtija jenħtieġ li tiġi estiża awtomatikament sabiex ikompli jiġi żgurat skedar effiċjenti ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fil-livell tal-Unjoni.